Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Novembru 2011 - Cheverny Investments vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-585/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Cheverny Investments Ltd (San Ġiljan, ir-Repubblika ta' Malta) (rappreżentant: H. Prinz zu Hohenlohe-Langenburg, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 275, tas-26 ta' Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10 implimentata mill-Ġermanja [("]Skema għar-riport ta' telf ta' taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta' kumpaniji f'diffikultà["),] "Sanierungsklausel", indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

sussidjarjament, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta' Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10, indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn, skont interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, il-klawżola dwar it-trasferiment ta' telf ipprovduta fl-Artikolu 8c(1a) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar 'il quddiem il-"KStG"), ma tapplikax biss fuq dawk il-kumpanniji b'dejn eċċessiv jew li huma insolventi jew li huma mhedda mill-insolvenza, iżda t-trasferiment ta' telf fis-sens tal-Artikolu 8c(1a) tal-KStG jippermetti wkoll lill-kumpanniji fejn l-insolvenza jew id-dejn eċċessiv huma evitabbli li jittrasferixxu t-telf permezz ta' bdil ta' azzjonijiet, sa fejn il-kundizzjonijiet rilevanti jiġu ssodisfatti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta wettqet żball ta' evalwazzjoni meta, fl-analiżi tagħha tal-Artikolu 8c(1a) tal-KstG, ikkunsidrat li l-klawżola dwar it-trasferiment ta' telf tikkostitwixxi għajnuna u wettqet żball ta' evalwazzjoni, sa fejn:

ikkunsidrat li d-dispożizzjoni inkwistjoni taffettwa biss kumpaniji li huma f'riskju ta' insolvenza jew li huma insolventi, u mhux dawk fejn l-insolvenza jew id-dejn eċċessiv huma biss imminenti;

ikkunsidrat li d-dispożizzjoni inkwistjoni hija selettiva, billi kkunsidrat li s-sistema ta' referenza huwa l-Artikolu 8c tal-KStG u mhux il-KStG innifisha.

Ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta wettqet żball ta' evalwazzjoni, sa fejn

ma ddeterminatx is-sistema ta' referenza fir-rigward tal-KStG fid-dawl tal-Avviż tagħha stess fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett [mat-tassazzjoni diretta tan-negozju] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 277) u fid-dawl tal-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB);

ma kkunsidratx li l-klawżola dwar it-trasferiment ta' telf kienet iġġustifikata minħabba f'disturbi fl-ekwilibriju makroekonomiku fl-2009.

Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-konvenuta kisret l-Artikolu 107(1) TFUE.

____________