Language of document : ECLI:EU:C:2021:782

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

30 ta’ Settembru 2021 (*)

Werrej


I. Ilkuntest ġuridiku

A. Iddritt talUnjoni

1. ItTrattat FUE

2. IrRegolamenti talPersunal

3. IrRegolament Nru 2290/77

4. IdDirettiva 2008/118/KE

5. IrRegolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

6. Irregoli interni adottati millQorti talAwdituri

a) IrRegoli ta’ Proċedura

b) IdDeċiżjoni Nru 12003

c) IdDeċiżjoni Nru 72004

d) IdDeċiżjoni Nru 332004

e) IlKodiċi ta’ Kondotta tal2004

f) IdDeċiżjoni Nru 192009

g) IdDeċiżjoni Nru 66-2011

h) IlKodiċi ta’ Kondotta tal2012

i) IrRegoli għallImplimentazzjoni tarRegoli ta’ Proċedura

B. Iddritt Lussemburgiż

II. Il-fatti li wasslu għat-tilwima

III. Linvestigazzjonijiet u lproċeduri mibdija

A. Ilmiżuri preliminari adottati millQorti talAwdituri

B. Linvestigazzjoni talOLAF

C. Ilftuħ ta’ din ilproċedura fi ħdan ilQorti talAwdituri

D. Ilproċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Lussemburgiżi

IV. Ittalbiet talpartijiet

V. Fuq ittalba għassospensjoni ta’ din ilproċedura

A. Largumenti tal-partijiet

B. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

VI. Fuq ittalba li tiġi ordnata lproduzzjoni ta’ ċerti dokumenti

A. Largumenti tal-partijiet

B. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

VII. Fuq ittalba għattneħħija ta’ dokument millproċess

A. Largumenti talpartijiet

B. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

VIII. Fuq irrikors

A. Fuq lammissibbiltà tarrikors

1. Fuq lallegata inkompatibbiltà ta’ din ilproċedura maddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2. Fuq lallegata irregolarità talinvestigazzjoni talOLAF

a) Largumenti talpartijiet

b) Il-kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

3. Fuq lallegata irregolarità talproċedura segwita fi ħdan ilQorti talAwdituri sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ dan irrikors

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

4. Fuq lallegat dewmien li bih ġie ppreżentat ir-rikors talQorti talAwdituri

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

B. Fuq lilmenti

1. Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-eżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività politika u ta’ attività ta’ ġestjoni ta’ soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli

a) Fuq lewwel parti tarraba’ lment, ibbażata fuq leżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività politika

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

b) Fuq ittieni parti tarraba’ lment, ibbażata fuq leżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività ta’ ġestjoni ta’ soċjetà taddritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2. Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lużu abbużiv tarriżorsi talQorti talAwdituri sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet mhux relatati jew inkompatibbli malfunzjonijiet ta’ Membru ta’ dik listituzzjoni

a) Fuq lammissibbiltà talewwel ilment

1) Fuq leżerċizzju millQorti talAwdituri tassetgħa diskrezzjonali tagħha

i) Largumenti talpartijiet

ii) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

2) Fuq ilpreżentazzjoni tarrikors u fuq lammissibbiltà tattabella annessa marreplika

i) Largumenti talpartijiet

ii) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

b) Fuq ilfondatezza talewwel ilment

1) Largumenti talpartijiet

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

i) Fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi

ii) Fuq lispejjeż talmissjoni u lallowances ta’ kuljum

– Fuq issoġġorn fi CransMontana

– Fuq issoġġorn f’Kuba

– Fuq irrelazzjonijiet miżmuma ma’ mexxejja u movimenti politiċi

– Fuq irrelazzjonijiet ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati

– Fuq irrelazzjonijiet ma’ organi rappreżentattivi u ma’ assoċjazzjonijiet

– Fuq leżerċizzju ta’ attività esterna awtorizzata

– Fuq ilparteċipazzjoni f’avvenimenti ta’ kaċċa

– Fuq ilmissjonijiet loħra msemmija millQorti talAwdituri

iii) Fuq lispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità

– Fuq -ispejjeż ta’ rappreżentanza marbuta marrelazzjonijiet ma’ mexxejja politiċi

– Fuq lispejjeż ta’ rappreżentanza marbuta marrelazzjonijiet ma’ persuni oħra

– Fuq lispejjeż relatati marriċevimenti organizzati fiddar ta’ K. Pinxten

iv) Fuq lużu talkarozza uffiċjali u fuq lużu tasservizz ta’ xufier

– Fuq lispejjeż ta’ trasport sostnuti f’kuntest li ma jaqax taħt ilmissjonijiet ta’ K. Pinxten

– Fuq lispejjeż ta’ trasport sostnuti flokkażjoni talmissjonijiet ta’ K. Pinxten

– Fuq lużu talkarozza uffiċjali mingħajr lużu tasservizzi ta’ xufier

3. Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lużu abbużiv u illegali ta’ privileġġi fiskali

a) Fuq lewwel parti tattieni lment, ibbażata fuq iżżamma u lużu ta’ karta talfjuwil minn wild ta’ K. Pinxten meta ma kienx għadu parti taddar tiegħu

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

b) Fuq ittieni parti tattieni lment, ibbażata fuq lużu ta’ karta talfjuwil sabiex jinxtara fjuwil għal karozzi li jappartjenu lil terzi

1) Largumenti talpartijiet

2) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

4. Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq dikjarazzjonijiet foloz ta’ inċident lillassigurazzjoni filkuntest ta’ allegati inċidenti li jinvolvu lvettura uffiċjali u xxufier assenjat lilluffiċċju ta’ K. Pinxten

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

5. Fuq ilħames ilment, ibbażat fuq sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi maħluqa minn K. Pinxten filkuntest ta’ relazzjoni malkap ta’ entità awditjata

a) Largumenti talpartijiet

b) Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

C. Fuq ittneħħija taddritt għallpensjoni jew ta’ benefiċċji oħra minflokha

1. Largumenti talpartijiet

2. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

IX. Fuq ittalba għal kumpens imressqa minn K. Pinxten

A. Largumenti talpartijiet

B. Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

Fuq l ispejjeż


“Artikolu 286(6) TFUE – Ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – Tneħħija tad-dritt għall-pensjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Regolarità tal-investigazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) – Proċedura interna għall-Qorti tal-Awdituri – Attività inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri – Spejjeż tal-missjoni u allowances ta’ kuljum – Spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità – Użu tal-karozza uffiċjali – Użu tas-servizz ta’ xufier – Kunflitt ta’ interessi – Proporzjonalità tas-sanzjoni”

Fil-Kawża C‑130/19,

li għandha bħala suġġett rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE, ippreżentat fil‑15 ta’ Frar 2019,

IlQorti Ewropea talAwdituri, inizjalment irrappreżentata minn C. Lesauvage, J. Vermer u É. von Bardeleben, sussegwentement minn C. Lesauvage, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Karel Pinxten, irrappreżentat minn L. Levi, avocate,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Seduta Plenarja),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, li qiegħda taġixxi bħala President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, M. Vilaras, E. Regan, M. Ilešič, L. Bay Larsen (Relatur) u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: V. Giacobbo, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li Karel Pinxten ma baqax jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu u tordna, konsegwentement, is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE.

I.      Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      ItTrattat FUE

2        L-Artikolu 285 TFUE jipprovdi:

“Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha tagħmel il-verifika ta’ l-Unjoni [Ewropea].

Għandha tkun komposta minn ċittadin wieħed minn kull Stat Membru. Il-membri tagħha għandhom jaqdu dmirijiethom f’ indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali ta’ l-Unjoni.”

3        L-Artikolu 286(1), (3), (4) u (6) TFUE huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-Membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri għandhom ikunu magħżula minn fost persuni li jagħmlu parti jew kienu jagħmlu parti, fl-Istat rispettiv tagħhom, minn korpi esterni ta’ verifika jew li huma kkwalifikati b’mod speċjali għal din il-kariga. Għandhom joffru kull garanzija ta’ indipendenza.

[…]

3.      Fil-qadi ta’ dawn id-doveri, il-membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew xi korp ieħor. Għandhom jastjenu minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-doveri tagħhom.

4.      Il-membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri ma jistgħux, matul iż-żmien tal-kariga tagħhom, jagħmlu xogħol ieħor, sew jekk bi ħlas sew jekk le. Fil-bidu tal-kariga tagħhom għandhom iwegħdu solennement li, kemm matul kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li jiġu minn din il-kariga u b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jaġixxu b’integrità u diskrezzjoni rigward l-aċċettazzjoni ta’ xi ħatriet jew benefiċċji, wara li tintemm il-kariga tagħhom.

[…]

6.      Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu jew jittneħħielu d-dritt tiegħu għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Qorti ta’ l-Awdituri, ssib li m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa, jew li mhux qieħed jaqdi, l-obbligazzjonijiet tal-kariga tiegħu.”

4        L-Artikolu 287(2) TFUE jipprovdi:

“Il-Qorti ta’ l-Awdituri għandha teżamina jekk id-dħul kollu jkunx daħal u l-ispiża kollha tkunx intefqet b’manjiera legali u regolari u jekk it-tmexxija finanzjarja kienitx tajba. Meta tagħmel dan, għandha tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għal każijiet ta’ irregolarità.

[…]”

2.      IrRegolamenti talPersunal

5        It-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, kif emendati bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 26, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprevedi:

“Mingħajr il-permess tal-awtorità tal-ħatra, l-uffiċjal ma jistax jaċċetta minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe entità oħra minbarra l-istituzzjoni tiegħu xi onorifiċenza, dekorazzjoni, favur, rigal jew ħlas ta’ kwalunkwe natura, ħlief għas-servizzi mogħtija qabel il-ħatra tiegħu, matul leave speċjali għas-servizz militari jew nazzjonali ieħor jew għal dak it-tali servizz.”

6        L-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika, fl-ewwel subparagrafu tiegħu:

“‘Tifel dipendenti’ ifisser it-tifel leġittimu, naturali jew adottat ta’ uffiċjal, jew tal-konsorti tiegħu li attwalment mantnut mill-uffiċjal.”

7        L-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Meta uffiċjal jitħarrek għal dawk l-istess atti, deċiżjoni finali tittieħed biss wara li sentenza finali tingħata mill-qorti li qed jisma’ l-kawża.”

3.      IrRegolament Nru 2290/77

8        L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2290/77 tat‑18 ta’ Ottubru 1977 li jistabbilixxi l-emolumenti tal-membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 87), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1293/2004 tat‑30 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 119) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2290/77”), kien jipprovdi:

“Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri li waqt il-qadi ta’ dmirijietu jkun meħtieġ jivvjaġġa ’l hinn mill-post tal-lokalità proviżorja tal-Qorti għandu jkun intitolat għal:

(a)      ir-rimborż ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar;

(b)      ir-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-lukanda (kamra, servizzi u taxxi biss);

(ċ)      allowance ta’ sussistenza ugwali, għal kull ġurnata sħiħa ta’ assenza, għal 105 % tal-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum kif stabbilit [fir-Regolamenti tal-Persunal].”

4.      IdDirettiva 2008/118/KE

9        L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12) huwa fformulat kif ġej:

“1.      Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu eżentati mid-dazju tas-sisa fejn dawn ikunu maħsuba biex jiġu użati:

(a)      fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari;

(b)      minn organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, u mill-membri ta’ tali organizzazzjonijiet, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu tali organizzazzjonijiet jew minn strumenti ta’ ftehim tal-kwartieri ġenerali;

[…]

2.      L-eżenzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni permezz ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa.”

5.      IrRegolament (UE, Euratom) Nru 883/2013

10      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU 2013, L 248, p. 1) huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u tal-Komunita Ewropea tal-Enerġija Atomika […], l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi [OLAF] għandu jeżerċita s-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [Ewropea.]

[…]”

11      L-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2013 jipprevedi:

“1.      Fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, l-[OLAF] għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji […]

Dawk l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament u fid-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rispettiva.

2.      Sakemm id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu mħarsa:

(a)      l-[OLAF] għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess immedjat u minngħajr avviż għal kull informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni f’bażijiet tad-data, miżmuma mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji, u għall-bini tagħhom. […] L-[OLAF] jista’ jieħu kopja ta’ jew jikseb siltiet minn, kull dokument jew il-kontenut ta’ kull mezz ta’ informazzjoni miżmum mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji […]

[…]”

12      L-Artikolu 5(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.      Id-Direttur Ġenerali jista’ jiftaħ investigazzjoni meta jkun hemm biżżejjed suspett, li jista’ jkun ukoll ibbażat fuq informazzjoni mogħtija minn kwalunkwe pajjiż terz jew informazzjoni anonima, li twettqu atti ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. […]

2.      […]

Id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni interna għandha tittieħed mid-Direttur Ġenerali, li jaġixxi fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew wara talba mill-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija li għandha titwettaq fihom l-investigazzjoni jew minn Stat Membru.

3.      Waqt li d-Direttur Ġenerali ikun qed jikkunsidra jekk jiftaħx investigazzjoni interna jew le wara talba kif imsemmi fil-paragrafu 2, u/jew waqt li l-[OLAF] qed iwettaq investigazzjoni interna, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kkonċernati ma għandhomx jiftħu investigazzjoni parallela dwar l-istess fatti, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mal-[OLAF].”

13      L-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Il-persunal tal-[OLAF] għandu jwettaq il-kompiti tiegħu wara li jipproduċi awtorizzazzjoni bil-miktub li turi l-identità u l-kapaċità tiegħu. Id-Direttur Ġenerali għandu joħroġ tali awtorizzazzjoni li tindika s-suġġett u l-iskop tal-investigazzjoni, il-bażijiet legali biex issir l-investigazzjoni u s-setgħat investigattivi li joħorġu minn dawk il-bażijiet.”

14      L-Artikolu 9(4) tal-istess regolament jispeċifika:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4(6) u 7(6), ladarba titlesta l-investigazzjoni u qabel ma jitfasslu konklużjonijiet li jirreferu għal persuna kkonċernata b’isimha, dik il-persuna għandha tingħata l-opportunità tikkummenti fuq il-fatti li jikkonċernawha.

[…]”

15      L-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2013 huwa fformulat kif ġej:

“Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet imfassla wara investigazzjoni interna u kull dokument relatat rilevanti li għandu jintbagħat lill-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija involuta. Dik l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija għandha tieħu tali azzjoni, partikolarment ta’ natura dixxiplinarja jew legali, fuq il-bażi tar-riżultati tal-investigazzjoni interna, u għandha tirraporta dwarha lill-[OLAF] sal-iskadenza stipulata fir-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjaw ir-rapport, u, barra minn hekk, fuq talba tal-[OLAF].”

6.      Irregoli interni adottati millQorti talAwdituri

a)      IrRegoli ta’ Proċedura

16      L-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”) jipprevedi:

“1.      Meta l-Qorti [tal-Awdituri], li taġixxi b’maġġoranza tal-Membri tagħha, tqis li l-informazzjoni li ġiet sottomessa lilha hija tali li tistabbilixxi li xi Membru m’għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa jew l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu (L-Artikolu 286(6) [TFUE]), hija għandha tawtorizza lill-President […] biex jagħmel rapport preliminari.

2.      Ir-rapport preliminari għandu jintbagħat, flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn, lill-Membri kollha, inkluż il-Membru kkonċernat li mbagħad bi tweġiba għandu jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub f’terminu ta’ żmien raġonevoli stabbilit mill-President jew, jekk il-President huwa l-Membru kkonċernat, mill-Membru li jmiss wara l-President skont l-ordni ta’ preċedenza.

3.      Il-Membru kkonċernat għandu wkoll jiġi mistieden jippreżenta verbalment l-ispjegazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti [tal-Awdituri].

4.      Id-deċiżjoni li l-kwistjoni tiġi riferuta lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex il-Membru kkonċernat jitneħħa mill-kariga tiegħu u/jew li jitneħħielu d-dritt għall-pensjoni jew għal benefiċċji oħra minflokha għandha tittieħed b’vot sigriet minn maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-Membri tal-Qorti [tal-Awdituri]. Il-Membru kkonċernat m’għandux jivvota.”

17      L-Artikolu 23 tar-Regoli ta’ Proċedura huwa fformulat kif ġej:

“Għandhom jinżammu minuti għal kull laqgħa tal-Qorti [tal-Awdituri].”

18      L-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4(4) u 7(2), id-deċiżjonijiet l-oħra għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-Membri preżenti għal-laqgħa tal-Qorti [tal-Awdituri]. Madankollu, il-Qorti [tal-Awdituri] tista’, fuq proposta ta’ Membru, tiddikjara, b’maġġoranza tal-Membri preżenti fil-laqgħa, li kwistjoni speċifika mressqa quddiemha tiġi deċiża b’maġġoranza tal-Membri tal-Qorti [tal-Awdituri].”

b)      IdDeċiżjoni Nru 12003

19      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 1‑2003 tas‑16 ta’ Jannar 2003 dwar l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-Membri tal-Qorti [tal-Awdituri], applikabbli fiż-żmien tal-fatti msemmija f’dan ir-rikors (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1‑2003”), kien jispeċifika:

“L-impenji legali (jiġifieri l-ordnijiet ta’ missjoni) dwar l-ispejjeż tal-missjoni għandhom jintalbu kemm jista’ jkun malajr. L-uffiċjal awtorizzanti, għall-ispejjeż tal-missjoni tal-Membri, huwa l-President tal-Qorti [tal-Awdituri]. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni kien ifformulat kif ġej:

“Matul il-missjonijiet tagħhom, il-Membri jistgħu jiċċaqalqu bil-karozza uffiċjali, bl-ajruplan, bil-ferrovija jew bil-vapur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      L-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni kien jipprovdi:

“Ir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni għandu jintalab malajr kemm jista’ jkun wara r-ritorn tal-Membru. L-ispejjeż tal-lukanda (minbarra l-ikel) huma rimborsabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22      L-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni kien ifformulat kif ġej:

“Il-missjonijiet li jdumu inqas minn tnax-il siegħa fl-istess jum għandhom jagħtu lok għall-ħlas ta’ nofs l-allowance ta’ kuljum relatata. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-allowance ta’ kuljum għandha titħallas kollha kemm hi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

c)      IdDeċiżjoni Nru 72004

23      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 7‑2004 tat‑22 ta’ April 2004 dwar l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità tal-Membri tagħha, applikabbli fiż-żmien tal-fatti msemmija f’dan ir-rikors (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 7‑2004”), kien jipprovdi:

“Fil-bidu ta’ kull sena finanzjarja u wara konsultazzjoni mal-Membri, il-krediti għandhom jinqasmu f’żewġ partijiet:

[…]

–        It-tieni parti, imsejħa B, għandha tkun irriżervata għall-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità ta’ natura ġenerali li l-Membri jsostnu fil-kwalità tagħhom ta’ Membru ta’ istituzzjoni. Ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż għandu jsir fi tmiem kull trimestru abbażi ta’ dikjarazzjonijiet relatati magħhom li magħhom ikunu mehmuża l-irċevuti jew ġustifikazzjonijiet oħra bil-miktub meqjusa ekwivalenti u li jindikaw id-data tal-istedina, in-numru tal-mistednin u l-kwalità tal-mistieden prinċipali. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

24      L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi:

“Għar-riċevimenti organizzati fid-dar, il-Qorti [tal-Awdituri] għandha tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti sal-ammonti indikati fid-dokumenti ta’ sostenn prodotti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

25      L-imsemmija deċiżjoni kienet akkumpanjata min-nota indirizzata lill-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, tat‑22 ta’ April 2004, li tinkludi “suġġerimenti dwar l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità” (iktar ’il quddiem in-“nota tat‑22 ta’ April 2004”). Skont din in-nota:

“[…]

L-ispejjeż ta’ rappreżentanza huma essenzjalment intiżi sabiex jiffavorixxu r-relazzjonijiet esterni tal-Qorti [tal-Awdituri].

Il-Membri għandhom jirrappreżentaw lill-Qorti [tal-Awdituri] b’mod partikolari meta, fl-interess tal-Qorti [tal-Awdituri], ikollhom relazzjonijiet professjonali ma’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan l-Unjoni […], l-Istati Membri jew pajjiżi oħra.

[…]

L-ispejjeż relatati ma’ kull avveniment għandhom jiddependu mill-importanza tagħha u mill-kwalità tal-parteċipanti.

Meta l-Membri jirrappreżentaw lill-Qorti [tal-Awdituri] il-konjuġi/is-sieħeb tagħhom jistgħu wkoll jipparteċipaw fl-avveniment. Il-mistednin ukoll jistgħu jiġu akkumpanjati.

Ħbieb jew qraba personali għandhom ikunu s-suġġett ta’ stedina privata.

[…]

Gwida dwar dan is-suġġett hija pprovduta fl-Anness 1.

L-ispejjeż għandhom jiġi ddikjarati b’mod ċar u qasir permezz tal-Anness 2.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

26      L-Anness 1 tal-imsemmija nota kien jispeċifika li “ir-rappreżentanza/ir-riċevimenti barra mill-Qorti [tal-Awdituri] għandhom bħala regola ġenerali jikkonċernaw persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ewlenin fi ħdan l-Unjoni […], l-Istati Membri jew pajjiżi oħra” u li l-ispejjeż ta’ rappreżentanza/riċevimenti fir-residenza privata tal-Membru “ma għandhomx jeċċedu dak li huwa neċessarju għal dan il-għan, inklużi l-arranġamenti ta’ fjuri”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27      Dan l-anness kien jipprovdi wkoll li, “[m]eta l-lista tal-mistednin tinkludi, minbarra l-persuni esterni għall-istituzzjoni, uffiċjali tal-Qorti [tal-Awdituri], għandu jinżamm bilanċ ġust bejn iż-żewġ kategoriji” u li “l-ħbieb personali u l-membri tal-familja (bl-eċċezzjoni tal-konjuġi/imsieħba) għandhom ikunu s-suġġett ta’ stedina privata bi spejjeż tal-Membru”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

d)      IdDeċiżjoni Nru 332004

28      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 33‑2004 tal‑15 ta’ Ġunju 2004 dwar il-ġestjoni u l-użu tal-flotta ta’ vettur bil-mutur tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, applikabbli fiż-żmien tal-fatti msemmija f’dan ir-rikors sad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 19‑2009 tal‑20 ta’ April 2009 dwar il-ġestjoni u l-użu tal-flotta ta’ vetturi bil-mutur tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 33‑2004”), kien jipprovdi:

“Karozzi uffiċjali għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permanenti tal-Membri u tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti [tal-Awdituri], għall-vjaġġi tagħhom fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

29      L-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni kien ifformulat kif ġej:

“Il-Qorti [tal-Awdituri] għandha tħallas, minbarra l-ispiża tal-kiri, l-ispejjeż ikkawżati mill-użu tal-vettura mill-Membri u mis-Segretarju Ġenerali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

Huma kkunsidrati bħala vjaġġi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet:

–        il-vjaġġi koperti minn ordni ta’ missjoni,

–        il-vjaġġi l-oħra marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet evalwati bir-rata fissa ta’ 15 000 km/sena.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

30      L-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni kien ifformulat kif ġej:

“Meta l-Membri jew is-Segretarju Ġenerali jużaw il-karozza uffiċjali għal vjaġġi differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4, l-ispejjeż korrispondenti (tariffi tat-triq, spejjeż ta’ fjuwil u eventwali spejjeż addizzjonali ta’ kiri marbuta ma’ qbiż globali ta’ 45 000 km/sena previst fil-kuntratt qafas) għandhom jitħallsu minnhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

31      L-Artikolu 6 tal-istess deċiżjoni kien jipprevedi:

“Ix-xufiera għandhom jibbenefikaw mir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni […] meta jsuqu lill-Membri jew lis-Segretarju Ġenerali fil-vjaġġi tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32      Id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 kienet akkumpanjata minn dokument intitolat “Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 dwar il-ġestjoni u l-użu tal-flotta ta’ vetturi bil-mutur tal-Qorti tal-Awdituri” (iktar ’il quddiem il-“Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004”).

33      Skont il-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 fir-rigward tal-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni:

“Għandhom jitqiesu bħala ‘vjaġġi oħra marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet’

–        il-vjaġġi bejn id-dar (fil-post ta’ assenjazzjoni) u l-post tax-xogħol,

–        il-vjaġġi bejn il-post ta’ assenjazzjoni jew ir-residenza u l-ajruport,

–        l-obbligi protokollari li jseħħu f’distanza qasira u li ma jkunux koperti minn ordni ta’ missjoni,

–        il-każijiet ta’ forza maġġuri (mard, kontrolli mediċi, impossibbiltà tas-sewqan, eċċ.). ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

e)      IlKodiċi ta’ Kondotta tal2004

34      L-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Kondotta Applikabbli għall-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, adottat minn dik l-istituzzjoni fis-16 ta’ Diċembru 2004 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2004”), kien jipprovdi:

“1.      Il-Membri tal-Qorti [tal-Awdituri] għandhom jiddedikaw lilhom infushom kompletament għat-twettiq tal-mandat tagħhom. Huma ma jistgħu jeżerċitaw ebda funzjoni politika. Huma għandhom jastjenu minn kull attività professjonali esterna, u minn kull attività esterna oħra li tkun inkompatibbli mad-dmir tagħhom ta’ disponibbiltà fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

[…]

3.      Il-Membri għandhom jiddikjaraw l-attivitajiet esterni tagħhom […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

f)      IdDeċiżjoni Nru 192009

35      Il-formulazzjoni tal-Artikoli 1 u 4 sa 6 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009 irriproduċiet dik tal-artikoli korrispondenti tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004.

36      L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009 kien jipprovdi:

“Din id-deċiżjoni tannulla u tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 33‑2004. Hija għandha tidħol fis-seħħ fl-istess data bħall-kuntratt qafas interistituzzjonali ġdid li jirregola l-karozzi tal-kiri.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

37      Id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 kienet akkumpanjata minn dokument intitolat “Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 dwar il-ġestjoni u l-użu tal-flotta ta’ vetturi bil-mutur tal-Qorti tal-Awdituri” (iktar ’il quddiem il-“Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009”).

38      Il-formulazzjoni tal-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 dwar l-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni kienet tirriproduċi dik tal-Kumment dwar l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 li jinsab fil-Kummenti dwar din l-aħħar deċiżjoni.

g)      IdDeċiżjoni Nru 66-2011

39      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 66‑2011 tas‑26 ta’ Ottubru 2011 li tistabbilixxi Linji gwida dwar l-Etika għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jipprovdi:

“Il-Linji gwida dwar l-Etika annessi huma applikabbli għall-Qorti tal-Awdituri […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

40      Il-Linji gwida dwar l-Etika annessi mal-imsemmija deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida dwar l-Etika”), jipprevedu:

“[…]

2.2.      Għandna nġestu r-riżorsi tal-Qorti [tal-Awdituri] b’manjiera finanzjarja legali, regolari u soda. Il-Qorti [tal-Awdituri] għandha taġixxi bħala l-mudell eżemplari fil-ġestjoni finanzjarja: ir-riżorsi tagħha għandhom ikunu ġestiti b’konformità sħiħa mar-Regolament Finanzjarju u ma kull regola applikabbli oħra; l-objettivi tagħha għandhom jintlaħqu b’manjiera ekonomika, effiċjenti u effettiva.

[…]

3.3.      Għandna nevitaw kull kunflitt ta’ interess, kemm jekk attwali jew apparenti. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, b’konnessjoni ma’ sħubija f’organizzazzjonijiet politiċi, pożizzjonijiet politiċi, sħubija f’bordijiet u interess finanzjarju fl-entitajiet ivverifikati. Għandna noqgħodu partikolarment attenti fuq kwistjonijiet bħal dawn u kif dawn jistgħu jiġu pperċepiti minn partijiet terzi.

3.4.      M’għandna jkollna ebda konnessjoni li tista’ tiddebolixxi l-indipendenza tagħna mal-entità vverifikata. Kwistjonijiet li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza jinkludu familja u/jew relazzjonijiet personali ma’ persunal fl-entità vverifikata li jistgħu jinfluwenzaw ir-riżultati tax-xogħol tagħna. Qabel ma jitwettaq il-kompitu tal-verifika, għandna nivvalutaw l-impatt potenzjali ta’ relazzjonijiet bħal dawn u ninfurmaw is-superjur tagħna; għaldaqstant, il-Qorti [tal-Awdituri] stabbiliet il-proċedura annwali ta’ konferma.

[…]

3.7.      Għandna nwettqu attivitajiet esterni biss fi ħdan il-qafas stabbilit permezz tar-Regolamenti tal-Persunal u dejjem inżommu f’moħħna id-dmir ta’ lealtà tagħna lejn il-Qorti [tal-Awdituri]. Għandna noqgħodu lura milli nwettqu xi attività li tista’ tagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-Qorti [tal-Awdituri], titfa’ dubju fuq l-imparzjalità tagħna jew tfixkel lix-xogħol tagħna.

[…]”

h)      IlKodiċi ta’ Kondotta tal2012

41      L-Artikolu 2(1), (2) u (4) tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, adottat minn dik l-istituzzjoni fit-8 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012”), kien ifformulat kif ġej:

“1.      Il-Membri għandhom jevitaw kull sitwazzjoni li tista’ twassal għal konflitt ta’ interess. Huma m’għandhomx ikollhom x’jaqsmu ma’ kwistjonijiet li fihom għandhom xi interess personali, b’mod partikolari interess familjari jew finanzjarju, li jista’ jiddebolixxi l-imparzjalità tagħhom. […]

2.      Il-Membri tal-Qorti [tal-Awdituri] għandhom jiddikjaraw kwalunkwe interessi u attiv finanzjarji li jistgħu joħolqu konflitt ta’ interess fit-twettiq ta’ dmirijiethom, kemm jekk fil-forma ta’ ishma individwali f’kapital ta’ kumpanija, b’mod partikolari ishma, jew inkella forom oħra ta’ ishma bħal ma huma bonds konvertibbli jew ċertifikati ta’ investiment. […] Kull proprjetà posseduta jew direttament jew permezz ta’ kumpanija ta’ proprjetà immobbli għandha tiġi ddikjarata, bl-eċċezzjoni ta’ djar riżervati għall-użu esklussiv tas-sid jew il-familja tiegħu.

[…]

4.      Meta jassumu l-kariga tagħhom il-Membri għandhom jippreżentaw lill-President tal-Qorti [tal-Awdituri] d-dikjarazzjoni li hemm dispożizzjoni dwarha fil-paragrafi t’hawn fuq wara li tiġi kkunsidrata l-formola li hemm fl-Anness. […] Id-dikjarazzjoni għandha tiġi reveduta fil-każ ta’ tibdil sinjifikanti, u dikjarazzjoni ġdida għandha tiġi ppreżentata. […]”

42      L-Artikolu 4 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012 kien jipprovdi:

“1.      Il-Membri tal-Qorti [tal-Awdituri] għandhom jiddedikaw irwieħhom għall-eżekuzzjoni tal-mandat tagħhom. Huma ma jistgħu jwettqu ebda kariga politika.

2.      Il-Membri m’għandhomx jaħdmu f’xi attività professjonali esterna jew kwalunkwe attività esterna oħra li m’hix kompatibbli mat-twettiq ta’ dmirijiethom.

[…]

6.      Il-Membri għandhom jinkludu l-attivitajiet esterni tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 4, fid-dikjarazzjoni ta’ interessi msemmija fl-Artikolu 2.”

i)      IrRegoli għallImplimentazzjoni tarRegoli ta’ Proċedura

43      Matul iż-żewġ mandati ta’ K. Pinxten bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri, ir-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura ġew iddefiniti suċċessivament permezz tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 92‑2004 tat‑8 ta’ Diċembru 2004, permezz tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 26‑2010 tal‑11 ta’ Marzu 2010 u permezz tad-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 38‑2016 tat‑2 ta’ Ġunju 2016 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura”). Kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ġiet emendata qabel ma tħassret.

44      Id-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-proċedura ma ġewx emendati b’mod sostanzjali matul dan il-perijodu.

45      L-Artikolu 5 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien ifformulat kif ġej:

“1.      Il-Membri għandhom jastjenu minn kull attività professjonali barra mill-Qorti [tal-Awdituri], u minn kull attività esterna oħra li ma tkunx kompatibbli mal-prinċipji ta’ indipendenza u prontezza fir-rigward tal-qadi tad-doveri tagħhom hekk kif speċifikat fl-Artikolu 286(3) u (4) TFUE.

2.      Għal dak il-għan, kull attività esterna eżistenti jew proposta għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-kriterji ġenerali li ġejjin:

a)       l-attività ma timminax l-imparzjalità tal-Qorti [tal-Awdituri];

b)       ma jkun hemm l-ebda kunflitt ta’ interess;

c)       l-attività ma tiħux ammont ta’ żmien eċċessiv;

d)       ma ġġib l-ebda gwadann ta’ flus.”

46      L-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jipprevedi:

“1.      Fi żmien massimu ta’ 30 jum tax-xogħol minn meta jieħdu l-kariga, il-Membri għandhom jiddikjaraw l-attivitajiet esterni tagħhom lill-President tal-Qorti [tal-Awdituri], filwaqt li jiddeskrivuhom bl-aktar mod preċiż possibbli f’termini ta’ kull wieħed mill-erba’ kriterji elenkati taħt l-Artikolu 5(2) hawn fuq.

2.      Kull attività esterna ġdida li mhijiex waħda minn dawk indikati fil-paragrafu 1 hawn fuq, […] trid tiġi ddikjarata minħajr dewmien lill-President tal-Qorti [tal-Awdituri] […]”

47      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jipprovdi:

“Laqgħat li jsiru skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura huma laqgħat in camera skont it-tifsira tal-Artikolu 49 ta’ dawn ir-regoli ta’ implimentazzjoni.”

48      L-Artikolu 39(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jispeċifika:

“Is-Segretarju Ġenerali, bħala l-persuna responsabbli mis-Segretarjat tal-Qorti [tal-Awdituri], għandu, fost l-oħrajn, ifassal l-abbozz ta’ minuti tal-laqgħat tal-Qorti [tal-Awdituri] […] Huwa għandu jassisti lill-President fit-tħejjija tal-laqgħat tal-Qorti [tal-Awdituri] u tal-Kumitat Amministrattiv, filwaqt li jiżgura li l-proċeduri jkunu ġew segwiti b’mod korrett u li d-deċiżjonijiet tal-Qorti [tal-Awdituri] jiġu implimentati b’mod xieraq.”

49      L-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jipprovdi:

“Sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor f’laqgħa preċedenti tal-Qorti [tal-Awdituri] jew tal-Awla, laqgħat in camera għandhom isiru mingħajr interpreti jew persunal tal-Qorti [tal-Awdituri].”

50      L-Artikolu 50(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien ifformulat kif ġej:

“L-abbozz ta’ minuti tal-laqgħat tal-Qorti [tal-Awdituri] għandu jitfassal mis-Segretarju Ġenerali jew minn kull persuna oħra nominata għal dan l-iskop. Dawn għandhom jiġu trażmessi lill-Membri mill-aktar fis possibbli u għandhom jiġu approvati mill-Qorti [tal-Awdituri] f’laqgħa sussegwenti.”

B.      Iddritt Lussemburgiż

51      Ir-règlement ministériel du 18 mars 2010, portant publication de la loi belge du 22 décembre 2009 relative au régime général d’accise transposant la directive 2008/118 et abrogeant la directive 92/12/CEE en la matière (ir-Regolament Ministerjali tat‑18 ta’ Marzu 2010 li Jippubblika l-Liġi Belġjana tat‑22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-Sistema Ġenerali tad-Dazju tas-Sisa li Tittrasponi d-Direttiva 2008/118 u li Tħassar id-Direttiva 92/12/KEE f’dan il-Qasam) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ministerjali tat‑18 ta’ Marzu 2010”) jipprovdi, fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Il-Liġi Belġjana tat‑22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-Sistema Ġenerali tad-Dazju tas-Sisa hija ppubblikata fil-Mémorial sabiex tiġi eżegwita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu.”

52      L-Artikolu 13 tal-Liġi Belġjana tat‑22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-Sistema Ġenerali tad-Dazju tas-Sisa, applikabbli fil-Lussemburgu bis-saħħa tal-Artikolu 1 tar-Regolament Ministerjali tat‑18 ta’ Marzu 2010, huwa fformulat kif ġej:

“Fil-kuntest tal-proċedura inerenti għall-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa li tingħatalhom, id-diplomati, l-uffiċjali konsulari, il-forzi armati u l-organi msemmija [fil-punti 7 sa 12 tal-]Artikolu 20 tal-loi générale du 18 juillet 1977 sur les douanes et accises [(il-Liġi Ġenerali tat‑18 ta’ Lulju 1977 dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa)] huma awtorizzati jirċievu minn Stati Membri oħra prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa b’sospensjoni tad-dazji tas-sisa […]”

53      Il-punt 7 tal-Artikolu 20 tal-Liġi Ġenerali Belġjana tat‑18 ta’ Lulju 1977 dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa, jipprevedi:

“Eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għandha tingħata, skont il-kundizzjonijiet u fil-limiti eventwali, li għandhom ikunu ta’ kwantitajiet raġonevoli u li għandhom jiġu ddeterminati mir-Re, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’konvenzjoni internazzjonali jew fi ftehim dwar is-sede:

[…]

7°       għall-kwantitajiet raġonevoli ta’ merkanzija li jkunu intiżi għall-użu personali – inkluż l-użu mill-membri tal-familja tagħhom li jifformaw parti mill-unità domestika tagħhom – mill-membri tal-korpi diplomatiċi u mill-uffiċjali konsulari professjonali, mill-membri tal-persunal amministrattiv u tekniku tal-missjonijiet diplomatiċi u mill-impjegati konsulari, skont il-pajjiż, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux ċittadini jew residenti permanenti tal-Belġju u sakemm ma jeżerċitaw ebda attività professjonali jew kummerċjali għall-benefiċċju personali tagħhom f’dan il-pajjiż”.

54      L-Artikolu 1(c) u (f) tar-règlement grand-ducal du 7 février 2013, concernant les franchises et exonérations de la taxe sur la valeur ajoutée accordées aux missions diplomatiques et aux postes consulaires, ainsi qu’aux agents diplomatiques, aux fonctionnaires consulaires et aux agents de chancellerie (ir-Regolament Gran Dukali tas‑7 ta’ Frar 2013, dwar l-Eżenzjonijiet u l-Eżonerazzjonijiet mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud Mogħtija lill-Missjonijiet Diplomatiċi u lill-Pożizzjonijiet Konsulari, kif ukoll lill-Membri tal-Korpi Diplomatiċi, lill-Uffiċjali Konsulari u lill-Aġenti tal-Kanċellerija) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Gran Dukali tas‑7 ta’ Frar 2013”), huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament:

[…]

(c)      ‘membri tal-korpi diplomatiċi’ tfisser il-kapijiet tal-missjonijiet diplomatiċi, il-ministri konsulenti, il-konsulenti, is-segretarji u l-attachés tal-missjonijiet diplomatiċi, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux ċittadini jew residenti permanenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u sakemm ma jeżerċitaw ebda attività privata remunerata f’dan il-pajjiż;

[…]

(f)      ‘l-użu personali mill-membri tal-korpi diplomatiċi, mill-uffiċjali konsulari u mill-aġenti tal-Kanċellerija’ tfisser l-użu dirett, effettiv u esklużiv ġewwa l-pajjiż, għall-użu proprju u privat minn dawn il-membri, uffiċjali u aġenti kif ukoll għall-użu mill-membri tal-familja tagħhom li jagħmlu parti mill-unità domestika tagħhom, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux ċittadini jew residenti permanenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u sakemm ma jeżerċitaw ebda attività privata remunerata f’dan il-pajjiż”.

55      L‑Artikolu 4(1) ta’ dan ir‑regolament gran dukali jispeċifika:

“Huma eżentati mit-taxxa fuq il-valur miżjud il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi ta’ ammont mingħajr taxxa ta’ mill-inqas EUR 240 kull waħda, inklużi dawk li l-post tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor, imwettqa favur membri tal-korpi diplomatiċi, uffiċjali konsulari u aġenti tal-Kanċellerija li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa l-pajjiż ospitanti tagħhom […]”

II.    Il-fatti li wasslu għat-tilwima

56      K. Pinxten kien Membru tal-Qorti tal-Awdituri mill‑1 ta’ Marzu 2006 sat‑30 ta’ April 2018, meta ntemm it-tieni mandat tiegħu.

57      Matul il-mandati tiegħu, huwa kien assenjat lill-Awla III ta’ dik l-istituzzjoni, li hija responsabbli għall-awditjar tan-nefqa tal-Unjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, tat-tkabbir u tal-għajnuna umanitarja. B’effett mill-4 ta’ April 2011 u sat-tmiem tal-aħħar mandat tiegħu, K. Pinxten eżerċita l-funzjoni ta’ dekan ta’ din l-Awla III.

58      Wara opinjoni favorevoli tal-kumitat responsabbli għall-evalwazzjoni tal-attivitajiet esterni tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, K. Pinxten ġie awtorizzat, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2015, jeżerċita l-Presidenza tal-iStichting Behoud Natuur en Leefmilieu Vlaanderen (il-Fondazzjoni tar-Reġjun ta’ Vlaanderen għall-Konservazzjoni tan-Natura u tal-Ambjent, il-Belġju) (iktar ’il quddiem is-“SBNL‑V”).

59      Matul il-mandati tiegħu, K. Pinxten kellu karozza uffiċjali u karta tal-fjuwil li kienet tippermetti li l-fjuwil intiż għal din il-karozza jitħallas mill-Qorti tal-Awdituri. Fuq talba tiegħu, huwa kien jibbenefika wkoll minn żewġ karti tal-fjuwil addizzjonali.

60      Bejn is-sena 2006 u x-xahar ta’ Marzu 2014, il-Qorti tal-Awdituri qiegħdet xufier għad-dispożizzjoni ta’ K. Pinxten. Minn April 2014, K. Pinxten seta’ jitlob it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ xufier assenjat lill-“grupp tax-xufiera” taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur tal-Finanzi tal-Qorti tal-Awdituri.

61      Barra minn hekk, matul il-mandati tiegħu, K. Pinxten ibbenefika mir-rimbors ta’ spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità, ta’ spejjeż varji sostnuti matul missjonijiet awtorizzati, fuq talba tiegħu, mill-President tal-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll mill-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum b’rabta ma’ dawn il-missjonijiet.

III. Linvestigazzjonijiet u lproċeduri mibdija

A.      Ilmiżuri preliminari adottati millQorti talAwdituri

62      Il-Qorti tal-Awdituri tindika li, matul is-sena 2016, kienet waslitilha informazzjoni dwar diversi irregolaritajiet gravi imputati lil K. Pinxten. Fit‑18 ta’ Lulju 2016, is-Segretarju Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni informa oralment lil K. Pinxten bid-denunzja li kienet saret fil-konfront tiegħu.

63      Id-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri wettqu, matul is-sajf tal‑2016, analiżi tal-missjonijiet ta’ K. Pinxten u ta’ dawk tax-xufiera ta’ dik l-istituzzjoni li għalihom huwa kien stabbilixxa ordnijiet ta’ missjoni, bil-għan li jiġu identifikati eventwali irregolaritajiet. Sussegwentement, ġew skambjati diversi ittri bejn dawn id-dipartimenti u K. Pinxten, fir-rigward tal-allegata irregolarità ta’ ċerti missjonijiet tiegħu jew ta’ dawn ix-xufiera. Dawn l-iskambji ma wasslux għar-rimbors, minn K. Pinxten, tas-somom mitluba mill-Qorti tal-Awdituri.

64      Fis‑26 ta’ Lulju 2016, il-Qorti tal-Awdituri ġiet informata li K. Pinxten kien wettaq frodi tal-assigurazzjoni matul is-sena 2011, wara inċident bejn il-karozza uffiċjali tiegħu u l-karozza personali tiegħu. Fl‑1 ta’ Settembru 2016, is-Segretarju Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni indika oralment dawn l-allegazzjonijiet lil K. Pinxten. Permezz ta’ nota tal-istess jum, K. Pinxten sostna li l-inċident inkwistjoni kien irriżulta minn ħabta bejn il-karozza uffiċjali tiegħu, misjuqa mix-xufier assenjat lill-uffiċċju tiegħu, u l-karozza privata tiegħu, misjuqa minn ibnu.

B.      Linvestigazzjoni talOLAF

65      Fl‑14 ta’ Ottubru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri, li kien qiegħed jaġixxi fuq istruzzjonijiet mill-President ta’ dik l-istituzzjoni, bagħat fajl lill-OLAF dwar l-attivitajiet ta’ K. Pinxten li kienu wasslu għal nefqa possibbilment indebita għall-baġit tal-Unjoni.

66      Fil‑31 ta’ Marzu 2017, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF innotifika formalment lill-President tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni dwar eventwali irregolaritajiet, li kienu jinvolvu lil K. Pinxten u li kienu jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fl-użu tal-assi tal-Qorti tal-Awdituri u fil-missjonijiet imwettqa jew awtorizzati bi ksur tar-regoli applikabbli.

67      Fit‑22 ta’ Settembru 2017, K. Pinxten ġie informat mill-OLAF dwar il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni u dwar l-istatus tiegħu ta’ “persuna kkonċernata” għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni.

68      Fl‑20 ta’ Novembru 2017, l-OLAF wettaq spezzjoni fl-uffiċċju ta’ K. Pinxten u ġabar, f’din l-okkażjoni, diversi dokumenti. Wara l-ewwel analiżi tagħhom, l-OLAF, fil‑15 ta’ Diċembru 2017, informa lil K. Pinxten li s-suġġett tal-investigazzjoni kien ġie estiż għal possibbiltajiet ta’ kunflitti ta’ interessi u għal ksur ieħor tal-Artikoli 285 u 286 TFUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012.

69      K. Pinxten instema’ oralment mill-investigaturi tal-OLAF fit‑22 ta’ Diċembru 2017. Wara li l-OLAF ikkomunikalu sunt tal-fatti stabbiliti fi tmiem l-investigazzjoni, K. Pinxten bagħat lill-OLAF, fil‑15 ta’ Mejju 2018, osservazzjonijiet bil-miktub.

70      Fit‑2 ta’ Lulju 2018, il-Qorti tal-Awdituri rċeviet ir-rapport finali tal-OLAF bil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-OLAF”). Fir-rigward ta’ K. Pinxten, dan ir-rapport jikkonkludi li kien hemm abbuż tar-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ attivitajiet li ma kinux marbuta mal-funzjonijiet tiegħu, abbuż ta’ karti tal-fjuwil, abbuż mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fuq il-karozza uffiċjali tiegħu, assenzi inġustifikati, nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ attivitajiet esterni, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi.

71      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fl-imsemmi rapport, l-OLAF irrakkomanda lill-Qorti tal-Awdituri li tiftaħ proċeduri dixxiplinari kontra K. Pinxten, li tadotta l-miżuri xierqa sabiex tiżgura l-irkupru ta’ EUR 472 869.09, li jikkorrispondu għall-ispejjeż imħallsa indebitament mill-Qorti tal-Awdituri, u li tikkunsidra l-irkupru ta’ EUR 97 954.52, li jikkorrispondu għas-salarju mħallas għall-perijodi ta’ assenzi inġustifikati ta’ K. Pinxten.

