Language of document : ECLI:EU:T:2015:268

Kawża T‑623/13

Unión de Almacenistas de Hierros de España

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Dokumenti li jirrigwardaw żewġ proċeduri nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni — Dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest tal-kooperazzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Eċċezzjoni relatata mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Assenza ta’ obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata li twettaq eżami konkret u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess ladarba l-investigazzjoni inkwistjoni tkun ingħalqet — Assenza ta’ neċessità ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li titlob il-produzzjoni tad-dokumenti kontenzjużi — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari ta’ min iressaq it-talba”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Mejju 2015

1.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Portata — Applikazzjoni għad-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1) sa (3); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 11(4))

2.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna speċifika — Portata — Applikazzjoni għad-dokumenti li joriġinaw minn proċedura mmexxija minn awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali li taġixxi skont l-Artikolu 101 TFUE

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l‑ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2))

3.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

4.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu — Protezzjoni tal-interessi kummerċjali — Portata — Applikazzjoni għad-dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE — Preżunzjoni ġenerali ta’ preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi involuti f’tali investigazzjoni permezz tal-iżvelar tal-imsemmija dokumenti

(Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, premessa 32 u Artikolu 11(4))

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu għall-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Possibbiltà li tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti — Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta' aċċess għal dokumenti — Eċċezzjonijiet obbligatorji — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ interess partikolari ta’ min jagħmel it-talba — Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, ir-raba’ u l-ħdax inċiżjoni, Artikoli 2(1), 4(2), 6(1), u 12(1))

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Rifjut ta’ aċċess — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tordna l-produzzjoni ta’ dokumenti sabiex tistħarreġ il-fondatezza tar-rifjut — Portata

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(2))

1.      Iċ-ċirkustanza li investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE tkun qed titmexxa minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru u mhux minn istituzzjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-inklużjoni ta’ dokumenti mibgħuta lill-Kummissjoni mill-imsemmija awtorità fuq il-bażi tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu msemmija huma biss dawk tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kuntrarjament għall-Artikolu 4(3) tal-istess regolament, li huwa intiż li jipproteġi l-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni. Issa, peress li l-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-Istati Membri tista’ tiġi żgurata permezz ta’ dawn l-eċċezzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3) tal-istess regolament, dawn l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu analizzati bħala li huma intiżi mhux biss li jipproteġu l-attivitajiet tal-Unjoni, iżda wkoll l-interessi ta’ Stat Membru, pereżempju l-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu mwettqa mid-dipartimenti rilevanti ta’ dan l-Istat Membru.

(ara l-punt 44)

2.      Għal dak li jirrigwarda proċedura mibdija minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101 TFUE, meta l-imsemmija awtorità tivverifika jekk impriża waħda jew iktar impenjawx ruħhom f’aġir kollużiv li jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv, hija tiġbor informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata ma’ strateġiji kummerċjali tal-impriżi implikati, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti ta’ tali proċedura jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 45, 46)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 48)

4.      Teżisti preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar ta’ dokumenti mibgħuta skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jippreġudika, bħala prinċipju, kemm il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi li dwarhom tittratta l-informazzjoni inkwistjoni kif ukoll il-protezzjoni, li magħha hija strettament marbuta, tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata, fis-sens tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1/2003 huwa intiż, b’mod partikolari, li jiżgura l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, u dan, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ informazzjoni stabbilit fi ħdan in-netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni. Tali għan huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, mill-fatt li, f’dawn il-proċeduri, il-kwistjoni tirrigwarda informazzjoni kummerċjali possibbilment sensittiva, hekk kif tfakkar il-premessa 32 tar-Regolament Nru 1/2003. Dan ir-regolament isegwi għalhekk, fil-qasam tal-aċċess għal dokumenti, għan differenti minn dak li jipprova jilħaq ir-Regolament Nru 1049/2001, li huwa intiż sabiex jiġi ffaċilitat kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti kif ukoll il-promozzjoni tal-prattiki amministrattivi tajba billi tiġi ggarantita l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li hija l-bażi tad-deċiżjonijiet tagħhom.

Barra minn hekk, din il-preżunzjoni tkompli tapplika wara l-għeluq definittiv tal-proċeduri mmexxija mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu ta’ skambju ta’ informazzjoni, stabbilit fi ħdan in-netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi li jiżguraw l-osservanza tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, jimplika li l-informazzjoni skambjata b’dan il-mod għandha tibqa’ kunfidenzjali. It-tieni nett, il-limitazzjoni tal-perijodu li matulu tapplika preżunzjoni ġenerali ma tistax, f’dan il-kuntest partikolari, tiġi ġġustifikata mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt għal kumpens li minnu jibbenefikaw il-persuni leżi mill-ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Issa, għal dak li jirrigwarda d-dokumenti kontenzjużi, jiġifieri d-deċiżjoni pprospettata tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u s-sommarju tal-każ, li l-komunikazzjoni tagħhom hija prevista fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ma huwiex fid-dokumenti kontenzjużi iżda fil-fajl ta’ investigazzjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kkonċernata li jaf ikun hemm, skont il-każ, il-provi neċessarji sabiex jifformaw il-bażi ta’ talba għal kumpens, anki jekk dawn id-dokumenti jirreferu għal tali provi.

(ara l-punti 60-62, 64, 77-79, 82)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 100)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 86-90)

7.      L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jirrigwarda l-motivazzjoni li fuqha hija bbażata. Għalhekk, jekk din il-motivazzjoni tikkonsisti f’evalwazzjoni tal-effetti li l-iżvelar tad-dokument ikollu fuq ċerti drittijiet u interessi, l-istħarriġ tagħha jkun possibbli biss sa fejn il-qorti tal-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tifforma l-opinjoni tagħha dwar il-kontenut sostantiv tad-dokument. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali għandha tikkonsulta d-dokument in camera.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex twettaq evalwazzjoni in concreto ta’ kull wieħed mid-dokumenti mitluba sabiex tiżgura li l-aċċess għal dawn id-dokumenti jippreġudika l-interessi invokati, meta, skont preżunzjoni ġenerali, l-istituzzjoni kkonċernata setgħet twieġeb għal talba globali mingħajr ma twettaq eżami konkret u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti li għalihom ikun intalab l-aċċess, u r-rikorrent la jkun rnexxielu juri li wieħed mill-imsemmija dokumenti ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-preżunzjoni, u lanqas li kien jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

(ara l-punti 105-108)