Language of document : ECLI:EU:F:2013:31

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

6 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑41/12

Séverine Scheefer

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat — Motiv leġittimu”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu S. Scheefer essenzjalment titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li tirrexindi l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tiegħu għad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. S. Scheefer għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 47(c))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Membri tal-persunal impjegati skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Regoli interni tal-Parlament li jissuġġettaw ir-reklutaġġ permanenti tal-imsemmija membri tal-persunal għal eżami ta’ selezzjoni — Rexissjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju wara li ma għaddietx mill-eżamijiet — Ammissibbiltà — Kuntratt tal-persuna kkonċernata li kien ġie preċedentement ikklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat wara sentenza tal-qorti tal-Unjoni — Assenza ta’ effett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a); Regoli interni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reklutaġġ tal-uffiċjali u ta’ impjegati oħra, Artikolu 7(2) u (3))

1.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti li l-persuna kkonċernata tkun taf bir-raġunijiet li għalihom ġiet adottata din id-deċiżjoni u li l-qorti kompetenti jkollha elementi suffiċjenti biex tagħmel l-istħarriġ tagħha.

Fil-fatt, motivazzjoni hija suffiċjenti meta din tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni, b’mod li l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata li tagħti l-motivi għall-motivi tagħha.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, din tista’ tiġi koperta bi spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Fl-aħħar nett, l-obbligu li jissemmew il-motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju huwa osservat meta l-persuna kkonċernata tkun debitament ġiet informata b’dawn il-motivi f’laqgħat mas-superjuri tagħha. Madankollu, meta l-att tat-tkeċċija huwa suffiċjentement immotivat l-obbligu ta’ motivazzjoni jew tad-dmir ta’ trasparenza ma jimponux iż-żamma ta’ intervista minn qabel mas-superjur ġerarkiku.

(ara l-punti 29 sa 32)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, punt 46

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, punt 55

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF-TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, punt 92

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 79; 29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il-Kummissjoni, F‑80/10, punt 117

2.      L-Artikolu 47(c) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jagħti, lill-awtorità kompetenti sabiex tikkonkludi l-kuntratti tar-reklutaġġ, setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tirrexxindi l-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju.

Fil-fatt, dan l-artikolu ma jippreskrivix l-użu ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, sa fejn sitwazzjoni provviżorja tista’ tissussisti matul perijodu ta’ żmien indefinibbli u peress li tali kuntratt bl-ebda mod ma joffri lill-benefiċjarju tiegħu l-istabbiltà ta’ nomina bħala uffiċjal, għaliex dan jista’ jintemm għal motiv leġittimu u permezz ta’ avviż bil-quddiem, skont l-Artikolu 47(c)(i) tal-imsemmija kondizzjonijiet.

F’dan ir-rigward, motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ pożizzjoni vakanti fil-lista tal-postijiet annessa mal-baġit tal-istituzzjoni, tikkostitwixxi motiv leġittimu ta’ tkeċċija li fid-dawl tiegħu din l-istituzzjoni tista’ tadotta d-deċiżjoni abbażi tal-imsemmi Artikolu 47(c)(i).

(ara l-punti 36, 37 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 162, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 7 ta’ Lulju 2011 Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, punt 84

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il-Parlament, F‑105/09, punt 56

3.      Mill-Artikolu 7(2) u (3) tar-regoli interni tal-uffiċċju tal-Parlament Ewropew dwar ir-reklutaġġ tal-uffiċjali u ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-membri tal-persunal temporanji impjegati skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jistgħu jiġu rreklutati b’mod permanenti, fl-assenza ta’ persuni li għaddew minn kompetizzjoni, biss wara eżami ta’ selezzjoni. Issa, għandu jiġi kkunsidrat li proċedura ta’ selezzjoni fuq il-bażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju mediku, għalkemm mhux stabbilita mill-imsemmija kondizzjonijiet, hija parti integrali mill-formalitajiet li l-Parlament għandu jirrispetta bħala persuna li timpjega jew bħala persuna li timpjega futura. Din il-proċedura hija imposta iktar u iktar fuq il-Parlament peress li dan għandu josserva l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati fil-proċedura, speċjalment fil-konfront ta’ persuni li għaddew minn din il-proċedura li, bis-suċċess tagħhom, jistgħu jokkupaw l-impjiegi vakanti.

F’dak li jirrigwarda membru tal-persunal mediku li l-kuntratt tiegħu ġie kklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat wara sentenza tal-qorti tal-Unjoni, il-fatt li ismu ma tniżżilx fil-lista ta’ persuni li għaddew mill-proċedura ta’ selezzjoni u li ma jistax jippretendi li jiġi rreklutat, skont l-Artikolu 7(2) jew skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(3) tar-regoli interni, f’waħda mill-pożizzjonijiet li jridu jimtlew, jikkostitwixxi element determinanti li l-Parlament ma jistax jinjora, u dan indipendentement mill-iżball passat tiegħu dwar il-klassifikazzjoni tal-kuntratt tal-persuna kkonċernata.

Barra minn hekk, huwa ammess li istituzzjoni tista’ tirrexxindi l-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju għar-raġuni li ismu ma tniżżilx fil-lista tal-persuni li għaddew minn kompetizzjoni jew minn eżami ieħor ta’ selezzjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li bħala membru tal-persunal temporanju kandidat jeżerċita funzjonijiet ta’ natura simili għal dawk li fir-rigward tagħhom ġiet organizzata kompetizzjoni ma jipprekludix lill-istituzzjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun weħlet minn dik il-kompetizzjoni sabiex ittemm il-kuntratt tagħha.

(ara l-punti 46 sa 48, 58 u 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il‑Parlament, T‑45/90, punt 68; 5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il‑Kummissjoni, T‑70/00, punti 44 u 47