72      Barra minn hekk, peress li qies li wħud mill-fatti żvelati permezz tal-investigazzjoni setgħu jikkostitwixxu reati kriminali, l-OLAF bagħat informazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji Lussemburgiżi.

C.      Ilftuħ ta’ din ilproċedura fi ħdan ilQorti talAwdituri

73      Fit‑3 ta’ Lulju 2018, il-President tal-Qorti tal-Awdituri bagħat lill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni kopja tar-rapport tal-OLAF u tar-rakkomandazzjonijiet magħmula minn dan l-organu.

74      Fil‑5 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-Qorti tal-Awdituri bagħat rapport preliminari lill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni. Dan ir-rapport kien jirrakkomanda lill-imsemmija istituzzjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja “teżamina l-fatti kif stabbiliti u tiddetermina jekk K. Pinxten kienx naqas milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu”. L-imsemmi rapport u r-rapport tal-OLAF ġew ikkomunikati lil K. Pinxten fl-istess jum. L-annessi tar-rapport tal-OLAF intbagħtulu, barra minn hekk, fis‑17 ta’ Ottubru 2018.

75      Fid‑19 ta’ Novembru 2018, K. Pinxten bagħat osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Awdituri. Fis‑26 ta’ Novembru 2018, huwa nstema’ mill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni f’sessjoni in camera.

76      Fid‑29 ta’ Novembru 2018, matul sessjoni in camera, il-Qorti tal-Awdituri ddeċidiet li tgħaddi l-każ ta’ K. Pinxten quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’applikazzjoni tal-Artikolu 286(6) TFUE.

D.      Ilproċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Lussemburgiżi

77      Fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF, il-procureur d’État près le tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Prosekutur Pubbliku fi ħdan il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu), b’ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2018, talab li l-Qorti tal-Awdituri tneħħi l-immunità minn proċeduri legali ta’ K. Pinxten. Dik l-istituzzjoni laqgħet din it-talba fil‑15 ta’ Novembru 2018.

IV.    Ittalbiet talpartijiet

78      Il-Qorti tal-Awdituri titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad it-talba ta’ K. Pinxten li l-Qorti tal-Ġustizzja tissospendi l-proċedura;

–        tikkonstata li K. Pinxten ma kienx baqa’ jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu skont l-Artikoli 285 u 286 TFUE, kif ukoll skont ir-regoli adottati b’applikazzjoni ta’ dawn l-artikoli;

–        timponi, għaldaqstant, is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE, li d-determinazzjoni tal-portata tagħha l-Qorti tal-Awdituri tħalli għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tiddikjara inammissibbli t-talbiet għad-danni mressqa minn K. Pinxten; u

–        tikkundanna lil K. Pinxten għall-ispejjeż.

79      K. Pinxten jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tistieden lill-Qorti tal-Awdituri tipproduċi r-rapport dwar l-awditu intern, għall-perijodu mill‑2012 sal‑2018, tal-ispejjeż tal-missjoni tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri u tal-użu tal-karozzi uffiċjali minn dawn il-Membri kollha, u tispeċifika l-miżuri meħuda b’reazzjoni għal dan ir-rapport, kif ukoll tipproduċi kull nota dwar il-pressjoni eżerċitata fil-konfront tal-awditur intern;

–        tiċħad it-talba tal-Qorti tal-Awdituri;

–        tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri tħallsu s-somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-danni morali mġarrba minnu; u

–        tikkundanna lill-Qorti tal-Awdituri għall-ispejjeż.

V.      Fuq ittalba għassospensjoni ta’ din ilproċedura

A.      Largumenti tal-partijiet

80      K. Pinxten jenfasizza li proċeduri kriminali huma pendenti fil-Lussemburgu. F’dan il-kuntest, il-massima “il-proċeduri kriminali jżommu sospiżi l-proċeduri dixxiplinari” jew, tal-inqas, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeżiġu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddeċidix qabel l-awtoritajiet kriminali Lussemburgiżi.

81      K. Pinxten isostni li sospensjoni tat-trattament ta’ din il-proċedura tippermetti għalhekk kemm li ma tiġix affettwata l-pożizzjoni tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali mibdija fil-Lussemburgu kif ukoll li jiġi żgurat teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti stabbiliti mill-awtoritajiet kriminali Lussemburgiżi, li għandhom setgħat investigattivi iktar estiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja.

82      Il-Qorti tal-Awdituri toġġezzjona għal din it-talba.

B.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

83      Għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprevedi li proċedura mibdija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 286(6) TFUE għandha tiġi sospiża meta jkunu nbdew proċeduri kriminali li jirrigwardaw, totalment jew parzjalment, l-istess fatti.

84      Huwa minnu li l-Artikolu 25 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li, meta uffiċjal ikun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali għall-istess fatti, ma għandhiex tittieħed deċiżjoni finali dwar is-sitwazzjoni dixxiplinari tiegħu qabel ma ssir definittiva d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti adita.

85      Madankollu, il-proċeduri relatati mal-ksur, minn Membru tal-Qorti tal-Awdituri, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu jaqgħu taħt rimedju ġuridiku awtonomu, previst fl-Artikolu 286(6) TFUE, u dawn il-proċeduri għalhekk ma humiex irregolati mir-regoli dwar il-proċedura dixxiplinari stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 118).

86      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE għandha funzjoni speċifika, sa fejn hija intiża li tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet Ewropej, li hija distinta minn dik ta’ proċedura kriminali nazzjonali.

87      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta mill-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti magħmula fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u hija għandha, bl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali kollha tagħha, tistħarreġ jekk il-fatti invokati fil-konfront tal-Membru tal-Qorti tal-Awdituri kkonċernat jikkostitwixxux nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 121).

88      Għalhekk, eventwali sospensjoni ta’ din il-proċedura fl-istennija tal-eżitu tal-proċeduri kriminali mibdija fil-Lussemburgu ma hijiex neċessarja peress li, fi kwalunkwe każ, l-eżitu ta’ dawn il-proċeduri ma huwiex ta’ natura li jillimita l-portata tal-evalwazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata twettaq sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan ir-rikors.

89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba mressqa minn K. Pinxten għas-sospensjoni ta’ din il-proċedura għandha tiġi miċħuda.

VI.    Fuq ittalba li tiġi ordnata lproduzzjoni ta’ ċerti dokumenti

A.      Largumenti tal-partijiet

90      K. Pinxten isostni li l-Qorti tal-Awdituri wettqet awditu intern komprensiv, għall-perijodu bejn is-sena 2012 u s-sena 2018, tal-ispejjeż tal-missjoni tal-Membri ta’ dik l-istituzzjoni u tal-użu tal-karozzi uffiċjali minn dawn il-membri.

91      Fil-kontroreplika tiegħu, huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna, bħala miżura istruttorja, lill-Qorti tal-Awdituri tipproduċi r-rapport redatt fi tmiem dan l-awditu intern u tiddeskrivi l-miżuri meħuda b’reazzjoni għal dan ir-rapport. Tali miżura istruttorja għandha tippermetti, skont K. Pinxten, li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha informazzjoni dwar l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tiegħu mid-dipartiment tal-awditu intern tal-Qorti tal-Awdituri, dwar l-eżistenza ta’ irregolaritajiet imwettqa minn Membri oħra ta’ dik l-istituzzjoni kif ukoll dwar it-trattament irriżervat, mill-imsemmija istituzzjoni, għal dawn l-irregolaritajiet.

92      Barra minn hekk, K. Pinxten isostni li l-indipendenza tal-awditur intern ġiet mhedda mis-Segretarju Ġenerali tal-imsemmija istituzzjoni u li jkun utli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tingħata kwalunkwe nota relatata ma’ din is-sitwazzjoni, sabiex tkun tista’ tiddetermina kif għandhom jiġu evalwati l-ilmenti magħmula kontra K. Pinxten.

B.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

93      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa r-rilevanza ta’ talba intiża għall-produzzjoni ta’ dokumenti fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima u l-ħtieġa tad-dokumenti mitluba sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-imsemmija tilwima (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, mhux ippubblikat, EU:C:2020:147, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tagħti deċiżjoni dwar dan ir-rikors, għandha tiddetermina l-portata tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri u għandha tevalwa, abbażi tal-provi prodotti mill-partijiet, jekk għandux jitqies li ġie stabbilit ksur ta’ dawn l-obbligi min-naħa ta’ K. Pinxten.

95      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li r-rapport ta’ awditu intern imsemmi minn K. Pinxten effettivament jinkludi evalwazzjoni tar-regolarità tal-aġir tiegħu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-pożizzjoni adottata, f’dan ir-rigward, minn korp intern tal-Qorti tal-Awdituri ma hijiex ta’ natura li tikkostitwixxi element determinanti sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors ta’ dik l-istituzzjoni.

96      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li din il-proċedura tirrigwarda, b’mod esklużiv, l-irregolaritajiet invokati fil-konfront ta’ K. Pinxten mill-Qorti tal-Awdituri.

97      Issa, il-fatt li irregolaritajiet paragunabbli jew iktar serji twettqu minn Membri oħra ta’ dik l-istituzzjoni, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jimplikax li l-aġir ta’ K. Pinxten kien regolari jew li dan l-aġir jista’ jitqies li jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE.

98      Fit-tielet lok, fid-dawl tal-funzjonijiet li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kif jirriżultaw mill-punt 94 ta’ din is-sentenza, l-eventwali eżistenza ta’ kunflitt fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tat-twettiq ta’ awditu intern wara l-iskadenza tat-tieni mandat ta’ K. Pinxten bħala Membru ta’ dik l-istituzzjoni hija irrilevanti għat-trattament tar-rikors tal-imsemmija istituzzjoni.

99      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi mressqa minn K. Pinxten insostenn tat-talba tiegħu għall-produzzjoni ta’ dokumenti ma jistabbilixxux l-interess li jista’ jkollhom dawn id-dokumenti għal din il-proċedura u li din it-talba għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

VII. Fuq ittalba għattneħħija ta’ dokument millproċess

A.      Largumenti talpartijiet

100    Il-Qorti tal-Awdituri titlob l-irtirar mill-proċess ta’ kopja ta’ ittra elettronika mibgħuta fit‑13 ta’ Frar 2019 mill-President ta’ dik l-istituzzjoni lill-Membri l-oħra tagħha u lis-Segretarju Ġenerali tagħha, prodotta minn K. Pinxten fl-Anness B.10 tar-risposta tiegħu (iktar ’il quddiem l-“ittra elettronika tat‑13 ta’ Frar 2019”).

101    Hija ssostni li din hija ittra elettronika strettament kunfidenzjali, indirizzata biss lill-Membri tal-Qorti tal-Awdituri f’data wara l-iskadenza tat-tieni mandat ta’ K. Pinxten bħala Membru ta’ dik l-istituzzjoni. Minn dan hija tiddeduċi li dan id-dokument kien neċessarjament inkiseb b’mod irregolari, bi preġudizzju, b’mod partikolari, għad-dritt għar-rispett tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet li minnu tibbenefika l-Qorti tal-Awdituri.

102    K. Pinxten isostni li din it-talba għall-irtirar mill-proċess tal-ittra elettronika tat‑13 ta’ Frar 2019 għandha tiġi miċħuda.

103    F’dan ir-rigward, huwa jsostni, l-ewwel nett, li huwa ma kisibx din l-ittra elettronika b’mod irregolari. Huwa jqis, sussegwentement, li l-imsemmija ittra elettronika ma kinitx verament kunfidenzjali peress li r-regoli dwar il-komportament adottati mill-Qorti tal-Awdituri jeskludu t-trażmissjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali permezz ta’ posta elettronika u peress li tali ittra elettronika hija rċevuta mill-membri kollha tal-uffiċċji tad-destinatarji. Fl-aħħar nett, in-natura kunfidenzjali ta’ dokument jew il-fatt li dan inkiseb b’mod irregolari ma jiġġustifikawx l-irtirar tiegħu mill-proċess meta dan ikun neċessarju sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni, kif inhu l-każ hawnhekk.

B.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

104    Għandu jitfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-ammissibbiltà ta’ prova prodotta fi żmien utli tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Unjoni abbażi biss tal-fatt li din il-prova kienet inkisbet b’mod irregolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tirtira dokument mill-proċess ta’ kawża għar-raġuni, b’mod partikolari, li kien hemm dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-parti li kienet qiegħda tinvokah kinitx kisbitu b’mezzi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Ludwigshafener Walzmühle Erling et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 197/80 sa 200/80, 243/80, 245/80 u 247/80, EU:C:1981:311, punt 16).

106    L-istess soluzzjoni ġiet adottata fir-rigward ta’ parir legali redatt, għal użu intern, minn amministrazzjoni nazzjonali li la kienet ikkomunikatu lill-parti li kienet qiegħda tinvokah, u li lanqas ma kienet awtorizzat il-komunikazzjoni tiegħu lil din il-parti (digriet tat‑23 ta’ Marzu 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C‑221/06, EU:C:2007:185, punti 19 sa 23).

107    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li parir legali maħruġ mis-servizz legali ta’ istituzzjoni li ma jkunx inkiseb b’mod regolari mingħandha mill-parti li tinvokah għandu jitneħħa mill-proċess, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-produzzjoni ta’ dan il-parir legali minn din il-parti (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Jannar 2009, Donnici vs Il‑Parlament, C‑9/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:40, punti 17 sa 23).

108    F’dan il-każ, filwaqt li jikkontesta formalment l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li huwa neċessarjament kiseb l-ittra elettronika tat‑13 ta’ Frar 2019 b’mod irregolari, K. Pinxten ma jipprovdi ebda spjegazzjoni dwar il-mod kif kiseb din l-ittra elettronika u sempliċement jenfasizza li l-imsemmija ittra elettronika kienet aċċessibbli għal numru ta’ membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri.

109    Issa, l-ittra elettronika tat‑13 ta’ Frar 2019 tikkostitwixxi komunikazzjoni interna bejn il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri li hija espliċitament indikata bħala komunikazzjoni ta’ natura strettament kunfidenzjali.

110    Barra minn hekk, huwa paċifiku li din l-ittra elettronika ma ntbagħtitx lil K. Pinxten peress li mit‑30 ta’ April 2018 ma kienx għadu Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

111    Għaldaqstant, għandu jitqies li jeżisti dubju dwar il-kwistjoni ta’ jekk K. Pinxten kisibx l-imsemmija ittra elettronika permezz ta’ mezzi leġittimi.

112    Barra minn hekk, K. Pinxten qiegħed jinvoka l-ittra elettronika tat‑13 ta’ Frar 2019 sabiex jistabbilixxi li Membri oħra tal-Qorti tal-Awdituri bbenefikaw minn trattament iktar favorevoli minn dak li huwa kien suġġett għalih.

113    Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li Membri oħra ta’ dik l-istituzzjoni effettivament ibbenefikaw, min-naħa tagħha, minn trattament iktar favorevoli, fir-rigward tal-irregolaritajiet li huma setgħu wettqu fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħhom, minn dak irriżervat għal K. Pinxten, dan il-fatt, fi kwalunkwe każ, ma jistax juri li dan tal-aħħar ma kisirx l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE.

114    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-legalità, li titlob li ħadd ma jista’ jinvoka, għall-benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 62, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2017, Pappalardo et vs Il‑Kummissjoni, C‑350/16 P, EU:C:2017:672, punt 52).

115    Minn dan isegwi li K. Pinxten ma stabbilixxiex il-preżenza ta’ interess pubbliku superjuri li jista’ jiġġustifika l-produzzjoni tad-dokument inkwistjoni.

116    Għaldaqstant, għandha tintlaqa’ t-talba tal-Qorti tal-Awdituri għall-irtirar mill-proċess tal-ittra elettronika tat-13 ta’ Frar 2019 li tinsab fl-Anness B.10 tar-risposta.

VIII. Fuq irrikors

A.      Fuq lammissibbiltà tarrikors

117    K. Pinxten ippreżenta, preliminarjament, erba’ argumenti intiżi li jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors ibbażati, rispettivament, fuq l-inkompatibbiltà tal-proċedura prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fuq l-irregolarità tal-investigazzjoni tal-OLAF, fuq l-irregolarità tal-proċedura segwita fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ dan ir-rikors u fuq id-dewmien eċċessiv li bih ġie ppreżentat l-imsemmi rikors.

1.      Fuq lallegata inkompatibbiltà ta’ din ilproċedura maddritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

a)      Largumenti talpartijiet

118    Permezz tal-ewwel argument ta’ inammissibbiltà tiegħu, K. Pinxten isostni li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, id-dritt tiegħu għal qorti ma huwiex ser jiġi rrispettat u li huwa ma huwiex ser ikun jista’ jibbenefika minn grad doppju ta’ ġurisdizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

119    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet argument ibbażat fuq l-assenza ta’ grad doppju ta’ ġurisdizzjoni fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455), hija naqset milli tirrileva li f’dik il-kawża hija kienet qiegħda tintervjeni bħala awtorità dixxiplinari, u mhux bħala qorti.

120    Għaldaqstant, jekk l-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri kellha tiġi eżaminata fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 286(6) TFUE, K. Pinxten ikun imċaħħad minn kull forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja, li jimplika li din id-dispożizzjoni ma tistax isservi bħala bażi għall-azzjoni tal-Qorti tal-Awdituri.

121    Il-Qorti tal-Awdituri tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli sa fejn, fil-verità, qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-invalidità ta’ dispożizzjoni tad-dritt primarju. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi motiv diġà ġie miċħud fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455).

b)      Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

122    Preliminarjament, f’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ grad doppju ta’ ġurisdizzjoni, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fatt li huwa impossibbli li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE tiġi kkontestata ma jikkostitwixxix assenza ta’ natura li tippreġudika d-dritt tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kif iggarantita fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punti 112 u 113).

123    Barra minn hekk, peress li K. Pinxten isostni li l-argument tiegħu huwa differenti minn dak eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455), sa fejn qiegħed jinvoka assenza kompleta ta’ protezzjoni ġudizzjarja u mhux ksur tad-dritt għal grad doppju ta’ ġurisdizzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tagħti deċiżjoni f’din il-proċedura, wara li semgħet lil K. Pinxten, bħala qorti indipendenti u imparzjali stabbilita mit-Trattati UE u FUE, u mhux bħala awtorità amministrattiva li tagħti deċiżjoni dwar kwistjoni dixxiplinari.

124    Għaldaqstant, l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel u fl-aħħar istanza, tal-ilmenti bbażati fuq allegat ksur, minn K. Pinxten, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri huwa biżżejjed sabiex jiżguralu protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

2.      Fuq lallegata irregolarità talinvestigazzjoni talOLAF

a)      Largumenti talpartijiet

125    Permezz tat-tieni argument ta’ inammissibbiltà tiegħu, K. Pinxten isostni li r-rikors tal-Qorti tal-Awdituri huwa bbażat fuq ir-rapport tal-OLAF u li dan ir-rapport ġie redatt fi tmiem proċedura irregolari.

126    Fl-ewwel lok, skont K. Pinxten, l-OLAF estenda illegalment il-portata tal-investigazzjoni tiegħu.

127    K. Pinxten isostni li, fil-fatt, mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 883/2013 jirriżulta li spezzjoni fil-bini ta’ istituzzjoni għandha titwettaq fuq il-bażi ta’ mandat bil-miktub li jsemmi l-attivitajiet tal-investigazzjoni awtorizzata li l-portata tagħha tkun ġiet iddefinita permezz ta’ deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni.

128    Għaldaqstant, l-OLAF ma jistax jipproċedi għal spezzjoni li jkollha l-għan jew l-effett li tiskopri eventwali ksur li ma kienx jaf bih u li jmur lil hinn mill-portata tal-investigazzjoni mwettqa. F’dan il-każ, l-OLAF għalhekk ma setax jestendi b’mod validu l-portata tal-investigazzjoni tiegħu billi jibbaża ruħu fuq l-analiżi tad-data miġbura waqt l-ispezzjoni tal-uffiċċju ta’ K. Pinxten.

129    Fit-tieni lok, K. Pinxten isostni li l-OLAF kiser id-dritt għall-ħajja privata tiegħu. Minn naħa, dan l-uffiċċju ma kkonfermax li kien astjena milli jikkonfiska l-korrispondenza bejn K. Pinxten u d-difensur tiegħu, li hija koperta mis-sigriet professjonali. Min-naħa l-oħra, l-OLAF ikkonfiska fajls privati u indikati b’mod espliċitu bħala tali, li kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata f’avvenimenti ta’ kaċċa u l-kiri ta’ appartament li tiegħu huwa l-proprjetarju.

130    Fit-tielet lok, K. Pinxten isostni li l-OLAF ma rrispettax id-drittijiet tad-difiża tiegħu.

131    L-ewwel, is-sunt tal-fatti ppreżentati lil K. Pinxten qabel l-adozzjoni tar-rapport tal-OLAF kien estremament qasir, it-tabelli li kien hemm mas-sunt ftit li xejn kienu jinftiehmu u d-dokumenti ta’ sostenn relatati miegħu ma kinux ġew ikkomunikati fi żmien xieraq.

132    It-tieni, dan ir-rapport huwa bbażat fuq serje ta’ fatti u ta’ intervisti li dwarhom K. Pinxten ma kienx ġie informat meta nstema’ mill-OLAF.

133    It-tielet, l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tiegħu kien purament formali sa fejn, bla ħsara għal xi eċċezzjonijiet rari, l-argumenti mressqa bħala difiża ma humiex diskussi iżda huma sempliċement riprodotti fit-tmiem tar-rapport.

134    Ir-raba’, l-ex assistenta ta’ K. Pinxten ma rċevietx il-minuti wara s-smigħ tagħha, filwaqt li l-OLAF kien obbligat jibgħatilha kopja, u dan jikkonferma li l-OLAF ma investigax b’mod li jinkrimina u li jiskaġuna.

135    Il-Qorti tal-Awdituri tqis li l-motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-investigazzjoni tal-OLAF huwa ineffettiv peress li r-rapport ta’ dan l-uffiċċju ma huwiex l-element determinanti li fuqu hija bbażata l-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

136    Sussidjarjament, hija ssostni li dan il-motiv huwa infondat.

137    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li ma hemm xejn li jipprekludi lill-OLAF milli jestendi l-portata ta’ investigazzjoni u li l-OLAF għandu jkun jista’ jipproċedi għal tali estensjoni meta jqumu suspetti serji wara spezzjoni fil-bini ta’ istituzzjoni. Barra minn hekk, l-investigazzjoni inkwistjoni kienet ġiet estiża għal suspetti marbuta mill-qrib mal-portata inizjali tagħha.

138    Fit-tieni lok, hija ssostni li d-dritt għall-ħajja privata ta’ K. Pinxten ġie rrispettat. Minn naħa, l-ebda element prodott minnu ma juri li l-OLAF ibbaża ruħu fuq dokument kopert mill-kunfidenzjalità tar-relazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 883/2013 jawtorizza lill-OLAF sabiex mingħajr dewmien jaċċedi għall-informazzjoni kollha fil-pussess tal-istituzzjonijiet u jieħu kopja tad-dokumenti kollha miżmuma minnhom. L-OLAF b’hekk igawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni u l-kompetenzi tiegħu ma jistgħux jiġu limitati minħabba l-fatt li ċerti dokumenti huma indikati bħala “privati”.

139    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li kien K. Pinxten li kellu jistabbilixxi li l-proċedura inkwistjoni setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku ma seħħx l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu, ħaġa li huwa ma għamilx. Fi kwalunkwe każ, f’dan il-każ, l-OLAF ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu billi bagħat sunt tal-fatti suffiċjenti sabiex jippermetti lil K. Pinxten jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, kif barra minn hekk għamel. Dan tal-aħħar kellu wkoll, barra minn hekk, l-opportunità jippreżenta d-difiża tiegħu matul il-proċedura interna tal-Qorti tal-Awdituri, abbażi tar-rapport kollu tal-OLAF. Barra minn hekk, l-OLAF ma kienx obbligat jippreżenta minuti lill-ex assistenta ta’ K. Pinxten, peress li hija kienet instemgħet bħala xhud.

b)      Il-kunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

140    Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Qorti tal-Awdituri li ma huwiex neċessarju li tiġi evalwata r-regolarità tal-investigazzjoni tal-OLAF sa fejn ir-rapport tal-OLAF ma huwiex l-element determinanti li fuqu hija bbażata l-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 286(6) TFUE.

141    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ħames ilmenti ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri insostenn tar-rikors tagħha jtennu l-konstatazzjonijiet magħmula mill-OLAF fir-rapport tiegħu.

142    Sabiex tistabbilixxi l-fondatezza ta’ dawn l-ilmenti, il-Qorti tal-Awdituri tippreżenta provi li, fil-parti l-kbira tagħhom, huma kkostitwiti minn dokumenti kkonfiskati mill-OLAF waqt l-investigazzjoni tiegħu u riprodotti fl-anness tar-rapport tiegħu. L-Anness A.37 tar-rikors, li għalih il-Qorti tal-Awdituri tirreferi b’mod estiż fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, huwa barra minn hekk espliċitament ippreżentat bħala li huwa kompost mill-“[a]nnessi [tar-]rapport tal-OLAF mibgħut fit‑2 ta’ Lulju 2018 lill-President tal-Qorti tal-Awdituri”.

143    Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-raġuni għaliex il-Qorti tal-Awdituri kienet irrevediet l-evalwazzjoni inizjali tagħha dwar ir-regolarità tal-ispejjeż tal-missjoni, ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità kif ukoll tal-allowances ta’ kuljum imħallsa lil K. Pinxten, dik l-istituzzjoni esponiet li l-evalwazzjoni l-ġdida tagħha kienet ibbażata fuq l-elementi kkonfiskati mill-OLAF matul l-investigazzjoni tiegħu.

144    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors ma tiddependix mir-regolarità tal-investigazzjoni tal-OLAF.

145    B’dan premess, eventwali irregolarità ta’ din l-investigazzjoni tista’ timplika li l-provi kollha jew parti minnhom prodotti mill-Qorti tal-Awdituri insostenn tar-rikors tagħha kienu nġabru bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli, li jobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk din l-irregolarità għandhiex konsegwenzi fuq l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

146    Għaldaqstant, qabel ma tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti mressqa mill-Qorti tal-Awdituri, huwa neċessarju li tiġi evalwata l-fondatezza tal-argumenti ta’ K. Pinxten dwar l-irregolarità tal-investigazzjoni tal-OLAF.

147    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-estensjoni allegatament illegali tas-suġġett tal-investigazzjoni tal-OLAF, għandu jiġi enfasizzat li l-OLAF jista’, skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 883/2013, ikollu aċċess għal kull informazzjoni rilevanti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll għall-bini tagħhom.

148    Skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, din is-setgħa tista’ tiġi eżerċitata biss fil-kuntest ta’ investigazzjoni interna u għandha tiġi eżerċitata konformement mal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi regolament.

149    Issa, skont l-Artikolu 5(1) tal-istess regolament, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF jista’ jiftaħ investigazzjoni meta jkun hemm suspetti suffiċjenti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ atti ta’ frodi, ta’ korruzzjoni jew ta’ attivitajiet illegali oħra li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

150    Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 883/2013 jipprovdi li l-membri tal-persunal tal-OLAF għandhom iwettqu spezzjoni fil-bini ta’ istituzzjoni wara l-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni bil-miktub li tindika, b’mod partikolari, is-suġġett u l-għan tal-investigazzjoni kif ukoll il-bażijiet legali sabiex jitwettqu dawn l-investigazzjonijiet u s-setgħat investigattivi li jirriżultaw minnhom.

151    Minn dan isegwi, minn naħa, li spezzjoni fil-bini ta’ istituzzjoni mwettqa mill-OLAF mingħajr ma jkollu minn qabel elementi li jippermettu b’mod validu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ attivitajiet illegali li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu tkun irregolari u, min-naħa l-oħra, li tali spezzjoni għandha tkun intiża li jinġabru provi dwar l-attivitajiet illegali ssuspettati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 37).

152    Għall-kuntrarju, mill-Artikoli 4, 5 u 7 tar-Regolament Nru 883/2013 ma jirriżultax li l-OLAF huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni elementi skoperti b’mod inċidentali fil-kuntest ta’ spezzjoni regolari fil-bini ta’ istituzzjoni, li juru l-eżistenza ta’ attivitajiet illegali li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu, li huwa ma kienx jaf dwarhom qabel din l-ispezzjoni u li huma differenti mill-attivitajiet illegali li inizjalment kienu s-suġġett tal-investigazzjoni li fil-kuntest tagħha twettqet l-imsemmija spezzjoni.

153    Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tar-regoli li jirregolaw l-attivitajiet tal-OLAF proposta minn K. Pinxten hija ta’ natura li tagħti, fil-prattika, impunità lill-awturi ta’ attivitajiet illegali skoperti waqt investigazzjoni tal-OLAF, mingħajr ma tali konsegwenza ma hija neċessarja sabiex jiġi evitat użu abbużiv tas-setgħat ta’ investigazzjoni fdati lil dan l-organu jew sabiex jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata, sitwazzjoni din li toħloq riskju li jiġi ostakolat it-twettiq tal-għan ta’ tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull attività illegali oħra li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, għan li jissemma fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 883/2013.

154    Għaldaqstant, meta spezzjoni regolari fil-bini ta’ istituzzjoni twassal lill-OLAF sabiex jiskopri, b’mod inċidentali, elementi ta’ natura li joħolqu suspetti suffiċjenti li jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ attivitajiet illegali li jaqgħu fil-kompetenza tal-OLAF u li jkunu differenti minn dawk inizjalment koperti mill-investigazzjoni li fil-kuntest tagħha tkun twettqet din l-ispezzjoni, l-OLAF, jekk ikollu l-intenzjoni jinvestiga f’dan ir-rigward sabiex jivverifika l-eżattezza jew sabiex jikkompleta l-informazzjoni li jkun sar jaf biha b’mod inċidentali matul din l-ispezzjoni, għandu jiftaħ investigazzjoni ġdida (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni, 85/87, EU:C:1989:379, punt 19, kif ukoll tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582, punt 301) jew, jekk ikun il-każ, għandu jestendi s-suġġett inizjali tal-investigazzjoni tiegħu fil-każ li l-attivitajiet illegali skoperti b’mod inċidentali jkunu marbuta b’mod suffiċjenti ma’ dawk li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni inizjali sabiex ikun iġġustifikat li jkunu s-suġġett tal-istess proċedura ta’ investigazzjoni.

155    F’dan il-każ, K. Pinxten la qiegħed jikkontesta n-natura regolari tad-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni interna meħuda mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF wara t-trażmissjoni ta’ informazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri, u lanqas ma qiegħed jikkontesta n-natura regolari tal-ispezzjoni fil-bini ta’ dik l-istituzzjoni mwettqa mill-OLAF, fl‑20 ta’ Novembru 2017, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni.

156    Barra minn hekk, huwa ma jsostnix li l-elementi skoperti mill-OLAF matul din l-ispezzjoni ma kinux ta’ natura li jqajmu suspetti suffiċjenti li kienu jagħtu lok għall-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ attivitajiet illegali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-OLAF.

157    Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjoni tal-OLAF li jestendi s-suġġett tal-investigazzjoni, inizjalment miftuħa fir-rigward ta’ eventwali irregolaritajiet, li jimplikaw lil K. Pinxten u li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fl-użu tal-assi tal-Qorti tal-Awdituri u fil-missjonijiet imwettqa jew awtorizzati bi ksur tar-regoli applikabbli, għal kunflitti ta’ interessi possibbli u għal ksur ieħor tal-Artikoli 285 u 286 TFUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012 hija bbażata fuq elementi skoperti waqt l-ispezzjoni mwettqa fl‑20 ta’ Novembru 2017, ma jistax jimplika l-irregolarità ta’ din id-deċiżjoni.

158    Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-argumenti bbażati fuq ksur tad-dritt għall-ħajja privata ta’ K. Pinxten, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-suġġett ta’ din il-proċedura, f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tagħti deċiżjoni dwar kull ksur ta’ dan id-dritt li seta’ twettaq mill-OLAF matul l-investigazzjoni tiegħu, iżda għandha tagħti deċiżjoni biss dwar l-allegat ksur tal-imsemmi dritt relatat mal-ġabra ta’ provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri insostenn ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, irregolaritajiet proċedurali eventwalment imwettqa mill-OLAF waqt il-ġbir ta’ provi jistgħu, fi kwalunkwe każ, jinfluwenzaw l-eżami ta’ dan ir-rikors biss sa fejn dan huwa bbażat fuq il-provi miksuba illegalment mill-OLAF.

159    F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, fost il-provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri, K. Pinxten ma jidentifika ebda dokument li huwa kopert mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tar-relazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu.

160    Għaldaqstant, il-fatt li l-OLAF ma kkonfermax li ma kien ikkonfiska ebda element tal-korrispondenza bejn K. Pinxten u l-konsulent tiegħu, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, huwa irrilevanti f’dan il-każ.

161    Sussegwentement, fir-rigward tal-provi dwar il-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten f’avvenimenti ta’ kaċċa, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Awdituri pproduċiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dokumenti relatati ma’ din l-attività li huma direttament marbuta ma’ diversi missjonijiet imwettqa bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

162    Issa, minkejja li kienu jinżammu f’fajl espliċitament indikat bħala “privat”, dawn id-dokumenti ma jistgħux, minħabba r-rabta tagħhom ma’ tali missjonijiet, jitqiesu li huma relatati mal-attivitajiet imwettqa minn K. Pinxten b’mod purament privat.

163    Barra minn hekk, mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 158 ta’ din is-sentenza jirriżulta li ma huwiex neċessarju, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li tingħata deċiżjoni dwar l-allegazzjoni ta’ K. Pinxten li l-OLAF kien ħa jew ikkopja wkoll sensiela ta’ dokumenti relatati ma’ avvenimenti ta’ kaċċa li ma kinux koperti minn ordnijiet ta’ missjoni.

164    Fl-aħħar nett, huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li l-ittra bid-data tal‑20 ta’ Novembru 2014, indirizzata minn K. Pinxten lir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà sabiex jipproponilha tikri appartament fi Brussell (il-Belġju) kienet tirrigwarda l-ġestjoni tal-proprjetà privata ta’ K. Pinxten u li l-inklużjoni fil-fajl tal-OLAF ta’ kopja ta’ din l-ittra tikkostitwixxi għalhekk limitazzjoni għad-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.

165    Madankollu, l-użu ta’ din l-ittra mill-OLAF huwa ristrett u rregolat mil-liġi sa fejn din tista’ tintuża biss fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-OLAF u tal-proċeduri mibdija wara din l-investigazzjoni.

166    Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minn K. Pinxten ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li l-OLAF kiser, b’mod illegali, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata.

167    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ K. Pinxten, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed fil-konfront tagħha miżura individwali li tolqotha b’mod sfavorevoli.

168    Dan il-prinċipju huwa implimentat fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 883/2013, li jipprevedi li, bħala prinċipju, l-OLAF, ladarba tintemm l-investigazzjoni u qabel ma jinstiltu l-konklużjonijiet li jirreferu għal persuna kkonċernata b’isimha, għandu jagħti lil din il-persuna l-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-fatti li jikkonċernawha.

169    Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura analoga għal dik prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE dwar Membru tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-Membru tal-Kummissjoni kkonċernat kienx ġie informat, fi żmien xieraq, bl-ilmenti li kienu qegħdin jiġu invokati fil-konfront tiegħu u jekk kellux il-possibbiltà li jinstema’ (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 105). Tali obbligu huwa barra minn hekk previst ukoll fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura.

170    F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li kemm l-OLAF kif ukoll il-Qorti tal-Awdituri għandhom jikkonformaw ruħhom mal-obbligi rispettivi tagħhom, ir-rispett tad-dritt għal smigħ tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat ta’ dik l-istituzzjoni għandu, għall-finijiet tal-proċedura prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE, jiġi evalwat b’mod globali, peress li ma jistax jiġi eskluż li dan il-membru jew dan l-ex membru seta’ ngħata, mill-Qorti tal-Awdituri, possibbiltà suffiċjenti li jinstema’ fuq elementi li dwarhom ma setax effettivament jikkummenta qabel l-adozzjoni tar-rapport tal-OLAF.

171    F’dan il-każ, huwa paċifiku li K. Pinxten instema’ oralment mill-OLAF fit‑22 ta’ Diċembru 2017, li saru diversi skambji bil-miktub bejn l-OLAF u l-konsulent ta’ K. Pinxten u li dan tal-aħħar seta’, wara l-komunikazzjoni ta’ sunt tal-fatti stabbiliti fi tmiem l-investigazzjoni, jindirizza lill-OLAF dokument bil-miktub intiż li jikkonfuta l-allegazzjonijiet magħmula f’dan is-sunt.

172    Sussegwentement, K. Pinxten irċieva komunikazzjoni, fil‑5 ta’ Ottubru 2018, bir-rapport tal-OLAF u bir-rapport preliminari indirizzat lill-Membri tal-Qorti tal-Awdituri mill-President ta’ dik l-istituzzjoni. Huwa seta’ jieħu pożizzjoni fuq dawn ir-rapporti kemm permezz tat-trażmissjoni ta’ osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll waqt smigħ quddiem dik l-istituzzjoni.

173    F’dan il-kuntest, filwaqt li jsostni li l-investigazzjoni tal-OLAF kienet ivvizzjata b’erba’ irregolaritajiet distinti, imsemmija fil-punti 131 sa 134 ta’ din is-sentenza, li pprekludewh milli jinstema’ effettivament mill-OLAF, huwa ma jressaq ebda argument intiż li jistabbilixxi li huwa ma kienx f’pożizzjoni li jesprimi ruħu b’mod suffiċjenti, quddiem il-Qorti tal-Awdituri, dwar ċerti elementi invokati kontrih qabel l-adozzjoni tar-rapport tal-OLAF.

174    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li l-argumenti mressqa minn K. Pinxten ma jistgħux jistabbilixxu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

175    Minn dan isegwi li l-argumenti kollha ta’ K. Pinxten ibbażati fuq l-irregolarità tal-investigazzjoni tal-OLAF għandhom jiġu miċħuda u li għalhekk ma huwiex neċessarju, sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors, li jiġi ddeterminat jekk provi miksuba b’mod illegali jistgħux jiġu invokati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE.

3.      Fuq lallegata irregolarità talproċedura segwita fi ħdan ilQorti talAwdituri sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ dan irrikors

a)      Largumenti talpartijiet

176    Permezz tat-tielet argument ta’ inammissibbiltà tiegħu, K. Pinxten isostni, fl-ewwel lok, li s-smigħ tiegħu mill-Qorti tal-Awdituri sar, minkejja l-protesti tiegħu, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali u tal-Kap tas-Servizz Legali ta’ dik l-istituzzjoni, filwaqt li l-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jeżiġi li s-smigħ ta’ Membru tal-imsemmija istituzzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE jitmexxa fl-assenza ta’ kwalunkwe interpretu jew membru tal-persunal ta’ dik l-istituzzjoni.

177    Issa, skont K. Pinxten, il-preżenza tal-membri tal-persunal inkwistjoni setgħet tinfluwenza d-dibattiti, fid-dawl b’mod partikolari tar-responsabbiltà tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri fl-insuffiċjenza tal-kontroll eżerċitat minn dik l-istituzzjoni u tar-rwol “sorprendenti” tal-Kap tas-Servizz Legali tagħha matul l-investigazzjoni.

178    K. Pinxten iqis, fit-tieni lok, li numru insuffiċjenti ta’ Membri tal-Qorti tal-Awdituri vvotaw favur il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

179    Fil-fatt, l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura jeżiġi maġġoranza ta’ erba’ minn kull ħamsa ta’ dawn il-membri, jiġifieri tlieta u għoxrin minnhom, sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE. Issa, tnejn u għoxrin biss mill-imsemmija membri vvotaw favur il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

180    Skont, K. Pinxten, il-fatt li żewġ Membri tal-Qorti tal-Awdituri rrikużaw ruħhom huwa irrilevanti. Peress li l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura jimponi maġġoranza kkalkolata fir-rigward tan-numru totali ta’ dawn il-membri, is-sitwazzjoni tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri li rrikużaw ruħhom hija paragunabbli ma’ dik tal-Membri ta’ dik l-istituzzjoni li astjenew.

181    Il-Qorti tal-Awdituri għandha dubju dwar in-natura effettiva tal-argumenti ta’ K. Pinxten dwar id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’dan ir-rikors, sa fejn din id-deċiżjoni ma tistax tiġi assimilata mal-att li bih tiġi adita din tal-aħħar, kif jindika d-digriet tad‑9 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, mhux ippubblikat, EU:C:2005:539).

182    Fi kwalunkwe każ, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri jipparteċipa fil-laqgħat kollha ta’ dik l-istituzzjoni, sabiex iżomm il-minuti, konformement mal-Artikolu 23 tar-Regoli ta’ Proċedura u mal-Artikolu 39 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura. Barra minn hekk, l-Artikolu 50(1) ta’ dawn ir-regoli għall-implimentazzjoni ppermetta lill-Qorti tal-Awdituri tinnomina persuna inkarigata li tistabbilixxi l-abbozz tal-minuti. Din il-kompetenza ġiet eżerċitata, fit‑12 ta’ Frar 2015, sabiex dan il-kompitu jingħata lill-Kap tas-Servizz Legali tagħha.

183    Barra minn hekk, skont il-Qorti tal-Awdituri, il-maġġoranza meħtieġa għall-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE għandha tiġi kkalkolata abbażi tan-numru totali tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, bl-eċċezzjoni tal-Membru kkonċernat u ta’ dawk li ddeċidew li jirrikużaw ruħhom. Huwa minnu li l-każ tal-Membri ta’ dik l-istituzzjoni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi ma huwiex previst fir-Regoli ta’ Proċedura. Madankollu, jekk dawn il-Membri jitqiesu bħala li qegħdin jastjenu, huma jkunu qegħdin jipparteċipaw, de facto, fil-proċess deċiżjonali li minnu huma għandhom jiġu esklużi.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

184    Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiġi adita b’eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ksur tar-regoli li jirregolaw l-adozzjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, tad-deċiżjoni li jiġi ppreżentat rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE, għandha tagħti deċiżjoni dwar din l-eċċezzjoni qabel ma teżamina, jekk ikun il-każ, il-fondatezza ta’ dan ir-rikors.

185    Tali eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma tistax tiġi miċħuda fuq il-bażi tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 4 tad-digriet tad‑9 ta’ Settembru 2005, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, mhux ippubblikat, EU:C:2005:539), li tgħid li, fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 213(2) KE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi assimilata mal-att li bih tiġi adita din tal-aħħar.

186    Fil-fatt, din il-konstatazzjoni, li kienet intiża biss li tistabbilixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita biss bl-elementi riprodotti f’dan ir-rikors u li għalhekk hija ma kinitx meħtieġa tieħu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li kienu wasslu lill-Kummissjoni tqis li kien opportun li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-ebda mod ma timplika li l-eventwali irregolarità ta’ deċiżjoni li jiġi ppreżentat l-imsemmi rikors ma għandhiex konsegwenzi fuq l-ammissibbiltà tiegħu.

187    Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ K. Pinxten dwar l-allegata irregolarità tal-proċedura segwita fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

188    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-iżvolġiment tas-smigħ ta’ K. Pinxten quddiem il-Qorti tal-Awdituri, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 4(1), (3) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura jirriżulta li, meta dik l-istituzzjoni tqis li l-informazzjoni sottomessa lilha tista’ tistabbilixxi li wieħed mill-Membri tagħha ma baqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa jew ma baqax jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu, dan il-membru għandu jiġi mistieden sabiex jippreżenta oralment l-ispjegazzjonijiet tiegħu quddiem dik l-istituzzjoni, qabel ma din tiddeċiedi jekk hemmx lok li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi rrilaxxat mill-funjonijiet tiegħu jew sabiex jiġi ddikjarat li qegħdin jitneħħewlu d-dritt għall-pensjoni tiegħu jew benefiċċji oħra minflokha.

189    L-Artikolu 8 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jispeċifika li l-laqgħat li jsiru fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura għandhom ikunu laqgħat in camera fis-sens tal-Artikolu 49 ta’ dawn ir-regoli għall-implimentazzjoni.

190    Skont l-Artikolu 49(3) tal-imsemmija regoli għall-implimentazzjoni, tali laqgħat kellhom jinżammu fl-assenza ta’ kull interpretu jew membru tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni kuntrarja adottata waqt laqgħa preċedenti ta’ dik l-istituzzjoni.

191    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li s-smigħ ta’ K. Pinxten kien imissu nżamm fil-preżenza tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri biss.

192    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Qorti tal-Awdituri li l-preżenza tas-Segretarju Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni matul dan is-smigħ kienet madankollu ġġustifikata sa fejn dan tal-aħħar kellu jżomm il-minuti tal-laqgħa in camera li matulha sar l-imsemmi smigħ u kellu jassisti lill-President tal-imsemmija istituzzjoni.

193    Huwa minnu li l-Artikolu 23 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li għandhom jinżammu minuti għal kull laqgħa tal-Qorti tal-Awdituri. Barra minn hekk, l-Artikolu 39(1) tar-Regoli għall-Implementazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jipprevedi li s-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għandu b’mod partikolari r-responsabbiltà li jħejji l-abbozzi tal-minuti tal-laqgħat ta’ dik l-istituzzjoni u li jassisti lill-President tal-imsemmija istituzzjoni fir-rigward tal-preparazzjoni tal-laqgħat tagħha u tal-osservanza tal-proċeduri. Bl-istess mod, l-Artikolu 50(1) ta’ dawn ir-regoli għall-implimentazzjoni kien jispeċifika li abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa tal-Qorti tal-Awdituri kellu jitħejja mis-Segretarju Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni jew minn kull persuna oħra nnominata għal dan il-għan.

194    Madankollu, mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma jirriżultax li s-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri kellu neċessarjament ikun preżenti waqt il-laqgħa in camera ta’ dik l-istituzzjoni li matulha seħħ is-smigħ ta’ K. Pinxten sabiex iżomm il-minuti ta’ din il-laqgħa peress li, sa fejn kien meħtieġ u b’applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-imsemmija regoli għall-implimentazzjoni, Membru tal-Qorti tal-Awdituri seta’ jiġi nnominat sabiex iżomm il-minuti tal-istess laqgħa.

195    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jikkostitwixxi regola speċjali li tidderoga mill-modalitajiet normali ta’ organizzazzjoni tal-laqgħat tal-Qorti tal-Awdituri sabiex, b’mod partikolari, tiġi żgurata diskussjoni kompletament libera bejn il-Membri ta’ dik l-istituzzjoni.

196    Għaldaqstant, ir-regoli li jagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri funzjoni ġenerali ta’ assistenza tal-President ta’ dik l-istituzzjoni ma jistgħux jiġġustifikaw il-preżenza ta’ dan is-segretarju ġenerali waqt laqgħa in camera tal-imsemmija istituzzjoni, u dan iktar u iktar meta l-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jipprevedi proċedura speċifika li tippermetti li tiġi awtorizzata l-preżenza ta’ membru tal-persunal tal-istess istituzzjoni matul laqgħa in camera, proċedura li ma huwiex allegat li l-Qorti tal-Awdituri użat f’dan il-każ.

197    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżenza tal-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri matul il-laqgħa in camera inkwistjoni lanqas ma setgħet tiġi ġġustifikata mill-funzjoni ta’ tfassil tal-abbozzi tal-minuti tal-laqgħat tal-Qorti tal-Awdituri li kienet ġiet fdata lilu, skont dik l-istituzzjoni, permezz ta’ deċiżjoni adottata fit‑12 ta’ Frar 2015 abbażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

198    Barra minn hekk, mit-traskrizzjoni ta’ din il-laqgħa in camera jirriżulta li l-President tal-Qorti tal-Awdituri ma kienx iġġustifika l-preżenza tal-Kap tas-Servizz Legali ta’ dik l-istituzzjoni permezz ta’ din il-funzjoni iżda billi rrefera għar-rwol tiegħu bħala konsulent.

199    Għalkemm mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-preżenza tas-Segretarju Ġenerali u tal-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri waqt il-laqgħa in camera ta’ dik l-istituzzjoni li matulha sar is-smigħ ta’ K. Pinxten kienet irregolari, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali irregolarità tista’ tirriżulta deċiżiva biss jekk K. Pinxten jirnexxielu jistabbilixxi li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura mmexxija fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri setgħet twassal għal eżitu differenti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 76, u tal‑4 ta’ Ġunju 2020, C.F. (Kontroll fiskali), C‑430/19, EU:C:2020:429, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

200    Issa, K. Pinxten baqa’ ma stabbilixxiex kif il-preżenza ta’ dawn il-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, li, kif jirriżulta mit-traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ din il-laqgħa in camera, ma tkellmux matul l-imsemmija laqgħa, setgħet tinfluwenza l-iżvolġiment tal-istess laqgħa jew, a fortiori, id-deċiżjoni finalment adottata minn dik l-istituzzjoni.

201    B’mod partikolari, għalkemm K. Pinxten isostni li tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà tas-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri minħabba nuqqasijiet fil-kontroll li huwa kellu jiżgura fir-rigward tal-ispejjeż ta’ dik l-istituzzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-laqgħa in camera inkwistjoni kienet intiża esklużivament li tippermetti lil K. Pinxten jieħu pożizzjoni fuq il-fatti invokati fil-konfront tiegħu.

202    Barra minn hekk, il-kritika espressa kontra l-attitudni tal-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri matul l-investigazzjoni hija essenzjalment ibbażata fuq abbozz ta’ ittra allegatament iddettat mix-xufier ta’ K. Pinxten u prodott minn dan tal-aħħar li, iżda, huwa paċifiku li ma ġiex iffirmat minn dan ix-xufier. B’hekk, K. Pinxten ma stabbilixxiex b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-preżenza tal-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri matul il-laqgħa in camera inkwistjoni setgħet influwenzat, minħabba l-attitudni tal-imsemmi membru tal-persunal, l-iżvolġiment ta’ din il-laqgħa.

203    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-votazzjoni li nżammet fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri sabiex jiġi deċiż li jiġi ppreżentat dan ir-rikors, l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li din id-deċiżjoni kellha tittieħed, b’vot sigriet, b’maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-Membri ta’ dik l-istituzzjoni.

204    Għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri ma għandux jipparteċipa fil-votazzjoni, din ir-regola hija irrilevanti f’dan il-każ peress li l-imsemmija deċiżjoni ġiet adottata f’data li fiha K. Pinxten ma kienx għadu Membru ta’ dik l-istituzzjoni.

205    Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-paragun tat-termini użati rispettivament fl-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura u fl-Artikolu 25(3) tagħhom juri li l-maġġoranza meħtieġa għall-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni kellha tiġi kkalkolata abbażi tan-numru totali ta’ Membri tal-Qorti tal-Awdituri, u mhux abbażi tan-numru ta’ Membri ta’ dik l-istituzzjoni preżenti għal-laqgħa kkonċernata tal-imsemmija istituzzjoni.

206    B’dan premess, l-Artikolu 41(1) tal-Karta jipprovdi, b’mod partikolari, li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni.

207    Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit ta’ imparzjalità, fiż-żewġ komponenti tiegħu li huma, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda Membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma għandu jimmanifesta pożizzjoni diġà meħuda jew preġudizzju personali, u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li din l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu dwar eventwali preġudizzju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2019, August Wolff u Remedia vs Il‑Kummissjoni, C‑680/16 P, EU:C:2019:257, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri li ma humiex f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod imparzjali fil-proċedura relatata mal-eventwali tressiq ta’ wieħed mill-Membri jew ta’ wieħed mill-ex Membri ta’ dik l-istituzzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari minħabba r-rabtiet personali li għandhom mal-Membru jew mal-ex Membru kkonċernat, għandhom ikunu jistgħu jiżguraw ruħhom li ma jeżerċitaw ebda influwenza fuq l-eżitu ta’ din il-proċedura u għandu jkollhom, għal dan il-għan, il-possibbiltà li jirrikużaw ruħhom.

209    Issa, li kieku l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura kellu jiġi interpretat fis-sens li jimplika li l-maġġoranza meħtieġa minn din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkalkolata mingħajr ma jitnaqqas, min-numru totali tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, in-numru ta’ dawn il-membri li rrikużaw ruħhom, id-deċiżjoni tagħhom li jirrikużaw ruħhom ikollha, fil-fatt, influwenza potenzjalment determinanti fuq l-eżitu tal-proċedura prevista fl-imsemmija dispożizzjoni.

210    Barra minn hekk, fid-dawl tal-maġġoranza meħtieġa mill-istess dispożizzjoni, tali interpretazzjoni tagħha tkun tirrendi, fil-prattika, il-ftuħ ta’ din il-proċedura estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, meta ċertu numru ta’ Membri ta’ dik l-istituzzjoni jkunu qiesu li għandhom jirrikużaw ruħhom.

211    Għaldaqstant, l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura għandu jiġi interpretat, konformement mal-Artikolu 41(1) tal-Karta, fis-sens li l-maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri prevista f’din l-ewwel dispożizzjoni għandha tiġi kkalkolata abbażi tan-numru totali tal-Membri ta’ dik l-istituzzjoni li setgħu legalment jipparteċipaw fil-votazzjoni inkwistjoni mingħajr ma jippreġudikaw ir-rekwiżit ta’ imparzjalità.

212    F’dan il-każ, huwa paċifiku li żewġ Membri tal-Qorti tal-Awdituri rrikużaw ruħhom sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, għal raġunijiet li ma kienu s-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni.

213    Għaldaqstant, il-vot ta’ 22 Membru tal-Qorti tal-Awdituri espress favur il-preżentata ta’ dan ir-rikors kien suffiċjenti sabiex tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa mill-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura.

214    Minn dan isegwi li l-argumenti ta’ K. Pinxten ibbażati fuq l-irregolarità tal-proċedura segwita fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri sabiex tiġi awtorizzata l-preżentata ta’ dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

4.      Fuq lallegat dewmien li bih ġie ppreżentat ir-rikors talQorti talAwdituri

a)      Largumenti talpartijiet

215    Permezz tar-raba’ argument ta’ inammissibbiltà tiegħu, K. Pinxten iqis li l-Qorti tal-Awdituri kisret il-prinċipju ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli, stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, billi kkontestat ir-regolarità tat-talbiet għal ħlas li huwa kien ressaq sa mis-sena 2006, meta dik l-istituzzjoni kellha, sa mit-tressiq ta’ dawn it-talbiet, l-informazzjoni utli kollha sabiex tiżgura ruħha li l-imsemmija talbiet kienu leġittimi jew sabiex tiddeċiedi li tfittex kjarifiki.

216    K. Pinxten isostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, b’analoġija mar-regoli previsti fil-leġiżlazzjoni finanzjarja tal-Unjoni u fil-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja, li istituzzjoni tipproċedi għall-komunikazzjoni ta’ nota ta’ debitu f’terminu li normalment ma jeċċedix ħames snin mill-mument meta din l-istituzzjoni setgħet tinvoka l-kreditu tagħha, liema terminu jista’ madankollu jitnaqqas jew jiġi estiż skont iċ-ċirkustanzi.

217    Barra minn hekk, skont K. Pinxten, f’dan il-każ ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-fatt li għadda terminu raġonevoli kellu impatt fuq il-kontenut ta’ att tal-Unjoni peress li dan ir-rikors ma huwiex intiż għall-annullament ta’ tali att. F’dan il-kuntest, għandu jitqies li l-Qorti tal-Awdituri hija prekluża milli tinvoka l-ilmenti kollha li jmorru lura għal iktar minn tliet snin, jew tal-inqas għal iktar minn ħames snin, b’effett mill‑5 ta’ Ottubru 2018, id-data li fiha r-rapport preliminari tal-President ta’ dik l-istituzzjoni ġie ppreżentat lill-Membri tagħha.

218    Skont il-Qorti tal-Awdituri, it-tressiq tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja seħħ f’terminu raġonevoli. Fil-fatt, kien biss wara li rċeviet ir-rapport tal-OLAF, jiġifieri fit‑2 ta’ Lulju 2018, li hija kienet f’pożizzjoni li tibda din il-proċedura. Fid-dawl tal-portata tal-irregolaritajiet allegati, terminu ta’ tmien xhur minn din id-data ma huwiex eċċessiv. Barra minn hekk, ir-regoli dwar il-preskrizzjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ krediti ma jistgħux jiġu trasposti għal din il-proċedura.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

219    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Awdituri għandha tagħmel l-aħjar li tista’ sabiex ma ddewwimx indefinittivament il-preżentata ta’ rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE sabiex jiġi osservat ir-rekwiżit fundamentali ta’ ċertezza legali u sabiex ma jinkisrux id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata billi jiżdiedu d-diffikultajiet li din tal-aħħar tiltaqa’ magħhom sabiex tirribatti l-argumenti mressqa f’dak ir-rikors (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 90).

220    Madankollu, peress li din id-dispożizzjoni ma tiffissax terminu preċiż, in-natura raġonevoli tat-terminu li għandu jiġi osservat mill-Qorti tal-Awdituri ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu preċiż, iddeterminat b’mod astratt, iżda għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, b’mod partikolari skont l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 28 u 29).

221    Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-preżunzjoni konfutabbli li terminu ta’ iktar minn ħames snin li jiddekorri mill-fatti inkwistjoni ma huwiex raġonevoli, stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 105 tas-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437), u li għaliha jirreferi K. Pinxten, ma tistax tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

222    Fil-fatt, din il-preżunzjoni toriġina mir-regoli dwar l-irkupru tal-krediti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punti 101 sa 103).

223    Issa, anki meta rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE jkun, parzjalment, ibbażat fuq ilment ibbażat fuq abbuż tar-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali rikors ma għandux l-għan li jikseb ir-rimbors ta’ ħlasijiet imwettqa favur il-Membru kkonċernat ta’ dik l-istituzzjoni li hija tqis li ma humiex dovuti.

224    Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-rikors tal-Qorti tal-Awdituri ġiex ippreżentat f’terminu raġonevoli fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 220 ta’ din is-sentenza.

225    F’dan il-każ, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-fatti l-iktar antiki invokati fil-konfront ta’ K. Pinxten imorru lura għas-sena 2006, jiġifieri iktar minn tnax‑il sena qabel il-preżentata ta’ dan ir-rikors.

226    Barra minn hekk, għalkemm mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kontroll iktar strett min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri fuq it-talbiet għal ħlas imressqa mill-Membri tagħha seta’ jippermettilha tidentifika iktar kmieni minn tal-inqas parti kbira mill-irregolaritajiet allegati fil-konfront ta’ K. Pinxten, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-eżami mill-ġdid sistematiku tas-sitwazzjoni tiegħu kien iġġustifikat mill-elementi li ħarġu matul l-investigazzjoni tal-OLAF.

227    Issa, ir-rikors tal-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 286(6) TFUE huwa bbażat fuq it-teħid flimkien tal-elementi kollha li dik l-istituzzjoni kellha fil-pussess tagħha fi tmiem dan l-eżami mill-ġdid sistematiku. Għaldaqstant, ma huwiex stabbilit li l-Qorti tal-Awdituri kienet f’pożizzjoni li tiddeċiedi, fl-assenza tal-informazzjoni miġbura mill-OLAF, li tippreżenta dan ir-rikors.

228    Barra minn hekk, wara li rċeviet, matul is-sena 2016, informazzjoni li kienet timplika lil K. Pinxten, il-Qorti tal-Awdituri, matul dik l-istess sena, wettqet investigazzjoni interna. Minn meta ntbagħtet lill-Qorti tal-Awdituri, fis‑27 ta’ Ottubru 2016, mid-Direttur tal-OLAF, l-informazzjoni li dan kien qiegħed jistudja jekk kienx opportun li jiftaħ investigazzjoni u sal-preżentazzjoni tar-rapport tiegħu lill-Qorti tal-Awdituri, fit‑2 ta’ Lulju 2018, dik l-istituzzjoni ma setgħetx, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 883/2013, tkompli l-investigazzjonijiet tagħha, mingħajr ftehim differenti mal-OLAF. Hekk kif irċeviet dan ir-rapport, il-Qorti tal-Awdituri bdiet il-proċedura f’diversi stadji prevista fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura, proċedura li żvolġiet bejn it‑12 ta’ Lulju u d‑29 ta’ Novembru 2018.

229    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Awdituri rreaġixxiet malajr għall-fatt li rċeviet informazzjoni dwar irregolaritajiet allegatament imwettqa minn K. Pinxten u li hija, sussegwentement, mexxiet il-proċeduri li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħha b’ċerta ħeffa, minkejja li l-Artikolu 286(6) TFUE kien għadu qatt ma ġie applikat u minkejja li r-rapport tal-OLAF kien isemmi numru kbir ħafna ta’ irregolaritajiet imwettqa minn K. Pinxten.

230    Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, iż-żmien li għadda bejn uħud mill-fatti inkwistjoni u l-formulazzjoni ta’ lmenti preċiżi mill-Qorti tal-Awdituri sabiex tevalwa sa fejn K. Pinxten jista’ jkun mistenni jippreżenta spjegazzjonijiet jew provi supplimentari dwar dawn il-fatti, ma jistax jitqies li l-preżentata ta’ dan ir-rikors saret, b’mod ġenerali, wara li għadda terminu mhux raġonevoli jew li l-Qorti tal-Awdituri hija prekluża milli tinvoka, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, uħud mill-irregolaritajiet imqajma f’dan ir-rikors.

231    Għaldaqstant, l-argumenti ta’ K. Pinxten ibbażati fuq id-dewmien li bih ġie ppreżentat dan ir-rikors għandhom jiġu miċħuda.

232    Peress li ebda wieħed mill-erba’ argumenti dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ma ntlaqa’, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa ammissibbli.

B.      Fuq lilmenti

233    Insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tinvoka ħames ilmenti, ibbażati, l-ewwel, fuq l-użu abbużiv tar-riżorsi ta’ dik l-istituzzjoni, it-tieni, fuq l-użu abbużiv u illegali ta’ privileġġi fiskali, it-tielet, fuq dikjarazzjonijiet foloz dwar inċident lill-assigurazzjoni, ir-raba’, fuq l-eżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ ċerti attivitajiet, kif ukoll, il-ħames, fuq il-ħolqien ta’ sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi.

234    Sabiex jiġu eżaminati dawn l-ilmenti, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 286(6) TFUE jippermetti lill-Qorti tal-Awdituri titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tneħħi lil Membri ta’ dik l-istituzzjoni mill-funzjonijiet tagħhom jew tneħħilhom id-dritt tagħhom għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha, meta dawn il-membri ma jkunux għadhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa jew ma jkunux għadhom jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom.

235    In-natura ta’ dawn l-obbligi hija ppreċiżata b’mod partikolari fl-Artikoli 285 u 286 TFUE.

236    B’hekk, dawn il-membri, konformement mal-Artikolu 285 TFUE, għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

237    Barra minn hekk, mill-Artikolu 286(3) TFUE jirriżulta li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom, b’mod partikolari, jastjenu minn kull att li jkun inkompatibbli man-natura tal-funzjonijiet tagħhom.

238    L-Artikolu 286(4) TFUE jipprojbixxi, barra minn hekk, lil dawn il-membri milli jeżerċitaw kull attività professjonali, bi ħlas jew le, matul it-tul tal-funzjonijiet tagħhom, sabiex b’mod partikolari tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-imsemmija membri fl-eżerċizzju ta’ dawn il-funzjonijiet. Din id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li l-imsemmija membri għandhom jieħdu l-impenn solenni li, matul it-tul tal-funzjonijiet tagħhom u wara t-tmiem tagħhom, josservaw l-obbligi li joħorġu mill-kariga tagħhom, b’mod partikolari d-dmir tagħhom li jaġixxu b’integrità u b’diskrezzjoni meta jaċċettaw, wara dan it-tmiem, ċerti ħatriet jew ċerti benefiċċji.

239    Peress li dawn id-dmirijiet tal-aħħar huma ċċitati biss bħala eżempji, il-kunċett ta’ “obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE, għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Fid-dawl tar-responsabbiltajiet għolja fdati lilhom, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom josservaw l-iktar standards rigorużi fil-qasam tal-aġir u għandhom jagħtu preċedenza, f’kull mument, lill-interess ġenerali tal-Unjoni mhux biss fuq l-interessi nazzjonali, iżda wkoll fuq l-interessi personali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punti 70 u 71).

240    F’din il-perspettiva, l-obbligi tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri stabbiliti fid-dritt primarju huma riprodotti u espressi b’mod konkret fir-regoli adottati minn dik l-istituzzjoni, li magħhom dawn il-membri huma meħtieġa jikkonformaw ruħhom b’mod rigoruż.

241    B’mod partikolari, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom josservaw bir-reqqa kollha l-obbligi ta’ dikjarazzjoni previsti f’dawn ir-regoli, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-Artikolu 286(3) u (4) TFUE, u sabiex b’hekk jiżguraw informazzjoni kompleta ta’ dik l-istituzzjoni fir-rigward tat-talbiet sabiex jintużaw riżorsi tal-imsemmija istituzzjoni, b’mod partikolari għal spejjeż ta’ missjoni, ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità.

242    Fil-każ ta’ dubju dwar il-portata preċiża tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jindirizzaw ruħhom lid-dipartimenti kompetenti ta’ dik l-istituzzjoni sabiex ineħħu dan id-dubju.

243    B’dan premess, għalkemm il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiżguraw li jġibu ruħhom b’mod li ma jagħti lok għal ebda kritika, dan ma jfissirx li l-inqas nuqqas ta’ osservanza tar-regoli li japplikaw għalihom jista’ jiġi kkundannat taħt l-Artikolu 286(6) TFUE. Għal dan il-għan hija meħtieġa l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ ċertu livell ta’ gravità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 72).

244    L-eżami tal-ħames ilmenti ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri għandu għalhekk ikun intiż li jiġi ddeterminat jekk il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jippermettix li jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ K. Pinxten, nuqqas ta’ ċerta gravità fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni, kif iddefiniti fid-dritt primarju u kif ippreċiżati fir-regoli adottati mill-imsemmija istituzzjoni.

245    Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-provi kollha li ġew prodotti quddiemha kemm mill-Qorti tal-Awdituri, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas li hija tinvoka fil-konfront ta’ K. Pinxten, kif ukoll minn dan tal-aħħar. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha b’mod partikolari tevalwa l-eżattezza materjali u l-affidabbiltà ta’ dawn il-provi, sabiex tiddetermina jekk humiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ ċertu livell ta’ gravità fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE.

1.      Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-eżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività politika u ta’ attività ta’ ġestjoni ta’ soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli

246    Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li K. Pinxten naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ żvestiment ta’ interessi, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità, ta’ impenn, ta’ integrità, ta’ responsabbiltà, ta’ eżemplarità u ta’ trasparenza billi eżerċita b’mod irregolari, matul il-mandati tiegħu, żewġ attivitajiet esterni.

247    Peress li l-użu abbużiv tar-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri li huwa s-suġġett tal-ewwel ilment jirrigwarda, parzjalment, impenji ta’ riżorsi ta’ din l-istituzzjoni, ippreżentati minnha bħala marbuta ma’ dawn l-attivitajiet esterni, ir-raba’ lment għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok.

248    F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 238 ta’ din is-sentenza, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri ma għandhomx, skont l-Artikolu 286(4) TFUE, jeżerċitaw attività professjonali, bi ħlas jew le, matul it-tul tal-funzjonijiet tagħhom.

249    Barra minn hekk, b’mod partikolari sabiex tiġi ggarantita, konformement mal-Artikolu 285 TFUE, l-indipendenza ta’ dawn il-membri u sabiex jiġi żgurat, skont l-Artikolu 286(3) TFUE, li l-imsemmija membri jastjenu minn kull att inkompatibbli man-natura tal-funzjonijiet tagħhom, ir-regoli adottati mill-Qorti tal-Awdituri, li l-istess membri għandhom, kif ġie rrilevat fil-punt 241 ta’ din is-sentenza, josservaw bir-reqqa kollha, jispeċifikaw f’liema kundizzjonijiet dawn il-membri jistgħu jeżerċitaw attività esterna matul it-tul tal-funzjonijiet tagħhom.

250    B’hekk, il-punt 3.7 tal-Linji gwida dwar l-Etika jipprevedi li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jeżerċitaw attivitajiet esterni biss fil-kuntest stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal u għandhom jastjenu minn kull attività li tista’ tippreġudika r-reputazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni, li tista’ titfa’ dubju fuq l-imparzjalità tagħhom jew li tista’ tfixkel ix-xogħol tagħhom.

251    L-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2004 u l-Artikolu 4(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012 kienu jipprovdu li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiddedikaw lilhom infushom għat-twettiq tal-mandat tagħhom, li huma ma jistgħu jeżerċitaw ebda funzjoni politika u li huma għandhom jastjenu minn kull attività professjonali esterna u minn kull attività esterna oħra li tkun inkompatibbli mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

252    L-Artikolu 5(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura kien jipprovdi li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jastjenu minn kull attività professjonali esterna u minn kull attività oħra esterna li tkun inkompatibbli mal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ disponibbiltà fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

253    L-Artikolu 5(2) ta’ dawn ir-regoli għall-implimentazzjoni kien jippreċiża li kull attività esterna effettiva jew prevista kellha tiġi evalwata fid-dawl ta’ erba’ kriterji ġenerali relatati mal-assenza, rispettivament, ta’ preġudizzju għall-immaġni tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-imparzjalità tagħha, ta’ kunflitt ta’ interessi, ta’ oneru eċċessiv fil-livell tal-użu taż-żmien u ta’ gwadann pekunjarju.

254    Barra minn hekk, fuq livell proċedurali, l-Artikolu 4(3) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2004, l-Artikolu 4(6) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012 kif ukoll l-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxu obbligu ta’ dikjarazzjoni lill-President tal-Qorti tal-Awdituri ta’ kull attività esterna mhux biss waqt id-dħul fil-kariga ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni, iżda wkoll matul il-kumplament tal-mandat tiegħu.

255    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-raba’ lment, għandu jiġi evalwat jekk K. Pinxten issodisfax l-obbligi li jiddikjara kull attività esterna u li jastjeni milli jeżerċita attività esterna inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu fir-rigward taż-żewġ attivitajiet esterni li huma s-suġġett tal-ewwel u tat-tieni parti ta’ dan l-ilment.

a)      Fuq lewwel parti tarraba’ lment, ibbażata fuq leżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività politika

1)      Largumenti talpartijiet

256    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ lment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li K. Pinxten eżerċita attività politika intensa meta kien Membru ta’ dik l-istituzzjoni. B’hekk, huwa pparteċipa f’diversi laqgħat tal-bord tal-partit politiku Open VLD (iktar ’il quddiem il-“partit politiku inkwistjoni”), u dan barra minn hekk fil-kwalità ta’ membru li kellu dritt tal-vot sas-sena 2008.

257    Skont il-Qorti tal-Awdituri, din l-attività la kienet ġiet iddikjarata lilha u lanqas ma kienet ġiet awtorizzata minnha u hija, fi kwalunkwe każ, inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni.

258    K. Pinxten jiċħad li kellu xi attività politika meta kien Membru tal-Qorti tal-Awdituri. Għalkemm huwa minnu li kien preżenti għal ċerti laqgħat tal-partit politiku inkwistjoni, dawn kienu laqgħat tal-bord “estiż” ta’ dan il-partit, li fihom ipparteċipaw ukoll membri parlamentari tal-imsemmi partit u li matulhom K. Pinxten ma kellux dritt tal-vot sa fejn ma kienx membru elett ta’ dan l-uffiċċju. Il-parteċipazzjoni tiegħu f’dawn il-laqgħat kellha l-għan li tippromwovi l-attivitajiet tal-Qorti tal-Awdituri u li żżomm relazzjonijiet professjonali ma’ mexxejja politiċi nazzjonali.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

259    Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, li K. Pinxten ipparteċipa fil-laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni bħala membru li kellu dritt tal-vot sas-sena 2008, ma tistax titqies li hija stabbilita peress li l-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda prova insostenn ta’ din l-allegazzjoni.

260    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten, sa mis-sena 2008, fil-laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni mingħajr ma kellu dritt tal-vot, il-Qorti tal-Awdituri tipproduċi, b’mod partikolari, ittra elettronika mibgħuta fl‑24 ta’ Novembru 2008 mid-direttur politiku ta’ dan il-partit li tiżgura lil K. Pinxten li huwa ser jiġi sistematikament mistieden għal-laqgħat tal-bord tal-imsemmi partit kif ukoll minuti ta’ dawn il-laqgħat li juru l-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten f’minn tal-inqas 30 mill-imsemmija laqgħat bejn id‑9 ta’ Marzu 2009 u s‑26 ta’ April 2010.

261    Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 182 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn il-minuti jirriżulta wkoll li l-laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni li fihom ipparteċipa K. Pinxten kellhom l-għan li jiddiskutu kwistjonijiet varji li jaqgħu taħt il-politika Belġjana u dik Ewropea.

262    Barra minn hekk, minkejja li l-minuti tal-laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni wara s‑26 ta’ April 2010 ma jidhrux fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, minn serje ta’ elementi li joħorġu minn dan il-proċess jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten f’dawn il-laqgħat kompliet wara din id-data.

263    B’mod partikolari, minn skambju ta’ ittri elettroniċi b’data mix-xahar ta’ Mejju 2012 jirriżulta li K. Pinxten kien imħasseb li ma kienx għadu jirċievi stediniet sabiex jipparteċipa fil-laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni u li kien ingħata t-tweġiba li din kienet problema teknika. L-interess ta’ K. Pinxten f’dawn il-laqgħat huwa indikat ukoll permezz ta’ skambju ta’ ittri elettroniċi b’data mix-xahar ta’ Jannar 2016 li fihom huwa lmenta li l-istediniet għall-imsemmija laqgħat kienu qegħdin jaslulu tard wisq sabiex ikun jista’ jorganizza ruħu sabiex jattendi għalihom.

264    Barra minn hekk, ittri elettroniċi mibgħuta fix-xahar ta’ Settembru 2014 kif ukoll fix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2015 jikkonfermaw il-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten f’uħud mil-laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni.

265    Sussegwentement, diversi ittri elettroniċi b’data mis-snin 2016 u 2017 jistabbilixxu li l-istediniet għal tali laqgħat kienu baqgħu jintbagħtu lil K. Pinxten, filwaqt li d-dokumenti relatati ma’ diversi missjonijiet imwettqa minnu jindikaw il-parteċipazzjoni tiegħu f’minn tal-inqas erbgħa minn dawn il-laqgħat matul dawn is-sentejn.

266    Barra minn hekk, waqt is-smigħ tiegħu quddiem il-Qorti tal-Awdituri u sussegwentement waqt is-seduta, K. Pinxten irrikonoxxa li pparteċipa b’mod regolari fil-laqgħat tal-bord “estiż” tal-partit politiku inkwistjoni, u dan, bħala medja, f’madwar tmienja sa għaxar laqgħat fis-sena.

267    Minn dawn l-elementi jirriżulta li K. Pinxten, matul il-parti l-kbira taż-żewġ mandati tiegħu fil-Qorti tal-Awdituri, eżerċita attività politika attiva, li tidher b’mod partikolari bil-parteċipazzjoni diretta u regolari f’korp ta’ tmexxija ta’ partit politiku nazzjonali.

268    L-argument ta’ K. Pinxten li huwa pparteċipa f’dawn il-laqgħat bħala mistieden jew bħala osservatur, bl-istess mod bħall-membri parlamentari tal-partit ikkonċernat, mingħajr ma ġie elett għal dan il-għan u mingħajr ma kellu dritt tal-vot, ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni din l-evalwazzjoni.

269    Fil-fatt, il-preżenza regolari f’laqgħat ta’ tmexxija ta’ partit politiku, anki mingħajr dritt tal-vot, toffri possibbiltà reali, b’mod partikolari permezz tal-parteċipazzjoni fid-dibattiti li jsiru f’dan il-kuntest, li tiġi influwenzata l-attività politika ta’ dan il-partit. Ix-xebh bejn l-istatus tal-membri parlamentari tal-partit ikkonċernat u dak ta’ K. Pinxten, fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat inkwistjoni, li huwa jinvoka, isaħħaħ ukoll ir-rabta ta’ din il-parteċipazzjoni ma’ attività politika.

270    Issa, minbarra li din l-attività bl-ebda mod ma ġiet iddikjarata minn K. Pinxten, għandu jiġi kkonstatat li tali attività hija b’mod ċar inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

271    Fil-fatt, minbarra ż-żmien neċessarju sabiex jivvjaġġa u sabiex jattendi, matul jiem ta’ xogħol, għal laqgħat politiċi, filwaqt li l-Membru kkonċernat huwa marbut b’obbligu ta’ disponibbiltà, attività ta’ dan it-tip tippreġudika l-indipendenza tiegħu u tista’, meta tkun magħrufa, tippreġudika l-immaġni li jkollu l-pubbliku dwar l-imparzjalità tal-Qorti tal-Awdituri.

272    Għaldaqstant, tali attività hija inkompatibbli mal-obbligi stabbiliti fid-dritt primarju u hija wkoll kuntrarja għar-regoli adottati mill-Qorti tal-Awdituri u msemmija fil-punti 250 sa 253 ta’ din is-sentenza. L-eżerċizzju ta’ funzjoni politika huwa, b’mod partikolari, espliċitament ipprojbit mill-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2004 u dak tal‑2012, filwaqt li l-punt 3.3 tal-Linji gwida dwar l-Etika jirreferi għall-ħtieġa li jiġi evitat kull kunflitt ta’ interessi li jista’ jqum fil-każ ta’ appartenenza għal bord politiku.

273    Għandu jiġi enfasizzat li ż-żamma ta’ attività politika minn Membru tal-Qorti tal-Awdituri matul il-parti l-kbira tat-tul tal-mandati tiegħu tikkostitwixxi ksur ta’ gravità partikolari tal-iktar obbligi elementari li jirriżultaw mill-kariga tiegħu.

274    Il-gravità tal-ksur ta’ dawn l-obbligi hija enfasizzata wkoll, f’dan il-każ, mill-fatt li K. Pinxten fl-ebda każ ma seta’ ma kienx jaf bin-natura irregolari tal-aġir tiegħu peress li l-kumitat responsabbli għall-evalwazzjoni tal-attivitajiet esterni tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri kien ċaħad, mad-dħul fil-kariga tiegħu, it-talba tiegħu li jżomm it-titolu ta’ sindku tal-komun ta’ Overpelt (il-Belġju), billi bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq nota tal‑10 ta’ Mejju 2006 tas-Servizz Legali ta’ dik l-istituzzjoni li tenfasizza li l-Membri tagħha ma jistgħu jeżerċitaw ebda funzjoni politika.

275    Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ lment hija fondata.

b)      Fuq ittieni parti tarraba’ lment, ibbażata fuq leżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività ta’ ġestjoni ta’ soċjetà taddritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli

1)      Largumenti talpartijiet

276    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ lment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li K. Pinxten ħoloq, matul is-sena 2016, soċjetà privata, li minnha huwa kellu dħul, intiża li topera vinja fil-Côte‑d’Or (Franza).

277    Skont il-Qorti tal-Awdituri, din l-attività la kienet ġiet iddikjarata lilha u lanqas ma kienet ġiet awtorizzata minnha u hija, fi kwalunkwe każ, inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni sa fejn hija attività professjonali bi ħlas.

278    Skont K. Pinxten, is-soċjetà msemmija mill-Qorti tal-Awdituri hija soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli, li ma teżerċitax attività kummerċjali u li tirċievi biss kera għal proprjetà indikata fid-dikjarazzjoni tal-interessi tiegħu. Hija għalhekk hija sempliċement forma ta’ proprjetà immobbli kompletament trasparenti.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

279    Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li K. Pinxten effettivament okkupa l-funzjoni ta’ amministratur ta’ soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli sa mill-ħolqien ta’ din is-soċjetà, matul is-sena 2016, u sat-tmiem tat-tieni mandat tiegħu.

280    K. Pinxten u l-konjuġi tiegħu kellhom 97 % tal-ishma tal-imsemmija soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli, filwaqt li t‑3 % l-oħra kienu miżmuma mit-tliet itfal tagħhom.

281    Barra minn hekk, mill-atti notarili u mill-ittri elettroniċi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li, fit‑12 ta’ Settembru 2016, l-istess soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli akkwistat diversi artijiet li immedjatament ingħataw b’kera rurali sabiex jiġu sfruttati minn terz.

282    Issa, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-funzjoni eżerċitata b’dan il-mod minn K. Pinxten mal-funzjonijiet tiegħu, li ebda wieħed mill-prinċipji li jirregolaw l-istatus tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri ma jipprekludi ż-żamma, diretta jew indiretta, ta’ proprjetà immobbli jew il-ġbir ta’ dħul minn kera relatat ma’ tali proprjetà.

283    Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012, li kien jissuġġetta għall-istess sistema ta’ dikjarazzjoni ż-żamma ta’ “[k]ull proprjetà posseduta jew direttament jew permezz ta’ kumpanija ta’ proprjetà immobbli”, jirriżulta li r-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri kienu jipprevedu espliċitament il-possibbiltà ta’ żamma diretta jew indiretta ta’ proprjetà immobbli mill-Membri tagħha.

284    Peress li la huwa allegat u lanqas a fortiori ma huwa stabbilit li s-soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli inkwistjoni kienet wettqet attività li tmur lil hinn mill-ġestjoni tal-artijiet agrikoli msemmija fil-punt 281 ta’ din is-sentenza, jidher li, bħala amministratur ta’ din is-soċjetà, K. Pinxten kien meħtieġ biss jamministra dawk l-artijiet li l-imsemmija soċjetà ma kinitx tisfrutta direttament, kif kien ikollu jagħmel li kieku kien żamm l-imsemmija artijiet direttament.

285    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fl-assenza ta’ elementi oħra li jistgħu jistabbilixxu l-fondatezza tal-kritika magħmula fil-konfront ta’ K. Pinxten mill-Qorti tal-Awdituri f’dan ir-rigward, l-attività ta’ amministratur ta’ soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi l-proprjetà immobbli tal-familja eżerċitata minnu ma tidhirx li hija ta’ natura li tippreġudika l-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, li tnaqqas id-disponibbiltà tiegħu jew li tagħtih dħul ogħla minn dak li seta’ jikseb bħala proprjetarju tal-proprjetà miżmuma minn din is-soċjetà.

286    Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti tal-Awdituri, din l-attività ma tistax titqies li tikkostitwixxi attività inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

287    Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk K. Pinxten ikkonformax ruħu mal-obbligu tiegħu li jiddikjara tali attività, mill-Artikolu 2(2) u (4) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012 jirriżulta li Membru tal-Qorti tal-Awdituri li jkun akkwista, matul il-mandat tiegħu, permezz ta’ soċjetà ta’ proprjetà immobbli, proprjetà immobbli li ma tkunx residenza rriżervata għall-użu esklużiv tiegħu, għandu jippreżenta dikjarazzjoni ġdida tal-interessi finanzjarji tiegħu u tal-elementi tal-patrimonju tiegħu li jsemmu din il-proprjetà.

288    Fid-dawl tal-eżistenza ta’ dan l-obbligu speċifiku li ssir dikjarazzjoni dwar iż-żamma ta’ proprjetà immobbli u fid-dawl tar-riferiment magħmul f’dan il-kuntest, mill-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012, għas-soċjetajiet ta’ proprjetà immobbli, għandu jitqies li dikjarazzjoni ta’ interessi finanzjarji u tal-elementi tal-patrimonju ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri li jsemmu l-proprjetà miżmuma permezz ta’ soċjetà ta’ proprjetà immobbli kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lil dan il-membru tal-Qorti tal-Awdituri, meta jokkupa l-funzjoni ta’ amministratur ta’ din is-soċjetà, jissodisfa l-obbligi ta’ dikjarazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ dik l-istituzzjoni.

289    Barra minn hekk, minn naħa, peress li l-funzjoni ta’ amministratur ta’ soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli ma hijiex inkompatibbli bħala tali mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri u, min-naħa l-oħra, peress li eventwali kunflitt ta’ interessi marbut ma’ din il-funzjoni jirriżulta min-natura tiegħu miż-żamma tal-proprjetà inkwistjoni u mhux mill-eżerċizzju stess tal-imsemmija funzjoni, id-dikjarazzjoni addizzjonali ta’ din il-funzjoni bħala attività esterna fil-kuntest tal-proċedura msemmija fil-punt 254 ta’ din is-sentenza ma hijiex neċessarja sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Awdituri tivverifika li l-Membri tagħha qegħdin josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom.

290    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-artijiet agrikoli miżmuma mis-soċjetà tad-dritt ċivili li tiġġestixxi proprjetà immobbli inkwistjoni effettivament issemmew f’dikjarazzjoni ġdida ta’ interessi finanzjarji u tal-elementi tal-patrimonju ppreżentata minn K. Pinxten wara l-akkwist ta’ dawn l-artijiet.

291    Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ lment għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

292    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jintlaqa’ parzjalment.

2.      Fuq lewwel ilment, ibbażat fuq lużu abbużiv tarriżorsi talQorti talAwdituri sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet mhux relatati jew inkompatibbli malfunzjonijiet ta’ Membru ta’ dik listituzzjoni

a)      Fuq lammissibbiltà talewwel ilment

293    K. Pinxten ippreżenta żewġ argumenti intiżi li jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel ilment ibbażati, rispettivament, fuq l-assenza ta’ eżerċizzju mill-Qorti tal-Awdituri tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u fuq nuqqasijiet formali fil-preżentazzjoni tar-rikors kif ukoll fuq l-inammissibbiltà tat-tabella ppreżentata fl-anness tar-replika.

1)      Fuq leżerċizzju millQorti talAwdituri tassetgħa diskrezzjonali tagħha

i)      Largumenti talpartijiet

294    K. Pinxten isostni li l-Qorti tal-Awdituri sempliċement irreferiet għar-rapport tal-OLAF mingħajr ma analizzatu u, b’mod partikolari, mingħajr ma indikat bi preċiżjoni kif kull waħda mill-ispejjeż li huma s-suġġett ta’ kritika hija irregolari. B’hekk, dik l-istituzzjoni naqset milli teżerċita s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha mill-Artikolu 286(6) TFUE. Dan in-nuqqas huwa aggravat mill-fatt li l-Qorti tal-Awdituri qiegħda fl-aħħar mill-aħħar titlob mingħand K. Pinxten madwar 27 % biss tal-ammont indikat mill-OLAF, mingħajr ma tispjega r-raġunijiet għaliex hija madankollu qiegħda ttenni fil-konfront tiegħu l-elementi kollha ta’ kritika magħmula fil-konfront ta’ K. Pinxten fir-rapport tal-OLAF.

295    Il-Qorti tal-Awdituri tqis li kien il-kompitu tagħha li tanalizza r-rapport tal-OLAF u li tirreferi għalih. Madankollu, hija wettqet l-analiżi tagħha stess tal-fatti inkwistjoni, kif juru barra minn hekk ir-rapport preliminari u r-rikors.

ii)    Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

296    Mill-Artikolu 286(6) TFUE jirriżulta li hija biss il-Qorti tal-Awdituri li tista’ tibda l-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni.

297    Għaldaqstant, hija dik l-istituzzjoni li għandha tevalwa jekk l-elementi li hija jkollha quddiemha fir-rigward tal-aġir adottat mill-Membru jew mill-ex Membru kkonċernat tal-imsemmija istituzzjoni humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-bidu ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, l-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprevedi proċedura interna intiża li tippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjoni informata mill-istess istituzzjoni f’dan ir-rigward.

298    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ rapport tal-OLAF dwar l-aġir tal-Membru jew tal-ex Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri ma tistax tillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha dik l-istituzzjoni f’dan ir-rigward peress li mill-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2013 jirriżulta li hija l-istituzzjoni li lilha jintbagħat tali rapport li għandha tiddetermina l-passi ulterjuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ dan ir-rapport u tar-rakkomandazzjonijiet magħmula flimkien ma’ dan ir-rapport.

299    F’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 188 sa 214 ta’ din is-sentenza, ġiet implimentata l-proċedura prevista fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura u dan ippermetta lill-Qorti tal-Awdituri tiddeċiedi li tippreżenta dan ir-rikors billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż ir-rapport tal-OLAF.

300    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-rikors huwa fil-parti l-kbira tiegħu bbażat fuq il-konstatazzjonijiet magħmula fir-rapport tal-OLAF ma jistax idaħħal inkwistjoni l-ammissibbiltà tal-ewwel ilment peress li l-Qorti tal-Awdituri bl-ebda mod ma hija obbligata titbiegħed minn dawn il-konstatazzjonijiet.

301    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri ma tennietx, fir-rikors tagħha, l-elementi kollha ta’ kritika magħmula fir-rapport tal-OLAF. B’hekk, b’mod partikolari, hija ma fformulatx ilmenti bbażati fuq assenzi mhux iġġustifikati ta’ K. Pinxten u, barra minn hekk, warrbet l-analiżi tal-OLAF fir-rigward tal-irregolarità ta’ ċerti missjonijiet ta’ K. Pinxten.

302    Minn dan isegwi li l-argument ta’ K. Pinxten ibbażat fuq l-assenza ta’ eżerċizzju mill-Qorti tal-Awdituri tas-setgħa diskrezzjonali tagħha għandu jiġi miċħud.

2)      Fuq ilpreżentazzjoni tarrikors u fuq lammissibbiltà tattabella annessa marreplika

i)      Largumenti talpartijiet

303    K. Pinxten isostni li l-Qorti tal-Awdituri ma ssodisfatx l-obbligu tagħha, bħala awtorità rikorrenti, li tistabbilixxi l-fatti billi tipproduċi prova li kull waħda mill-ispejjeż ikkritikati taħt l-ewwel ilment hija effettivament irregolari.

304    Skont K. Pinxten, tali prova ma tistax tiġi prodotta permezz ta’ riferiment fuq livell ta’ prinċipju u b’mod awtomatiku għar-rapport tal-OLAF u għad-diversi annessi tiegħu, peress li tali riferiment huwa inammissibbli. Bl-istess mod, dik l-istituzzjoni ma tistax issostni b’mod validu l-argument tagħha billi tirreferi għat-tabella li tinsab fl-Anness C.1 tar-replika, iktar u iktar peress li din it-tabella hija sussegwenti għad-deċiżjoni tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

305    Skont il-Qorti tal-Awdituri, ir-rikors fih motivazzjoni suffiċjenti. B’hekk, hija tippreżenta eżempji rappreżentattivi tan-nuqqasijiet invokati fil-konfront ta’ K. Pinxten filwaqt li ttenni kull ilment u tipproduċi, fl-anness, tabella iktar iddettaljata. Wara t-trażmissjoni, fl‑4 ta’ Frar 2019, ta’ osservazzjonijiet ta’ K. Pinxten, il-Qorti tal-Awdituri, barra minn hekk, għamlet eżami mill-ġdid ta’ kull waħda mill-ispejjeż u stabbilixxiet tabella annessa mad-deċiżjoni tagħha tal‑11 ta’ April 2019 dwar konstatazzjoni ta’ kreditu u ta’ rkupru.

ii)    Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

306    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-allegazzjoni ta’ K. Pinxten li l-Qorti tal-Awdituri baqgħet ma stabbilixxietx il-fatti li fuqhom huwa bbażat l-ewwel ilment għandha tiġi evalwata fl-istadju tal-eżami tal-fondatezza ta’ dan l-ilment, u mhux f’dak tal-eżami tal-ammissibbiltà tiegħu.

307    Mill-bqija, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-preżentazzjoni tar-rikors, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ir-rikors għandu b’mod partikolari jindika s-suġġett tal-kawża, it-talbiet tar-rikorrent kif ukoll il-motivi u l-argumenti invokati.

308    L-osservanza ta’ dan l-obbligu għandha tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat tali rikors għandhom joħorġu, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew inkella tonqos milli tagħti deċiżjoni dwar ilment.

309    Fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 286(6) TFUE, il-Qorti tal-Awdituri għandha għalhekk tippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex tippermetti lill-Membru jew lill-ex Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri jifhem eżattament in-natura tal-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu invokat fil-konfront tiegħu, kundizzjoni din li hija neċessarja sabiex dan il-membru jew dan l-ex membru jkun jista’ jsostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tal-ksur allegat.

310    Għalkemm huwa minnu li, għal dan il-għan, il-korp tar-rikors jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argumenti bbażati fuq punti ta’ liġi, li għandhom ikunu inklużi fir-rikors stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

311    Għalhekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u li tidentifika, fl-annessi tar-rikors, l-ilmenti u l-argumenti li hija tista’ tqis bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

312    F’dan il-każ, ir-rikors tal-Qorti tal-Awdituri jinkludi espożizzjoni ġenerali tal-ewwel ilment li fiha huma ppreżentati b’mod partikolari l-kategoriji ta’ sitwazzjonijiet li fihom ir-riżorsi ta’ dik l-istituzzjoni kienu ntużaw, fil-fehma tagħha, b’mod abbużiv minn K. Pinxten.

313    Din l-espożizzjoni hija kkompletata minn annessi voluminużi ħafna li għalihom ir-rikors jirreferi b’mod repetut.

314    F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi rrilevat li l-modalitajiet tar-riferimenti għal dawn l-annessi magħmula fir-rikors jistgħu jiġu kkritikati sa fejn il-Qorti tal-Awdituri spiss tibbaża l-argumenti tagħha fuq riferiment mhux preċiż biżżejjed għall-Anness A.37 tar-rikors, li huwa kompost minn diversi dokumenti, ippreżentati ħafna drabi b’mod diżorganizzat, u li jinkludi diversi eluf ta’ paġni.

315    Għalkemm din il-prassi ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha analiżi preċiża u ddettaljata, jibqa’ l-fatt li r-rikors jippermetti xorta waħda li tinftiehem in-natura tal-ewwel ilment ippreżentat mill-Qorti tal-Awdituri u l-argumenti li hija għandha l-intenzjoni ssostni sabiex tistabbilixxi l-irregolarità tal-aġir ta’ K. Pinxten.

316    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat dan ir-rikors jirriżultaw, b’mod suffiċjenti, mit-test tar-rikors u li d-diversi riferimenti għall-annessi tar-rikors għalhekk ma għandhomx l-għan li jikkumpensaw għal nuqqas tiegħu f’dan ir-rigward.

317    F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-produzzjoni mill-Qorti tal-Awdituri tat-tabella li tinsab fl-Anness A.47 tar-rikors, għandu jiġi rrilevat li din it-tabella tippermetti lil dik l-istituzzjoni tissostanzja u tikkompleta r-rikors billi tiddeskrivi, b’mod eżawrjenti u preċiż, is-sitwazzjonijiet konkreti li fihom seħħew l-irregolaritajiet li jissemmew, taħt l-ewwel ilment, fir-rikors.

318    Barra minn hekk, din it-tabella tippermetti li tiġi żgurata kontinwità mal-proċedura amministrattiva preliminari, li matulha kienu ntużaw l-istess referenzi, kemm mill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll minn K. Pinxten, sabiex jiġu identifikati s-sitwazzjonijiet inkwistjoni.

319    Barra minn hekk, fid-dawl tan-numru kbir ta’ sitwazzjonijiet konkreti msemmija fl-ewwel ilment, kien diffiċli li preżentazzjoni kompluta tagħhom fil-korp tar-rikors tkun, fil-fatt, possibbli.

320    Issa, tali restrizzjoni formali ma tistax tobbliga lill-Qorti tal-Awdituri tirrinunzja milli tippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-fatti kollha li, fil-fehma tagħha, jikkontribwixxu sabiex jiġi stabbilit il-ksur, minn K. Pinxten, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu.

321    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-preżentazzjoni tal-ewwel ilment fir-rikors tippermetti lil K. Pinxten jeżerċita d-drittijiet tad-difiża tiegħu, kif fil-fatt għamel b’mod iddettaljat matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u lil din tal-aħħar tagħti deċiżjoni dwar il-fondatezza ta’ dan l-ilment.

322    Minn dan isegwi li n-nuqqasijiet formali fil-preżentazzjoni tar-rikors ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-ewwel ilment huwa, kompletament jew parzjalment, inammissibbli.

323    Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-allegazzjoni li t-tabella prodotta fl-Anness C.1 tar-replika hija inammissibbli sa fejn din ġiet stabbilita wara r-rikors u ġiet ippreżentata fl-istadju tar-replika, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 127 tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatti li joħorġu matul il-proċedura. Barra minn hekk, l-Artikolu 128(1) ta’ dawn ir-regoli jipprevedi li l-partijiet jistgħu jipproduċu provi jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew prodotti tard.

324    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tabella prodotta fl-Anness C.1 tar-replika tikkostitwixxi preżentazzjoni ġdida tat-tabella li tinsab fl-Anness A.47 tar-rikors, intiża li tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-provi dwar kull waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’din it-tabella u li tieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti mressqa minn K. Pinxten fir-risposta tiegħu.

325    Peress li ma huwiex stabbilit li t-tabella prodotta fl-Anness C.1 tar-replika tinkludi lmenti ġodda jew li tirreferi għal provi li ma kinux ġew prodotti fl-anness tar-rikors, ma jistax jitqies, skont l-Artikoli 127 jew 128 tar-Regoli tal-Proċedura, li din it-tabella hija, kompletament jew parzjalment, inammissibbli.

b)      Fuq ilfondatezza talewwel ilment

1)      Largumenti talpartijiet

326    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li, billi uża b’mod abbużiv ir-riżorsi ta’ dik l-istituzzjoni, K. Pinxten naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ żvestiment ta’ interessi, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità, ta’ impenn, ta’ integrità, ta’ responsabbiltà, ta’ eżemplarità u ta’ trasparenza.

327    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Awdituri tikkritika lil K. Pinxten li talab ir-rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni u l-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum għal attivitajiet mingħajr rabta mal-funzjonijiet tiegħu.

328    Il-Qorti tal-Awdituri tenfasizza, f’dan ir-rigward, li mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2290/77 u mid-Deċiżjoni Nru 1‑2003 jirriżulta li dan ir-rimbors u dan il-ħlas setgħu jitwettqu biss għal kompiti li Membru jkun tqabbad iwettaq mill-istituzzjoni u li kienu relatati mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

329    Issa, skont il-Qorti tal-Awdituri, K. Pinxten kien, l-ewwel, talab ir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni u l-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum għal attivitajiet ta’ divertiment, jiġifieri attivitajiet ta’ rilassament, bħal soġġorn f’kumpless fil-muntanji ta’ Crans‑Montana (l-Isvizzera), attivitajiet ta’ rikreazzjoni, b’mod partikolari avvenimenti ta’ kaċċa, vjaġġi turistiċi, bħal vjaġġ lejn Kuba, kif ukoll riċevimenti u żwiġijiet ta’ ħbieb tiegħu.

330    It-tieni, K. Pinxten kien talab rimborsi u ħlasijiet għal attivitajiet relatati mal-interessi patrimonjali tiegħu, b’mod partikolari fil-kuntest tax-xiri ta’ vinja.

331    It-tielet, K. Pinxten kien wettaq missjonijiet għal attivitajiet inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu, bħal attivitajiet fil-kuntest tal-partit politiku inkwistjoni, li r-realtà tagħhom hija murija kemm mill-frekwenza tal-laqgħat mal-membri ta’ dan il-partit kif ukoll mill-elementi miġbura mill-OLAF.

332    Ir-raba’, K. Pinxten kien introduċa “missjonijiet mingħajr allowances” għal attivitajiet li huwa jammetti ma kellhom l-ebda rabta mal-funzjonijiet tiegħu, sabiex jiżgura li l-kilometraġġ tal-karozza uffiċjali relatat mal-missjonijiet tiegħu ma jiġix inkluż fil-limitu annwali ta’ 15 000 km li, jekk jinqabeż, il-kilometraġġ addizzjonali kellu jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

333    Għalkemm K. Pinxten jiġġustifika diversi missjonijiet permezz tal-fatt li kien irċieva stedina formali, skont il-Qorti tal-Awdituri din il-ġustifikazzjoni ma tistax tintlaqa’, minn naħa, peress li din in-natura formali, b’mod partikolari l-fatt li stedina tirreferi għall-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri tad-destinatarju tagħha, tista’ tkun espressjoni ta’ korteżija li ma tistabbilixxix rabta mal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri u, min-naħa l-oħra, peress li huwa stabbilit li, f’ċerti każijiet, l-istedina inkwistjoni kienet intalbet minn K. Pinxten. Bl-istess mod, il-pożizzjoni jew it-titolu tal-persuni li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-okkażjoni ta’ missjoni ma jikkostitwixxux raġuni valida għaliex ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita n-natura uffiċjali tal-avveniment. Barra minn hekk, il-President tal-Qorti tal-Awdituri huwa responsabbli sabiex jiżgura r-rappreżentanza esterna ta’ dik l-istituzzjoni, bl-assistenza, mis-sena 2016, tal-Membri responsabbli għar-relazzjonijiet istituzzjonali u għall-kontroll tal-kwalità tal-awditu.

334    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li K. Pinxten indika, fir-rendikonti trimestrali tal-ispejjeż tiegħu ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità, spejjeż li kienu ta’ natura privata jew li kienu inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu.

335    Issa, skont il-Qorti tal-Awdituri, mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004 jirriżulta li r-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza kien limitat għall-ispejjeż li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jkunu sostnew f’din il-kwalità u li l-ħbieb jew il-qraba personali kellhom ikunu s-suġġett ta’ stediniet privati.

336    Il-Qorti tal-Awdituri tenfasizza, b’mod partikolari, li K. Pinxten organizza serje ta’ ikliet ta’ filgħaxija fir-residenza tiegħu li r-rabtiet tagħhom mal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru ta’ dik l-istituzzjoni ma humiex stabbiliti u li għandhom, fid-dawl tat-termini ta’ ittra tat‑28 ta’ April 2015 indirizzata lill-Premier ministre du Royaume de Belgique (il-Prim Ministru tar-Renju tal-Belġju) sabiex jistiednu għal tali ikla ta’ filgħaxija (iktar ’il quddiem l-“ittra tat‑28 ta’ April 2015”), jitqiesu li kellhom l-għan reali li jlaqqgħu ħbieb ta’ K. Pinxten.

337    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li K. Pinxten uża l-karozza uffiċjali tiegħu u uża s-servizzi ta’ xufiera tal-Qorti tal-Awdituri għal attivitajiet mhux relatati jew inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu, inkluż f’każijiet fejn huwa ma kienx fuq missjoni.

338    Issa, mill-Artikoli 1 u 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 jirriżulta li l-Qorti tal-Awdituri kellha tieħu responsabbiltà biss għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tal-karozza uffiċjali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Membri ta’ dik l-istituzzjoni. Dan kien il-każ, skont dawn id-dispożizzjonijiet, meta l-vjaġġi inkwistjoni kienu koperti minn ordni ta’ missjoni jew, f’limitu ta’ 15 000 km fis-sena, għal ċerti vjaġġi speċifiċi kkunsidrati li huma marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet. Barra minn hekk, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri setgħu jużaw is-servizzi ta’ xufier għall-vjaġġi tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet biss.

339    Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li l-istat ta’ saħħa ta’ K. Pinxten ma kienx ta’ natura li jiġġustifika użu tax-xufiera tagħha għal vjaġġi privati. Barra minn hekk, kien biss fil‑31 ta’ Ottubru 2016 li ġie stabbilit iċ-ċertifikat mediku li jindika li ma kienx irrakkomandat is-sewqan fuq distanzi twal.

340    Skont il-Qorti tal-Awdituri, id-dispożizzjonijiet regolamentari applikabbli għall-perijodu kontenzjuż kollu kienu ċari, preċiżi, prevedibbli u perfettament magħrufa minn K. Pinxten. Huma kienu, b’mod kostanti, jeskludu kull ħlas relatat ma’ attivitajiet privati jew ma’ attivitajiet inkompatibbli mal-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri. F’dan il-kuntest, K. Pinxten ma jistax jgħaddi r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet tiegħu stess fuq il-Qorti tal-Awdituri, li kellha mekkaniżmi ta’ kontroll interni xierqa.

341    Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li, f’dan il-każ, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li s-silenzju tal-amministrazzjoni jew pagamenti indebiti ma għandhomx jitqiesu li huma assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti.

342    Fi kwalunkwe każ, prassi irregolari ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi. Issa, il-validazzjoni, mill-President tal-Qorti tal-Awdituri, tal-ordnijiet ta’ missjoni maħruġa minn K. Pinxten kienet ibbażata fuq informazzjoni li ma tippermettix li jinftiehem li dawn l-ordnijiet ma kinux jikkonċernaw kompiti relatati mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Il-kunsens ta’ dan il-president kien għalhekk ivvizzjat mill-ommissjonijiet volontarji jew mid-dolus min-naħa ta’ K. Pinxten.

343    K. Pinxten jitlob li l-ewwel ilment jiġi miċħud.

344    Huwa jinvoka, fl-ewwel lok, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

345    Huwa jsostni, f’dan ir-rigward, li r-regoli applikabbli, sas-sena 2018, fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri ma kinux jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “missjoni”, ta’ “eżerċizzju tal-funzjonijiet” jew ukoll ta’ “interess tal-Qorti tal-Awdituri”. L-uniku test utli f’dik id-data kien il-Kummenti dwar l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004, li juru li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet għandu jinftiehem b’mod wiesa’.

346    Barra minn hekk, K. Pinxten isostni li huwa kien jibgħat sistematikament lill-President tal-Qorti tal-Awdituri l-informazzjoni mitluba mid-Deċiżjoni Nru 1‑2003. Huwa kien informah ukoll dwar l-użu tiegħu ta’ xufier għal raġunijiet ta’ saħħa, kif turi b’mod konkret id-dikjarazzjoni ta’ “missjonijiet mingħajr kumpens”. Barra minn hekk, huwa wieġeb għall-mistoqsijiet kollha li setgħu sarulu mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri. Fid-dawl tal-prassi trasparenti li huwa segwa, huwa ma jistax jinżamm responsabbli għan-nuqqasijiet fil-kontroll min-naħa ta’ dawn id-dipartimenti li ma ppermettewlux jidentifika eventwali żbalji.

347    F’dan il-kuntest, K. Pinxten isostni li huwa kien irċieva, permezz tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija u permezz tal-prasssi tal-Qorti tal-Awdituri, assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, minn sorsi affidabbli, għal iktar minn għaxar snin, li joħolqu l-aspettattiva leġittima li l-pagamenti magħmula kienu regolari. Ir-rikors tal-Qorti tal-Awdituri jikser għalhekk il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

348    Fit-tieni lok, huwa jsostni li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha huma vvizzjati b’sensiela ta’ żbalji manifesti.

349    B’hekk, il-Qorti tal-Awdituri, bħalma għamel l-OLAF, daħħlet inkwistjoni l-għan ta’ diversi missjonijiet u bbażat ruħha fuq dak li hija tqis li huwa l-“għan reali” ta’ dawn il-missjonijiet, mingħajr ma pprovdiet spjegazzjonijiet fir-rigward tad-dokumenti li jiġġustifikaw l-approċċ tagħha.

350    K. Pinxten isostni, b’mod partikolari, li huwa qatt ma eżerċita attività politika matul il-mandati tiegħu bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri. Huwa kien iltaqa’ ma’ membri tal-partit politiku inkwistjoni bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri u bil-għan, b’mod partikolari, li jiżgura l-promozzjoni tal-ħidma ta’ dik l-istituzzjoni. Bl-istess mod, il-missjonijiet eżerċitati fi ħdan is-SBNL‑V ikkontribwixxew sabiex il-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri tkun magħrufa minn partijiet ikkonċernati.

351    Fir-rigward tal-avvenimenti ta’ kaċċa, K. Pinxten jindika li l-missjonijiet tiegħu fil-kastell ta’ Chambord (Franza) kienu twettqu fil-kuntest ta’ ġranet Ewropej li jlaqqgħu personalitajiet Ewropej ewlenin. B’mod iktar ġenerali, il-fatt li laqgħa uffiċjali tkun akkumpanjata minn elementi iktar informali ma jistax idaħħal inkwistjoni r-rabta tagħha mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

352    Huwa jsostni wkoll li l-missjoni fi Crans‑Montana kienet ġiet awtorizzata mill-President tal-Qorti tal-Awdituri mingħajr ma ntalbet ebda informazzjoni addizzjonali. Din il-missjoni ppermettiet lil K. Pinxten jipparteċipa fil-“Forum de Crans-‑ontana”, li l-għan tiegħu kien li jlaqqa’ personalitajiet ewlenin għal diskussjonijiet ta’ natura ġenerali. Barra minn hekk, il-konvenut kien sar jaf bl-eżistenza ta’ dan il-forum mill-President tal-Qorti tal-Awdituri.

353    Skont K. Pinxten, il-vjaġġ lejn Kuba kien ukoll iġġustifikat, bil-kunsens tal-President tal-Qorti tal-Awdituri, mir-rieda li jiltaqa’ ma’ atturi lokali, u dan meta kien magħruf li, minħabba n-natura tar-reġim Kuban, kien meħtieġ li l-kuntatti jsiru ladarba kien fuq il-post. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni tal-vjaġġ kienet ikkumplikata min-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Kuba.

354    K. Pinxten isostni li ż-żjarat mediċi, li għalihom huwa ma rċieva ebda allowance, jagħmlu parti mill-każijiet, imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004, li fihom huwa awtorizzat l-użu ta’ xufier.

355    Barra minn hekk, K. Pinxten jagħmel preċiżazzjonijiet iddettaljati dwar serje ta’ missjonijiet li, skontu, l-għan tagħhom ġie deskritt b’mod inkorrett fir-rikors jew li dwarhom il-Qorti tal-Awdituri għamlet allegazzjonijiet fattwali ineżatti.

356    Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità, K. Pinxten jenfasizza, filwaqt li jibbaża ruħu fuq id-Deċiżjoni Nru 7‑2004 u fuq komunikazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, li kien fl-interess ta’ dik l-istituzzjoni li l-Membri tagħha jkollhom kuntatti ma’ atturi ewlenin. L-ebda regola ma kienet tipprojbixxi li attivitajiet ta’ rappreżentanza jkunu indirizzati lejn persuni li huma diġà magħrufa, filwaqt li kienu biss il-ħbieb personali u l-membri tal-familja li kellhom jiġu mistiedna b’mod privat.

357    Huwa jikkontesta f’dan ir-rigward l-approċċ difiż mill-Qorti tal-Awdituri fis-sens li l-attivitajiet ta’ rappreżentanza kienu jaqgħu biss taħt ir-responsabbiltà tal-President tagħha. Dan l-approċċ ma jikkorrispondix mal-prassi ta’ dik l-istituzzjoni jew mal-għanijiet strateġiċi tagħha u ma huwiex konsistenti mal-fatt li l-Membri tagħha huma awtorizzati jagħmlu spejjeż ta’ rappreżentanza.

358    K. Pinxten isostni li l-missjonijiet tax-xufiera ordnati minnu kienu jew marbuta mal-missjonijiet tiegħu jew kienu ġġustifikati mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u mill-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri kienet perfettament informata bl-attivitajiet tax-xufiera kkonċernati.

2)      Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

359    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel ilment jirrigwarda diversi mijiet ta’ elementi ta’ kritika distinti li jirrigwardaw numru daqstant ieħor kbir ta’ sitwazzjonijiet fattwali li fihom ir-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri, skont din tal-aħħar, intużaw b’mod abbużiv fuq talba ta’ K. Pinxten.

360    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tkun tista’ ssir analiżi kompleta ta’ dawn l-elementi ta’ kritika b’mod li jinftiehem mill-partijiet, dawn ser jiġu identifikati billi jsir riferiment għan-numerazzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Awdituri, għall-finijiet tal-irkupru, li hija proposta fit-tabella li tinsab fl-Anness A.47 tar-rikors u riprodotta fit-tabella li tinsab fl-Anness C.1 tar-replika.

361    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar l-ewwel ilment, abbażi tal-provi mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħha u fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 286(6) TFUE, sabiex tiddetermina jekk l-irregolaritajiet allegati jistgħux jiġu kklassifikati bħala ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

362    Għaldaqstant, minkejja li l-Qorti tal-Awdituri indirizzat lil K. Pinxten, fil‑11 ta’ April 2019, deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni ta’ kreditu u dwar l-irkupru fir-rigward tal-allegati irregolaritajiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment, il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fuq dan l-ilment ma tirrigwardax id-determinazzjoni tas-somom li għalihom K. Pinxten jista’ jinżamm responsabbli u għalhekk hija bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tar-rikors għall-annullament tagħha ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea minn K. Pinxten.

363    Qabel ma jiġu eżaminati suċċessivament l-elementi ta’ kritika invokati mill-Qorti tal-Awdituri dwar, l-ewwel, l-ispejjeż tal-missjoni u l-allowances ta’ kuljum, it-tieni, l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità kif ukoll, it-tielet, l-użu tal-karozza uffiċjali u l-użu tas-servizz ta’ xufier, għandu jiġi evalwat l-argument ta’ K. Pinxten li l-ewwel ilment jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

i)      Fuq ilksur talprinċipju ta’ protezzjoni talaspettattivi leġittimi

364    Għandu jiġi enfasizzat li, minkejja li K. Pinxten jinvoka formalment kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll dak ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-argumenti tiegħu fir-realtà jirrigwardaw esklużivament it-tieni wieħed minn dawn il-prinċipji, kif tikkonferma barra minn hekk ir-riformulazzjoni ta’ dawn l-argumenti li tinsab fil-kontroreplika.

365    Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeħtieġ li assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, minn sorsi awtorizzati u affidabbli, ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 144 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

366    L-applikabbiltà ta’ dan il-prinċipju għandha, l-ewwel nett, tiġi eskluża f’dak li jirrigwarda r-riżorsi ddedikati mill-Qorti tal-Awdituri għall-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità kif ukoll għall-użu tal-karozza uffiċjali u tal-użu tas-servizz ta’ xufier.

367    Minn naħa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlasijiet bħal dawk magħmula bħala spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità ma jistgħux, fl-assenza ta’ kull element rilevanti ieħor u anki meta jkun għadda perijodu twil bejn dawn il-ħlasijiet u l-kontestazzjoni tar-regolarità tagħhom, joħolqu, fir-rigward tal-benefiċjarju tagħhom, aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-imsemmija ħlasijiet ma setgħux iktar jiddaħħlu inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il‑Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 79).

368    Issa, il-prassi tal-Qorti tal-Awdituri li tikkonsisti fir-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità, abbażi tal-provi prodotti minn K. Pinxten, mingħajr ma titlob iktar informazzjoni u mingħajr ma tikkontesta l-fondatezza tat-talbiet tiegħu għal rimbors, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dik l-istituzzjoni pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tar-regolarità ta’ dawn it-talbiet.

369    Min-naħa l-oħra, l-użu, minn K. Pinxten, tal-karozza uffiċjali tiegħu jew l-użu tas-servizz ta’ xufier ma kien is-suġġett ta’ ebda deċiżjoni espliċita tal-Qorti tal-Awdituri u, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma ssemmiet ebda forma oħra ta’ teħid ta’ pożizzjoni speċifika min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-prassi li kellha tiġi segwita minn K. Pinxten f’dan ir-rigward.

370    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li, kif isostni K. Pinxten, f’dan il-qasam il-Qorti tal-Awdituri ħalliet fis-seħħ prassi li hija ma setgħetx ma kinitx taf bl-eżistenza tagħha, dan il-fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dik l-istituzzjoni pprovdietlu assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti f’dan ir-rigward.

371    Għall-kuntrarju, l-ordnijiet ta’ missjoni maħruġa espliċitament, fuq talba ta’ K. Pinxten, mill-President tal-Qorti tal-Awdituri jikkostitwixxu assigurazzjonijiet suffiċjenti, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 365 ta’ din is-sentenza, sabiex dan ikun jista’, bħala prinċipju, jistabbilixxi aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità tal-missjonijiet ikkonċernati.

372    B’dan premess, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li parti fil-kawża ma tistax tinvoka aspettattivi leġittimi fir-rigward taż-żamma ta’ sitwazzjoni kkaratterizzata minn frodi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Santogal M‑Comérico e Reparação de Automóveis, C‑26/16, EU:C:2017:453, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

373    Sussegwentement, fid-dawl tal-obbligu li għandhom il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, kif jirriżulta mill-punt 241 ta’ din is-sentenza, li josservaw bir-reqqa kollha l-obbligi ta’ dikjarazzjoni previsti fir-regoli adottati mill-Qorti tal-Awdituri bil-għan li tiġi żgurata informazzjoni kompleta ta’ dik l-istituzzjoni fir-rigward tat-talbiet intiżi li jintużaw ir-riżorsi tal-imsemmija istituzzjoni, ordni ta’ missjoni maħruġa fuq il-bażi ta’ talba li tħalli barra informazzjoni essenzjali sabiex il-President tal-istess istituzzjoni jkun jista’ jevalwa r-regolarità tal-missjoni inkwistjoni ma tistax, anki fl-assenza tal-frodi, isservi ta’ bażi għall-aspettattivi leġittimi tal-Membru kkonċernat fir-rigward ta’ din ir-regolarità.

374    Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat minn persuna li tkun ħatja ta’ ksur manifest tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 1991, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑96/89, EU:C:1991:213, punt 30 kif ukoll tal‑14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, C‑65/02 P u C‑73/02 P, EU:C:2005:454, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

375    Minn dan isegwi, l-ewwel, li K. Pinxten ma jistax jinvoka aspettattivi leġittimi bbażati fuq ordnijiet ta’ missjoni miksuba b’mod frawdolenti jew, anki fl-assenza ta’ intenzjoni frawdolenti stabbilita, fuq ordnijiet ta’ missjoni maħruġa mill-President tal-Qorti tal-Awdituri fuq il-bażi ta’ talba li tħalli barra informazzjoni essenzjali sabiex dan ikun jista’ jevalwa r-regolarità tal-missjoni inkwistjoni.

376    Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti tal-Awdituri, ma jistax jitqies li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija lil K. Pinxten li qegħdin jiddaħħlu inkwistjoni fil-kuntest tal-ewwel ilment ingħataw sistematikament fuq il-bażi ta’ tali informazzjoni. Għall-kuntrarju, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li diversi talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ missjonijiet kienu jiddeskrivu b’mod ċar u trasparenti għan li l-Qorti tal-Awdituri issa tikkunsidra li huwa, bħala tali, irregolari.

377    It-tieni, fil-każijiet fejn ordni ta’ missjoni maħruġa mill-President tal-Qorti tal-Awdituri, fuq talba ta’ K. Pinxten, hija manifestament irregolari, mingħajr madankollu ma kienet inkisbet b’mod frawdolenti jew abbażi ta’ talba li tinkludi informazzjoni inkompleta, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jeskludi l-possibbiltà, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkonstata li K. Pinxten, meta talab din l-awtorizzazzjoni u sussegwentement meta invoka din l-awtorizzazzjoni sabiex jikseb ħlas, kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu.

378    Tali approċċ jirriżulta barra minn hekk mill-obbligu tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, imfakkar fil-punt 239 ta’ din is-sentenza, li josservaw l-iktar standards rigorużi fil-qasam tal-aġir.

379    Fil-fatt, meta kienet tidher b’mod manifest, l-irregolarità ta’ missjoni ma setgħetx tiġi raġonevolment injorata minn K. Pinxten. F’tali ċirkustanzi, dan tal-aħħar ma setax jitlob awtorizzazzjoni jew jinvokaha mingħajr ma jkun qiegħed fil-fatt jipprova jibbenefika minn tolleranza eżistenti għal prassi irregolari jew min-nuqqasijiet fil-kontroll imwettaq fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri.

380    Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Awdituri ma tistax, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, tikkritika b’mod validu lil K. Pinxten li bbenefika mill-ħlas ta’ spejjeż tal-missjoni jew ta’ allowances ta’ kuljum abbażi ta’ missjoni awtorizzata mill-President tal-Qorti tal-Awdituri abbażi ta’ talba li ma kinitx ta’ natura frawdolenti, li ma kinitx tħalli barra informazzjoni essenzjali u li l-irregolarità tagħha ma kinitx tidher b’mod manifest.

381    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni ta’ jekk l-ordnijiet ta’ missjoni maħruġa, fuq talba ta’ K. Pinxten, mill-President tal-Qorti tal-Awdituri kinux ta’ natura li joħolqu aspettattivi leġittimi għall-persuna kkonċernata fir-rigward tar-regolarità tal-missjonijiet ikkonċernati għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni każ b’każ, ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-paragun bejn ir-raġuni ddikjarata fit-talba għal awtorizzazzjoni u l-għan reali tal-missjoni, kif jirriżulta mill-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-evalwazzjoni tikkoinċidi mal-eżami fil-mertu tal-ewwel ilment invokat mill-Qorti tal-Awdituri.

382    Barra minn hekk, għalkemm K. Pinxten jinvoka wkoll in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-regoli applikabbli għall-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, dan l-argument ma jistax jiġġustifika ċ-ċaħda tal-ewwel ilment kollu kemm hu.

383    Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli applikabbli għas-sitwazzjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment huma kkaratterizzati minn ċertu nuqqas ta’ determinazzjoni li joħroġ, b’mod partikolari, mill-assenza ta’ preċiżjoni fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom tista’ tiġi awtorizzata missjoni, fir-rigward tad-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti insostenn ta’ talba għall-awtorizzazzjoni ta’ missjoni jew inkella fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom stedina indirizzata lil terz tista’ tkun marbuta mal-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari fir-rigward tar-raġunijiet ta’ rappreżentanza ammissibbli u tal-elementi li għandhom jiġu ppreżentati sabiex tiġi ġġustifikata r-realtà tar-raġuni invokata.

384    Dan in-nuqqas ta’ determinazzjoni jimplika li l-korpi kompetenti tal-Qorti tal-Awdituri kellhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex jiddeterminaw jekk il-ħlas ta’ spejjeż tal-missjoni, ta’ allowances ta’ kuljum jew ta’ spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità kienx iġġustifikat.

385    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, każ b’każ, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni meta tevalwa r-regolarità tal-aġir ta’ K. Pinxten jew, a fortiori, in-natura manifestament irregolari ta’ dan l-aġir.

386    Għall-kuntrarju, in-nuqqas ta’ determinazzjoni relattiv tar-regoli rilevanti ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit, b’mod ġenerali, li l-allegazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-użu abbużiv tar-riżorsi tagħha minn K. Pinxten ma humiex fondati.

ii)    Fuq lispejjeż talmissjoni u lallowances ta’ kuljum

387    Fiż-żmien tal-fatti li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors, ir-regoli dwar l-ispejjeż tal-missjoni u dwar l-allowances ta’ kuljum kienu previsti, fil-kuntest stabbilit fl-Artikoli 285 sa 287 TFUE, fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2290/77, li kien jipprevedi r-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż u l-ħlas ta’ dawn l-allowances meta l-Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri kien mitlub, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, li jivvjaġġa lil hinn mill-post tax-xogħol ta’ dik l-istituzzjoni.

388    Fir-rigward tal-funzjonijiet li għandhom il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 285 TFUE, il-missjoni primarja ta’ dik l-istituzzjoni hija li tiżgura l-verifika tal-kontijiet tal-Unjoni. Għal dan il-għan, dik l-istituzzjoni għandha, skont l-Artikolu 287(1) u (2) TFUE, teżamina l-legalità u r-regolarità tad-dħul kollu u tal-infiq kollu tal-Unjoni u għandha tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba.

389    Ir-regoli applikabbli għall-ispejjeż tal-missjoni u għall-allowances ta’ kuljum kienu speċifikati fid-Deċiżjoni Nru 1‑2003.

390    L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi, minn naħa, li l-ordnijiet ta’ missjoni kellhom jintalbu mill-iktar fis possibbli u, min-naħa l-oħra, li l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għall-ispejjeż tal-missjoni tal-Membri kien il-President ta’ dik l-istituzzjoni.

391    L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni kien jawtorizza l-vjaġġi bil-karozza uffiċjali fil-kuntest ta’ missjoni, filwaqt li l-Artikoli 5 u 6 tal-istess deċiżjoni kienu jipprevedu, rispettivament, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni u l-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum.

392    Għaldaqstant, talba għar-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni jew għall-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum għandha titqies li hija irregolari jekk jiġi stabbilit li l-attività effettivament imwettqa taħt l-ordni ta’ missjoni inkwistjoni ma tistax tintrabat mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 371 sa 381 ta’ din is-sentenza, din l-irregolarità tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din il-proċedura jew meta l-ordni ta’ missjoni nkisbet b’mod frawdolenti jew abbażi ta’ talba li tħalli barra informazzjoni essenzjali, jew meta l-assenza ta’ rabta bejn din l-attività u dawn il-funzjonijiet tkun ta’ natura manifesta.

393    Qabel ma tiġi evalwata b’mod iddettaljat ir-regolarità ta’ kull waħda mill-missjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel ilment, għandu jiġi eżaminat ukoll l-argument tal-Qorti tal-Awdituri fis-sens li K. Pinxten irrikonoxxa, waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF, li l-missjonijiet kollha li, fit-talbiet għal ordni ta’ missjoni, kienu ppreżentati espliċitament bħala “missjonijiet mingħajr kumpens”, ma kellhom ebda rabta mal-funzjonijiet tiegħu.

394    Mill-minuti ta’ dan is-smigħ jirriżulta li K. Pinxten iddikjara biss li kien jirrikorri għal tali preżentazzjoni ta’ dawn it-talbiet, għal finijiet ta’ trasparenza, meta missjoni “kellha għan marbut mal-funzjoni [tiegħu] iżda wkoll aspett privat” jew meta kellu “dubju dwar in-natura opportuna” tal-missjoni fid-dawl tal-għan u tal-importanza tal-attività inkwistjoni.

395    Peress li din il-pożizzjoni ġiet imtennija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-missjonijiet ippreżentati espliċitament minn K. Pinxten bħala “missjonijiet mingħajr kumpens” għandhom jiġu eżaminati bl-istess mod bħall-missjonijiet l-oħra li huma s-suġġett tal-ewwel ilment.

–       Fuq issoġġorn fi CransMontana

396    Huwa paċifiku li K. Pinxten issoġġorna fil-kumpless fil-muntanji ta’ Crans‑Montana, flimkien mal-konjuġi tiegħu, mit‑22 sal‑25 ta’ Awwissu 2013, sabiex jipparteċipa fis-sessjonijiet tas-sajf tal-“Forum de Crans‑Montana”, fil-kuntest tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 252.

397    Din il-missjoni ġġustifikat ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u ta’ lukanda kif ukoll il-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum, filwaqt li l-ispejjeż relatati mas-soġġorn tal-konjuġi ta’ K. Pinxten ma tħallsux mill-Qorti tal-Awdituri.

398    It-talba għall-awtorizzazzjoni tal-imsemmija missjoni kienet tindika li din kienet tikkonċerna l-parteċipazzjoni fis-sessjonijiet tas-sajf tal-“Forum de Crans‑Montana”, organizzazzjoni mhux governattiva Svizzera. Din it-talba kienet akkumpanjata minn nota interna qasira, iffirmata minn K. Pinxten, li kienet tippreċiża li dawn is-sessjonijiet kienu jikkostitwixxu okkażjoni sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet attwali tal-politika internazzjonali ma’ mexxejja minn madwar id-dinja kollha. L-ordni ta’ missjoni nħarġet abbażi ta’ dawn l-elementi, mingħajr ma ntalbet informazzjoni supplimentari dwar, pereżempju, il-programm ta’ dan l-avveniment.

399    F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi rrilevat li l-fatt li missjoni tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri f’avveniment li jinkludi, b’mod anċillari, attività li tista’ taqa’ taħt it-turiżmu jew ir-rikreazzjoni ma jimplikax neċessarjament li din il-missjoni ma hijiex marbuta mal-funzjonijiet ta’ dan il-membru meta dan l-avveniment ikun madankollu kkonċentrat prinċipalment fuq attivitajiet ta’ natura professjonali.

400    Madankollu, l-avveniment inkwistjoni kien deskritt mill-organizzaturi tiegħu, fi prospett prodott mill-Qorti tal-Awdituri, bħala li kien iddedikat kollu kemm hu għall-kuntatti, għall-ħbiberija, għal mixjiet u għal laqgħat informali. Din id-deskrizzjoni hija kkonfermata mill-programm iddettaljat ta’ dan l-avveniment, li jinkludi biss attivitajiet ta’ rikreazzjoni, b’mod partikolari mixjiet u serata ta’ divertiment.

401    Ittra elettronika mill-organizzaturi tal-imsemmi avveniment, bid-data tad‑29 ta’ Mejju 2013, tindika wkoll li s-sessjonijiet tas-sajf tal-“Forum de Crans‑Montana” huma ta’ natura informali, li tiddistingwihom minn sessjonijiet oħra ta’ dan il-forum.

402    Barra minn hekk, għalkemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostni li dawn is-sessjonijiet tas-sajf kellhom dimensjoni verament professjonali, K. Pinxten ma jipproduċix provi li jippermettu li tiġi ssostanzjata din l-allegazzjoni.

403    Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li l-parteċipazzjoni fl-imsemmija sessjonijiet tas-sajf tista’ eventwalment tiffavorixxi laqgħat u skambji ma’ mexxejja internazzjonali, li barra minn hekk ma ġiex stabbilit, ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-missjoni inkwistjoni u l-funzjonijiet ta’ K. Pinxten.

404    Għaldaqstant, din il-missjoni għandha titqies li hija manifestament irregolari.

405    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-President tal-Qorti tal-Awdituri bagħat lill-Membri ta’ din l-istituzzjoni informazzjoni dwar il-“Forum de Crans‑Montana”, fatt li dik l-istituzzjoni ma tikkontestax, huwa irrilevanti peress li dan il-fatt jista’, l-iktar l-iktar, jindika li l-imsemmija missjoni kienet awtorizzata mill-imsemmija istituzzjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti, li ma huwiex biżżejjed, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 374 ta’ din is-sentenza, sabiex jinħolqu aspettattivi leġittimi għal K. Pinxten li jistgħu jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni tal-irregolarità manifesta ta’ din il-missjoni għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

–       Fuq issoġġorn f’Kuba

406    Ma huwiex ikkontestat li K. Pinxten issoġġorna f’Kuba, flimkien mal-konjuġi tiegħu, mit‑30 ta’ Marzu sal‑14 ta’ April 2015, soġġorn li ġġustifika, skont il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 343, ir-rimbors, b’mod partikolari, tal-ispejjeż tat-trasport u tal-akkomodazzjoni kif ukoll il-ħlas tal-allowances ta’ kuljum, filwaqt li l-ispejjeż relatati mas-soġġorn tal-konjuġi ta’ K. Pinxten ma tħallsux mill-Qorti tal-Awdituri.

407    Din il-missjoni ġiet awtorizzata mill-Qorti tal-Awdituri wara l-għoti, minn K. Pinxten, ta’ informazzjoni addizzjonali, mitluba mill-President ta’ dik l-istituzzjoni, li minnha kien jirriżulta li l-għan tal-imsemmija missjoni kien li tinġabar informazzjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u Kuba, permezz ta’ kuntatti mas-soċjetà ċivili lokali u permezz ta’ żjarat ta’ proġetti ffinanzjati mill-Unjoni.

408    Għandu jiġi ddeterminat jekk il-provi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jippermettux li tiġi stabbilita l-fondatezza tal-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li s-soġġorn ta’ K. Pinxten f’Kuba twettaq għal finijiet essenzjalment privati.

409    F’dan ir-rigward, minn programm stabbilit mill-uffiċċju ta’ K. Pinxten u kkonfiskat mill-OLAF jirriżulta li s-soġġorn inkwistjoni kien iddedikat, b’mod kważi esklużiv, għal attivitajiet ta’ turiżmu.

410    L-uniċi elementi ta’ dan il-programm li jistgħu eventwalment ikunu marbuta mal-funzjonijiet eżerċitati minn K. Pinxten kienu laqgħa mal-ambaxxatur tal-Unjoni f’Kuba, fil‑31 ta’ Marzu 2015, ikla ta’ nofsinhar ma’ dan l-ambaxxatur fil-preżenza tal-persuna responsabbli għall-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPD) u tal-ambaxxatur tar-Renju tal-Belġju f’Kuba, fit‑2 ta’ April 2015, kif ukoll laqgħa ma’ dan l-aħħar ambaxxatur, fit‑3 ta’ April 2015.

411    L-informazzjoni pprovduta lill-OLAF mill-ambaxxatur tal-Unjoni f’Kuba tindika, madankollu, li l-ikla ta’ nofsinhar tat‑2 ta’ April 2015 kienet ġiet organizzata b’pura korteżija u li ma kinitx ikla ta’ ħidma. Dan l-ambaxxatur ippreċiża wkoll li, fi kwalunkwe każ, is-soġġorn ta’ K. Pinxten ma setax jitqies li kien ta’ natura professjonali peress li, minħabba li kellu viża turistika, kien eskluż milli jwettaq tali soġġorn f’Kuba.

412    Dan l-aħħar element ġie kkonfermat lill-OLAF minn membru ieħor tad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Kuba, li, barra minn hekk, speċifika li K. Pinxten ma kienx ħa inkunsiderazzjoni twissijiet riċevuti dwar id-dati inadegwati tas-soġġorn tiegħu u li d-diskussjonijiet li saru miegħu ma kellhom ebda natura teknika.

413    Issa, għandu jiġi kkonstatat li K. Pinxten naqas milli jikkontesta b’mod utli l-provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri bil-għan li tistabbilixxi li s-soġġorn tiegħu f’Kuba kien iddedikat, b’mod kważi esklużiv, għal attivitajiet ta’ turiżmu jew, a fortiori, milli jissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja dokumenti oħra li jistgħu jissostanzjaw il-pożizzjoni tiegħu fis-sens li s-soġġorn tiegħu f’Kuba kellu effettivament għan marbut mal-funzjonijiet tiegħu.

414    B’mod partikolari, għalkemm jirreferi għall-kwalità tad-diversi mexxejja li magħhom seta’ kellu xi skambji matul dan is-soġġorn, jidher li, fil-parti l-kbira tagħhom, huwa ltaqa’ ma’ dawn il-persuni waqt l-ikla ta’ nofsinhar fl-ambaxxata tal-Unjoni f’Kuba, li, kif jirriżulta mill-punt 411 ta’ din is-sentenza, ma kellhiex in-natura ta’ ikla ta’ ħidma.

415    L-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta fuq dan il-punt minn K. Pinxten hija barra minn hekk iktar u iktar limitata minħabba li, fost il-mexxejja ċċitati, hemm “negozjant” li, fir-realtà, huwa l-proprjetarju tal-akkomodazzjoni mikrija minn K. Pinxten matul is-soġġorn tiegħu.

416    Fir-rigward taċ-ċirkustanza, invokata minn K. Pinxten f’nota mogħtija wara l-missjoni tiegħu lill-President tal-Qorti tal-Awdituri, li ċerti żjarat kellhom jiġu annullati fl-aħħar minuta, din l-allegazzjoni ma hijiex ta’ natura li tispjega l-assenza ta’ dimensjoni professjonali reali tas-soġġorn tiegħu f’Kuba.

417    Minn naħa, mill-elementi fil-proċess li jikkonċernaw il-preparazzjoni ta’ dan is-soġġorn jirriżulta li, oriġinarjament, dan kien maħsub bħala soġġorn purament turistiku.

418    F’dan ir-rigward, għandhom jissemmew b’mod partikolari ittri elettroniċi indirizzati, fit‑28 u fid‑29 ta’ Jannar 2015, mill-assistenta ta’ K. Pinxten lill-ambaxxatur tal-Unjoni f’Kuba, li fihom hija tispeċifika li K. Pinxten xtaq jikseb informazzjoni fid-dawl ta’ vjaġġ privat f’dan il-pajjiż li huwa qatt ma kien żar, mingħajr ma ssemmi ebda għan professjonali tas-soġġorn previst.

419    Min-naħa l-oħra, il-passi li saru qabel il-vjaġġ lejn Kuba sabiex jiġu organizzati attivitajiet li jistgħu jkunu marbuta mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri ma humiex ta’ natura li jdaħħlu inkwistjoni n-natura privata tas-soġġorn tiegħu f’dan il-pajjiż.

420    B’mod partikolari, jidher li dawn il-passi twettqu meta kien tard wisq, punt dan li huwa diffiċli li jitqies li huwa kompatibbli mal-organizzazzjoni ta’ missjoni ta’ studju f’pajjiż terz, bħal Kuba, fejn il-persuna kkonċernata kellha l-intenzjoni tmur għall-ewwel darba. B’hekk, mill-ittri elettroniċi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kien biss fit‑18 ta’ Marzu 2015 li ġie kkuntattjat l-UNDP u li ebda programm uffiċjali ma kien iffissat fid‑19 ta’ Marzu 2015, jiġifieri inqas minn ġimagħtejn qabel it-tluq ta’ K. Pinxten lejn Kuba.

421    Barra minn hekk, kemm l-ambaxxatur tal-Unjoni u dak tar-Renju tal-Belġju f’Kuba kif ukoll l-aġenti tal-UNDP f’dak il-pajjiż kienu indikaw b’mod ċar lil K. Pinxten, f’ittri elettroniċi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri, li fl-imsemmi pajjiż kien diffiċli li wieħed jippjana li jorbot attivitajiet ta’ natura professjonali ma’ attivitajiet turistiċi, li kull żjara uffiċjali kellha tiġi nnotifikata minn qabel lill-awtoritajiet Kubani u kellha ssir bil-pussess ta’ viża adegwata u li kien improbabbli ħafna li jkun jista’ jiltaqa’ ma’ mexxejja Kubani f’kuntest informali.

422    Għaldaqstant, K. Pinxten ma jistax jallega b’mod validu li huwa ma kienx jaf, meta telaq lejn Kuba, li s-soġġorn tiegħu f’dan il-pajjiż terz ma kienx verament ta’ natura li jippermetti t-twettiq ta’ attivitajiet marbuta mal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

423    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, minkejja li l-assenza ta’ kontroll supplimentari ex ante u ex post għal missjoni li kienet teħtieġ fondi kunsiderevoli jistħoqqilha li tiġi ssenjalata, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-elementi mogħtija lill-Qorti tal-Awdituri qabel u wara l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 343 kienu fil-parti l-kbira qarrieqa, fir-rigward tal-għan reali tas-soġġorn ta’ K. Pinxten f’Kuba, u li din il-missjoni għandha titqies li hija irregolari sa fejn dan is-soġġorn ma kellux rabta mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten.

424    Minn dan isegwi li għandu jiġi deċiż ukoll li hija irregolari l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 341, li kellha bħala għan laqgħa ma’ diversi personalitajiet bil-għan li jiġi ppreparat is-soġġorn f’Kuba.

–       Fuq irrelazzjonijiet miżmuma ma’ mexxejja u movimenti politiċi

425    Diversi missjonijiet ta’ K. Pinxten li wasslu għar-rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni jew għall-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum u li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Awdituri tilmenta, fil-kuntest tal-ewwel ilment, li huma irregolari, kienu relatati ma’ laqgħat ma’ mexxejja politiċi.

426    Sabiex tingħata deċiżjoni dwar dawn il-missjonijiet, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali laqgħat setgħux, bħala prinċipju, jikkostitwixxu l-għan ta’ missjonijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri.

427    F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 387 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fiż-żmien tal-fatti li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors kienet tipprevedi li l-missjonijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri kellhom ikunu relatati ma’ vjaġġi “fil-qadi tad-dmirijiet” ta’ dawn il-membri.

428    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, kif isostni K. Pinxten, l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri jista’ jinkludi attivitajiet protokollari, intiżi b’mod partikolari li jrawmu għarfien dwar u li jippromwovu l-ħidma tagħha kif ukoll li jżommu, fl-interess tal-istituzzjoni, relazzjonijiet ma’ mexxejja ewlenin.

429    Tali attivitajiet protokollari jistgħu jikkonċernaw b’mod iktar frekwenti lill-mexxejja mill-istess Stat Membru bħall-Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari minħabba l-eventwali eżistenza ta’ kuntatti li seħħew qabel id-dħul fil-kariga ta’ dan il-membru, minħabba faċilitajiet prattiċi, b’mod partikolari lingwistiċi, jew inkella minħabba għarfien aħjar tal-interessi nazzjonali li jistgħu jkunu marbuta ma’ kif tintlaqa’ l-ħidma tal-Qorti tal-Awdituri.

430    Il-Qorti tal-Awdituri kellha ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tiddetermina sa fejn u f’liema kundizzjonijiet il-missjonijiet tal-Membri tagħha marbuta ma’ laqgħat ma’ mexxejja politiċi setgħu jiġu awtorizzati sabiex jiġi żgurat it-twettiq ta’ tali attivitajiet protokollari, u dan kemm-il darba tali missjonijiet ma jkollhomx bħala għan reali t-twettiq ta’ attività politika, li, kif jirriżulta mill-punt 272 ta’ din is-sentenza, hija inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

431    Għalkemm mill-punt 383 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-missjonijiet tal-Membri tagħha ma kinux jinkludu deċiżjoni ċara adottata minn dik l-istituzzjoni dwar dan is-suġġett, mir-regoli dwar l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità jistgħu jiġu dedotti indikazzjonijiet utli fir-rigward tad-duttrina segwita fi ħdan dik l-istituzzjoni.

432    Fil-fatt, l-importanza li l-Qorti tal-Awdituri kienet tagħti lir-relazzjonijiet miżmuma mill-Membri tagħha ma’ mexxejja politiċi tidher min-nota tat‑22 ta’ April 2004, li kienet tispeċifika li l-“Membri għandhom jirrappreżentaw lill-Qorti [tal-Awdituri] b’mod partikolari meta, fl-interess tal-Qorti [tal-Awdituri], ikollhom relazzjonijiet professjonali ma’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan l-Unjoni […], Stati Membri jew pajjiżi oħra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

433    Bl-istess mod, kemm l-Istrateġija 2013‑2017 tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll l-Istrateġija ta’ komunikazzjoni u ta’ relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati adottata fit‑12 ta’ Diċembru 2013 kienu jsemmu l-ħtieġa, għall-Qorti tal-Awdituri, li tiżgura relazzjonijiet ma’ diversi atturi fosthom l-awtoritajiet politiċi nazzjonali u Ewropej inkarigati mill-kontroll tal-użu tal-fondi tal-Unjoni. It-tieni wieħed minn dawn id-dokumenti kien jipprovdi, barra minn hekk, li r-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali kellhom jiġu żgurati mill-Membri u mill-uffiċċju tagħhom.

434    Il-prassi segwita mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-missjonijiet ta’ K. Pinxten tikkonferma li din kienet eżerċitat il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fis-sens tal-ammissjoni, bħala prinċipju, ta’ rabta bejn il-missjonijiet li jkollhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja politiċi nazzjonali u l-funzjonijiet tal-Membri tagħha.

435    L-ewwel nett, matul iż-żewġ mandati tiegħu, diversi għexieren ta’ missjonijiet ta’ K. Pinxten ġew awtorizzati meta kellhom bħala l-uniku għan laqgħa ma’ mexxej politiku Belġjan.

436    Sussegwentement, waqt l-ewwel eżami mill-ġdid tal-missjonijiet ta’ K. Pinxten imwettaq mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri qabel l-investigazzjoni tal-OLAF, dawn il-missjonijiet bl-ebda mod ma ġew identifikati bħala missjonijiet potenzjalment problematiċi li kellhom ikunu s-suġġett ta’ ġustifikazzjonijiet supplimentari.

437    Fl-aħħar nett, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, apparti l-missjonijiet li fir-rigward tagħhom qiegħed jiġi invokat, fil-kuntest tal-ewwel ilment, li huma irregolari, missjonijiet oħra ta’ K. Pinxten li kellhom bħala għan laqgħa ma’ personalitajiet politiċi Belġjani jibqgħu, mill-perspettiva tal-Qorti tal-Awdituri, kompletament regolari.

438    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-missjonijiet awtorizzati, b’mod trasparenti, sabiex jinżammu laqgħat ma’ mexxejja politiċi ma jistgħux, b’mod ġenerali, jitqiesu li huma, minħabba l-għan tagħhom, manifestament irregolari.

439    Din l-evalwazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-argument tal-Qorti tal-Awdituri li r-rappreżentanza ta’ dik l-istituzzjoni kienet żgurata mill-President tagħha u mill-Membri tagħha responsabbli għar-relazzjonijiet istituzzjonali u għall-kontroll tal-kwalità tal-awditu.

440    Minn naħa, dan l-argument huwa kontradett direttament mid-dokumenti maħruġa minn dik l-istituzzjoni u msemmija fil-punt 433 ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi argument lanqas ma huwa konsistenti mal-fatt li d-Deċiżjoni Nru 7‑2004 kienet tipprevedi li l-Membri kollha tal-imsemmija istituzzjoni jistgħu jibbenefikaw mill-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità sostnuti fil-kwalità tagħhom ta’ Membru.

441    Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk l-ispjegazzjonijiet mogħtija u l-provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jistabbilixxux, għal kull waħda mill-missjonijiet li l-għan tagħhom kien marbut ma’ laqgħa ma’ mexxej politiku, raġuni li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-missjoni inkwistjoni ma kellhiex għan protokollari leġittimu.

442    F’din il-perspettiva, jidher, fl-ewwel lok, li diversi missjonijiet ippreżentati minn K. Pinxten bħala li kellhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja politiċi Belġjani jistgħu jkunu marbuta direttament mal-attività politika tiegħu li hija inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu, li r-realtà tagħha ġiet ikkonstatata waqt l-eżami tar-raba’ lment, sa fejn dawn, fir-realtà, kellhom bħala għan li jippermettulu jipparteċipa f’laqgħa tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni.

443    Tali missjonijiet, li ġew awtorizzati abbażi ta’ talbiet li ħallew barra informazzjoni essenzjali u li kienu, fir-realtà, marbuta ma’ attività inkompatibbli mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, ma jistgħux jitqiesu li huma regolari.

444    Konstatazzjoni bħal din tista’ ssir għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 54, 60, 61, 70, 81, 84, 85, 88 u 94, peress li l-Qorti tal-Awdituri pproduċiet minuti li juru l-preżenza ta’ K. Pinxten f’laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni matul dawn il-missjonijiet, laqgħat li madankollu ma kinux jissemmew fit-talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ missjoni tagħhom.

445    Iċ-ċirkustanza li l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 94 ma kellhiex biss bħala għan laqgħa ma’ personalitajiet politiċi Belġjani iżda kellha wkoll bħala għan il-parteċipazzjoni f’laqgħa fil-Parlament Ewropew ma tistax tistabbilixxi r-regolarità ta’ din il-missjoni sa fejn il-minuti mfassla rispettivament mill-partit politiku inkwistjoni u mill-Parlament Ewropew jistabbilixxu li K. Pinxten ipparteċipa biss fil-laqgħa organizzata minn dan il-partit.

446    Il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 95, 396, 410, 413 u 414 għandhom ukoll jitqiesu li kellhom bħala għan reali li jippermettu lil K. Pinxten jipparteċipa fil-laqgħat tal-uffiċċju tal-partit politiku inkwistjoni, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-aġenda ta’ K. Pinxten u f’ittri elettroniċi skambjati ma’ mexxejja ta’ dan il-partit. L-istess jgħodd għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 299 u 369, abbażi biss tal-indikazzjonijiet ċari li jistgħu jiġu rrilevati f’din l-aġenda.

447    Għalkemm ma kellhomx bħala l-għan iddikjarat tagħhom laqgħa ma’ personalità politika Belġjana, diversi missjonijiet għandhom, b’analoġija, jissemmew hawnhekk sa fejn ippermettew il-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten fil-laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni u, għal din ir-raġuni, għandhom jiġu kkunsidrati li huma parzjalment irregolari.

448    Dan huwa l-każ tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 39, 45 u 86. Filwaqt li dawn it-tliet missjonijiet kellhom bħala għan iddikjarat tagħhom laqgħat ma’ operaturi ekonomiċi privati jew ma’ mexxejja ta’ assoċjazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha minuti ta’ laqgħat tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni li jindikaw il-preżenza ta’ K. Pinxten f’dawn il-laqgħat fid-dati li jikkorrispondu għal dawk tal-imsemmija missjonijiet.

449    Bl-istess mod, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 68, anki jekk kienet tirrigwarda wkoll attività ta’ rappreżentanza li r-regolarità tagħha ma hijiex ikkontestata, għandha titqies li hija parzjalment irregolari sa fejn K. Pinxten ipparteċipa, matul iż-żmien assenjat għal din il-missjoni, f’laqgħa tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni, kif jixhdu l-minuti ta’ din il-laqgħa.

450    Fit-tieni lok, sensiela ta’ missjonijiet imwettqa minn K. Pinxten kellhom bħala għan il-parteċipazzjoni f’attivitajiet jew f’riċevimenti organizzati mill-partit politiku inkwistjoni apparti l-laqgħat tal-bord tiegħu.

451    B’hekk, fir-rigward tal-istediniet irċevuti minn K. Pinxten u tal-indikazzjonijiet li jidhru fl-aġenda tiegħu, jidher li, taħt il-kopertura ta’ raġunijiet uffiċjali bbażati fuq laqgħat ma’ personalitajiet politiċi Belġjani, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 120, 175, 221 u 365 kellhom bħala għan il-parteċipazzjoni fil-ġranet parlamentari tal-partit politiku inkwistjoni, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 207, 298 u 381 kif ukoll, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 229, fir-riċevimenti tal-ewwel tas-sena ta’ dan il-partit, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 258 fiż-żjara ta’ belt organizzata għall-membri tal-imsemmi partit, jew ukoll il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 260 u 289, rispettivament, f’ġurnata ta’ studju u f’kungress tal-istess partit.

452    Barra minn hekk, attivitajiet tal-istess tip xi drabi twettqu abbażi ta’ raġunijiet differenti minn laqgħa ma’ personalitajiet politiċi Belġjani.

453    B’hekk, jirriżulta, l-ewwel nett, mill-aġenda ta’ K. Pinxten, li l-missjoni bin-numru 69, ippreżentata bħala li kellha bħala għan il-parteċipazzjoni f’“kungress”, kienet marbuta mal-kungress tal-partit politiku inkwistjoni.

454    Sussegwentement, għalkemm il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 275 kienet iġġustifikata minn stedina ta’ persuna li l-funzjonijiet tagħha ma humiex indikati, fattura prodotta mill-Qorti tal-Awdituri u indikazzjoni f’din l-aġenda jistabbilixxu li din il-missjoni kellha bħala għan reali l-parteċipazzjoni f’“kafè politiku” organizzat minn dan il-partit politiku.

455    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, abbażi tal-imsemmija aġenda u ta’ ittra elettronika ta’ assistenta ta’ K. Pinxten bid-data tal‑25 ta’ Lulju 2017, li, taħt il-kopertura ta’ stedina tal-grupp politiku ALDE fil-Parlament Ewropew, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 308 u 416 kellhom bħala għan il-parteċipazzjoni fil-ġranet parlamentari tal-partit politiku inkwistjoni.

456    Fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 269, li l-għan uffiċjali tagħha kien “Stedina formali, Ministru għall-Istat, Herman de Croo Centrum”, din ukoll għandha tintrabat mal-attività politika ta’ K. Pinxten, peress li din il-missjoni kienet tikkonċerna żjara f’istituzzjoni li tippreżenta ruħha bħala li nħolqot sabiex jitfakkar l-ex president tal-partit politiku inkwistjoni.

457    Il-missjonijiet imsemmija fil-punti 451 sa 456 ta’ din is-sentenza għandhom jitqiesu bħala li huma inseparabbli mill-attività politika ta’ K. Pinxten li hija s-suġġett tal-ewwel parti tar-raba’ lment u bħala li huma, għal din ir-raġuni, manifestament irregolari.

458    Il-fatt li l-avvenimenti organizzati mill-partit politiku inkwistjoni li huma s-suġġett ta’ wħud minn dawn il-missjonijiet ma kellhomx, a priori, l-għan li tiġi diskussa l-linja politika ta’ dan il-partit, iżda kellhom pjuttost dimensjoni festiva ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni din l-evalwazzjoni peress li r-rabta tagħhom ma’ moviment politiku li fi ħdanu huwa kien jeżerċita attività inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu ma kinitx tippermetti lil K. Pinxten jipparteċipa fihom mingħajr ma jikser l-obbligu ta’ indipendenza tiegħu.

459    Għaldaqstant, il-fatt li wħud mill-imsemmija missjonijiet kienu ġew awtorizzati abbażi ta’ talba li kienet tiddeskrivi b’mod suffiċjentement trasparenti l-għan tagħhom huwa irrilevanti għall-finijiet ta’ din il-proċedura.

460    Għall-kuntrarju, fil-każ tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 34, il-fatt li l-aġenda ta’ K. Pinxten tindika li huwa kellu jipparteċipa fir-riċeviment tal-ewwel tas-sena tal-partit politiku inkwistjoni fid‑19 ta’ Jannar 2009 ma huwiex ta’ natura li juri li l-wasla tiegħu fi Brussell f’din id-data, meta din il-missjoni kellha bħala għan il-parteċipazzjoni f’laqgħa tal-Parlament Ewropew l-għada filgħodu, kienet manifestament separabbli mill-għan iddikjarat tal-imsemmija missjoni peress li tali għażla setgħet tkun iġġustifikata għal raġunijiet prattiċi.

461    Bl-istess mod, għalkemm il-Qorti tal-Awdituri ssemmi, fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 74, il-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten f’laqgħa tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni, mill-ordni ta’ missjoni jirriżulta li din il-missjoni bdiet biss diversi sigħat wara li nżammet din il-laqgħa.

462    Fit-tielet lok, missjonijiet oħra li għandhom bħala għan iddikjarat laqgħa ma’ mexxejja politiċi Belġjani ma jistgħux, fid-dawl tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, jintrabtu ma’ laqgħat jew ma’ attivitajiet oħra organizzati mill-partit politiku inkwistjoni.

463    Huwa minnu li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-mexxejja politiċi msemmija fl-ordnijiet ta’ dawn il-missjonijiet huma ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri, b’mod kredibbli, bħala li jappartjenu għal dan il-partit politiku.

464    Madankollu, ir-rabtiet mill-qrib ikkonstatati bejn K. Pinxten u l-partit politiku inkwistjoni ma jistgħux ikunu biżżejjed, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, sabiex tiġi stabbilita preżunzjoni li tippermetti li tiġi dedotta sistematikament in-natura manifestament irregolari ta’ missjoni li jkollha bħala għan laqgħa ma’ mexxej politiku minħabba s-sempliċi fatt li dan tal-aħħar huwa membru ta’ dan il-partit politiku.

465    Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-rwol importanti li kellu l-imsemmi partit fil-ħajja politika Belġjana u tar-relazzjonijiet li seta’ leġittimament ikollu K. Pinxten fi ħdan dan il-partit minħabba l-attivitajiet tiegħu qabel id-dħul fil-kariga tiegħu, l-organizzazzjoni ta’ ċertu numru ta’ missjonijiet protokollari li jirrigwardaw mexxejja politiċi li jappartjenu għall-istess partit ma tistax titqies li ma hijiex plawżibbli.

466    Għalkemm il-Qorti tal-Awdituri ssostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li hija ma kinitx taf bl-appartenenza partiġġjana ta’ dawn il-mexxejja politiċi qabel l-investigazzjoni tal-OLAF, dan l-argument ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-talbiet ta’ K. Pinxten kienu ta’ natura frawdolenti jew kienu jħallu barra informazzjoni essenzjali, u dan iktar u iktar meta fil-parti l-kbira tagħhom il-missjonijiet inkwistjoni kienu jikkonċernaw numru żgħir ta’ persuni li l-appartenenza politika tagħhom kienet magħrufa pubblikament u meta diversi minn dawn il-missjonijiet kellhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja politiċi identifikati espliċitament bħala li jokkupaw, b’mod partikolari, il-funzjonijiet ta’ “kap ta’ partit”.

467    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-Qorti tal-Awdituri ma ssodisfatx l-oneru tal-prova li hija għandha fil-każijiet fejn hija tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-irregolarità ta’ missjoni billi tibbaża ruħha fuq is-sempliċi fatt li l-mexxej politiku msemmi fl-ordni ta’ missjoni inkwistjoni kien membru tal-partit politiku inkwistjoni, mingħajr ma tipproduċi ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li din il-missjoni ma kinitx tissodisfa l-kriterji applikati fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri, fiż-żmien rilevanti, sabiex tiġi ammessa r-regolarità ta’ missjoni protokollari.

468    Tali sitwazzjoni tista’ tiġi rrilevata għal sensiela ta’ missjonijiet li fihom K. Pinxten kien awtorizzat jiltaqa’ ma’ mexxej politiku li jokkupa funzjonijiet ewlenin, kemm jekk huwa Membru tal-Parlament Ewropew, fil-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 19, 301, 330, 355 u 402, kif ukoll, parzjalment, fil-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 296, Membru tal-Gvern Belġjan, fil-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numru 43, 66, 92, 97, 169, 211, 215, 248, 303, 352 u 395, kif ukoll, parzjalment, fil-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 118, 326 u 339, jew inkella Membru tal-Parlament Belġjan, fil-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 41, 49, 171, 203, 204, 208, 211, 238, 313, 331, 334, 336, 346 u 354, kif ukoll, parzjalment, fil-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 326.

469    Din is-soluzzjoni għandha tiġi applikata wkoll għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 1 u 7, li kellhom bħala għan laqgħa ma’ membru ta’ uffiċċju ministerjali.

470    Fir-rigward tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 319 u 320, il-membru ta’ uffiċċju ministerjali msemmi fl-ordni ta’ missjoni ma huwiex deskritt mill-Qorti tal-Awdituri bħala li jappartjeni għall-partit politiku inkwistjoni. Madankollu, dik l-istituzzjoni tqis li dawn il-missjonijiet għandhom jintrabtu ma’ attività politika jew privata, minħabba r-rabta tagħhom mal-qasam tat-trasport. Dan l-element huwa madankollu insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura manifestament irregolari tal-imsemmija missjonijiet.

471    Fir-raba’ lok, il-loġika użata fir-rigward tal-missjonijiet li għandhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja politiċi li jokkupaw funzjonijiet ewlenin ma tistax tiġi trasposta għal missjonijiet li għandhom bħala għan laqgħa ma’ persuni li kienu okkupaw tali funzjonijiet iżda li kienu telqu dawn il-funzjonijiet fid-data tal-missjoni inkwistjoni, peress li tali laqgħa għandha, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, tiġi kkunsidrata bħala manifestament nieqsa minn interess protokollari għall-Qorti tal-Awdituri.

472    Bl-istess mod, laqgħa ma’ mexxej politiku lokali għandha, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, titqies li manifestament ma għandhiex rabta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

473    Abbażi ta’ dawn il-kriterji, u fl-assenza ta’ produzzjoni minn K. Pinxten ta’ elementi ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numru 15 u 253 għandhom jitqiesu li huma manifestament irregolari peress li mill-għan stess ta’ dawn il-missjonijiet, kif iddikjarat minn K. Pinxten, jirriżulta li dawn kellhom bħala għan laqgħa, rispettivament, ma’ ex Ministru u ma’ ex Membru tal-Parlament Belġjan.

474    F’dak li jikkonċerna l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 232, għandu jiġi kkonstatat li l-kwalità ta’ “Ministru għall-Istat”, li hija attribwita lill-persuna li magħha kellha tinżamm laqgħa fil-kuntest ta’ din il-missjoni, tikkostitwixxi titolu onorarju li ma jimplikax l-eżerċizzju attwali ta’ funzjoni politika ewlenija. Ir-raġuni għal tali missjoni tidher għalhekk qarrieqa u din għandha, fi kwalunkwe każ, titqies li hija manifestament irregolari.

475    Bl-istess mod, il-parteċipazzjoni f’riċeviment organizzat mill-komun ta’ Overpelt, li kienet tagħmel parti mill-għan tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 378, għandha wkoll titqies li manifestament ma għandhiex rabta mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

–       Fuq irrelazzjonijiet ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati

476    Diversi missjonijiet li wasslu għar-rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni jew għall-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum li huma s-suġġett tal-ewwel ilment kienu jirrigwardaw ir-relazzjonijiet miżmuma minn K. Pinxten ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati.

477    Ir-regoli legali dwar il-missjonijiet tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri li jkollhom bħala għan laqgħa ma’ tali mexxejja għandhom jiġu distinti minn dawk dwar il-missjonijiet relatati mar-relazzjonijiet miżmuma ma’ mexxejja politiċi.

478    Fil-fatt, sa fejn, skont l-Artikolu 285 TFUE, il-Qorti tal-Awdituri għandha l-funzjoni li tiżgura l-verifika tal-kontijiet tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet miżmuma mal-operaturi ekonomiċi privati jistgħu jkunu ta’ interess iżgħar għal dik l-istituzzjoni minn dawk miżmuma mal-mexxejja pubbliċi.

479    Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li n-nota tat‑22 ta’ April 2004 ma ssemmix bħala suġġeriment ta’ użu regolari tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri l-istediniet indirizzati lil mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati.

480    Id-dokumenti intiżi sabiex tiġi stabbilita l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, iċċitati fil-punt 433 ta’ din is-sentenza, lanqas ma jirreferu għal dawn il-mexxejja bħala li jikkostitwixxu partijiet ikkonċernati li magħhom dik l-istituzzjoni tixtieq tikkomunika sabiex tiżgura l-promozzjoni tal-ħidma tagħha.

481    L-argument ta’ K. Pinxten li l-missjonijiet li jkollhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati huma ġġustifikati mill-ħtieġa li jiġu skambjati ideat ma’ atturi fid-dinja ekonomika sabiex jalimentaw id-diskussjonijiet fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri ma jistax, f’dan il-kuntest, jistabbilixxi rabta suffiċjenti mal-funzjonijiet ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni sabiex jiġi ġġustifikat l-użu tar-riżorsi tagħha.

482    Għaldaqstant, minkejja li l-parti l-kbira tal-missjonijiet li kellhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja ta’ operaturi privati kienu ġew awtorizzati mill-Qorti tal-Awdituri abbażi ta’ talbiet kompletament trasparenti min-naħa ta’ K. Pinxten, dan tal-aħħar ma setax ma kienx jaf li, ħlief f’ċirkustanzi partikolari li jistgħu jistabbilixxu rabta partikolari bejn l-attivitajiet rispettivi tal-operatur privat ikkonċernat u ta’ dik l-istituzzjoni, tali raġuni manifestament ma kinitx ta’ natura li tikkaratterizza rabta suffiċjenti mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-imsemmija istituzzjoni.

483    F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, għandhom jiġu kkunsidrati bħala manifestament irregolari l-missjonijiet iġġustifikati minn stedina indirizzata minn mexxej ta’ operatur ekonomiku privat ta’ dimensjoni multinazzjonali.

484    Din il-konklużjoni tapplika, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 33 u 104, li kienu marbuta ma’ stediniet minn mexxejja ta’ gruppi industrijali, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 45, li kellha bħala għan ikla ta’ nofsinhar ma’ persuna deskritta minn K. Pinxten bħala membru ta’ diversi bordijiet ta’ diretturi, u l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 325, li kellha bħala għan laqgħa ma’ direttur ta’ bank kummerċjali.

485    Bl-istess mod, minkejja li l-allegazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-għan reali tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 257 u 259 ma jidhrux li huma stabbiliti fid-dawl tal-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn għandhom madankollu jitqiesu li huma manifestament irregolari sa fejn kellhom bħala għan tweġiba għall-istediniet mibgħuta, rispettivament, minn uffiċċju internazzjonali ta’ avukati u minn operatur tal-elettriku.

486    Dan huwa wkoll il-każ tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 74, li kienet iġġustifikata minn stedina min-naħa ta’ mexxej ta’ grupp ta’ assigurazzjonijiet u li kellha bħala għan, fid-dawl tal-informazzjoni li tirriżulta mill-aġenda ta’ K. Pinxten, il-preżenza f’kunċert.

487    Il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 75 u 307 kif ukoll, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 86 għandhom ukoll jitqiesu li huma manifestament irregolari sa fejn kellhom bħala għan laqgħa mad-direttur ta’ grupp postali, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li mill-ittri elettroniċi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jista’ jiġi stabbilit li K. Pinxten kien aġixxa bħala intermedjarju għal dan id-direttur f’kawża ta’ għajnuna mill-Istat.

488    Fit-tieni lok, l-irregolarità manifesta li għandhom, bħala prinċipju, il-missjonijiet li jkollhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati tapplika, a fortiori, għall-missjonijiet marbuta ma’ operaturi ekonomiċi privati lokali.

489    Dan huwa l-każ, l-ewwel nett, tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 73, 76, 251 u 295, li kellhom bħala għan laqgħa mal-mexxejja ta’ kumpanniji ta’ esperti fil-kontabbiltà tar-reġjun li minnu joriġina K. Pinxten, kif ukoll tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 130, li kellha bħala għan laqgħa mal-mexxej ta’ diversi impriżi ta’ dan ir-reġjun.

490    Bl-istess mod, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 82 kif ukoll, parzjalment, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 121 u 310 għandhom jitqiesu li huma manifestament irregolari peress li laqgħat repetuti ma’ promotur ta’ proġetti ta’ proprjetà immobbli attiv fir-reġjun li minnu joriġina K. Pinxten jidhru li ma għandhom ebda relazzjoni mal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri.

491    Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li dik l-istituzzjoni naqset milli tistabbilixxi l-fondatezza tal-allegazzjoni li K. Pinxten iltaqa’ ma’ dan il-promotur ta’ proġetti ta’ proprjetà immobbli minħabba l-interess tiegħu fi proġett partikolari ta’ proprjetà immobbli.

492    Sussegwentement, ċelebrazzjonijiet lokali organizzati minn operaturi ekonomiċi privati bħall-anniversarju ta’ kumpannija portwali stabbilita f’Antwerp (il-Belġju), li huwa l-għan tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 363, jew l-inawgurazzjoni ta’ linja tal-ibbottiljar f’fabbrika, li ġġustifikat il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 390, manifestament ma jistgħux jitqiesu li huma marbuta mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri.

493    Fl-aħħar nett, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 100, 239, 283, 287, 359 u 406 għandhom ukoll jitqiesu li huma manifestament irregolari għall-istess raġuni, peress li kellhom bħala għan laqgħa ma’ negozjant Belġjan deskritt minn K. Pinxten, waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF, bħala l-amministratur ta’ grupp li tiegħu huwa azzjonist u bħala “ħabib għal żmien twil”. L-użu tar-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri sabiex jiġu ffinanzjati tali missjonijiet juri nuqqas ta’ distinzjoni bejn l-interessi ta’ dik l-istituzzjoni u l-interessi privati ta’ K. Pinxten, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li, mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li K. Pinxten kien jiżgura funzjoni ta’ konsulenza ma’ dan in-negozjant f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar mal-Kummissjoni.

494    Għall-kuntrarju, fit-tielet lok, ma jistax jitqies li missjonijiet li jkollhom bħala għan skambji ma’ mexxejja ta’ uffiċċji internazzjonali tal-awditjar huma manifestament irregolari.

495    Fil-fatt, peress li l-kompiti konkreti mwettqa minn dawn l-uffiċċji huma, parzjalment, paragunabbli ma’ dawk fdati lill-Membri u lill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri u peress li dik l-istituzzjoni hija meħtieġa tikkollabora mal-imsemmija uffiċċji, ma jistax jiġi eskluż li l-Membri tal-imsemmija istituzzjoni jistgħu jwettqu missjonijiet li jkollhom bħala għan iż-żamma ta’ relazzjonijiet professjonali mal-istess uffiċċji.

496    Barra minn hekk, matul din il-proċedura, il-Qorti tal-Awdituri rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ kuntatti regolari bejn il-membri tal-persunal ta’ dik l-istituzzjoni u dawk tal-uffiċċji internazzjonali tal-awditjar.

497    Għalkemm din l-istituzzjoni ssostni li dawn il-kuntatti għandhom ikunu rregolati minn kuntratti pubbliċi jew għandhom iseħħu f’attivitajiet ta’ taħriġ, għandu jiġi kkonstatat li tali prinċipji ma humiex previsti fir-regoli interni li tirreferi għalihom l-istess istituzzjoni u ma jikkorrispondux għall-prassi tagħha, kif tirriżulta mill-ordnijiet ta’ missjoni ta’ K. Pinxten.

498    Minn dan isegwi li l-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 47, 103, 161, 210 u 277 li l-għan tagħhom kien, b’mod trasparenti, li jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten f’avveniment organizzat minn uffiċċju internazzjonali tal-awditjar u indirizzat għall-mexxejja tal-istituzzjonijiet Ewropej ma jistgħux jitqiesu li huma manifestament irregolari.

499    L-istess japplika fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 237 kif ukoll, parzjalment, fir-rigward tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 373 u 374, sa fejn dawn il-missjonijiet kellhom bħala għan laqgħat ma’ mexxejja ta’ uffiċċji internazzjonali tal-awditjar. Il-fatt li l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 157 u, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 339, li kellhom għan tal-istess natura, twettqu, rispettivament, fis-sede ta’ ċirku privat u ta’ impriża kbira ma jistax ikun biżżejjed, fl-assenza ta’ informazzjoni supplimentari, sabiex jiġġustifika konklużjoni differenti fir-rigward ta’ dawn il-missjonijiet.

500    Fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 199, li wkoll kellha bħala għan laqgħa mal-mexxej ta’ uffiċċju internazzjonali tal-awditjar, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li l-għan reali ta’ din il-missjoni kien li tiġi diskussa offerta ta’ impjieg li setgħet tinteressa lil wild ta’ K. Pinxten.

501    Id-dokumenti prodotti minn dik l-istituzzjoni madankollu ma jippermettux li jiġi stabbilit, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li din il-laqgħa kienet ġiet organizzata għal dan il-għan jew li kienet tirrigwarda prinċipalment l-interessi tal-familja ta’ K. Pinxten u lanqas, għaldaqstant, ma jippermettu li tiġi stabbilita l-irregolarità manifesta ta’ din il-missjoni. Huwa minnu li, mill-ittri elettroniċi prodotti mill-imsemmija istituzzjoni jirriżulta li l-persuna li magħha nżammet laqgħa fil-kuntest tal-imsemmija missjoni rċeviet, wara l-laqgħa tagħha ma’ K. Pinxten, il-curriculum vitae ta’ wieħed mill-ulied ta’ dan tal-aħħar u indikat possibbiltajiet ta’ impjieg potenzjali għal dan il-wild. Madankollu, il-ġustifikazzjoni pprovduta minn K. Pinxten, fis-sens li ikla ta’ ħidma ta’ nofsinhar tista’ tkun akkumpanjata minn diskussjonijiet iktar informali dwar, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni tal-familja tal-parteċipanti li jistgħu jispjegaw dawn l-ittri elettroniċi, ma jidhirx li ma hijiex plawżibbli.

–       Fuq irrelazzjonijiet ma’ organi rappreżentattivi u ma’ assoċjazzjonijiet

502    Erbgħin missjoni li wasslu għar-rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni jew għall-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum u li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Awdituri ssostni, fil-kuntest tal-ewwel ilment, li huma irregolari, kienu jikkonċernaw attivitajiet ta’ K. Pinxten marbuta ma’ organi rappreżentattivi jew ma’ assoċjazzjonijiet.

503    Tali missjonijiet jinsabu f’sitwazzjoni li taqa’ x’imkien bejn il-missjonijiet relatati mar-relazzjonijiet ma’ mexxejja politiċi u dawk relatati mar-relazzjonijiet ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati.

504    B’hekk, minkejja li l-organi li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili ma kinux imsemmija fir-regoli tal-Qorti tal-Awdituri li jirregolaw l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità jew fid-dokumenti li jiddefinixxu l-istrateġija ta’ komunikazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-organi jistgħu madankollu jesprimu pożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tal-istituzzjonijiet li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tat-tfassil ta’ rapporti dwar dan il-funzjonament.

505    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi kompletament eskluż li l-Qorti tal-Awdituri tista’ tqis b’mod validu, f’każijiet partikolari, li missjonijiet marbuta ma’ tali organi għandhom ikunu marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Membri tagħha.

506    Madankollu, l-eżami tal-prassi segwita minn K. Pinxten, kif tidher fl-ordnijiet ta’ missjoni rilevanti, jippermetti li jiġi konkluż li, minkejja l-għoti repetut ta’ awtorizzazzjonijiet mill-Qorti tal-Awdituri fuq bażi ġeneralment trasparenti, huwa ma setax ma kienx jaf li l-missjonijiet tiegħu marbuta ma’ organi rappreżentattivi jew ma’ assoċjazzjonijiet manifestament ma kellhomx interess reali għal dik l-istituzzjoni.

507    L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-punt 502 ta’ din is-sentenza, K. Pinxten wettaq, matul il-mandati tiegħu, diversi għexieren ta’ missjonijiet ta’ dan it-tip.

508    Sussegwentement, jidher li dawn il-missjonijiet twettqu b’mod kważi sistematiku ma’ organi lokali li l-portata ta’ azzjoni tagħhom kienet limitata għal Limbourg jew għar-Reġjun ta’ Vlaanderen (il-Belġju).

509    Fl-aħħar nett, l-imsemmija missjonijiet fir-realtà twettqu ma’ numru limitat ħafna ta’ atturi, li rċevew żjarat repetuti minn K. Pinxten.

510    Issa, sa fejn ir-rabta indiretta bejn l-attivitajiet tal-Qorti tal-Awdituri u l-organi rappreżentattivi jew l-assoċjazzjonijiet ma tippermettix li tiġi kkunsidrata r-regolarità ta’ tali missjonijiet ħlief f’każijiet partikolari, ma jistax jiġi manifestament ikkunsidrat li kien fl-interess tal-Qorti tal-Awdituri li jiġu żgurati, b’mod repetut, il-promozzjoni tal-ħidma tagħha ma’ atturi lokali jew skambji ta’ opinjonijiet ma’ tali atturi.

511    B’hekk, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 48, 132, 170, 192, 209, 217, 224, 228, 242, 256, 271, 292, 304, 305, 318, 328, 353, 361, 380 u 398 kif ukoll, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 155 għandhom jitqiesu li huma manifestament irregolari peress li kellhom bħala għan iż-żamma ta’ relazzjonijiet mal-Vlaams Netwerk van ondernemingen Limburg (il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Limbourg, il-Belġju) permezz ta’ laqgħat mad-diretturi tagħha jew il-parteċipazzjoni f’laqgħat annwali, f’riċevimenti tal-ewwel tas-sena, f’festini tas-sajf u f’attivitajiet soċjali oħra organizzati minn dan l-organu.

512    L-istess konklużjoni tapplika għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 83, 174, 219 u 311 kif ukoll, parzjalment, għall-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 118, li kienu jirrigwardaw stediniet minn federazzjoni ta’ persuni li jimpjegaw ta’ Limbourg, u għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 131, 227, 261 kif ukoll, parzjalment, għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 326 u 378, li kellhom bħala għan il-parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ grupp ta’ impriżi tas-settur industrijali attivi f’Overpelt.

513    Għalkemm il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 93 u, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 310 kienu relatati ma’ organi ta’ Limbourg li kienu kkonċernati biss minn missjoni waħda, jiġifieri assoċjazzjoni ta’ integrazzjoni professjonali u grupp informali ta’ diriġenti lokali, il-kuntest deskritt fil-punti 506 sa 509 ta’ din is-sentenza jippermetti li dawn il-missjonijiet ukoll jitqiesu li huma manifestament irregolari.

514    Din l-analiżi għandha tiġi trasposta għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 154 u 230, li kienu relatati ma’ organu li għandu bħala għan il-promozzjoni tal-interessi tar-Reġjun ta’ Vlaanderen fi Brussell, kif ukoll għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 134 u 135, li kellhom bħala għan il-parteċipazzjoni fir-riċeviment tal-ewwel tas-sena ta’ fond ta’ investiment tar-Reġjun ta’ Vlaanderen.

515    Għall-kuntrarju, ir-rwol importanti li għandhom il-federazzjonijiet ta’ impriżi li għandhom portata nazzjonali jimplika li l-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 137 u 143, li kellhom bħala għan laqgħa mal-President tal-fédération des entreprises belges (il-Federazzjoni tal-Impriżi Belġjani), kif ukoll il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 290 u, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 155, dwar il-parteċipazzjoni f’forums organizzati minn din il-federazzjoni, ma għandhomx jitqiesu li huma manifestament irregolari.

–       Fuq leżerċizzju ta’ attività esterna awtorizzata

516    Kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2015, il-Qorti tal-Awdituri awtorizzat lil K. Pinxten iwettaq attività esterna kompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni li kienet tikkonsisti f’li jokkupa l-pożizzjoni ta’ President tas-SBNL‑V.

517    Din il-fondazzjoni kienet deskritta, fit-talba li wasslet għal din id-deċiżjoni, bħala organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru intiża li tippromwovi l-kontribuzzjoni tal-proprjetarji tal-artijiet għall-bijodiversità u għall-ġestjoni ekoloġika tajba fil-Belġju.

518    Peress li attività esterna hija, mid-definizzjoni tagħha stess, distinta mill-funzjonijiet eżerċitati minn Membru tal-Qorti tal-Awdituri fi ħdan dik l-istituzzjoni, hija ma tistax tagħti lok għat-twettiq ta’ missjonijiet f’din il-kwalità ta’ Membru.

519    L-irregolarità ta’ missjonijiet marbuta direttament ma’ attività esterna awtorizzata għandha, barra minn hekk, titqies li hija manifesta meta tirriżulta min-natura stess ta’ tali attività.

520    Għandu jiġi ddeterminat, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jekk uħud mill-missjonijiet awtorizzati mill-Qorti tal-Awdituri jaqgħux, fir-realtà, taħt l-attività esterna eżerċitata minn K. Pinxten.

521    Għaldaqstant, għalkemm il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 368 u, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 392 ġew awtorizzati mill-Qorti tal-Awdituri abbażi ta’ talba kompletament trasparenti, huma għandhom jitqiesu li huma manifestament irregolari sa fejn kellhom bħala għan li jwieġbu għal stedina min-naħa tas-SBNL‑V, li għaliha kienet tirreferi l-ordni ta’ missjoni tagħhom.

522    Minbarra dawn iż-żewġ missjonijiet, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numru 323, 360, 385 u 405 kif ukoll, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 392 jistgħu jintrabtu mal-attività esterna awtorizzata ta’ K. Pinxten li tikkonsisti fil-presidenza ta’ din il-fondazzjoni.

523    Fil-fatt, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 405 u, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 385 kienu relatati ma’ laqgħa mal-mexxej ta’ fond li jiżgura l-finanzjament tal-premju prinċipali mogħti kull sena mis-SBNL‑V.

524    Fir-rigward tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 323 u 360 kif ukoll, parzjalment, tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 385 u 392, dawn kienu jikkonċernaw jew attività organizzata mill-European Landowners Organisation (l-Organizzazzjoni Ewropea tal-Proprjetarji tal-Artijiet, iktar ’il quddiem l-“ELO”), jew laqgħa ma’ mexxej ta’ din l-organizzazzjoni, f’data li fiha K. Pinxten kien President tas-SBNL‑V.

525    Issa, filwaqt li K. Pinxten ma jipprovdix spjegazzjoni preċiża dwar ir-rabta bejn l-ELO u l-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din l-organizzazzjoni hija marbuta mill-qrib mas-SBNL‑V.

526    B’hekk, l-ewwel nett, mid-deskrizzjoni tal-għan tas-SBNL‑V imsemmija fil-punt 517 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din tal-aħħar u l-ELO għandhom bħala għan, it-tnejn li huma, il-ħarsien tal-interessi tal-proprjetarji tal-artijiet.

527    Sussegwentement, il-mexxej tal-ELO li ltaqa’ miegħu K. Pinxten fil-kuntest ta’ missjonijiet awtorizzati mill-Qorti tal-Awdituri kien iffirma, bħala Segretarju Ġenerali tas-SBNL‑V, id-dokument li K. Pinxten ta lil dik l-istituzzjoni sabiex jiġi awtorizzat jokkupa l-pożizzjoni ta’ President ta’ din il-fondazzjoni. Minn minuti prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jirriżulta wkoll li dan il-mexxej tal-ELO kien ipparteċipa fl-assemblea ġenerali tas-SBNL‑V.

528    Fl-aħħar nett, ittri elettroniċi li jinsabu fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabtiet oħra bejn is-SBNL‑V u l-ELO, bħalma huma l-parteċipazzjoni ta’ din tal-aħħar fil-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-attività esterna msemmija iktar ’il fuq jew fil-preparazzjoni tal-għoti tal-premju prinċipali mogħti kull sena mis-SBNL‑V.

529    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkunsidrat li l-missjonijiet imsemmija fil-punt 524 ta’ din is-sentenza huma manifestament irregolari.

530    Din l-evalwazzjoni għandha tiġi trasposta għall-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 296 peress li din kellha parzjalment bħala għan li tippermetti lil K. Pinxten jiltaqa’ ma’ diriġenti tal-ELO u tas-SBNL‑V ftit qabel il-ħatra tiegħu bħala President ta’ din il-fondazzjoni.

531    Barra minn hekk, fil-każ tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 393, anki jekk il-parteċipazzjoni fl-assemblea ġenerali tal-conseil international de la chasse (il-Kunsill Internazzjonali tal-Kaċċa) fi Brussell kienet iddikjarata b’mod ċar fl-ordni ta’ missjoni, għandu jiġi rrilevat li K. Pinxten kien ippreżentat, fil-programm ta’ din l-assemblea ġenerali, mhux biss bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri iżda wkoll bħala President tas-SBNL‑V u li kien indikat, f’dan il-programm, li huwa kien ser jagħti xi kliem ta’ merħba “f’isem il-Belġju”.

532    Barra minn hekk, mill-iskambji ta’ ittri elettroniċi qabel din il-missjoni jirriżulta li K. Pinxten kellu, oriġinarjament, jagħmel diskors flimkien ma’ Ministru Belġjan u li l-parteċipazzjoni tiegħu fl-imsemmija assemblea ġenerali kienet ġiet ippreparata, b’mod partikolari, mill-ELO.

533    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-intervent ta’ K. Pinxten quddiem l-assemblea ġenerali tal-Kunsill Internazzjonali tal-Kaċċa għandu jintrabat mal-funzjonijiet tiegħu ta’ President tas-SBNL‑V u mhux mal-kwalità tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, konstatazzjoni din li timplika li l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 393 għandha titqies li hija manifestament irregolari.

534    Għall-kuntrarju, għalkemm hija marbuta b’mod espliċitu mal-ELO, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 128 ma tistax titqies li hija manifestament irregolari minħabba dan il-fatt biss peress li twettqet diversi snin qabel ma K. Pinxten ġie awtorizzat li jsir President tas-SBNL‑V.

535    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-parteċipazzjoni, abbażi ta’ ordni ta’ missjoni trasparenti, f’konferenza organizzata fil-Parlament Ewropew b’rabta ma’ organizzazzjoni rappreżentattiva ta’ dimensjoni Ewropea ma tistax titqajjem bħala kritika fil-konfront ta’ K. Pinxten.

536    L-istess jgħodd għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 411 u 412, li kienu relatati ma’ avvenimenti organizzati rispettivament mill-assoċjazzjoni “Friends of the Countryside” (Ħbieb tal-Kampanja) u mill-Fondation wallonne pour la conservation des habitats (il-Fondazzjoni tar-Reġjun ta’ Wallonie għall-Konservazzjoni tal-Habitats) peress li l-Qorti tal-Awdituri tibbaża l-kritika tagħha fuq rabtiet preżunti bejn dawn l-organi u s-SBNL‑V li ma humiex issostanzjati mill-provi prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

–       Fuq ilparteċipazzjoni f’avvenimenti ta’ kaċċa

537    Ħdax‑il missjoni li wasslu għar-rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni jew għall-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum li huma s-suġġett tal-ewwel ilment kellhom, skont il-Qorti tal-Awdituri, l-għan reali li jippermettu lil K. Pinxten jipparteċipa f’avvenimenti ta’ kaċċa.

538    Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li K. Pinxten effettivament eżerċita l-kaċċa matul dawn id-diversi missjonijiet.

539    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija missjonijiet kollha kienu ġew awtorizzati abbażi ta’ talbiet imressqa minn K. Pinxten li jirreferu għal stedina riċevuta jew għal attività ppjanata mingħajr ma kienu jinkludu ebda riferiment għall-kaċċa.

540    Għaldaqstant, peress li l-fatt li missjoni tinvolvi parteċipazzjoni f’avveniment ta’ kaċċa jikkostitwixxi informazzjoni essenzjali sabiex tiġi evalwata r-regolarità tagħha, K. Pinxten ma jistax, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 372 u 374 ta’ din is-sentenza, jinvoka b’mod validu aspettattivi leġittimi fiż-żamma tal-awtorizzazzjoni tal-missjonijiet inkwistjoni u għalhekk il-Qorti tal-Awdituri ma tistax tkun meħtieġa tistabbilixxi n-natura manifesta tal-irregolarità tagħhom.

541    F’dan il-kuntest, għalkemm huwa evidenti li, bħala tali, il-parteċipazzjoni f’avveniment ta’ kaċċa ma għandha ebda rabta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, għandu jitfakkar li mill-punti 399 u 428 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li missjoni ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni tista’ tawtorizza b’mod validu l-parteċipazzjoni tiegħu f’avveniment ta’ natura essenzjalment professjonali li jinkludi wkoll attività anċillari ta’ rikreazzjoni u, min-naħa l-oħra, li missjoni ta’ tali membru tista’ tkun iġġustifikata minn għan protokollari.

542    Għaldaqstant, sabiex tiġi evalwata r-regolarità tal-missjonijiet ta’ K. Pinxten li kienu jinvolvu l-parteċipazzjoni tiegħu f’avvenimenti ta’ kaċċa, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn il-missjonijiet kinux effettivament relatati ma’ avveniment essenzjalment ta’ natura professjonali jew jekk kellhomx dimensjoni verament protokollari.

543    F’dan ir-rigward, tali missjoni ma tistax, fl-ewwel lok, titqies li hija regolari meta jkollha sempliċement l-għan uffiċjali li twieġeb għal stedina min-naħa ta’ persuna li l-funzjonijiet tagħha ma jkunux relatati mill-qrib mal-attivitajiet tal-Qorti tal-Awdituri.

544    Il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 309, 327 u 366 għandhom għalhekk jitqiesu bħala irregolari sa fejn l-unika raġuni ppreżentata sabiex tiġġustifikahom hija bbażata fuq stedina min-naħa ta’ persuna li l-kwalità tagħha ma tirriżultax mill-ordni ta’ missjoni u ma ġietx iċċarata matul din il-proċedura.

545    L-istess japplika għall-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 329 u 377 sa fejn dawn kienu tweġiba għal stedina minn mexxej tal-ELO u kienu għalhekk marbuta, l-iktar l-iktar, mal-attività esterna awtorizzata ta’ K. Pinxten.

546    Barra minn hekk, l-interess li jistgħu jippreżentaw, għall-Qorti tal-Awdituri, ir-relazzjonijiet professjonali miżmuma mal-uffiċċji internazzjonali tal-awditjar ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 321, li ġiet ippreżentata bħala li kellha bħala għan tweġiba għal stedina min-naħa ta’ mexxej ta’ tali uffiċċju, peress li mid-dokumenti prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li din il-missjoni kellha bħala għan uniku l-parteċipazzjoni f’avveniment ta’ kaċċa organizzat minn dan il-mexxej.

547    Fit-tieni lok, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 337 u 386 kif ukoll, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 229 huma differenti mill-missjonijiet l-oħra marbuta ma’ avvenimenti ta’ kaċċa sa fejn kienu ppreżentati bħala li kellhom bħala għan il-parteċipazzjoni f’“Jiem Ewropej” organizzati fil-kastell ta’ Chambord.

548    Għandu jiġi kkonstatat, abbażi ta’ attestazzjoni redatta mid-Direttur Ġenerali tal-Patrimonju Nazzjonali ta’ Chambord u ta’ elementi kkonfiskati mill-OLAF, b’mod partikolari ittra elettronika tat‑13 ta’ Jannar 2012 li tirreferi għal “kaċċa Ewropea” u lista tal-parteċipanti f’wieħed mill-avvenimenti inkwistjoni, li jidher, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti tal-Awdituri, li avvenimenti li jiġbru flimkien persuni li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej kienu effettivament organizzati fil-kastell ta’ Chambord fid-dati kkonċernati minn dawn il-missjonijiet.

549    B’dan premess, l-ebda wieħed mid-dokumenti kkonfiskati mill-OLAF jew prodotti minn K. Pinxten ma jistabbilixxi li dawn l-avvenimenti kellhom xi dimensjoni professjonali. Għall-kuntrarju, il-programmi kkonfiskati mill-OLAF jipprevedu biss l-organizzazzjoni ta’ “segwimenti”, ta’ ikliet u ta’ “preżentazzjoni tal-annimali selvaġġi maqtula”.

550    Barra minn hekk, la t-talba għall-awtorizzazzjoni tal-missjonijiet inkwistjoni u lanqas dokumenti oħra prodotti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludu elementi li jindikaw li l-imsemmija avvenimenti kienu organizzati minn organu li miegħu l-Qorti tal-Awdituri għandha interess li żżomm relazzjonijiet jew mill-mexxej ta’ tali organu. Issa, fl-assenza ta’ tali elementi, jew, barra minn hekk, ta’ allegazzjoni min-naħa ta’ K. Pinxten f’dan ir-rigward, dawn l-istess avvenimenti ma jistgħux jiġġustifikaw l-organizzazzjoni ta’ missjonijiet għal finijiet protokollari.

551    Għaldaqstant, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 337 u 386 kif ukoll, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 229 għandhom jitqiesu li huma irregolari.

552    Fit-tielet lok, ir-raġuni tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 315 u 371 kienet tirrigwarda stediniet li joriġinaw, rispettivament, mis-servizzi tal-Kuruna Belġjana u minn membru tal-familja rjali Belġjana.

553    Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li K. Pinxten kien effettivament mistieden mill-familja rjali Belġjana sabiex jipparteċipa f’“avvenimenti ta’ kaċċa rjali” f’Ciergnon (il‑Belġju).

554    Madankollu, fl-assenza, fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ elementi li jistgħu jistabbilixxu l-fondatezza tal-allegazzjoni ta’ K. Pinxten li dawn l-avvenimenti ta’ kaċċa għandhom, fi ħdan ir-Renju tal-Belġju, dimensjoni protokollari notevoli, is-sempliċi fatt li l-istediniet ippreżentati joriġinaw mill-familja rjali Belġjana għandu jitqies li huwa insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita rabta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

555    Minn dan isegwi li l-irregolarità tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 315 u 371 għandha titqies li hija stabbilita.

–       Fuq ilmissjonijiet loħra msemmija millQorti talAwdituri

556    Serje ta’ missjonijiet li wasslu għar-rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni jew għall-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum li huma s-suġġett tal-ewwel ilment ma jaqgħux fil-kategoriji diġà eżaminati u għalhekk ir-regolarità tagħhom għandha tiġi evalwata każ b’każ.

557    Il-kritika tal-Qorti tal-Awdituri fir-rigward ta’ erbatax minn dawn il-missjonijiet għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

558    Fl-ewwel lok, fl-assenza ta’ kwalunkwe preċiżazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-raġuni tal-allegata irregolarità, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 310 ma tistax titqies li hija manifestament irregolari sa fejn kienet tirrigwarda, parzjalment, żjara f’università.

559    Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 347, il-laqgħa ma’ mexxej tal-Banque nationale de Belgique (il-Bank Nazzjonali tal-Belġju) kif ukoll ma’ membru parlamentari Belġjan u avukat, li jokkupa wkoll funzjonijiet fi ħdan dan il-bank, ma tistax tiġi kklassifikata bħala manifestament irregolari abbażi biss tal-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li din il-missjoni kienet “mingħajr rabta mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten” u tal-fatt li dan il-membru parlamentari kien membru tal-partit politiku inkwistjoni.

560    Fit-tieni lok, f’diversi każijiet, il-provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri ma humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-irregolarità invokata minn dik l-istituzzjoni.

561    L-ewwel nett, fir-rigward tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 57 u 391, li kellhom bħala għan laqgħat ma’ Membru tal-Kummissjoni, ma huwiex ikkontestat li tali laqgħa setgħet, bħala prinċipju, tkun marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

562    Issa, minn naħa, il-fondatezza tal-allegazzjoni ta’ dik l-istituzzjoni fis-sens li l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 57 kienet, fir-realtà, marbuta mal-organizzazzjoni ta’ festival mużikali li jinteressa lil K. Pinxten b’mod privat ma hijiex stabbilita.

563    Fil-fatt, din il-missjoni twettqet fit‑13 ta’ Lulju 2009, filwaqt li l-ittri elettroniċi dwar dan il-festival prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jikkonċernaw sussidju għas-sena 2011 u għandhom id-data ta’ Settembru u Ottubru 2011. Barra minn hekk, ir-rabta bejn l-imsemmija missjoni u dan is-sussidju tidher anki inqas plawżibbli peress li kien biss b’effett mill‑10 ta’ Frar 2010 li l-Membru kkonċernat tal-Kummissjoni kien inkarigat mill-kultura.

564    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Awdituri ma tipproduċi ebda dokument speċifiku insostenn tal-allegazzjoni li l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 391 kienet tikkonċerna “ikla ta’ nofsinhar privata”.

565    Il-fatt, li barra minn hekk ma ġiex stabbilit, li l-Membru kkonċernat tal-Kummissjoni huwa sieħeb fil-kaċċa ta’ K. Pinxten ma jistax, bħala tali, jippermetti li tiġi stabbilita n-natura privata tal-ikla inkwistjoni. Il-fatt li mexxej tal-ELO kien ipparteċipa wkoll f’din l-ikla lanqas ma huwa ta’ natura li jistabbilixxi l-fondatezza tal-pożizzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li ma huwiex ikkontestat li l-lista ta’ parteċipanti għal din l-ikla, li kienet inżammet fis-sede tal-Kummissjoni, ma kinitx ġiet stabbilita minn K. Pinxten.

566    Sussegwentement, għalkemm il-Qorti tal-Awdituri ma tikkontestax il-ġustifikazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten f’ċerimonja ta’ bidu ta’ sena edukattiva ġdida fil-Collège d’Europe (il-Kulleġġ tal-Ewropa) fi Bruges (il-Belġju), li kienet l-għan tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 63, hija madankollu ssostni li K. Pinxten ma kienx assista għal din iċ-ċerimonja.

567    F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkunsidrat li l-estratt ta’ sit internet prodott mill-Qorti tal-Awdituri ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ K. Pinxten għall-imsemmija ċerimonja, kemm fir-rigward tan-natura ta’ dan id-dokument, li ma jistax jiġi assimilat ma’ minuti b’lista ta’ preżenza, kif ukoll fir-rigward tat-termini użati fl-imsemmi dokument, li juru li huwa jsemmi biss parti mill-personalitajiet preżenti għall-istess ċerimonja.

568    Barra minn hekk, għalkemm huwa stabbilit li K. Pinxten, fid-data li fiha nżammet il-missjoni inkwistjoni, kellu ikla ta’ nofsinhar fi Brussell, il-provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri ma jippermettux li jiġi stabbilit il-ħin ta’ din l-ikla.

569    Fl-aħħar nett, ħames missjonijiet marbuta ma’ laqgħat ma’ diplomati, li setgħu bħala prinċipju jkunu marbuta mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri li jpoġġi fl-Awla responsabbli għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, huma deskritti bħala li huma ta’ natura privata mingħajr din l-allegazzjoni ma hija stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt.

570    B’hekk, fil-każ tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 56, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li l-ikla ta’ nofsinhar ma’ konslu tal-Federazzjoni Russa kienet marbuta ma’ intervent magħmul favur koppja Belġjana li xtaqet tadotta wild f’dan il-pajjiż.

571    Issa, id-dokumenti prodotti f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Awdituri, li huma sussegwenti b’diversi xhur għad-data ta’ din il-missjoni u li la jirreferu għal din l-ikla u lanqas għal xi fatt li seħħ preċedentement, ma jippermettux li jiġi stabbilit b’ċertezza li din kellha għan indipendenti mill-funzjonijiet ta’ K. Pinxten.

572    Il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 138, 196 u 382 kienu jirrigwardaw, b’mod kompletament trasparenti għall-aħħar tnejn, il-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten “f’ikla ta’ filgħaxija diplomatika” li kienet tinżamm, kull sena, fi Brussell.

573    Peress li ma huwiex ikkontestat li din l-ikla tiġbor numru kbir ta’ diplomati Belġjani, din tidher bħala prinċipju li tista’ tikkostitwixxi opportunità sabiex isiru skambji ta’ opinjonijiet dwar suġġetti li huma ta’ interess għall-Qorti tal-Awdituri kif ukoll sabiex jitrawwem għarfien dwar u sabiex tiġi promossa l-ħidma tagħha fost il-mexxejja ewlenin nazzjonali.

574    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-imsemmija ikla hija organizzata minn organu li għandu l-għan li jippromwovi l-interessi tar-Reġjun ta’ Vlaanderen fi Brussell ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri fis-sens li l-istess ikla kellha l-għan “li jippermetti lill-imprendituri tar-Reġjun ta’ Vlaanderen jiltaqgħu ma’ diplomatiċi Belġjani f’pożizzjoni barra mill-pajjiż”. Il-missjonijiet inkwistjoni ma jistgħux, għaldaqstant, jitqiesu li huma manifestament irregolari.

575    Fir-rigward tal-ikla ta’ nofsinhar mal-ambaxxatur tar-Renju tal-Belġju fi Franza, li kienet l-għan tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 284, għalkemm il-Qorti tal-Awdituri ssostni li din l-ikla kienet ta’ natura privata filwaqt li tinvoka relazzjoni ta’ ħbiberija bejn dan l-ambaxxatur u K. Pinxten u l-identità tal-parteċipanti l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li din in-natura ma ġietx stabbilita fl-assenza ta’ kwalunkwe prova li tista’ tagħti informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għan tal-imsemmija ikla u sa fejn is-sempliċi eżistenza ta’ tali relazzjoni ma hijiex fi kwalunkwe każ suffiċjenti sabiex jiġi eskluż li l-imsemmija ikla seta’ kellha dimensjoni professjonali.

576    Fit-tielet lok, il-parteċipazzjoni fil-funeral ta’ missier assistenta ta’ K. Pinxten, li kienet l-għan tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 335, li kienet ġiet awtorizzata mill-President tal-Qorti tal-Awdituri abbażi ta’ informazzjoni kkomunikata b’mod trasparenti, tista’ tintrabat mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni, li jista’ raġonevolment ikun mistenni jagħti l-appoġġ personali tiegħu f’tali okkażjoni lil wieħed mill-kollaboraturi mill-qrib tiegħu fi ħdan l-imsemmija istituzzjoni.

577    Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-elementi ta’ kritika dwar il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 102, 293 u 294 għandhom jiġu miċħuda sa fejn l-irregolaritajiet invokati fil-konfront ta’ K. Pinxten mill-Qorti tal-Awdituri jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu żbalji skużabbli min-naħa tiegħu.

578    B’hekk, l-irregolarità invokata fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 102 hija dovuta għal nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ ikla offruta għal ammont ta’ madwar tletin euro, mingħajr ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li tali inċident iżolat ma huwiex sempliċi żvista.

579    Fir-rigward tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 293 u 294, minkejja li l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li dawn il-missjonijiet inżammu minkejja l-annullament tal-laqgħa li kienet tiġġustifikahom tidher li hija fondata, fid-dawl ta’ indikazzjoni li tinsab fl-aġenda ta’ K. Pinxten, l-eżistenza ta’ frodi f’dan ir-rigward ma hijiex stabbilita peress li, fil-ħin previst inizjalment għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija missjonijiet, inżammet ikla ta’ nofsinhar li kienet ġiet iddikjarata lill-Qorti tal-Awdituri.

580    Għall-kuntrarju, 31 mill-missjonijiet imsemmija fil-punt 556 ta’ din is-sentenza jistgħu, parzjalment jew kompletament, jiġu invokati b’mod validu bħala kritika fil-konfront ta’ K. Pinxten fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

581    Fl-ewwel lok, żjara f’ċentru mediku lokali, fil-kuntest tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 286, li l-għan tagħha kien il-parteċipazzjoni f’ċerimonja li tfakkar l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru, ma tistax manifestament tintrabat mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

582    Fit-tieni lok, diversi missjonijiet imsemmija fl-ewwel ilment kellhom bħala għan laqgħa ma’ persuna li l-kwalità tagħha ma hijiex speċifikata fl-ordni ta’ missjoni u ma ġietx spjegata b’mod ċar minn K. Pinxten matul din il-proċedura.

583    Għalkemm il-ħruġ ta’ ordni ta’ missjoni u, sussegwentement, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni jew il-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum f’tali każijiet juru assenza notevoli ta’ kontroll min-naħa tal-Qorti tal-Awdituri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li missjoni li jkollha bħala għan laqgħa ma’ persuna li ma għandhiex rabta identifikabbli ma’ dik l-istituzzjoni għandha titqies li hija manifestament irregolari.

584    Għalhekk, fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 49, għalkemm il-Qorti tal-Awdituri ma tistabbilixxix ir-rabta li hija tallega bejn il-persuna msemmija fl-ordni ta’ missjoni inkwistjoni u l-organizzazzjoni ta’ festival mużikali, għandu jiġi kkonstatat li ebda element fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġu identifikati l-funzjonijiet li tokkupa din il-persuna.

585    Il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 39, 234, 235, 297, 348 u 389 għandhom ukoll jiġu kklassifikati bħala manifestament irregolari sa fejn kellhom bħala għan laqgħa ma’ persuni li l-kwalità tagħhom ma hijiex ippreċiżata, bħalma huwa wkoll il-każ għall-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 79, li kienet iġġustifikata biss b’riferiment għal “stedina formali”.

586    L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 306, mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-persuna kkonċernata minn din il-missjoni kienet nutar, u, parzjalment, fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 347, indipendentement mill-fondatezza tal-argument ta’ dik l-istituzzjoni li jorbot din il-missjoni ma’ riċeviment ta’ żwieġ.

587    Bl-istess mod, il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 40, 44, 262 u 351 kif ukoll, parzjalment, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 86 għandhom jitqiesu li huma manifestament irregolari peress li kienu jirrigwardaw laqgħat ma’ persuni sempliċement indikati rispettivament bħala “direttur”, “barun”, “ġurista u awditur”, “maġistrat” u “maître”.

588    Fit-tielet lok, ċerti missjonijiet li kellhom bħala għan laqgħa ma’ persuna li l-kwalità tagħha seta’ eventwalment ikollha rabta suffiċjenti mal-Qorti tal-Awdituri għandhom madankollu jitqiesu li kienu ġew awtorizzati abbażi ta’ talba li tħalli barra informazzjoni essenzjali u li huma irregolari, sa fejn dik l-istituzzjoni tipproduċi provi li jippermettu li jiġi stabbilit li l-għan tal-laqgħa inkwistjoni kien ta’ natura privata.

589    Dan huwa l-każ tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 108, li kienet tikkonċerna laqgħa ma’ Membru tal-Kummissjoni, peress li mill-ittri elettroniċi skambjati sabiex tiġi ppreparata din il-laqgħa jirriżulta li din kienet tirrigwarda l-linji gwida li organu rappreżentattiv xtaq isostni quddiem il-Kummissjoni.

590    Il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 122 hija marbuta mill-qrib mal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 108, sa fejn kellha bħala għan laqgħa mad-direttur ta’ dan l-organu rappreżentattiv u sa fejn ittra elettronika riċevuta l-għada ta’ din il-laqgħa turi li hija kellha l-istess għan bħal din l-aħħar missjoni.

591    L-ikla ta’ filgħaxija ma’ ammirall, li kienet l-għan tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 280, ma tistax b’mod ċar tintrabat mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri sa fejn ittri elettroniċi kkonfiskati mill-OLAF juru li din l-ikla kienet organizzata minn operatur ekonomiku privat bil-għan, b’mod partikolari, li jirringrazzja lil K. Pinxten għall-għajnuna li huwa kien ipprovdielu sabiex jiġi ffirmat kuntratt fil-qasam tad-difiża.

592    Fil-każ tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 404, għalkemm l-għan tal-ikla ta’ nofsinhar organizzata ma’ membru tal-Gvern Belġjan ma huwiex magħruf, il-fatt li ittra elettronika tal‑10 ta’ Mejju 2016 tindika li dan kien ġie mistieden minn K. Pinxten u minn ħtintu jippermetti li tiġi stabbilita n-natura privata ta’ din l-ikla.

593    Fir-raba’ lok, il-missjonijiet relatati ma’ attività ta’ rikreazzjoni jew ma’ parteċipazzjoni f’relazzjonijiet amikevoli għandhom, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 399 ta’ din is-sentenza, jitqiesu li huma manifestament irregolari meta ma jkollhomx rabta ma’ avveniment iffokat fuq attivitajiet ta’ natura professjonali.

594    F’dan ir-rigward, għandhom jissemmew il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 80, li kienet relatata ma’ laqgħa mad-direttur ta’ istituzzjoni kulturali, u l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 322, li, taħt il-kopertura ta’ stedina minn operatur ekonomiku privat, kellha l-għan reali, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-aġenda ta’ K. Pinxten, li tippermettilu jassisti għall-eżekuzzjoni ta’ opra.

595    Minkejja t-trasparenza tal-ordnijiet ta’ missjoni inkwistjoni, il-missjoni bin-numru 101, li kellha bħala għan il-parteċipazzjoni fil-festin organizzat mill-orchestre royal de chambre de Wallonie (l-Orkestra Rjali tal-Awla tar-Reġjun ta’ Wallonie, il-Belġju), kif ukoll il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 288, 345 u 394, li kienu marbuta ma’ parteċipazzjoni f’festival mużikali, ma jistgħux manifestament jintrabtu mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, mingħajr il-fatt li dan il-festival kien indirizzat liż-“żgħażagħ Ewropej” ma jista’ jiġġustifika soluzzjoni opposta.

596    Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar fir-rigward tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 364 li ppermettiet żjara qasira f’festival iddedikat għall-kultura Skoċċiża, abbażi ta’ ordni ta’ missjoni li ssemmi biss stedina formali min-naħa tar-rappreżentanza tar-Reġjun ta’ Vlaanderen.

597    Minkejja li kienet tikkonċerna ċerimonja li żvolġiet f’kuntest universitarju, il-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 99 lanqas ma tista’ tintrabat mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten sa fejn id-dokumenti prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jindikaw li din iċ-ċerimonja kellha bħala għan li tonora artisti u li hija ntemmet b’kunċert.

598    Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 202 kienet relatata mal-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten fiż-żwieġ ta’ wild tal-Imħallef Belġjan fil-Qorti tal-Ġustizzja.

599    L-għan ta’ din il-missjoni ma kienx deskritt b’mod ċar fl-ordni ta’ missjoni, li kienet tirreferi sempliċement għal stedina formali min-naħa ta’ dan l-imħallef, mingħajr ma kienet tippreċiża li din l-istedina kienet relatata ma’ ċerimonja tal-familja.

600    Issa, il-kwalità tal-persuni inkwistjoni ma tistax tippermetti li tiġi stabbilita r-regolarità tal-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 202.

601    Dan ir-raġunament għandu jiġi traspost għall-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 300 u, parzjalment, għall-missjoni msemmija fil-linja bin-numru 362, peress li mill-aġenda ta’ K. Pinxten jirriżulta li dawn il-missjonijiet kienu jikkonċernaw iż-żwiġijiet ta’ wlied ta’ personalitajiet Belġjani.

iii) Fuq lispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità

602    Matul iż-żewġ mandati ta’ K. Pinxten, ir-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità sostnuti mill-Membri tal-Qorti tal-Awdituri kien irregolat mid-Deċiżjoni Nru 7‑2004.

603    L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprevedi r-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità ta’ natura ġenerali li dawn il-membri “jsostnu fil-kwalità tagħhom ta’ Membru ta’ istituzzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

604    Dan l-artikolu kien jipprovdi, barra minn hekk, li dan ir-rimbors kellu jsir fuq preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet li jindikaw id-data tal-istedina, in-numru ta’ mistednin kif ukoll il-kwalità tal-mistieden prinċipali u li magħhom ikunu mehmuża l-irċevuti jew ġustifikazzjonijiet oħra bil-miktub meqjusa ekwivalenti.

605    L-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni kien jipprovdi, barra minn hekk, li l-ispejjeż sostnuti għar-riċevimenti organizzati fid-dar kellhom jiġu rrimborsati sal-ammonti indikati fid-dokumenti ta’ sostenn prodotti.

606    Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità kien suġġett, minn naħa, għall-preżentazzjoni ta’ dokumenti ta’ sostenn u, min-naħa l-oħra, għall-kundizzjoni li dawn l-ispejjeż ikunu ġew sostnuti fil-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

607    Il-kunċett ta’ “spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità” kien speċifikat fin-nota tat‑22 ta’ April 2004, li kienet tikkompleta d-Deċiżjoni Nru 7‑2004.

608    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mill-għan tagħha jirriżulta li din in-nota ma kellhiex, bħala tali, effetti vinkolanti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu tagħhom li jaġixxu b’mod li ma jagħti lok għal ebda kritika mfakkar fil-punt 243 ta’ din is-sentenza, kellhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-prinċipji stabbiliti fl-imsemmija nota.

609    Issa, l-ewwel nett, min-nota tat‑22 ta’ April 2004 jirriżulta li l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità kienu essenzjalment intiżi sabiex jiffavorixxu r-relazzjonijiet esterni tal-Qorti tal-Awdituri u li l-Membri tagħha kienu jirrappreżentawha, b’mod partikolari, meta kienu jżommu, fl-interess ta’ dik l-istituzzjoni, relazzjonijiet professjonali ma’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri jew pajjiżi terzi.

610    Din in-nota kienet tindika, sussegwentement, li l-ispejjeż relatati ma’ kull avveniment kellhom jiddependu mill-importanza tagħha u mill-kwalità tal-parteċipanti.

611    Fl-aħħar nett, l-imsemmija nota kienet tipprevedi li l-konjuġi u l-imsieħba tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll tal-mistednin tagħhom setgħu jiġu mistiedna sabiex jipparteċipaw fl-avvenimenti li għalihom kienu sostnuti spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità. Għall-kuntrarju, il-ħbieb jew il-qraba personali ta’ dawn il-membri kellhom ikunu s-suġġett ta’ stediniet privati, li jimplika li l-ispejjeż relatati mal-istedina tagħhom kellhom jiġu sostnuti mill-imsemmija membri.

612    L-Anness 1 tan-nota tat‑22 ta’ April 2004 kien jipprovdi linji gwida supplimentari dwar l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità.

613    B’mod partikolari, minn dan l-anness jirriżulta li l-ispejjeż sostnuti barra mill-Qorti tal-Awdituri kellhom, bħala regola ġenerali, jikkonċernaw persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ewlenin fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri jew pajjiżi terzi u li l-ispejjeż sostnuti fir-residenza privata ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri ma kellhomx jeċċedu dak li kien neċessarju għal dan il-għan.

614    L-Anness 2 ta’ din in-nota kien ikkostitwit minn formola li kienet tippermetti li jiġu ddikjarati spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità, filwaqt li jiġu speċifikati d-data, il-ħin, it-tip u r-raġuni għall-avveniment kif ukoll in-numru u l-kwalità tal-parteċipanti.

615    Mill-punti 609 sa 614 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-raġuni tar-rappreżentanza jew tal-ospitalità u l-kwalità tal-persuna mistiedna jew tal-persuni mistiedna kienu jikkostitwixxu l-kriterji prinċipali użati fin-nota tat‑22 ta’ April 2004 u fl-Anness 1 tagħha sabiex tiġi espressa b’mod konkret il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004 li tipprovdi li tali spejjeż jistgħu jiġu rrimborsati jekk ikunu saru bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

616    L-unika informazzjoni sostanzjali li, skont id-Deċiżjoni Nru 7‑2004 u l-Anness 2 tan-nota tat‑22 ta’ April 2004, kellha tiġi pprovduta sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż kienet tirrigwarda wkoll dawn iż-żewġ elementi.

617    Għaldaqstant, il-ġustifikazzjoni għall-infiq ta’ spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità li K. Pinxten talab ir-rimbors tagħhom għandha tiġi evalwata abbażi tal-imsemmija elementi.

618    Madankollu, fir-rigward tal-oneru tal-prova, għandu jiġi kkunsidrat li, meta r-relazzjonijiet professjonali miżmuma ma’ persuna jkunu jidhru, fir-rigward tal-kwalità ta’ din tal-aħħar, li jistgħu jkunu ta’ interess għall-Qorti tal-Awdituri, stedina indirizzata lil din il-persuna għandha titqies li hija regolari, sakemm il-Qorti tal-Awdituri ma tkunx ippreżentat elementi li jippermettu li tiġi stabbilita n-natura privata ta’ din l-istedina.

–       Fuq -ispejjeż ta’ rappreżentanza marbuta marrelazzjonijiet ma’ mexxejja politiċi

619    L-analiżi esposta fil-punti 427 sa 438 ta’ din is-sentenza dwar il-ħlasijiet relatati mal-ispejjeż tal-missjoni u mal-allowances ta’ kuljum fir-rigward ta’ missjonijiet relatati ma’ laqgħat ma’ mexxejja politiċi tgħodd ukoll f’dak li jirrigwarda r-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza marbuta ma’ tali laqgħat.

620    Fil-fatt, minn naħa, min-nota tat‑22 ta’ April 2004 jirriżulta b’mod espliċitu li l-ispejjeż li jikkonċernaw lill-persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ewlenin fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri jew pajjiżi terzi, li jinkludu l-mexxejja politiċi li jeżerċitaw funzjonijiet importanti, kienu jikkostitwixxu spejjeż aċċettabbli bħala spejjeż ta’ rappreżentanza.

621    Min-naħa l-oħra, għalkemm l-infiq ta’ spejjeż ta’ rappreżentanza ma kienx jeħtieġ l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet minn qabel, xorta waħda jibqa’ l-fatt li r-rimbors sistematiku ta’ tali spejjeż meta dawn kienu marbuta ma’ stediniet indirizzati minn K. Pinxten lil mexxejja politiċi identifikati b’mod ċar f’din il-kwalità juri li l-Qorti tal-Awdituri kienet eżerċitat il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha fis-sens li kien fl-interess tagħha li l-Membri tagħha jżommu relazzjonijiet professjonali ma’ tali mexxejja.

622    Għaldaqstant, it-talbiet imressqa minn K. Pinxten għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza sostnuti b’rabta ma’ stediniet indirizzati lil mexxejja politiċi ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu invokati bħala kritika fil-konfront tiegħu sakemm id-dokumenti prodotti mill-Qorti tal-Awdituri ma jistabbilixxux li l-istedina inkwistjoni kienet separabbli mill-funzjonijiet tiegħu.

623    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti tal-Awdituri, tali natura separabbli mill-funzjonijiet ma tistax, għar-raġunijiet esposti fil-punti 464 sa 467 ta’ din is-sentenza, tiġi preżunta minħabba s-sempliċi fatt li l-persuna mistiedna hija membru tal-partit politiku inkwistjoni.

624    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-assenza ta’ produzzjoni mill-Qorti tal-Awdituri ta’ motivi jew ta’ provi ta’ irregolarità supplimentari, għandhom jitqiesu li huma regolari t-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza sostnuti b’rabta ma’ stediniet indirizzati lil Membri tal-Parlament Ewropew, imsemmija fil-linji bin-numri 2, 14, 19, 24, 65, 257, 314, 323, 338, 350, 357, 382 u 408, lil Membri tal-Gvern Belġjan, imsemmija fil-linji bin-numri 12, 23, 27, 57 u 168, jew inkella lil Membri tal-Parlament Belġjan, imsemmija fil-linji bin-numri 23, 116, 117, 168, 171, 183, 184, 190, 194, 204, 218, 236, 276, 293, 294, 336, 354, 358, 367 u 381.

625    Għalkemm inqas ċentrali, il-funzjonijiet okkupati minn membru tal-uffiċċju tal-kap ta’ grupp politiku fil-Parlament Ewropew jew minn membru tal-uffiċċju ta’ Membru tal-Gvern Belġjan huma importanti biżżejjed sabiex jiġġustifikaw ir-regolarità tar-rimborsi mitluba minn K. Pinxten fil-każijiet imsemmija fil-linji bin-numri 27, 63, 150 u 168. L-istess japplika fir-rigward ta’ stedina indirizzata lill-kap tal-uffiċċju tar-Roi des Belges (ir-Re tal-Belġjani), imsemmija fil-linja bin-numru 339.

626    Fir-rigward tal-ispejjeż imsemmija fil-linji bin-numri 89 u 111, il-fatt li l-istediniet inkwistjoni kienu indirizzati lil Membri tal-Gvern Belġjan matul perijodu ta’ leave ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-irregolarità tat-talbiet għal rimbors imressqa fir-rigward tagħhom peress li l-libertà li għandu Membru tal-Qorti tal-Awdituri sabiex imur fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu matul tali perijodi timplika li dawn huma partikolarment favorevoli għar-rappreżentanzi intiżi sabiex jinżammu relazzjonijiet professjonali ma’ mexxejja ta’ dan l-Istat Membru.

627    Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004 kien jeżiġi biss l-indikazzjoni tal-mistieden prinċipali sabiex jiġi ġġustifikat l-infiq ta’ spejjeż ta’ rappreżentanza, il-preżenza ta’ mistieden supplimentari, li l-kwalità tiegħu ma tiġġustifikax waħedha tali spiża, waqt ikla ta’ filgħaxija ma’ membru parlamentari nazzjonali jew waqt ikla ta’ nofsinhar ma’ Membru tal-Gvern Belġjan, imsemmija rispettivament fil-linji bin-numri 90 u 281, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-irregolarità tat-talba kollha għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza inkwistjoni.

628    Barra minn hekk, il-preżenza tal-konjuġi ta’ K. Pinxten u ta’ dawk tal-mistednin tiegħu waqt ikla ta’ filgħaxija ma’ Membri tal-Parlament Ewropew, li għaliha tirreferi l-linja bin-numru 370, ma tistax tistabbilixxi n-natura privata ta’ din l-ikla peress li, kif jirriżulta mill-punt 611 ta’ din is-sentenza, in-nota tat‑22 ta’ April 2004 kienet tawtorizza espliċitament tali prassi.

629    Għall-kuntrarju, fl-ewwel lok, għar-raġunijiet indikati fil-punti 471 u 472 ta’ din is-sentenza, spejjeż ta’ rappreżentanza ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu sostnuti b’mod validu b’rabta ma’ stediniet indirizzati lil ex mexxejja politiċi ewlenin li jkunu telqu mill-funzjonijiet tagħhom jew lil mexxejja politiċi lokali.

630    Tali irregolarità għandha, b’mod partikolari, tiġi kkonstatata fir-rigward tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza msemmija fil-linji bin-numri 15, 152, 201 u 253, li kienu relatati ma’ stediniet indirizzati lil ex Membri tal-Parlament Belġjan jew tal-Gvern Belġjan.

631    L-istess japplika għall-ispejjeż imsemmija fil-linja bin-numru 341, marbuta ma’ ikla ta’ filgħaxija ma’ ex Ministru, li kienet ukoll l-għan ta’ missjoni li l-irregolarità tagħha ġiet ikkonstatata fil-punt 424 ta’ din is-sentenza.

632    Barra minn hekk, il-fatt li l-infiq tal-ispejjeż imsemmija fil-linja bin-numru 302 kien dovut għal ikla ta’ filgħaxijh li għaliha kienu mistiedna persuni eletti lokali jippermetti li tiġi stabbilita l-irregolarità tat-talba għar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż.

633    Fit-tieni lok, ċerti talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza mressqa wara stediniet indirizzati minn K. Pinxten lil mexxejja politiċi għandhom jitqiesu bħala irregolari sa fejn iċ-ċirkustanzi li fihom saru dawn l-istediniet jippermettu li dawn l-istediniet jintrabtu direttament mal-attività politika eżerċitata minn K. Pinxten li hija s-suġġett tal-ewwel parti tar-raba’ lment.

634    Dan huwa l-każ għat-talbiet għal rimbors relatati mal-ispejjeż imsemmija fil-linji bin-numri 16, 20 u 29, sa fejn dawn kienu relatati ma’ stediniet indirizzati lil persuni ppreżentati minn K. Pinxten bħala li jokkupaw funzjonijiet fi ħdan il-partit politiku inkwistjoni u li fir-rigward tagħhom, barra minn hekk, ma hemm xejn li jindika li kienu jeżerċitaw responsabbiltajiet politiċi ewlenin.

635    It-talba għar-rimbors tal-ispejjeż imsemmija fil-linja bin-numru 70, li jikkorrispondu għal ikla ta’ nofsinhar ma’ membru tal-uffiċċju ta’ Kummissarju Ewropew, għandha wkoll titqies li hija irregolari peress li din l-ikla kienet ġiet organizzata wara laqgħa tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni u peress li mill-minuti ta’ din il-laqgħa jirriżulta li kemm dan il-kummissarju kif ukoll K. Pinxten kienu attendew għaliha.

636    L-istess japplika għat-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż imsemmija fil-linji bin-numri 34, 54, 84, 85 u 88 li kollha kienu jikkonċernaw stediniet indirizzati lil mexxejja politiċi Belġjani, membri tal-partit politiku inkwistjoni, fil-marġni ta’ laqgħat jew ta’ avvenimenti festivi organizzati minn dan il-partit politiku li fir-rigward tagħhom ġie stabbilit li K. Pinxten kien ipparteċipa fihom.

637    Ir-rimbors, bħala spejjeż ta’ rappreżentanza, tal-pagament, imsemmi fil-linja bin-numru 275, ta’ “kontribuzzjoni” li kienet tippermetti, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fil-fattura relatata magħha, il-parteċipazzjoni f’“kafè politiku” organizzat mill-partit politiku inkwistjoni għandu wkoll jitqies li huwa irregolari minħabba r-rabta diretta tiegħu mal-attività politika eżerċitata minn K. Pinxten.

–       Fuq lispejjeż ta’ rappreżentanza marbuta marrelazzjonijiet ma’ persuni oħra

638    Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza marbuta mar-relazzjonijiet ma’ persuni oħra li ma humiex mexxejja politiċi, għandu jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ kull riferiment espliċitu, fl-atti tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-rimbors ta’ tali spejjeż, għall-mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati, ta’ organi rappreżentattivi jew ta’ assoċjazzjonijiet, il-prinċipji stabbiliti fil-punti 476 sa 515 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-ispejjeż tal-missjoni u l-allowances ta’ kuljum għandhom jiġu applikati, mutatis mutandis, sabiex tiġi evalwata r-rabta mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza sostnuti b’konsegwenza ta’ stediniet indirizzati lil tali mexxejja.

639    Fuq din il-bażi, għandu jiġi kkonstatat li, f’għaxar każijiet relatati ma’ stediniet indirizzati lil persuni li ma humiex mexxejja politiċi, il-Qorti tal-Awdituri ma rnexxilhiex tistabbilixxi li t-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza mressqa minn K. Pinxten kienu jirrigwardaw spejjeż li ma kinux ġew sostnuti fil-kwalità tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

640    B’hekk, fir-rigward tal-ispejjeż imsemmija fil-linja bin-numru 17, stedina indirizzata lil uffiċjal amministrattiv f’livell għoli ta’ tmexxija responsabbli għall-presidenza ta’ kumitat fi ħdan id-direction du Service public fédéral – Finances (id-Direttorat tas-Servizz Pubbliku Federali – Finanzi, il-Belġju) għandha, fl-assenza ta’ provi tan-natura privata ta’ din l-istedina, titqies bħala li taqa’ f’din il-kategorija.

641    Fid-dawl tal-kwalità tal-persuni inkwistjoni, din il-konklużjoni għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza msemmija fil-linji bin-numri 35, 373 u 374, li kienu relatati ma’ stediniet indirizzati lir-rettur ta’ università u lil persuna li teżerċita responsabbiltajiet fi ħdan organizzazzjoni internazzjonali.

642    L-istess jgħodd għall-ispejjeż imsemmija fil-linji bin-numri 28 u 290 sa fejn stediniet indirizzati rispettivament lid-direttur ta’ grupp rappreżentattiv ta’ dimensjoni Ewropea u lil mexxej ta’ uffiċċju internazzjonali tal-awditjar setgħu, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 495 sa 497 u 515 ta’ din is-sentenza, ikunu marbuta mal-funzjonijiet ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

643    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 638 ta’ din is-sentenza, it-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-ikla ta’ nofsinhar u mal-ikliet ta’ filgħaxija msemmija fil-linji bin-numri 56, 138, 284 u 382 għandhom jitqiesu li huma regolari peress li ġie kkonstatat, fil-punti 570 sa 575 ta’ din is-sentenza, li l-irregolarità tal-missjonijiet li matulhom saru dawn l-ispejjeż ma kinitx ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Awdituri.

644    Barra minn hekk, l-ispejjeż sostnuti fir-rigward tal-ikla ta’ filgħaxija mal-kap tal-uffiċċju ta’ Membru tal-Kummissjoni msemmija fil-linja bin-numru 98 għandhom, bħala prinċipju, fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati mill-mistieden, jitqiesu bħala spejjeż sostnuti fil-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

645    Il-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Awdituri ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-allegazzjoni tagħha li din l-ikla kienet ta’ natura privata.

646    Minn naħa, għalkemm dik l-istituzzjoni tinvoka skambju ta’ ittri elettroniċi tal‑20 ta’ Mejju 2010, għandu jiġi kkonstatat li minn dan l-iskambju jirriżulta li l-kwistjonijiet speċifiċi li ssemmew fih kienu ġew indirizzati qabel dan il-pranzu u li ma hemm ebda element li jindika li dawn il-kwistjonijiet kienu s-suġġett tal-imsemmija ikla.

647    Min-naħa l-oħra, l-argument tal-Qorti tal-Awdituri li l-ispiża tal-ikla inkwistjoni kienet timplika ksur, mill-persuna mistiedna, tal-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jistabbilixxi n-natura privata ta’ dan il-pranzu.

648    Għall-kuntrarju, f’26 każ li jirrigwardaw stediniet indirizzati lil persuni li ma humiex mexxejja politiċi, it-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza mressqa minn K. Pinxten għandhom jitqiesu li huma irregolari.

649    Fil-fatt, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet diġà magħmula fil-punti 484, 487, 489 u 493 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-irregolarità tal-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 45, 251, 283, 287, 307 u 325, sa fejn dawn kellhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati, l-ispejjeż ta’ rappreżentanza sostnuti fil-kuntest ta’ dawn il-missjonijiet, li r-rimbors tagħhom intalab minn K. Pinxten, ma jistgħux jitqiesu li ġew sostnuti fil-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

650    Għandhom jitqiesu wkoll bħala irregolari t-talbiet għal rimbors marbuta mal-ispejjeż ta’ rappreżentanza msemmija fil-linji bin-numri 13, 79, 115, 154, 178 u 318, li kienu jirrigwardaw stediniet indirizzati lil mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi jew ta’ organi rappreżentattivi.

651    Barra minn hekk, l-ispejjeż ta’ rappreżentanza sostnuti fil-kuntest ta’ attività esterna awtorizzata ma jistgħux, mid-definizzjoni tagħhom stess, jitqiesu li huma spejjeż sostnuti fil-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

652    Issa, l-ikla ta’ filgħaxija msemmi fil-linja bin-numru 385 għandha tintrabat mal-funzjoni ta’ President tas-SBNL‑V eżerċitata minn K. Pinxten bħala attività esterna awtorizzata peress li, minn naħa, il-kwalità tal-mistieden għal din l-ikla indikata fid-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tirreferi għall-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-fond li jiżgura l-finanzjament tal-premju prinċipali mogħti kull sena mis-SBNL‑V u, min-naħa l-oħra, skambju ta’ ittri elettroniċi tat‑2 ta’ Frar 2016 jippermetti li jiġi stabbilit li l-imsemmija ikla kellha bħala għan li tiġi diskussa l-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni “L’arbre européen de l’année (“Is-siġra Ewropea tas-sena”), li kellha rabta diretta mal-kamp ta’ azzjoni tas-SBNL‑V.

653    Fid-dawl tar-rabtiet bejn is-SBNL‑V u l-ELO rrilevati fil-punti 525 sa 528 ta’ din is-sentenza, l-ispejjeż ta’ rappreżentanza msemmija fil-linja bin-numru 409, li kienu relatati ma’ ikla ta’ filgħaxija offruta lis-Segretarju Ġenerali tal-ELO, għandhom ukoll jintrabtu mal-attività ta’ K. Pinxten fi ħdan is-SBNL‑V.

654    L-irregolarità ta’ talba għar-rimbors ta’ spejjeż ta’ rappreżentanza għandha tiġi kkonstatata wkoll meta t-talba ma tippreċiżax b’mod ċar il-kwalità tal-mistieden u meta ebda informazzjoni supplimentari ma tkun ingħatat minn K. Pinxten dwar dan is-suġġett matul din il-proċedura.

655    Tali irregolarità għandha tiġi ammessa fir-rigward tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza msemmija fil-linji bin-numri 39, 262 u 297, abbażi tal-konstatazzjonijiet diġà magħmula fil-punti 585 u 587 f’dak li jirrigwarda l-irregolarità tal-missjonijiet li matulhom saru dawn l-ispejjeż.

656    Il-kwalità ta’ “direttur tal-istudju” jew ta’ “direttur”, użata għall-istess mistieden fit-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza li jirreferu għalihom il-linji bin-numri 21 u 40, lanqas ma tista’ tkun biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dawn l-ispejjeż ġew sostnuti fil-kwalità ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri. L-istess jgħodd għall-kwalitajiet ta’ “Dr Pr” u ta’ “Dr” użati fit-talbiet għal rimbors li jirrigwardaw l-ispejjeż ta’ rappreżentanza msemmija fil-linji bin-numri 37, 254 u 255.

657    Għalkemm il-kwalità tal-mistednin hija indikata bi preċiżjoni fit-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza msemmija fil-linji bin-numri 36 u 42, ir-rabta mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten ta’ stediniet indirizzati lid-direttur ta’ istituzzjoni kulturali jew lil prosekutur ma tistax, madankollu, titqies li hija stabbilita.

658    Il-provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jippermettu, barra minn hekk, li tiġi stabbilita n-natura privata ta’ ċerti stediniet indirizzati lil persuni li l-kwalità tagħhom setgħet, bħala prinċipju, tiġġustifika l-infiq ta’ spejjeż ta’ rappreżentanza.

659    Dan huwa l-każ fir-rigward tal-istedina indirizzata lill-ambaxxatur tar-Renju tal-Belġju fi Franza li hija s-suġġett tal-linja bin-numru 268 peress li din kienet relatata ma’ ikla ta’ filgħaxija organizzata f’ristorant viċin azjenda għall-produzzjoni tal-inbid u peress li diversi ittri elettroniċi jindikaw li l-vjaġġ ta’ K. Pinxten kif ukoll tal-mistieden tiegħu fir-reġjun kellu bħala għan żjara f’din l-azjenda.

660    In-natura privata tal-istedina indirizzata lil Membru tal-Gvern Belġjan li għaliha tirreferi l-linja bin-numru 404 għandha wkoll titqies li hija stabbilita fid-dawl tal-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt 592 ta’ din is-sentenza.

–       Fuq lispejjeż relatati marriċevimenti organizzati fiddar ta’ K. Pinxten

661    Matul iż-żewġ mandati tiegħu bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri, K. Pinxten organizza għaxar riċevimenti fid-dar tiegħu li għalihom huwa ressaq talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ ospitalità li huma deskritti mill-Qorti tal-Awdituri, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, bħala irregolari.

662    Kif jirriżulta mill-punt 605 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004 kien jipprevedi li l-ispejjeż sostnuti għar-riċevimenti organizzati fid-dar għandhom jiġu rrimborsati sal-ammont indikat fid-dokumenti ta’ sostenn prodotti.

663    F’dan il-każ, l-irregolarità allegata mill-Qorti tal-Awdituri la tirrigwarda n-natura eċċessiva tal-ispejjeż li K. Pinxten talab ir-rimbors tagħhom abbażi tar-riċevimenti organizzati fid-dar tiegħu u lanqas ma tirrigwarda l-insuffiċjenza tad-dokumenti ta’ sostenn prodotti f’dan ir-rigward, iżda tirrigwarda biss in-natura allegatament privata ta’ dawn ir-riċevimenti.

664    Peress li r-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri ma kinux jistipulaw kriterju speċifiku dwar ir-riċevimenti organizzati fid-dar ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni, l-ispejjeż iġġenerati minn tali riċeviment għandhom jitqiesu li ġew sostnuti fil-kwalità ta’ Membru tal-imsemmija istituzzjoni meta dan ir-riċeviment ikun ippermetta li jiġu żgurati, fl-interess tal-istess istituzzjoni, relazzjonijiet professjonali mal-persuni mistiedna għall-imsemmi riċeviment.

665    Kif jirriżulta mill-punt 618 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ tali interess għall-Qorti tal-Awdituri għandha, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, tiġi evalwata, bħala prinċipju, abbażi tal-kwalità tal-persuni mistiedna għar-riċevimenti organizzati fid-dar ta’ K. Pinxten.

666    Mil-linji gwida li jinsabu fl-Anness 1 tan-nota tat‑22 ta’ April 2004 jirriżulta li dawn il-mistednin kellhom ikunu, b’mod partikolari, persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ewlenin fi ħdan l-Unjoni, l-Istati Membri jew pajjiżi terzi. Fil-każ li membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri kienu fost l-imsemmija mistednin, kellu jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn il-membri tal-persunal u l-persuni esterni għal dik l-istituzzjoni.

667    Barra minn hekk, peress li minn dawn il-linji gwida jirriżulta li l-ħbieb personali u l-membri tal-familja tal-Membru tal-Qorti tal-Awdituri, bl-eċċezzjoni tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb tiegħu, kellhom ikunu s-suġġett ta’ stedina privata, l-ispejjeż relatati mal-istedina ta’ tali persuni għal riċeviment fid-dar ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni ma setgħux jiġu rrimborsati b’mod validu mill-imsemmija istituzzjoni.

668    Barra minn hekk, għar-raġunijiet indikati fil-punt 627 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-fatt li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004 kien jagħti rwol importanti lill-“kwalità tal-mistieden prinċipali” jimplika li l-preżenza, f’riċeviment organizzat fid-dar ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, ta’ mistieden wieħed jew iktar li l-kwalità tagħhom, bħala tali, ma setgħetx tiġġustifika l-infiq ta’ spejjeż ta’ ospitalità ma hijiex ta’ natura li tistabbilixxi li dan ir-riċeviment ma kellux, kollu kemm hu, rabta mal-funzjonijiet ta’ dan il-membru.

669    Peress li r-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri ma jistabbilixxux b’mod ċar ir-regoli applikabbli għal tali mistednin meta dawn la jkunu ħbieb personali u lanqas membri tal-familja tal-Membru kkonċernat ta’ dik l-istituzzjoni, il-formulazzjoni ta’ talba għar-rimbors tal-ispejjeż li ma tagħmilx distinzjoni bejn dawn il-mistednin u l-mistednin l-oħra iżda li tinkludi informazzjoni kompleta dwar il-kwalità tad-diversi mistednin ma tistax titqies, bħala tali, li hija rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur, minn K. Pinxten, tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu.

670    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li t-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ ospitalità maħruġa minn K. Pinxten kienu jinkludu, bħala regola ġenerali, informazzjoni preċiża dwar kull waħda mill-persuni mistiedna għar-riċevimenti organizzati fid-dar tiegħu u kienu għalhekk jipprovdu iktar informazzjoni minn dak li kien jeżiġi l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004.

671    Il-Qorti tal-Awdituri kienet għalhekk f’pożizzjoni li tevalwa, b’għarfien sħiħ tal-fatti, ir-regolarità tal-ispejjeż ta’ ospitalità li kienu s-suġġett ta’ dawn it-talbiet meta hija tat deċiżjoni dwarhom.

672    Fit-tieni lok, skont ir-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri, il-preżenza sistematika, waqt ir-riċevimenti inkwistjoni, tal-konjuġi ta’ K. Pinxten u ta’ dawk tal-persuni mistiedna ma tistax tikkostitwixxi irregolarità u lanqas ma tista’ tindika li dawn ir-riċevimenti kienu ta’ natura privata.

673    Fit-tielet lok, għandha tiġi eżaminata r-rilevanza tal-ittra tat‑28 ta’ April 2015.

674    Skont il-Qorti tal-Awdituri, it-termini ta’ din l-ittra jippermettu li jiġi stabbilit, b’mod ġenerali, li r-riċevimenti organizzati fid-dar ta’ K. Pinxten kienu fir-realtà jservu sabiex jiġbru l-ħbieb tiegħu u għalhekk ma kellhom ebda rabta mal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru ta’ dik l-istituzzjoni.

675    Huwa minnu li, fl-imsemmija ittra, K. Pinxten semma l-fatt li huwa kien regolarment jistieden “ċertu numru ta’ ħbieb sabiex jikkondividu ikla ta’ filgħaxija informali fid-dar [tiegħu]” li kien ilaqqa’ “personalità jew żewġ personalitajiet politiċi ewlenin, kif ukoll xi ħbieb li jokkupaw pożizzjoni għolja fis-settur intraprenditorjali” sabiex “iqattgħu serata pjaċevoli, rilassata u utli f’kumpanija tajba”. Għalhekk, il-mistednin kienu “kollha jifformaw parti miċ-ċirku personali [tiegħu]” u l-ikla ta’ filgħaxija kienet offriet l-okkażjoni ta’ “serata simpatika, akkoljenti, pożittiva flimkien ma’ personalitajiet mir-Reġjun ta’ Vlaanderen magħżula b’attenzjoni”. L-istess ittra fl-aħħar nett telenka l-ismijiet tal-persuni li setgħu jiġu mistiedna għall-ikla ta’ filgħaxija ppjanata.

676    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li ebda waħda mit-talbiet għar-rimbors tal-ispejjeż ta’ ospitalità li jinsabu fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma kienet tirrigwarda ikla ta’ filgħaxija li fiha pparteċipa l-Prim Ministru tar-Renju tal-Belġju u l-persuni l-oħra msemmija fl-ittra tat‑28 ta’ April 2015.

677    Minn dan isegwi li din l-ittra tirreferi għal ikla ta’ filgħaxija li ma ġietx organizzata jew, tal-inqas, li ma kinitx is-suġġett ta’ talba għal rimbors meqjusa li hija irregolari mill-Qorti tal-Awdituri.

678    Sussegwentement, għalkemm l-imsemmija ittra kienet tinkludi deskrizzjoni ġenerali tal-ikliet ta’ filgħaxija organizzati minn K. Pinxten fid-dar tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din id-deskrizzjoni ma tikkorrispondix realment għall-elementi li jirriżultaw mit-talbiet għal rimbors ikkomunikati mill-Qorti tal-Awdituri, sa fejn il-lista ta’ persuni mistiedna għal dawn l-ikliet ma kinitx limitata għal “personalitajiet tar-Reġjun ta’ Vlaanderen” u kienet tinkludi ta’ spiss persuna waħda jew iktar li jeżerċitaw responsabbiltajiet fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej.

679    Fl-aħħar nett, it-termini “ħbieb” u “ċirku personali”, li mal-ewwel daqqa ta’ għajn jistgħu jagħtu x’jifhem li l-ikliet ta’ filgħaxija organizzati minn K. Pinxten fid-dar tiegħu kienu ta’ natura privata, ma għandhomx neċessarjament jinftiehmu f’sens letterali peress li l-ittra tat‑28 ta’ April 2015 kellha manifestament l-għan li tippreżenta f’dawl attraenti l-ikliet ta’ filgħaxija organizzati minn K. Pinxten u mhux li tiddeskrivi l-prassi effettivament segwita minnu.

680    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-destinatarju ta’ din l-ittra ma jidhirx li kien huwa stess ħabib ta’ K. Pinxten u li l-fatt li kważi 40 persuna differenti ġew mistiedna għal xi waħda jew oħra minn dawn l-ikliet ftit li xejn huwa kompatibbli ma’ qari letterali tat-termini “ħbieb” u “ċirku personali”.

681    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ittra tat‑28 ta’ April 2015 ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-riċevimenti kollha organizzati minn K. Pinxten fid-dar tiegħu kienu ta’ natura privata.

682    Fir-raba’ lok, jidher li, fi tmien każijiet, li huma msemmija fil-linji bin-numri 22, 55, 110, 160, 216, 243, 245 u 279, il-kwalitajiet tal-parti l-kbira tal-mistednin għal riċeviment organizzat fid-dar ta’ K. Pinxten kienu ta’ natura li juru li huwa seta’ leġittimament jipprova jżomm, fl-interess tal-Qorti tal-Awdituri, relazzjonijiet professjonali magħhom.

683    B’hekk, fost dawn il-mistednin kien hemm persuni li jeżerċitaw responsabbiltajiet ewlenin fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, jiġifieri Membri tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, u fi ħdan l-Istati Membri, bħalma huma Membri tal-Parlament Belġjan u tal-Gvern Belġjan, membri fl-uffiċċju tar-Re tal-Belġjani, kif ukoll ambaxxaturi jew uffiċjali għolja.

684    Għall-kuntrarju, il-mistednin għar-riċeviment imsemmi fil-linja bin-numru 123 ma għandhomx rabta suffiċjenti mal-Qorti tal-Awdituri sabiex jitqies li l-ispejjeż relatati ma’ dan ir-riċeviment ġew sostnuti minn K. Pinxten bħala Membru ta’ dik l-istituzzjoni.

685    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li Membru tal-Parlament Belġjan kien wieħed minn dawn il-mistednin, il-parteċipanti l-oħra kollha kienu jeżerċitaw funzjonijiet fi ħdan operaturi ekonomiċi privati. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fosthom, kien hemm b’mod partikolari n-negozjant Belġjan deskritt minn K. Pinxten bħala “ħabib għal żmien twil” u msemmi fil-punt 493 ta’ din is-sentenza kif ukoll direttur ta’ grupp li tiegħu K. Pinxten kien amministratur qabel id-dħul tiegħu fil-kariga bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

686    L-istess konklużjoni għandha tiġi applikata fir-rigward tar-riċeviment imsemmi fil-linja bin-numru 376. Fil-fatt, minbarra Membru tal-Kummissjoni, l-erba’ persuni l-oħra mistiedna, flimkien mal-konjuġi rispettivi tagħhom, għall-ikla inkwistjoni kienu kollha jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom fi ħdan operaturi ekonomiċi privati jew organi rappreżentattivi. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li n-negozjant imsemmi fil-punt preċedenti u mexxej tal-ELO, li r-rabta tiegħu mal-attività esterna awtorizzata eżerċitata minn K. Pinxten diġà ġiet irrilevata, kienu jagħmlu parti minn dawn il-persuni.

iv)    Fuq lużu talkarozza uffiċjali u fuq lużu tasservizz ta’ xufier

687    Matul iż-żewġ mandati ta’ K. Pinxten bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri, l-użu ta’ karozzi uffiċjali u l-użu tas-servizz ta’ xufier kienu rregolati, suċċessivament, mid-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u mbagħad mid-Deċiżjoni Nru 19‑2009.

688    Id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-deċiżjonijiet li huma rilevanti għal din il-kawża kienu, essenzjalment, simili.

689    L-Artikolu 1 ta’ kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet kien jipprovdi li karozzi uffiċjali kellhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni permanenti tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri, għall-vjaġġi tagħhom fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom.

690    L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009 kienu jipprevedu li l-Qorti tal-Awdituri għandha tħallas, minbarra l-ispiża tal-kiri, l-ispejjeż ikkawżati mill-użu tal-karozza mill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

691    It-tieni paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet kien jipprovdi li kellhom jitqiesu bħala vjaġġi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet il-vjaġġi koperti minn ordni ta’ missjoni u l-vjaġġi l-oħra marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet, li kienu evalwati bir-rata fissa ta’ 15 000 km fis-sena.

692    Il-kunċett ta’ “vjaġġi oħra fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet” kien speċifikat fil-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u fil-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009. Minn dawn il-kummenti kien jirriżulta li kellhom jitqiesu li huma tali vjaġġi l-vjaġġi bejn id-dar fil-post ta’ assenjazzjoni u l-post tax-xogħol, il-vjaġġi bejn il-post ta’ assenjazzjoni jew ir-residenza u l-ajruport, il-vjaġġi meħtieġa minħabba obbligi protokollari li jseħħu f’distanza qasira u li ma jkunux koperti minn ordni ta’ missjoni kif ukoll il-“każijiet ta’ forza maġġuri (mard, kontrolli mediċi, impossibbiltà tas-sewqan, eċċ)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

693    L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009 kienu jipprevedu li, meta l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jużaw il-karozza uffiċjali għal vjaġġi differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, l-ispejjeż korrispondenti, jiġifieri t-tariffi tat-triq, l-ispejjeż ta’ fjuwil u eventwali spejjeż supplimentari ta’ kiri, kellhom jitħallsu minnhom.

694    Għaldaqstant, għalkemm il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri setgħu jużaw il-karozza uffiċjali tagħhom kemm għall-vjaġġi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom kif ukoll għal vjaġġi ta’ natura privata, ir-regoli applikabbli għall-ispejjeż iġġenerati rispettivament minn dawn iż-żewġ tipi ta’ użu kienu differenti.

695    Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009 kienu jipprovdu li x-xufiera kellhom jibbenefikaw mir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni tagħhom meta jsuqu lill-Membri tal-Qorti tal-Awdituri fil-vjaġġi tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

696    Minkejja li mill-formulazzjoni ta’ dawn l-artikoli ma jirriżultax li dawn kellhom l-għan li jiddefinixxu, b’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet li fihom Membru tal-Qorti tal-Awdituri seta’ juża s-servizz ta’ xufier, mill-imsemmija artikoli jirriżulta li ordni ta’ missjoni setgħet tiġi stabbilita għal xufier, sabiex dan isuq Membru ta’ din l-istituzzjoni, fil-każ biss li l-vjaġġ tal-Membru kkonċernat kien jikkostitwixxi “vjaġġ fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009.

697    L-istabbiliment irregolari ta’ ordni ta’ missjoni għal xufier, li jkollha bħala għan is-sewqan ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri għal tipi oħra ta’ vjaġġi, seta’ jiġġenera spejjeż sinjifikattivi għall-Qorti tal-Awdituri sa fejn, b’mod partikolari, dan kien jimplika li dan ix-xufier seta’ jibbenefika mir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni tiegħu kif ukoll mill-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum.

698    Issa, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-organizzazzjoni implimentata fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri sal‑5 ta’ Ottubru 2016, kien il-kompitu ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni li jiffirma l-ordnijiet ta’ missjoni tax-xufiera li tagħhom huwa kien juża s-servizzi.

699    F’dan il-każ, il-missjonijiet ta’ xufier li tagħhom il-Qorti tal-Awdituri tinvoka l-irregolarità seħħew qabel din id-data u kienu ġew awtorizzati minn K. Pinxten.

700    Peress li K. Pinxten kien meħtieġ jiddetermina l-kompiti tax-xufier assenjat lill-uffiċċju tiegħu, bħala superjur ġerarkiku, u peress li kien meħtieġ jiffirma l-ordnijiet ta’ missjoni tax-xufiera, bħala uffiċjal awtorizzanti, l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-kariga tiegħu kienu jinkludu l-obbligu li jistabbilixxi dawn l-ordnijiet ta’ missjoni b’osservanza tar-regoli applikabbli u, b’mod partikolari, l-obbligu li ma jordnax missjonijiet li l-għan tagħhom ikun is-sewqan tiegħu għal vjaġġ li ma jkunx marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

–       Fuq lispejjeż ta’ trasport sostnuti f’kuntest li ma jaqax taħt ilmissjonijiet ta’ K. Pinxten

701    F’90 każ, l-ordnijiet ta’ missjoni ta’ xufier iffirmati minn K. Pinxten ma kinux jirrigwardaw vjaġġi koperti minn ordni ta’ missjoni tiegħu.

702    Fl-ewwel lok, skont il-Qorti tal-Awdituri, 81 minn dawn il-missjonijiet kellhom bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten.

703    Peress li l-imsemmija missjonijiet ma kinux jirrigwardaw vjaġġi koperti minn ordni ta’ missjoni ta’ K. Pinxten, ir-regolarità tagħhom tista’ tiġi stabbilita biss, skont l-Artikoli 4 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u skont dawn l-istess artikoli tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009, jekk il-vjaġġ inkwistjoni seta’ jiġi kklassifikat bħala “vjaġġi oħra marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

704    F’dan ir-rigward, K. Pinxten isostni b’mod partikolari li l-vjaġġi tiegħu kellhom jiġu kklassifikati bħala tali, b’mod ġenerali, peress li l-istat tas-saħħa tiegħu ma kienx jippermettilu jsuq il-karozza uffiċjali tiegħu fuq distanzi twal.

705    Huwa minnu li għandu jiġi kkonstatat li l-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 kienu jipprevedu li vjaġġ seta’ jitqies li kien marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet minħabba każ ta’ forza maġġuri u kienu jsemmu, fost il-każijiet ta’ forza maġġuri, il-“mard” u l-“impossibbiltà tas-sewqan” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

706    Madankollu, iċ-ċertifikati mediċi prodotti minn K. Pinxten quddiem l-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri ma humiex, f’dan ir-rigward, suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li, għal raġunijiet mediċi, huwa ma kienx kapaċi jsuq distanzi twal matul il-perijodu rilevanti.

707    Fil-fatt, l-ewwel wieħed minn dawn iċ-ċertifikati mediċi, bid-data tal‑5 ta’ Diċembru 2008, jippreċiża biss li K. Pinxten għandu juża siġġu adattat meta jibqa’ għal ħin twil f’karozza.

708    Fir-rigward tat-tieni wieħed mill-imsemmija ċertifikati mediċi, bid-data tal‑31 ta’ Ottubru 2016, dan jindika li, minħabba “problema medika” ta’ K. Pinxten, li kienet qiegħda tavvanza ftit ftit biż-żmien, kien irrakkomandat ferm li, minn dakinhar, dan tal-aħħar jastjeni milli jsuq karozza għal vjaġġi ta’ iktar minn siegħa jew 100 km. B’hekk, dan it-tieni ċertifikat mediku ma jipprovdi ebda informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa tiegħu fiż-żmien meta ġew ordnati l-missjonijiet kontenzjużi.

709    Minn dan isegwi li K. Pinxten ma jistax jinvoka b’mod validu l-istat tas-saħħa tiegħu sabiex jiġġustifika l-ordnijiet ta’ missjoni ta’ xufier stabbiliti minnu.

710    F’dan il-kuntest, il-missjonijiet ta’ xufier tal-Qorti tal-Awdituri relatati ma’ vjaġġi li matulhom K. Pinxten ma kienx huwa stess kopert minn ordni ta’ missjoni jistgħu jinqasmu fi tliet gruppi.

711    L-ewwel, fi tnax‑il każ, il-missjoni tax-xufier ikkonċernat kienet tinvolvi s-sewqan ta’ K. Pinxten għal raġuni mhux magħrufa jew li tista’ tiġi sseparata b’mod ċar mill-funzjonijiet tiegħu.

712    B’hekk, fil-kuntest tal-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 149, 166, 182, 189, 193 u 198, ix-xufier ikkonċernat mar Brussell bil-ferrovija sabiex isuq lil K. Pinxten lejn il-Lussemburgu bil-karozza, mingħajr ma ngħatat ebda ġustifikazzjoni, la inizjalment u lanqas matul din il-proċedura, fir-rigward tar-raġuni għaliex huwa kien Brussell.

713    Għall-kuntrarju, il-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 78, 212, 342 u 384 kienu jikkonsistu fis-sewqan ta’ K. Pinxten lejn Brussell bil-karozza mil-Lussemburgu, mingħajr raġuni professjonali allegata, filwaqt li mbagħad ix-xufier mar lura l-Lussemburgu bil-ferrovija.

714    Barra minn hekk, il-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 254 u 255 kellha bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten lejn Overpelt għal ikla ta’ filgħaxija li, kif ġie kkonstatat fil-punt 656 ta’ din is-sentenza, ma tistax tintrabat mal-funzjonijiet tiegħu bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

715    Barra minn hekk, il-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 64, sa fejn hija marbuta ma’ vjaġġ ta’ K. Pinxten għal laqgħa tal-bord tal-partit politiku inkwistjoni li nżammet fi Brussell, ma tistax titqies li hija regolari. Il-fatt li d-dokumenti prodotti minn dik l-istituzzjoni jindikaw li x-xufier ikkonċernat kien f’ferrovija fil-ħin li nżammet din il-laqgħa u li kien biss iktar tard li huwa wasal Brussell ma jbiddel xejn minn din l-evalwazzjoni peress li dan mar f’din il-belt sabiex isuq lil K. Pinxten wara l-imsemmija laqgħa.

716    Għaldaqstant, fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm ebda element li jippermetti li jiġi stabbilit li l-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-punti 712 sa 715 ta’ din is-sentenza kienu relatati ma’ vjaġġi marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten. Għaldaqstant, dawn il-missjonijiet għandhom jitqiesu li huma irregolari.

717    Għall-kuntrarju, għalkemm ir-raġuni allegata mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward tal-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 38, jiġifieri li x-xufier mar jiġbor lil K. Pinxten mill-post tal-vaganzi tiegħu, hija ta’ natura li tistabbilixxi l-irregolarità ta’ din il-missjoni, għandu jiġi rrilevat li K. Pinxten qiegħed jiċħad li huwa awtorizza tali missjoni u li l-Qorti tal-Awdituri ma stabbilixxietx li din il-missjoni kienet effettivament seħħet peress li l-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix ordni ta’ missjoni ffirmata minnu.

718    It-tieni, 57 missjoni ta’ xufier għandhom bħala għan vjaġġ bejn il-belt tal-Lussemburgu, sede tal-Qorti tal-Awdituri, u l-komun ta’ Overpelt, il-post ta’ oriġini ta’ K. Pinxten.

719    B’hekk, il-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 107, 126, 144 sa 146, 148, 156, 158, 165, 179, 180, 188, 213, 220, 231, 238, 240, 241, 244, 246, 263 sa 265, 267, 270, 272, 273, 278, 291, 293, 294, 296, 305, 312, 316, 340, 356, 372, 375, 388, 399 u 400 kienu jikkonsistu fis-sewqan ta’ K. Pinxten, mil-Lussemburgu lejn Overpelt, filwaqt li x-xufier ikkonċernat kien jirritorna lejn il-Lussemburgu l-għada bil-ferrovija.

720    Għall-kuntrarju, fil-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 112, 136, 140, 206 u 387, ix-xufier ikkonċernat kien mar Overpelt bil-ferrovija sabiex isuq lil K. Pinxten lejn il-Lussemburgu.

721    Vjaġġi oħra bejn il-Lussemburgu u Overpelt, indipendentement minn kull missjoni ta’ K. Pinxten, jistgħu jiġu rrilevati fil-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 77, 109, 127, 226, 233, 285, 324, 349, 378 u 383, skont modalitajiet differenti, bħal vjaġġ fiż-żewġ direzzjonijiet bil-karozza uffiċjali jew vjaġġ lejn Overpelt b’waqfa fi Brussell.

722    Dawn id-diversi missjonijiet ta’ xufier ma jistgħux jintrabtu ma’ vjaġġ ta’ K. Pinxten fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

723    B’mod partikolari, għalkemm il-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 jindikaw li, fost il-“vjaġġi oħra marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet”, kienu inklużi l-vjaġġi bejn id-dar u l-post tax-xogħol, dawn il-kummenti kienu jindikaw b’mod ċar, u barra minn hekk bil-korsiv, li d-dar imsemmija għandha tkun tinsab “fil-post ta’ assenjazzjoni”, li jimplika li l-vjaġġi bejn il-post ta’ assenjazzjoni u l-post ta’ oriġini ma kellhomx jitqiesu bħala “vjaġġi oħra marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009.

724    Huwa minnu li, kif jenfasizza K. Pinxten, l-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri kienet neċessarjament informata dwar il-prassi, segwita minnu għal diversi snin, li kienet tikkonsisti fl-użu tas-servizz ta’ xufier sabiex imur fil-post ta’ oriġini tiegħu, fid-dawl tad-diversi pagamenti li bbenefikaw minnhom, f’dan ir-rigward, ix-xufiera kkonċernati u fid-dawl tax-xiri, minn din l-amministrazzjoni, tal-biljetti tal-ferrovija użati minn dawn ix-xufiera f’dan il-kuntest.

725    Madankollu, it-tolleranza murija b’dan il-mod fir-rigward ta’ din il-prassi ma tistax tippermetti lil K. Pinxten jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu f’dan ir-rigward, filwaqt li, kif jirriżulta mill-punt 370 ta’ din is-sentenza, din it-tolleranza ma hijiex ta’ natura li toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tan-natura regolari tal-imsemmija prassi u filwaqt li, barra minn hekk, K. Pinxten ma setax ma kienx jaf dwar l-inkompatibbiltà tal-istess prassi mar-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri.

726    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll, fir-rigward tal-missjonijiet ta’ xufier relatati ma’ vjaġġi lejn jew minn Overpelt, li, għalkemm ma jistax jiġi kompletament eskluż, fid-dawl tan-nuqqas ta’ preċiżjoni fil-formulazzjoni tal-ordnijiet ta’ missjoni inkwistjoni, li wħud minn dawn il-missjonijiet kellhom bħala għan uniku li jwasslu lil K. Pinxten il-karozza uffiċjali tiegħu sabiex ikun jista’ jużaha fil-post ta’ oriġini tiegħu, tali għan kien jaqdi biss l-interessi privati ta’ K. Pinxten u ma jistax jitqies li huwa regolari.

727    It-tielet, ir-regolarità ta’ ħdax‑il missjoni ta’ xufier hija parzjalment ikkontestata mill-Qorti tal-Awdituri sa fejn dawn il-missjonijiet kienu jinvolvu vjaġġ bejn Overpelt u post fejn twettqet missjoni ta’ K. Pinxten.

728    Tali sitwazzjoni tidher effettivament fil-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 62, 181, 191 u 336, li fihom ix-xufier ikkonċernat saq lil K. Pinxten lejn Overpelt wara waħda mill-missjonijiet tiegħu, kif ukoll fil-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 173 u 366, li fihom ix-xufier ikkonċernat mar jiġbor lil K. Pinxten f’Overpelt sabiex isuqu lejn il-post fejn kellha titwettaq missjoni tiegħu.

729    Ma’ dawn il-każijiet għandha tiġi assimilata wkoll il-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 195, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Awdituri tammetti li K. Pinxten wettaq, fi Brussell, kompitu li jaqa’ taħt il-funzjonijiet tiegħu, mingħajr madankollu ma kien kopert minn ordni ta’ missjoni, qabel ma x-xufier assenjat lill-uffiċċju tiegħu saqu lejn Overpelt.

730    Issa, anki fil-każ fejn ir-regolarità tal-missjoni ta’ K. Pinxten bl-ebda mod ma hija kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li vjaġġ tiegħu bejn Overpelt u l-post fejn twettqet din il-missjoni ma huwiex kopert mill-ordni ta’ missjoni tiegħu.

731    Minn dan isegwi li dan il-vjaġġ ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “vjaġġ kopert minn ordni ta’ missjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009.

732    Peress li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 709 u 723 ta’ din is-sentenza, tali vjaġġ lanqas ma jikkostitwixxi “vjaġġ ieħor marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet”, fis-sens ta’ dawn l-artikoli, il-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-punti 728 u 729 ta’ din is-sentenza għandhom jitqiesu li huma irregolari sa fejn jinvolvu vjaġġ lejn jew minn Overpelt.

733    Dan ir-raġunament għandu jiġi traspost, mutatis mutandis, għall-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 124, li fiha x-xufier ikkonċernat saq lil K. Pinxten lejn Overpelt mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main (il-Ġermanja), wara missjoni ta’ diversi jiem li twettqet f’Makao (ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina).

734    Fil-fatt, għalkemm il-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 kienu jsemmu, fost il-“vjaġġi l-oħra marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-vjaġġi bejn il-post ta’ assenjazzjoni jew ta’ residenza u ajruport, dawn bl-ebda mod ma jsemmu l-vjaġġi bejn il-post ta’ oriġini u ajruport.

735    Għall-kuntrarju, l-irregolarità tal-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 176, 317, 373 u 374 ma tistax titqies li hija stabbilita peress li l-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludix l-ordnijiet ta’ missjoni ta’ K. Pinxten li tirreferi għalihom il-Qorti tal-Awdituri u għalhekk ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-vjaġġi kkontestati ma kinux koperti, b’mod iġġustifikat, minn dawn l-ordnijiet ta’ missjoni.

736    Fit-tieni lok, disgħa mill-missjonijiet tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten li l-irregolarità tagħhom qiegħda tiġi invokata mill-Qorti tal-Awdituri kellhom għan differenti mis-sewqan tiegħu.

737    F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi rrilevat li t-twettiq ta’ tali missjonijiet minn xufier ma kienx previst b’mod espliċitu fir-regoli interni tal-Qorti tal-Awdituri li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja.

738    Għalhekk, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jimplikaw l-irregolarità tal-missjonijiet ta’ dan it-tip peress li dawn l-artikoli jirregolaw biss il-missjonijiet ta’ xufiera li jkollhom bħala għan is-sewqan tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jew tas-Segretarju Ġenerali ta’ dik l-istituzzjoni.

739    Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-ordnijiet ta’ missjoni ffirmati minn K. Pinxten dwar missjonijiet tax-xufier assenjat lill-uffiċċju tiegħu li kellhom għan differenti mis-sewqan tiegħu jistgħu jitqiesu li huma regolari, sakemm dawn il-missjonijiet kienu effettivament qdew l-interessi tal-Qorti tal-Awdituri.

740    Dan jista’ jkun il-każ, bħala prinċipju, għal missjonijiet tax-xufier ikkonċernat li kellhom bħala għan it-trasport ta’ dokumenti.

741    Barra minn hekk, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li diversi missjonijiet tax-xufier ikkonċernat li kellhom tali għan kienu inizjalment ikkritikati fil-konfront ta’ K. Pinxten, iżda finalment il-Qorti tal-Awdituri rrinunzjat milli tinvoka l-irregolarità tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

742    B’dan premess, peress li trasport ta’ dokumenti żgurat minn xufier tal-Qorti tal-Awdituri għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-kompiti tagħha u peress li ma jistax iwassal għal użu esaġerat tar-riżorsi ta’ dik l-istituzzjoni permezz ta’ trasport fuq distanzi twal, tali trasport ma jistax jitwettaq, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, bejn il-post tax-xogħol u l-post ta’ oriġini ta’ wieħed mill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni.

743    Għalkemm dik l-istituzzjoni ssostni li l-missjonijiet ippreżentati bħala li kellhom bħala għan it-trasport ta’ dokumenti u li huma s-suġġett tal-ewwel ilment kellhom, fir-realtà, għan differenti, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li hija ma tippreċiżax, ħlief f’każ wieħed, x’kien dan l-għan u, min-naħa l-oħra, li x-xufier ikkonċernat ikkonferma, waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF fit‑3 ta’ Ottubru 2017, li wettaq missjonijiet li kienu jikkonsistu fit-trasport ta’ dokumenti u sussegwentement fit-teħid tagħhom, wara l-firma tagħhom, fis-sede tal-Qorti tal-Awdituri.

744    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irregolarità tal-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numri 172, 222 u 249 għandha titqies li hija stabbilita peress li huwa paċifiku li dawn il-missjonijiet kellhom bħala għan it-trasport ta’ dokumenti lejn il-post ta’ oriġini ta’ K. Pinxten.

745    Fir-rigward tal-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 141, għalkemm il-fondatezza tal-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li din il-missjoni kienet marbuta ma’ inċident ma hijiex stabbilita, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, sa fejn mill-ordni ta’ din il-missjoni jirriżulta li x-xufier ikkonċernat kien intalab jieħu dokumenti f’Overpelt, l-imsemmija missjoni għandha titqies li hija irregolari.

746    Fir-rigward tal-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 250, għalkemm il-Qorti tal-Awdituri tallega li, taħt il-kopertura ta’ trasport ta’ dokumenti, din il-missjoni fir-realtà kellha bħala għan it-trasport ta’ fliexken tax-xampanja b’rabta maż-żwieġ ta’ wild ta’ K. Pinxten, dan tal-aħħar jinnega formalment din l-allegazzjoni.

747    F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddetermina jekk il-provi prodotti insostenn tal-imsemmija allegazzjoni humiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tagħha. Fil-fatt, il-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 250 għandha, fi kwalunkwe każ, titqies li hija irregolari anki jekk hija verament kellha bħala għan it-trasport ta’ dokumenti sa fejn, mill-ordni ta’ missjoni tax-xufier ikkonċernat, jirriżulta li huwa kellu jmur Overpelt, il-post ta’ oriġini ta’ K. Pinxten.

748    Minbarra l-missjonijiet relatati mat-trasport ta’ dokumenti, il-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 247 kellha bħala għan, skont K. Pinxten, it-teħid tal-karozza uffiċjali tiegħu f’garaxx sabiex jitwettaq is-servizz ta’ manutenzjoni tagħha.

749    F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ kull element li jissostanzjah, l-argument tal-Qorti tal-Awdituri li din il-ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata sa fejn is-servizz ta’ manutenzjoni ta’ din il-vettura kien jitwettaq minn garaxx li jinsab f’belt oħra ma jistax jintlaqa’.

750    Għall-kuntrarju, il-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 129, li fir-rigward tagħha huwa paċifiku li kellha bħala għan is-sewqan tal-konjuġi ta’ K. Pinxten minn Overpelt sabiex tkun tista’ tipparteċipa fi pranzu uffiċjali organizzata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu, ma tistax titqies li twettqet fl-interess ta’ dik l-istituzzjoni.

751    Bl-istess mod, l-irregolarità tal-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 197 għandha titqies li hija stabbilita peress li, mid-dikjarazzjonijiet tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten waqt is-smigħ tiegħu tas‑16 ta’ Ottubru 2017 mill-OLAF u minn ċertifikat ta’ kunsinna, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din il-missjoni, ix-xufier ikkonċernat kien mar jiġbor karozza ġdida li kienet ġiet ordnata minn K. Pinxten għall-użu privat tiegħu.

752    Barra minn hekk, minkejja li l-irregolarità tal-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 142 ma hijiex ikkontestata, din l-irregolarità ma tistax tiġi invokata fil-konfront ta’ K. Pinxten fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

753    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku li, fl-okkażjoni ta’ din il-missjoni, ix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten mar, fl-Isvizzera, fil-post tal-vaganzi ta’ dan tal-aħħar.

754    Għalkemm il-partijiet ma jaqblux dwar l-għan preċiż ta’ din il-missjoni, l-affermazzjoni ta’ K. Pinxten li l-imsemmija missjoni kellha bħala għan, bi qbil mal-persuna inkarigata mix-xufiera tal-Qorti tal-Awdituri, l-irkupru tal-vettura uffiċjali wara inċident tikkorrispondi, essenzjalment, għad-dikjarazzjonijiet tax-xufier ikkonċernat waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF tas‑16 ta’ Ottubru 2017.

755    Barra minn hekk, huwa stabbilit li, wara li ġie informat bil-possibbiltà ta’ irregolarità fir-rigward tal-missjoni tax-xufier inkwistjoni, K. Pinxten talab lill-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, matul is-sena 2011, sabiex jirrimborsa s-somom indebitament imħallsa minn dik l-istituzzjoni fl-okkażjoni ta’ din il-missjoni u li dawn is-somom kienu tnaqqsu mis-salarju tiegħu.

–       Fuq lispejjeż ta’ trasport sostnuti flokkażjoni talmissjonijiet ta’ K. Pinxten

756    L-ordnijiet l-oħra ta’ missjoni ta’ xufier iffirmati minn K. Pinxten li l-irregolarità tagħhom qiegħda tiġi invokata mill-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest ta’ din il-proċedura kienu jirrigwardaw vjaġġi koperti minn ordni ta’ missjoni tiegħu.

757    Issa, missjoni ta’ xufier li jkollha bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten fuq vjaġġ kopert minn ordni ta’ missjoni ta’ dan tal-aħħar għandha, bħala prinċipju, titqies li hija regolari, skont l-Artikoli 4 u 6 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u skont l-istess artikoli tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009.

758    Madankollu, dan ma jgħoddx fir-rigward ta’ tali missjoni ta’ xufier jekk ikun stabbilit, fil-kuntest iddefinit fil-punti 387 sa 392 ta’ din is-sentenza, li l-missjoni ta’ K. Pinxten li magħha kienet marbuta l-missjoni ta’ dan ix-xufier kienet, skont il-każ, irregolari jew manifestament irregolari.

759    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-ordnijiet ta’ missjoni ta’ xufier iffirmati minn K. Pinxten sabiex jinstaq matul waħda mill-missjonijiet tiegħu li ġiet iddikjarata, skont il-każ, irregolari jew manifestament irregolari, fil-kuntest tal-eżami mwettaq fil-punti 396 sa 601 ta’ din is-sentenza, għandhom ukoll jitqiesu li huma irregolari, u b’hekk għandhom jiġu kklassifikati bħala abbuż ta’ riżorsi.

760    Għall-bqija, jidher, fl-ewwel lok, li, fi tliet każijiet, l-irregolarità ta’ missjonijiet ta’ xufier koperti mill-ewwel ilment ma tidhirx li hija stabbilita sa fejn, abbażi tal-elementi li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-missjonijiet ta’ K. Pinxten li magħhom kienu marbuta ma jistgħux jitqiesu li huma irregolari.

761    Dan huwa l-każ għall-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 3, 31 u 281 peress li l-missjonijiet korrispondenti ta’ K. Pinxten kellhom bħala għan laqgħa ma’ mexxejja politiċi Membri tal-Gvern Belġjan jew ta’ uffiċċju ministerjali, filwaqt li n-natura ftit trasparenti tal-ordni ta’ missjoni msemmija fil-linja bin-numru 281 ma hijiex biżżejjed sabiex timplika l-irregolarità tagħha.

762    Għall-kuntrarju, fit-tieni lok, 31 missjoni tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten għandhom jitqiesu li huma irregolari sa fejn kienu marbuta ma’ missjonijiet tiegħu li, għalkemm għadhom ma ġewx eżaminati f’din is-sentenza, ma jidhrux li huma marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten, b’applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-punti 396 sa 601 ta’ din is-sentenza.

763    B’hekk, il-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 344, li kienet tinvolvi s-sewqan ta’ K. Pinxten mill-ajruport ta’ Frankfurt am Main wara l-vjaġġ tiegħu lejn Kuba, kienet marbuta ma’ missjoni irregolari ta’ K. Pinxten.

764    L-istess jgħodd għall-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 133 peress li l-missjoni korrispondenti ta’ K. Pinxten kellha uffiċjalment bħala għan laqgħa mal-president tal-partit politiku inkwistjoni u fil-prattika ppermettiet lil K. Pinxten, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fl-aġenda tiegħu, jipparteċipa fir-riċeviment tal-ewwel tas-sena organizzat minn dan il-partit politiku.

765    Il-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 115, 163, 164, 177 u 178 għandhom ukoll jitqiesu li huma irregolari sa fejn kellhom bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten għal laqgħat ma’ mexxejja ta’ operaturi ekonomiċi privati, l-istess bħall-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 18 u 114, li kienu marbuta ma’ missjonijiet ta’ K. Pinxten li kellhom bħala għan laqgħa man-negozjant Belġjan deskritt minn K. Pinxten bħala “ħabib għal żmien twil” u msemmi fil-punt 493 ta’ din is-sentenza.

766    Il-kriterji stabbiliti fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-mexxejja ta’ organi rappreżentattivi u ta’ assoċjazzjonijiet jimplikaw li għandha tiġi eskluża r-regolarità tal-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 32 u 121, li kienu jikkorrispondu għal missjonijiet ta’ K. Pinxten li kellhom bħala għan, rispettivament, l-attendenza tiegħu għar-riċeviment tal-ewwel tas-sena tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Limbourg u għal avveniment organizzat minn fondazzjoni li allegatament hija attiva fil-qasam tar-riċerka medika.

767    K. Pinxten uża wkoll is-servizz ta’ xufier fil-kuntest ta’ missjonijiet li kienu marbuta, fir-realtà, ma’ attivitajiet tal-familja jew ta’ rikreazzjoni.

768    Dan huwa l-każ għall-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 36 u 268, għar-raġunijiet indikati fil-punti 657 u 659 ta’ din is-sentenza, għall-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 225, li kellha l-għan reali li tippermetti lil K. Pinxten jassisti għal opra, kif ukoll għall-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 53, li kienet tikkorrispondi għal missjoni ta’ K. Pinxten ippreżentata sempliċement bħala żjara f’università Belġjana, iżda li l-aġenda tiegħu tindika li din il-missjoni kellha bħala għan li K. Pinxten jattendi għall-għoti tad-diploma lil wieħed minn uliedu.

769    Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 554 ta’ din is-sentenza, il-parteċipazzjoni f’avveniment ta’ kaċċa rjali li kienet possibbli taħt il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 67 u 223 timplika l-irregolarità tal-ordnijiet ta’ missjoni tax-xufier ikkonċernat li kellhom bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten f’dan il-kuntest.

770    Missjonijiet oħra tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten kienu marbuta ma’ missjonijiet tiegħu li jidhru li huma marbuta direttament mal-interessi patrimonjali ta’ K. Pinxten.

771    Minn naħa, il-missjoni ta’ xufier bin-numru 404 kellha bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten għal appuntament ma’ nutar f’Dijon (Franza), li kien inkarigat, kif juru numru ta’ ittri elettroniċi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri, bix-xiri tal-proprjetà immobbli msemmija waqt l-eżami tat-tieni parti tar-raba’ lment u bl-istabbiliment tal-istrumenti legali intiżi sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ din il-proprjetà.

772    Min-naħa l-oħra, sensiela ta’ missjonijiet tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten jistgħu jintrabtu mal-proġett ta’ proprjetà immobbli msejjaħ “Kaïros” li fih jidher, fid-dawl ta’ sensiela ta’ ittri elettroniċi li jinsabu fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja, li K. Pinxten kien qiegħed jippjana li jinvesti.

773    Fil-fatt, minbarra l-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 113, li kienet tikkorrispondi għal missjoni li l-għan uffiċjali tagħha kien “Kaïros”, il-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 51 u 205 kellhom bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten għal laqgħat ma’ persuni identifikati rispettivament, f’ittri tal‑10 ta’ April 2012 u tad‑9 ta’ Frar 2012, bħala l-persuna li preċedentement kienet responsabbli għal dan il-proġett ta’ proprjetà immobbli u bħala perit li assista lil K. Pinxten meta rċieva xogħlijiet marbuta mal-imsemmi proġett.

774    Barra minn hekk, il-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 25, 26, 50, 139, 266 u 397 għandhom jitqiesu li huma irregolari sa fejn kienu jikkorrispondu għal missjonijiet ta’ K. Pinxten li l-għan tagħhom ma kienx preċiż biżżejjed peress li kien jirreferi, skont il-każ, għal “ikla ta’ filgħaxija formali”, għal persuni li l-kwalità tagħhom ma hijiex magħrufa jew inkella għal “konsulent”.

775    Tali assenza ta’ preċiżjoni għandha tiġi rrilevata wkoll għall-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 46, 52, 159 u 162 sa fejn dawn il-missjonijiet kellhom bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten waqt żjarat fi stabbiliment ta’ edukazzjoni sekondarja u fi stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla li jipprovdi taħriġ artistiku, mingħajr ir-raġunijiet li jiġġustifikaw tali żjarat ma huma indikati fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja.

776    Fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 106, 151, 153, 167, 214 u 330, li kellhom bħala għan is-sewqan ta’ K. Pinxten fil-kuntest ta’ missjonijiet ta’ dan tal-aħħar relatati ma’ appuntamenti mediċi.

777    Il-missjonijiet inkwistjoni ta’ K. Pinxten ma jistgħux jitqiesu li huma marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri peress li la ġie allegat u lanqas a fortiori ma ġie stabbilit li dawn l-appuntamenti kienu jirrigwardaw żjarat mediċi obbligatorji f’din il-kwalità.

778    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li K. Pinxten ma talabx, abbażi ta’ dawn il-funzjonijiet, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni jew il-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum. L-uniċi spejjeż involuti, għall-Qorti tal-Awdituri, mill-imsemmija missjonijiet kienu għalhekk marbuta mal-użu tal-vettura uffiċjali u mal-użu tas-servizz ta’ xufier.

779    Issa, minn naħa, il-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u l-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 huma notevolment ambigwi f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li vjaġġ intiż sabiex wieħed jattendi għal appuntament mediku jitqies li huwa “vjaġġ ieħor marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet.

780    Fil-fatt, il-lista tal-“każijiet ta’ forza maġġuri” li jistgħu jitqiesu bħala tali vjaġġi kienet tinkludi l-“kontrolli mediċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

781    Huwa minnu li, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita f’diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni, jirriżulta li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal min jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

782    Għalkemm l-użu tal-kunċett ta’ “forza maġġuri” jimplika għalhekk normalment natura imprevedibbli, it-test kemm tal-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 33‑2004 kif ukoll tal-Kummenti dwar id-Deċiżjoni Nru 19‑2009 jagħti lok, f’dan id-dawl, għal inkonsistenza peress li l-kunċett ta’ “kontrolli mediċi” jeskludi kull dimensjoni ta’ urġenza jew ta’ imprevedibbiltà.

783    Min-naħa l-oħra, għalkemm l-użu ta’ xufier fil-kuntest ta’ “vjaġġ ieħor marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet” ma jeżiġix, mid-definizzjoni tiegħu stess, li l-Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri jkun fuq missjoni, għandu jiġi kkonstatat li, billi talab b’mod trasparenti awtorizzazzjoni minn dik l-istituzzjoni sabiex imur, fil-kuntest ta’ missjoni, għal appuntament mediku, K. Pinxten ippermettielha li twettaq kontroll minn qabel u li toġġezzjona, jekk hija tqis li kien xieraq, għall-użu li kellu l-intenzjoni jagħmel mir-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri.

784    Fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ elementi, l-irregolarità tal-missjonijiet ta’ K. Pinxten u tax-xufier assenjat lill-uffiċċju tiegħu msemmija fil-punt 776 ta’ din is-sentenza ma hijiex ta’ natura manifesta li tippermetti l-invokazzjoni tagħha fil-konfront ta’ K. Pinxten fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

785    Madankollu, dan ir-raġunament ma jistax jiġi traspost għall-missjoni ta’ xufier imsemmija fil-linja bin-numru 363, li hija wkoll meqjusa li tikkorrispondi għal missjoni ta’ K. Pinxten li kellha bħala għan appuntament mediku, peress li d-destinazzjoni mniżżla fl-ordni ta’ missjoni tax-xufier ikkonċernat ma tikkorrispondix għal dik li tinsab fuq l-ordni ta’ missjoni ta’ K. Pinxten.

786    Fir-raba’ lok, għaxar missjonijiet tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten kienu marbuta ma’ missjonijiet tiegħu li ma wasslux għar-rimbors tal-ispejjeż tal-missjoni jew għall-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum u li, għalkemm ma humiex qegħdin jiġu kkontestati b’mod utli fuq livell ta’ prinċipju, ir-regolarità tagħhom qiegħda tiġi kkontestata sa fejn kienu jinkludu vjaġġ wieħed jew iktar minn jew lejn Overpelt, il-post ta’ oriġini ta’ Pinxten.

787    Tali sitwazzjoni tista’ tiġi rrilevata fil-missjonijiet ta’ xufier imsemmija fil-linji bin-numri 200, 214, 274, 280, 281, 313, 333, 355, 369 u 401.

788    Dawn il-każijiet huma differenti minn dawk eżaminati fil-punti 727 sa 735 ta’ din is-sentenza sa fejn il-vjaġġ li għadda minn Overpelt kien iddikjarat b’mod ċar fl-ordnijiet ta’ missjoni korrispondenti ta’ K. Pinxten u għalhekk kien ġie approvat minn qabel mill-Qorti tal-Awdituri.

789    Madankollu, fl-assenza ta’ attività marbuta mal-funzjonijiet ta’ K. Pinxten li kellha tiżvolġi f’Overpelt, ordni ta’ missjoni ma setgħetx tipprevedi b’mod validu vjaġġ wieħed jew iktar minn jew lejn din il-belt.

790    Il-fatt li missjoni ta’ K. Pinxten kienet ġiet awtorizzata fl-istess jum ma jistax, b’mod partikolari, jiġġustifika ż-żieda, għal raġunijiet personali, ta’ tali vjaġġ mal-ordni ta’ missjoni tiegħu, li timplika spejjeż supplimentari għall-Qorti tal-Awdituri.

791    Għalkemm il-missjonijiet ikkonċernati ta’ K. Pinxten kienu ġew awtorizzati mingħajr ebda forma ta’ frodi jew ta’ ommissjoni, l-irregolarità tagħhom għandha titqies li hija manifesta fid-dawl tar-regoli ġenerali stabbiliti b’mod ċar fir-rigward tal-vjaġġi lejn il-post ta’ oriġini, li ma jistgħux ikunu koperti b’mod validu minn ordni ta’ missjoni.

–       Fuq lużu talkarozza uffiċjali mingħajr lużu tasservizzi ta’ xufier

792    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tikkritika wkoll lil K. Pinxten li għamel dikjarazzjonijiet ta’ missjoni irregolari, mingħajr ma uża s-servizzi ta’ xufier, bl-uniku għan li vjaġġi privati jiġu suġġetti, f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż relatati mal-użu tal-vettura uffiċjali, għar-regoli applikabbli għall-vjaġġi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet.

793    Huwa minnu li, skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 u skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 19‑2009, K. Pinxten kellu jħallas l-ispejjeż inerenti għall-vjaġġi privati mwettqa bl-użu tal-vettura uffiċjali u, b’mod partikolari, kellu jassumi r-responsabbiltà għall-ħlas supplimentari dovut bħala kera fil-każ li jinqabeż il-massimu previst fil-kuntratt ta’ kera ta’ 45 000 km fis-sena. B’hekk, stima f’livell ogħla tad-distanzi vjaġġati fil-kuntest ta’ vjaġġi marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu kienet ta’ natura li tippreżenta interess finanzjarju għalih.

794    Barra minn hekk, mill-ordnijiet ta’ missjoni ta’ K. Pinxten prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li, f’diversi każijiet, il-vettura uffiċjali kienet intużat sabiex jitwettqu l-vjaġġi mwettqa fl-okkażjoni ta’ dawn il-missjonijiet.

795    Madankollu, fil-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm ebda evalwazzjoni tal-portata tad-dikjarazzjoni f’livell ogħla tal-vjaġġi mwettqa fuq bażi professjonali li tippermetti li tiġi evalwata n-natura deliberata ta’ din il-prassi jew il-gravità tagħha.

796    Barra minn hekk, il-missjonijiet ta’ K. Pinxten imsemmija insostenn tal-ewwel ilment li la implikaw ir-rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni jew il-ħlas ta’ allowances ta’ kuljum u lanqas l-użu tas-servizzi ta’ xufier jidhru li huma kompletament marġinali.

797    Għaldaqstant, għalkemm dikjarazzjoni f’livell ogħla tal-vjaġġi mwettqa fuq bażi professjonali hija mingħajr dubju irregolari, ma jidhirx li huwa utli, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li jiġi ddeterminat jekk il-Qorti tal-Awdituri setgħetx tattribwixxi b’mod validu tali prassi lil K. Pinxten.

798    Għall-istess raġunijiet, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kritika tal-Qorti tal-Awdituri, dwar il-missjonijiet imsemmija fil-linji bin-numri 147, 187 u 330, fis-sens li ż-żamma, minn K. Pinxten, tal-vettura uffiċjali tiegħu kienet wasslet għal vjaġġ bil-ferrovija tax-xufier li kien imissu ġie evitat.

799    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment huwa parzjalment fondat.

3.      Fuq ittieni lment, ibbażat fuq lużu abbużiv u illegali ta’ privileġġi fiskali

800    Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li, billi uża b’mod abbużiv u illegali l-karti tal-fjuwil imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, K. Pinxten naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ integrità, ta’ kondotta eżemplari u ta’ żvestiment ta’ interessi.

801    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li karti tal-fjuwil jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri u ta’ ċerti membri tal-familja tagħhom sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw fjuwil mibjugħ bi prezz innegozjat minn dik l-istituzzjoni u mingħajr ma jkollhom iħallsu d-dazju tas-sisa jew it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

802    Għaldaqstant, għalkemm użu irregolari ta’ tali karta tal-fjuwil ma jimplikax spejjeż partikolari għall-Qorti tal-Awdituri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dan jikkostitwixxi abbuż mill-eżenzjonijiet fiskali mogħtija lil dik l-istituzzjoni, li jippreġudika r-riżorsi tal-Istati Membri kif ukoll tal-Unjoni.

803    Għaldaqstant, sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-tieni lment, għandu jiġi ddeterminat jekk l-allegazzjonijiet u l-provi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri jippermettux li jiġi stabbilit li K. Pinxten uża b’mod irregolari l-karti tal-fjuwil imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu, kif issostni l-Qorti tal-Awdituri permezz tal-ewwel u tat-tieni parti ta’ dan l-ilment.

a)      Fuq lewwel parti tattieni lment, ibbażata fuq iżżamma u lużu ta’ karta talfjuwil minn wild ta’ K. Pinxten meta ma kienx għadu parti taddar tiegħu

1)      Largumenti talpartijiet

804    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni lment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li K. Pinxten ħalla lil wieħed minn uliedu jżomm u juża karta tal-fjuwil wara l‑1 ta’ Settembru 2012, data li minnha huwa ma kienx għadu kkunsidrat bħala wieħed mill-ulied dipendenti ta’ K. Pinxten.

805    Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li b’hekk dan tal-aħħar kiser ir-regoli rilevanti, stabbiliti b’mod partikolari fid-Direttiva 2008/118, fir-Regolament Gran Dukali tas‑7 ta’ Frar 2013 u fir-Regolament Ministerjali tat‑18 ta’ Marzu 2010, billi ta l-benefiċċju ta’ eżenzjonijiet fiskali lil persuna li ma kinitx membru tad-dar tiegħu. Is-sempliċi fatt li dan il-wild kompla jirrisjedi miegħu fil-Lussemburgu, li barra minn hekk ma ġiex stabbilit, ma jimplikax li huwa seta’ jibqa’ jibbenefika mill-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni.

806    Skont K. Pinxten, il-wild inkwistjoni kien parti mid-dar tiegħu sal‑2018, peress li din il-kwalità ma għandhiex tiġi konfuża ma’ dik ta’ wild dipendenti u peress li dan il-wild kien irrisjeda miegħu sax-xahar ta’ Frar 2018. Il-fatt li huwa kellu impjieg matul dan il-perijodu huwa irrilevanti f’dan il-każ.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

807    L-ewwel nett, ma huwiex ikkontestat li l-wild inkwistjoni żamm karta tal-fjuwil imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Awdituri wara l‑1 ta’ Settembru 2012, minkejja li d-data li fiha din is-sitwazzjoni ntemmet ma tirriżultax b’mod ċar mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja.

808    Sussegwentement, minn nota kkomunikata mill-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li dan il-wild ma kienx għadu, b’effett minn din id-data, meqjus bħala wild dipendenti ta’ K. Pinxten, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-finijiet tal-ħlas tal-allowance għall-ulied dipendenti, minħabba t-tmiem tal-istudji tal-imsemmi wild u l-bidu tal-eżerċizzju, minnu, ta’ attività remunerata.

809    Fl-aħħar nett, l-allegazzjoni ta’ K. Pinxten li l-istess wild baqa’ jirrisjedi fid-dar tiegħu għandha titqies li hija stabbilita fid-dawl, minn naħa, ta’ dikjarazzjoni ta’ residenza legali fil-Lussemburgu bid-data tas‑27 ta’ Novembru 2011 u, min-naħa l-oħra, ta’ ċertifikat ta’ residenza prinċipali maħruġ mill-amministrazzjoni Belġjana li jindika reġistrazzjoni fir-reġistri tal-popolazzjoni ta’ Brussell mid‑9 ta’ Frar 2018.

810    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Awdituri ma ssemmi ebda regola interna ta’ dik l-istituzzjoni li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom membru tal-familja ta’ wieħed mill-Membri tal-imsemmija istituzzjoni jista’ jkollu karta tal-fjuwil.

811    Madankollu, iż-żamma u l-użu ta’ karta tal-fjuwil mill-wild inkwistjoni, wara l‑1 ta’ Settembru 2012, xorta waħda għandhom jitqiesu li huma irregolari jekk mir-regoli li jirregolaw l-eżenzjonijiet fiskali, applikabbli meta ntużat tali karta, jirriżulta li wild ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri li ma kienx għadu meqjus bħala wild dipendenti ta’ dan il-membru, fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda li madankollu baqa’ jirrisjedi mal-imsemmi membru, ma setax jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet fiskali.

812    Fir-rigward tal-eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju tas-sisa, l-Artikolu 12(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2008/118 jipprevedi li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma eżentati mill-ħlas tiegħu meta jkunu intiżi sabiex jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari jew inkella mill-organi internazzjonali rrikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti kif ukoll mill-membri ta’ dawn l-organi, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu dawn l-organi jew mill-ftehimiet dwar is-sede.

813    L-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-eżenzjonijiet mill-ħlas tad-dazju tas-sisa msemmija f’dan l-artikolu għandhom japplikaw fil-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti.

814    Din id-dispożizzjoni hija implimentata fl-Artikolu 1 tar-Regolament Ministerjali tat‑18 ta’ Marzu 2010, li jipprovdi li l-Liġi Belġjana tat‑22 ta’ Diċembru 2009 dwar is-Sistema Ġenerali tad-Dazju tas-Sisa hija ppubblikata fil-Mémorial sabiex tiġi eżegwita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

815    Għalkemm il-Qorti tal-Awdituri ma tippreċiżax liema dispożizzjoni ta’ din il-liġi hija, fil-fehma tagħha, applikabbli f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi jirreferi għal eżenzjoni mid-dazju tas-sisa favur id-diplomati, l-uffiċjali konsulari, il-forzi armati u l-organi msemmija fil-punti 7 sa 12 tal-Artikolu 20 tal-Liġi Ġenerali Belġjana tat‑18 ta’ Lulju 1977 dwar id-Dwana u d-Dazji tas-Sisa.

816    Mill-punt 7 tal-Artikolu 20 ta’ din il-liġi ġenerali, kif applikabbli fil-Lussemburgu, jirriżulta li eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għandha tingħata, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-kwantitajiet raġonevoli ta’ merkanzija li jkunu intiżi għall-użu personali, inkluż l-użu mill-membri tal-familja tagħhom li jagħmlu parti mill-unità domestika tagħhom, tal-membri tal-korpi diplomatiċi u tal-uffiċjali konsulari, li jkunu assenjati fil-Lussemburgu, sakemm il-persuni kkonċernati ma jkunux ċittadini jew residenti permanenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u sakemm ma jeżerċitaw ebda attività professjonali jew kummerċjali għall-benefiċċju personali tagħhom f’dan il-pajjiż.

817    Fir-rigward tal-VAT, meta jitqiesu flimkien, mill-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament Gran Dukali tas‑7 ta’ Frar 2013 jirriżulta li l-membri tal-korpi diplomatiċi u l-uffiċjali konsulari jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni mill-VAT għall-użu dirett, effettiv u esklużiv fi ħdan il-Lussemburgu ta’ ċerti prodotti, għall-bżonnijiet proprji u privati ta’ dawn il-membri u uffiċjali kif ukoll għall-bżonnijiet proprji u privati tal-membri tal-familja tagħhom li jagħmlu parti mill-unità domestika tagħhom, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux ċittadini jew residenti permanenti tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u sakemm ma jeżerċitaw ebda attività remunerata fih.

818    Għalkemm id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Lussemburgiż li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa u mill-VAT inkwistjoni jkopru l-membri tal-familja li jagħmlu parti mill-“unità domestika” tal-benefiċjarju prinċipali tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li dan il-kunċett jikkorrispondi għal dak ta’ “dar”, fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal.

819    Issa, fl-assenza ta’ produzzjoni, mill-Qorti tal-Awdituri, ta’ elementi preċiżi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “unità domestika” fid-dritt Lussemburgiż, ma ġiex stabbilit li l-wild inkwistjoni, li la huwa allegat u lanqas a fortiori ma huwa stabbilit li eżerċita attività remunerata fil-Lussemburgu, ma setax jibqa’ jibbenefika mill-privileġġi fiskali mogħtija lill-membri tal-familja ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri.

820    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Awdituri baqgħet ma stabbilixxietx li ż-żamma u l-użu ta’ karta tal-fjuwil minn dan il-wild wara l-1 ta’ Settembru 2012 kienu irregolari.

821    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni lment għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

b)      Fuq ittieni parti tattieni lment, ibbażata fuq lużu ta’ karta talfjuwil sabiex jinxtara fjuwil għal karozzi li jappartjenu lil terzi

1)      Largumenti talpartijiet

822    Permezz tat-tieni parti tat-tieni lment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li r-rekords dwar l-użu tal-karti tal-fjuwil imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ K. Pinxten jinkludu anomaliji li juru li dan ippermetta lil terzi jużaw dawn il-karti.

823    K. Pinxten isostni li kienu biss il-membri tad-dar tiegħu li bbenefikaw mill-karti tal-fjuwil ipprovduti mill-Qorti tal-Awdituri. L-anomaliji rrilevati mill-Qorti tal-Awdituri huma dovuti għal vjaġġi bħala familja b’diversi karozzi u għall-użu ta’ karozzi ta’ sostituzzjoni. Għalkemm kien f’pożizzjoni li jagħti spjegazzjonijiet preċiżi fiż-żmien tal-fatti, issa ma għadux possibbli li jagħti iktar kjarifiki minħabba l-mogħdija taż-żmien.

2)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

824    F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, filwaqt li l-karozzi li kellhom K. Pinxten u l-membri tal-familja tiegħu kienu mgħammra b’magni diesel, il-karti tal-fjuwil imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom ma ntużawx biss sabiex jinxtara diesel iżda wkoll sabiex jinxtara petrol.

825    B’mod partikolari, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 169 tal-konklużjonijiet tiegħu, mir-rekords dwar l-użu ta’ dawn il-karti tal-fjuwil matul is-snin 2016 u 2017 jirriżulta li l-imsemmija karti ntużaw mill-inqas tnax‑il darba sabiex jinxtara petrol.

826    Issa, sa fejn l-eżenzjonijiet fiskali li japplikaw meta tintuża karta tal-fjuwil imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jibbenefikaw biss lil dan il-membru jew lil ċerti membri tal-familja tiegħu, tali karta għandha tintuża esklużivament għall-provvista ta’ fjuwil għall-vetturi ta’ dawn il-persuni.

827    Dawn l-akkwisti ta’ petrol ġew spjegati minn K. Pinxten, waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF u mbagħad matul din il-proċedura, permezz tal-użu okkażjonali ta’ karozzi ta’ sostituzzjoni.

828    Madankollu, peress li K. Pinxten kien ġie informat bl-eżistenza ta’ suspetti dwar l-anomaliji inkwistjoni waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF, li sar fit‑22 ta’ Diċembru 2017, u sussegwentement fir-rapport preliminari tal-Qorti tal-Awdituri, li ġie kkomunikat lilu fil‑5 ta’ Ottubru 2018, jista’ raġonevolment jiġi mistenni minn K. Pinxten li jipprovdi elementi li jistgħu jsostnu l-argument tiegħu li dawn l-anomaliji huma dovuti għall-użu repetut ta’ karozzi ta’ sostituzzjoni matul is-snin 2016 u 2017.

829    Issa, għandu jiġi kkonstatat li K. Pinxten ma pproduċa ebda element insostenn ta’ dan l-argument.

830    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni lment għandha tintlaqa’ u għalhekk dan l-ilment għandu jintlaqa’ parzjalment.

4.      Fuq ittielet ilment, ibbażat fuq dikjarazzjonijiet foloz ta’ inċident lillassigurazzjoni filkuntest ta’ allegati inċidenti li jinvolvu lvettura uffiċjali u xxufier assenjat lilluffiċċju ta’ K. Pinxten

a)      Largumenti talpartijiet

831    Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri tikkritika lil K. Pinxten li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ integrità, ta’ kondotta eżemplari u ta’ żvestiment ta’ interessi billi bbenefika minn kumpensi min-naħa ta’ kumpannija tal-assigurazzjoni abbażi ta’ dikjarazzjonijiet foloz iffirmati, fuq talba ta’ K. Pinxten, mix-xufier assenjat lill-uffiċċju tiegħu.

832    Minn naħa, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li huwa bbenefika minn kumpens għal inċident li allegatament seħħ fix-xahar ta’ Jannar 2010 u li seħħ meta x-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten saq fuq bagalja li kienet tappartjeni lil dan tal-aħħar u li kien fiha flixkun inbid u diversi ħwejjeġ. Madankollu, mid-dikjarazzjonijiet ta’ dan ix-xufier jirriżulta li dan l-inċident qatt ma seħħ.

833    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li K. Pinxten ibbenefika minn kumpens wara dikjarazzjoni dwar inċident li seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2011. Madankollu, din id-dikjarazzjoni kienet tirreferi għal inċident li seħħ fi Brussell bejn il-karozza privata tiegħu misjuqa minn wieħed minn uliedu u l-karozza uffiċjali tiegħu misjuqa mix-xufier assenjat lill-uffiċju tiegħu, filwaqt li d-dannu inkwistjoni kien jirriżulta minn ħabta żgħira fi Franza u filwaqt li din il-karozza tal-aħħar kienet qiegħda tinstaq minn K. Pinxten.

834    K. Pinxten ma pproduċa ebda element li jistabbilixxi li l-fatti ddikjarati lill-kumpannija tal-assigurazzjoni kienu eżatti. Għalkemm id-dikjarazzjonijiet lil din il-kumpannija ġew iffirmati mix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten, dan tal-aħħar kien imissu waqqaf lil dan ix-xufier milli jaġixxi b’dan il-mod peress li kien jaf bis-sitwazzjoni reali. Billi ma għamilx dan, huwa ġiegħel lil subordinat tiegħu jwettaq reat kriminali li tiegħu huwa kien il-mandant jew il-kompliċi.

835    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Awdituri tqis li x-xhieda tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten hija probatorja fid-dawl tan-natura konkordanti tagħha u tal-fatt li ngħatat minn persuna li bix-xhieda tagħha kienet qiegħda tesponi ruħha għal proċeduri kriminali u dixxiplinari.

836    K. Pinxten isostni li d-dikjarazzjonijiet lill-kumpannija tal-assigurazzjoni effettivament jirriflettu r-realtà.

837    Huwa jsostni li, mid-dikjarazzjonijiet magħmula lill-OLAF mill-persuna inkarigata mix-xufiera tal-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li d-dipartiment tagħha kien jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-problemi ta’ inċidenti mal-kumpannija tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-dikjarazzjonijiet miġbura ma kienet tirreferi għal intervent min-naħa ta’ K. Pinxten f’dawn il-fajls.

838    Barra minn hekk, skont K. Pinxten, id-dikjarazzjonijiet tax-xufier assenjat lill-uffiċċju tiegħu ma humiex affidabbli fid-dawl tal-kontradizzjonijiet li jinsabu fihom u taċ-ċirkustanzi relatati magħhom. B’hekk, qiegħed jiġi sostnut li x-xufier kien is-suġġett ta’ pressjoni min-naħa tal-Kap tas-Servizz Legali tal-Qorti tal-Awdituri, li kien intervistah tliet darbiet u li kien għamillu pressjoni, mingħajr suċċess, sabiex jiffirma denunzja li kienet tagħtih l-istatus ta’ informatur.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

839    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-inċident li seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2011, il-konstatazzjoni ta’ inċident mibgħuta lill-kumpannija tal-assigurazzjoni tiddikjara li ż-żewġ karozzi involuti fil-ħabta kienu misjuqa, rispettivament, mill-wild ikkonċernat ta’ K. Pinxten u mix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten, li ffirmaw din il-konstatazzjoni.

840    F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi rrilevat li ċerti provi indiretti jidhru li huma ta’ natura li jsostnu l-allegazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-fatti rrapportati fl-imsemmija konstatazzjoni huma ineżatti.

841    L-ewwel nett, wara li matul is-smigħ tiegħu fil-kuntest tal-investigazzjoni interna tal-Qorti tal-Awdituri sostna li huwa kien qiegħed effettivament isuq il-karozza uffiċjali ta’ K. Pinxten meta seħħ l-inċident inkwistjoni, ix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ dan tal-aħħar sostna b’mod kostanti, matul it-tliet darbiet li nstema’ mill-OLAF, li ma kienx preżenti meta seħħet il-ħabta bejn iż-żewġ karozzi involuti.

842    Sussegwentement, ċerti elementi jindikaw li l-kumpannija tal-assigurazzjoni rċeviet informazzjoni inkonsistenti dwar l-identità tas-sewwieq tal-karozza uffiċjali inkwistjoni.

843    Minn naħa, minn ittra elettronika interna ta’ din il-kumpannija, bid-data tat‑28 ta’ Jannar 2011, jirriżulta li wieħed mill-membri tal-persunal tagħha kien ġie informat oralment, qabel ma rċieva l-konstatazzjoni ta’ inċident, li l-karozzi involuti kienu misjuqa minn K. Pinxten u minn ibnu.

844    Min-naħa l-oħra, it-tweġibiet mogħtija minn membru tal-persunal tal-imsemmija kumpannija għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti tal-Awdituri matul is-snin 2017 u 2018 jikkonfermaw li l-istess kumpannija kienet inizjalment ġiet informata li K. Pinxten kien qiegħed isuq waħda miż-żewġ karozzi involuti.

845    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li dawn it-tweġibiet jikkontradixxu d-dikjarazzjonijiet tax-xufier quddiem l-OLAF sa fejn dan sostna li żewġ konstatazzjonijiet ta’ inċident differenti kienu ntbagħtu lill-kumpannija tal-assigurazzjoni, filwaqt li l-imsemmija tweġibiet jippreċiżaw li din tal-aħħar kienet irċeviet biss konstatazzjoni waħda ta’ inċident.

846    Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li K. Pinxten bagħat ittra lill-kumpannija tal-assigurazzjoni, bid-data tal‑11 ta’ Jannar 2012, li fiha jippreċiża li huwa “kellu ħabta żgħira bil-karozza uffiċjali [tiegħu]” fis‑17 ta’ Jannar 2011 u jikkritika l-prassi ta’ din il-kumpannija li tirrifjuta li tieħu responsabbiltà għat-tiswijiet ta’ karozza meta “żewġ persuni tal-istess familja” jkunu ffirmaw il-konstatazzjoni ta’ inċident.

847    Madankollu, anki jekk jitqies li dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-konstatazzjoni ta’ inċident mibgħuta mill-Qorti tal-Awdituri lill-kumpannija tal-assigurazzjoni kienet tinkludi informazzjoni żbaljata, il-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi stabbilit li dawn id-dikjarazzjonijiet foloz huma imputabbli lil K. Pinxten.

848    L-uniċi elementi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri sabiex tiġi stabbilita din l-imputabbiltà huma marbuta ma’ dikjarazzjoni f’dan is-sens min-naħa tax-xufier ikkonċernat waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF tas‑7 ta’ Diċembru 2017 u mar-repetizzjoni ta’ din il-pożizzjoni fil-kummenti tiegħu, bid-data tal‑20 ta’ April 2018, dwar is-sunt tal-fatti li kien intbagħatlu mill-OLAF.

849    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-pożizzjoni adottata mix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten varjat ħafna matul l-investigazzjoni interna tal-Qorti tal-Awdituri, u sussegwentement matul l-investigazzjoni tal-OLAF.

850    Wara li sostna, matul l-investigazzjoni interna tal-Qorti tal-Awdituri, li huwa kien effettivament qiegħed isuq il-karozza uffiċjali meta seħħ l-inċident tas‑17 ta’ Jannar 2011, ix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten afferma, waqt l-ewwel smigħ tiegħu mill-OLAF, fit‑3 ta’ Ottubru 2017, li huwa ma kienx jaħseb li K. Pinxten kien talbu jimla l-konstatazzjoni u li kellu “memorja vaga” li kien irċieva istruzzjonijiet f’dan is-sens mingħand il-persuna inkarigata mix-xufiera tal-Qorti tal-Awdituri.

851    Matul it-tieni smigħ tiegħu mill-OLAF, fis‑16 ta’ Ottubru 2017, ix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten ippreċiża li ma jiftakarx jekk it-talba sabiex timtela l-konstatazzjoni kinitx saret minn din il-persuna jew minn K. Pinxten, iżda kien jaħseb “pjuttost” li din it-talba kienet saret minn dan tal-aħħar.

852    Waqt it-tielet smigħ tiegħu mill-OLAF, fis‑7 ta’ Diċembru 2017, huwa żgura li, matul is-smigħ preċedenti tiegħu, il-memorji tiegħu ma kinux preċiżi iżda li issa kien “ċert” u li kien “tabilħaqq K. Pinxten li [kien] talbu jagħmel din il-konstatazzjoni l-ġdida”.

853    Issa, ma hemmx raġuni għalfejn għandha tingħata fiduċja biss lill-aħħar dikjarazzjonijiet tax-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten.

854    Barra minn hekk, it-tweġibiet mogħtija minn membru tal-persunal tal-kumpannija tal-assigurazzjoni għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti tal-Awdituri matul is-snin 2017 u 2018 jirreferu għal kuntatti esklużivi mal-persuna inkarigata mix-xufiera tal-Qorti tal-Awdituri, li b’mod spontanju pproponiet, hekk kif issemmiet il-possibbiltà li ma titteħidx responsabbiltà għad-danni kkawżati lill-karozza uffiċjali ta’ K. Pinxten, bidla fl-isem tas-sewwieqa involuti.

855    Waqt is-smigħ tagħha mill-OLAF, din il-persuna barra minn hekk eskludiet kull intervent min-naħa ta’ K. Pinxten fir-rigward tal-inċident inkwistjoni u semmiet l-eżistenza ta’ prassi sistematika, magħrufa mill-“ġerarkija” tagħha, ta’ dikjarazzjonijiet foloz lill-assigurazzjoni fi ħdan id-dipartiment tax-xufiera tal-Qorti tal-Awdituri, prassi li għaliha x-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten irrefera wkoll waqt is-smigħ tiegħu mill-OLAF tas‑16 ta’ Ottubru 2017.

856    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-elementi msemmija minn K. Pinxten fl-ittra tiegħu tal‑11 ta’ Jannar 2012 pjuttost jindikaw li huwa ma kienx jaf bil-kontenut tal-konstatazzjoni tal-inċident mibgħuta mill-Qorti tal-Awdituri lill-kumpannija tal-assigurazzjoni.

857    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi prodotti mill-Qorti tal-Awdituri ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li K. Pinxten jista’ jinżamm responsabbli, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, għal dikjarazzjoni falza lill-assigurazzjoni dwar l-inċident li seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2011.

858    Fir-rigward tal-inċident li seħħ fix-xahar ta’ Jannar 2010, id-dikjarazzjonijiet magħmula mix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten waqt it-tielet smigħ tiegħu mill-OLAF, fis‑7 ta’ Diċembru 2017, jikkostitwixxu l-uniku element ippreżentat mill-Qorti tal-Awdituri insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, li huma kkontestati bil-qawwa minn K. Pinxten.

859    Issa, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-dikjarazzjonijiet magħmula quddiem l-OLAF mix-xufier assenjat lill-uffiċċju ta’ K. Pinxten ma jistgħux jingħataw, waħedhom, piż deċiżiv.

860    Barra minn hekk, dan ix-xufier irrefera għall-inċident tax-xahar ta’ Jannar 2010 fi stadju tard ħafna fil-proċedura, minkejja li huwa kien diġà kellu l-okkażjoni jirreferi preċedentement għal eventwali irregolaritajiet mwettqa minn K. Pinxten li ma kinux magħrufa mill-OLAF.

861    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-inċident tax-xahar ta’ Jannar 2010 ma hijiex stabbilita.

862    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

5.      Fuq ilħames ilment, ibbażat fuq sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi maħluqa minn K. Pinxten filkuntest ta’ relazzjoni malkap ta’ entità awditjata

a)      Largumenti talpartijiet

863    Permezz tal-ħames ilment tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ssostni li, meta daħal f’relazzjoni mal-kap ta’ entità awditjata, K. Pinxten naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ żvestiment ta’ interessi, ta’ indipendenza, ta’ imparzjalità, ta’ integrità u ta’ kondotta eżemplari.

864    Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Awdituri, huwa affettwa l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu jew, tal-inqas, ta tali impressjoni, meta ppropona appartament privat għall-kiri lir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, entità li taqa’ taħt il-kompetenzi tal-Awla III tal-Qorti tal-Awdituri.

865    K. Pinxten jenfasizza li l-proposta dwar il-kiri tal-proprjetà tiegħu ma kinitx issemmi l-kwalità tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri. L-uniku element marbut ma’ dik l-istituzzjoni f’din il-proposta kien ikkostitwit mill-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, li kien jużah ukoll għal finijiet privati minħabba li ma kellux indirizz tal-posta elettronika ieħor. Barra minn hekk, l-imsemmija proposta kienet tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq.

b)      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

866    Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Novembru 2014, K. Pinxten ippropona lir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà li jikrilha appartament fi Brussell.

867    Ma huwiex ikkontestat li din kienet tmexxi entità awditjata mill-Qorti tal-Awdituri, u b’mod iktar preċiż mill-Awla III ta’ dik l-istituzzjoni, li tagħha K. Pinxten kien id-dekan dak iż-żmien.

868    Issa, sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligu, previst fl-Artikolu 285 TFUE, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni, il-Membri tal-Qorti tal-Awdituri għandhom jiżguraw li jevitaw kwalunkwe kunflitt ta’ interessi.

869    Dan l-obbligu huwa mfakkar fl-Artikolu 2(1) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal‑2012 u fil-punt 3.3 tal-Linji gwida dwar l-Etika. Il-punt 3.4 ta’ dawn il-linji gwida jipprevedi, barra minn hekk, li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri ma għandu jkollhom ebda relazzjoni mal-entità awditjata li tista’ tikkomprometti l-indipendenza tagħhom.

870    Meta ppropona lill-kap ta’ entità awditjata li jidħol f’relazzjoni ta’ natura finanzjarja miegħu, K. Pinxten potenzjalment espona ruħu għal kunflitt ta’ interessi li seta’ jdaħħal inkwistjoni l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu.

871    Il-fatt li l-ittra inkwistjoni ma semmietx espliċitament il-kwalità tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

872    Fil-fatt, minbarra li l-eżistenza ta’ rabta bejn K. Pinxten u l-Qorti tal-Awdituri setgħet tiġi dedotta mill-indirizz tal-posta elettronika msemmi f’din l-ittra, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kwalità ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni ta’ K. Pinxten kienet magħrufa pubblikament u, min-naħa l-oħra, li, fil-każ ta’ aċċettazzjoni tal-proposta fformulata fl-imsemmija ittra mid-destinatarja tagħha, kunflitt ta’ interessi kien oġġettivament jeżisti fi kwalunkwe każ, anki jekk din tal-aħħar baqgħet ma tafx dwar il-funzjonijiet ta’ K. Pinxten.

873    Għaldaqstant, il-ħames ilment huwa fondat.

C.      Fuq ittneħħija taddritt għallpensjoni jew ta’ benefiċċji oħra minflokha

1.      Largumenti talpartijiet

874    Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li l-atti ta’ K. Pinxten huma partikolarment serji u jissodisfaw għalhekk il-kundizzjoni stabbilita f’dan ir-rigward fis-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455).

875    Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li, fil-fatt, dawn l-atti jippreġudikaw il-valuri fundamentali tal-Unjoni, seħħew ta’ spiss, ikkawżaw dannu sinjifikattiv lill-Qorti tal-Awdituri, jistgħu jiġu kklassifikati bħala kriminali u jirriżultaw minn intenzjoni ta’ dolus immanifestata minn prassi ta’ ħabi.

876    Il-Qorti tal-Awdituri toqgħod għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina n-natura u l-portata tas-sanzjoni, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-livell għoli tar-responsabbiltajiet ta’ K. Pinxten, il-ħsara għall-immaġni tal-istituzzjoni, il-livell għoli ta’ gravità tan-nuqqasijiet u l-portata tad-dannu finanzjarju għall-Unjoni.

877    K. Pinxten isostni li huwa ma naqasx milli jwettaq l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE.

878    Huwa jsostni li l-aġir tiegħu kien paragunabbli ma’ dak tal-Membri l-oħra tal-Qorti tal-Awdituri. Għalkemm ma jeskludix li seta’ wettaq ċerti żbalji, dawn kienu marġinali u kellhom jiġu kkoreġuti minn dik l-istituzzjoni.

2.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

879    Mill-evalwazzjoni preċedenti jirriżulta li, għalkemm it-tielet ilment imqajjem mill-Qorti tal-Awdituri għandu jiġi miċħud, l-ewwel, it-tieni, ir-raba’ u l-ħames ilment huma, għall-kuntrarju, minn tal-inqas parzjalment fondati, b’tali mod li K. Pinxten għandu jinżamm responsabbli għal sensiela ta’ irregolaritajiet.

880    Billi wettaq attività mhux iddikjarata li hija inkompatibbli mal-funzjonijiet tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, billi uża b’mod abbużiv ir-riżorsi ta’ dik l-istituzzjoni u billi aġixxa b’mod li seta’ joħloq kunflitt ta’ interessi ma’ persuna awditjata, K. Pinxten wettaq nuqqasijiet ta’ gravità notevoli u għalhekk kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu ta’ Membru tal-imsemmija istituzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE.

881    Il-ksur ta’ dawn l-obbligi jeħtieġ, bħala prinċipju, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni taħt din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 149).

882    Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna sanzjoni li tikkonsisti fit-tneħħija mill-kariga jew fit-tneħħija tad-dritt għall-pensjoni tal-persuna kkonċernata jew ta’ benefiċċji oħra minflokha. Din it-tneħħija mill-kariga tista’ tiġi applikata biss fil-każ li nuqqas jitwettaq u jkompli waqt li l-Membru kkonċernat tal-Qorti tal-Awdituri jkun għadu fil-kariga. Għall-kuntrarju, it-tneħħija tad-dritt għall-pensjoni jew ta’ benefiċċji oħra minflokha tista’ tiġi applikata b’mod partikolari jekk in-nuqqas jitwettaq matul il-mandat ta’ dan tal-aħħar u jkompli wara l-iskadenza ta’ dan il-mandat, bħalma huwa l-każ hawnhekk (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 73).

883    B’mod iktar preċiż, peress li mill-informazzjoni pprovduta mill-partijiet waqt is-seduta jirriżulta li K. Pinxten jibbenefika biss minn dritt għall-pensjoni, l-imsemmija sanzjoni għandha tirrigwarda dan id-dritt u mhux benefiċċji oħra minflok dan id-dritt.

884    Fl-assenza ta’ preċiżjoni, fl-Artikolu 286(6) TFUE, dwar il-portata tat-tneħħija tad-dritt għall-pensjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna tneħħija totali jew parzjali ta’ dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson, C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 73).

885    Din is-sanzjoni għandha, madankollu, tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

886    Sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura ta’ dan il-ksur, iċ-ċirkustanzi li fihom twettaq, il-portata tad-dannu kkawżat lill-integrità, lir-reputazzjoni jew lill-interessi tal-Unjoni kif ukoll il-livell ta’ intenzjonalità jew ta’ negliġenza fit-twettiq tal-imsemmi ksur.

887    Sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa meħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jaggravaw jew, għall-kuntrarju, inaqqsu r-responsabbiltà ta’ K. Pinxten.

888    F’dan il-kuntest, għandu barra minn hekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tneħħija totali jew parzjali tad-dritt għall-pensjoni tikkostitwixxi limitazzjoni tad-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17 tal-Karta, sa fejn għandha l-effett li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata, kompletament jew parzjalment, mid-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar li din il-persuna tkun akkumulat matul il-karriera professjonali tagħha, fejn dawn id-drittijiet huma, barra minn hekk, intiżi li jikkontribwixxu sabiex jiżguraw l-għajxien ta’ din il-persuna fi tmiem din il-karriera.

889    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-KEDB, ġurisprudenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tagħha, bħala livell minimu ta’ protezzjoni (sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata), jirriżulta li sanzjoni li jkollha bħala effett li ċċaħħad kompletament jew parzjalment lil individwu minn pensjoni tal-irtirar għandha neċessarjament titqies li hija ndħil fid-dritt ta’ din il-persuna għar-rispett ta’ dawn il-beni (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2016, Philippou vs Ċipru, CE:ECHR:2016:0614JUD007114810, punt 65).

890    Tneħħija totali jew parzjali tad-dritt għall-pensjoni għandha titqies ukoll bħala limitazzjoni tad-dritt għas-sigurtà soċjali u għall-għajnuna soċjali previst fl-Artikolu 34 tal-Karta.

891    Issa, serje ta’ ċirkustanzi huma ta’ natura li jistabbilixxu li l-irregolaritajiet imputabbli lil K. Pinxten huma ta’ gravità ta’ livell partikolarment għoli.

892    Fl-ewwel lok, mill-konstatazzjonijiet magħmula waqt l-eżami tal-ewwel, tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames ilment ippreżentati mill-Qorti tal-Awdituri jirriżulta li, matul iż-żewġ mandati tiegħu bħala Membru ta’ dik l-istituzzjoni, K. Pinxten kiser b’mod intenzjonat u repetut ir-regoli applikabbli fi ħdan l-imsemmija istituzzjoni u b’hekk kiser b’mod sistematiku l-iktar obbligi fundamentali li jirriżultaw mill-kariga tiegħu.

893    Fit-tieni lok, K. Pinxten ta’ spiss ipprova jaħbi dan il-ksur tal-imsemmija regoli, b’mod partikolari billi ssottometta talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ missjonijiet li kienu jħallu barra informazzjoni essenzjali dwar ir-realtà tal-attivitajiet ippjanati fil-kuntest tal-missjonijiet inkwistjoni jew li kienu jippreżentaw b’mod qarrieqi dawn l-attivitajiet.

894    Fit-tielet lok, l-irregolaritajiet imwettqa minn K. Pinxten kellhom, fil-parti l-kbira tagħhom, l-effett li jikkontribwixxu għall-arrikkiment personali tiegħu bl-użu tar-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri sabiex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet privati tiegħu.

895    Fir-raba’ lok, l-aġir adottat minn K. Pinxten ikkawża lill-Qorti tal-Awdituri dannu kunsiderevoli mhux biss fuq il-livell finanzjarju iżda wkoll f’dak li jikkonċerna l-immaġni u r-reputazzjoni tagħha.

896    Fil-ħames lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Awdituri hija, skont l-Artikolu 287(2) TFUE, inkarigata li teżamina l-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-Unjoni kif ukoll li tiżgura l-ġestjoni finanzjarja tajba, b’mod partikolari billi tindika kull irregolarità.

897    Fid-dawl ta’ din il-funzjoni speċifika, il-punt 2.2 tal-Linji gwida dwar l-Etika jipprevedi li l-Qorti tal-Awdituri għandha taġixxi bħala mudell fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja u li r-riżorsi tagħha għandhom jiġu amministrati b’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli.

898    Għalhekk, għalkemm il-persuni kollha li huma fdati b’funzjonijiet għolja fi ħdan l-Unjoni għandhom, kif tfakkar fil-punt 239 ta’ din is-sentenza, josservaw l-iktar standards rigorużi fil-qasam tal-aġir, il-funzjoni speċifika li għandha l-Qorti tal-Awdituri tkompli tenfasizza l-gravità tal-irregolaritajiet imwettqa minn K. Pinxten.

899    Madankollu, elementi oħra jistgħu jnaqqsu r-responsabbiltà ta’ K. Pinxten.

900    Minn naħa, K. Pinxten kiseb id-dritt għall-pensjoni tiegħu abbażi tax-xogħol li huwa wettaq matul tnax‑il sena ta’ servizz fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri.

901    Issa, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li ddaħħlet inkwistjoni l-kwalità ta’ dan ix-xogħol u K. Pinxten kien anki elett mill-kollegi tiegħu fil-funzjoni ta’ dekan tal-Awla III tal-Qorti tal-Awdituri b’effett mis-sena 2011.

902    Min-naħa l-oħra, għalkemm il-ksur imwettaq minn K. Pinxten tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu jaqa’ qabel kollox taħt għażliet personali li huwa ma setax ma kienx jaf li kienu inkompatibbli mal-iktar obbligi fundamentali li jirriżultaw mill-kariga tiegħu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li t-twettiq b’mod repetut ta’ dawn l-irregolaritajiet kien ġie aġevolat min-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-regoli interni ta’ dik l-istituzzjoni u kien possibbli minħabba n-nuqqasijiet tal-kontrolli stabbiliti minnha.

903    B’mod partikolari, għalkemm, bħala prinċipju, il-Qorti tal-Awdituri għandha tkun tista’ tafda fid-dikjarazzjonijiet tal-Membri tagħha, mingħajr ma tkun obbligata tivverifika sistematikament l-eżattezza tal-informazzjoni inkluża fihom, mill-eżami tal-ewwel ilment jirriżulta li numru kbir ta’ missjonijiet ta’ K. Pinxten kienu ġew awtorizzati minkejja li kien ta informazzjoni b’mod ċar insuffiċjenti sabiex tkun iġġustifikata din l-awtorizzazzjoni, filwaqt li oħrajn kienu ġew awtorizzati minkejja li mill-għan tagħhom kien jirriżulta li kienu manifestament irregolari. Spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità ġew ukoll irrimborsati taħt kundizzjonijiet paragunabbli.

904    Bl-istess mod, filwaqt li l-irregolarità sistematika tal-użu tas-servizzi ta’ xufiera matul iż-żewġ mandati kollha tiegħu ma setgħetx ma kinitx magħrufa mill-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri, din tal-aħħar ma qisitx li kien utli li tirreaġixxi, jekk xejn billi tindika lil K. Pinxten in-natura irregolari tal-prassi li huwa kien stabbilixxa.

905    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jekk jiġi deċiż li għandhom jitneħħew żewġ terzi tad-dritt għall-pensjoni ta’ K. Pinxten mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

IX.    Fuq ittalba għal kumpens imressqa minn K. Pinxten

A.      Largumenti talpartijiet

906    K. Pinxten jitlob li l-Qorti tal-Awdituri tiġi kkundannata tħallas somma ta’ EUR 50 000 bħala kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-aġir ta’ dik l-istituzzjoni.

907    Skont K. Pinxten, dan id-dannu jirriżulta b’mod partikolari mill-komunikazzjonijiet suċċessivi magħmula mill-Qorti tal-Awdituri. Dawn il-komunikazzjonijiet qerdu l-karriera u r-reputazzjoni ta’ K. Pinxten.

908    Il-Qorti tal-Awdituri ssostni li din it-talba hija inammissibbli peress li tressqet quddiem qorti li ma għandhiex kompetenza.

B.      Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

909    Mill-kliem stess tal-Artikolu 286(6) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rimedju ġuridiku speċifiku li fih il-Qorti tal-Ġustizzja hija esklużivament mitluba tiddetermina jekk Membru tal-Qorti tal-Awdituri jew ex Membru ta’ dik l-istituzzjoni waqfux milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa jew milli jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom.

910    Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar l-ilmenti ppreżentati, f’rikors skont din id-dispożizzjoni, mill-Qorti tal-Awdituri kontra l-Membru jew l-ex Membru kkonċernat ta’ dik l-istituzzjoni kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar it-talbiet proċedurali anċillari għal dan ir-rikors, hija ma għandhiex kompetenza sabiex tagħti deċiżjoni dwar talbiet li ma jkollhom ebda rabta mal-imsemmi rikors.

911    Għaldaqstant, jekk K. Pinxten iqis li l-Qorti tal-Awdituri, bl-aġir tagħha, ikkawżatlu dannu u jixtieq jikseb kumpens għalih, huwa għandu jressaq azzjoni awtonoma, skont l-Artikoli 268 u 340 TFUE, fejn il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi fl-ewwel istanza dwar tali azzjoni, skont l-Artikolu 256(1) TFUE. Għall-kuntrarju, huwa ma jistax iressaq b’mod validu kontrotalba f’dan is-sens fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skont l-Artikolu 286(6) TFUE.

912    Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens imressqa minn K. Pinxten.

 Fuq lispejjeż

913    L-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Madankollu, l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

914    Il-Qorti tal-Awdituri rebħet kompletament fir-rigward tal-ħames ilment tagħha u, parzjalment, fir-rigward tal-ewwel, tat-tieni u tar-raba’ lment tagħha. Għall-kuntrarju, hija tilfet kompletament fir-rigward tat-tieni u tat-tielet ilment tagħha kif ukoll, parzjalment, fir-rigward tal-ewwel u tar-raba’ lment tagħha.

915    B’dan premess, fid-dawl tan-natura ta’ din il-proċedura kif ukoll tal-fatt li ġie kkonstatat li K. Pinxten kien, repetutament, kiser serjament l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu ta’ Membru tal-Qorti tal-Awdituri, tkun qiegħda ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jekk jiġi deċiż li K. Pinxten għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-Qorti tal-Awdituri.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Seduta Plenarja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      It-talba ta’ Karel Pinxten għas-sospensjoni tal-għoti tas-sentenza sakemm jiġu konklużi l-proċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Lussemburgiżi b’reazzjoni għall-komunikazzjoni, lil dawn l-awtoritajiet, tar-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) marbut mal-Każ Nru OC/2016/0069/A 1 hija miċħuda.

2)      It-talba ta’ Karel Pinxten sabiex il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tiġi ordnata tikkomunika rapport redatt fi tmiem awditu intern u l-miżuri meħuda b’reazzjoni għal dan ir-rapport kif ukoll kull nota ta’ dik l-istituzzjoni dwar eventwali preġudizzju għall-indipendenza tal-awditur intern hija miċħuda.

3)      L-ittra elettronika mibgħuta fit13 ta’ Frar 2019 mill-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri lill-Membri l-oħra ta’ dik l-istituzzjoni u lis-Segretarju Ġenerali tagħha, prodotta minn Karel Pinxten fl-Anness B.10 tar-risposta tiegħu, hija rtirata mill-proċess.

4)      Karel Pinxten kiser l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu ta’ Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fis-sens tal-Artikolu 286(6) TFUE f’dak li jirrigwarda:

–        l-eżerċizzju mhux iddikjarat u illegali ta’ attività fi ħdan il-korp ta’ tmexxija ta’ partit politiku;

–        l-użu abbużiv tar-riżorsi tal-Qorti tal-Awdituri sabiex jiffinanzja attivitajiet mhux marbuta mal-funzjonijiet ta’ Membru ta’ dik l-istituzzjoni sa fejn ikkonstatat fil-punti 387 sa 799 ta’ din is-sentenza;

–        l-użu ta’ karta tal-fjuwil għax-xiri ta’ fjuwil intiż li jintuża f’vetturi li jappartjenu lil terzi, u

–        il-ħolqien ta’ kunflitt ta’ interessi fil-kuntest ta’ relazzjoni mal-kap ta’ entità awditjata.

5)      Karel Pinxten qiegħed jiġi ddikjarat li tneħħewlu żewġ terzi mid-dritt għall-pensjoni tiegħu b’effett mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

6)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

7)      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens imressqa minn Karel Pinxten.

8)      Karel Pinxten huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.