Language of document : ECLI:EU:F:2014:164

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

19 ta’ Ġunju 2014

Kawża F‑157/12

BN

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz Pubbliku – Uffiċjali – Rikors għal annullament – Uffiċjal fil-grad AD 14 li jokkupa provviżorjament post ta’ konsulent għad-direttur – Allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fil-konfront tad-direttur ġenerali – Leave tal-mard għal żmien twil – Deċiżjoni ta’ ħatra f’post ta’ konsulent f’direttorat ġenerali ieħor – Obbligu ta’ premura – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Interess tas-servizz – Regola tal-korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg – Rikors għad-danni – Dannu li jirriżulta minn aġir mhux deċiżjonali”

Suġġett:  Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA, skont l-Artikolu 106a, li permezz tiegħu BN jitlob, minn naħa, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Marzu 2012 li tittermina l-funzjonijiet tiegħu bħala konsulent tad-Direttur tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Persunal u li tassenjah mill-ġdid, b’effett mill-15 ta’ Marzu 2012, għal pożizzjoni ta’ konsulent mad-dipartiment “Skema Komunitarja għall-immaniġġjar tal-ambjent u verifika” tad-Diviżjoni ta’ Koordinazzjoni Ġenerali tad-Direttorat tar-Riżorsi tad-DĠ għall-Infrastruttura u l-Loġistika (iktar ’il quddiem id-“Dipartiment EMAS”) kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru li tiċħad l-ilment imressaq kontra d-Deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2012 u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu subit minħabba imġiba li toħloq fastidju u amministrazzjoni żbaljata mill-ġerarkija, li tammonta ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 400 000.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn BN.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Trasferiment – Assenjazzjoni mill-ġdid – Kriterju ta’ distinzjoni – Kundizzjonijiet komuni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 4, 7(1) u 29)

2.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Assenjazzjoni mill-ġdid – Osservanza tar-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

3.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Oneru tal-prova – Obbligu tal-persuna kkonċernata li tipproduċi prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(2))

4.      Rikorsi tal-uffiċjali – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett – Deċiżjoni konformi mal-interess tas-servizz – Assenza ta’ użu ħażin ta’ poter

5.      Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Assenjazzjoni tal-persunal – Miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz – Dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; Artikolu 41(2)(a); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

6.      Uffiċjali – Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni – Portata – Obbligu msaħħaħ fil-każ li tiġi affettwata s-saħħa tal-uffiċjal – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

7.      Uffiċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa – Obbligi tal-istituzzjonijiet – Portata – Direttiva 89/391 dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri intiżi li jippromwovu t-titjib tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol – Effett – Limiti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 31(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1e(2); Direttiva tal-Kunsill 89/391)

1.      Anki jekk tittieħed deċiżjoni, sa fejn din hija bbażata fuq l-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, din għandha titqies bħala miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, jekk il-persuna kkonċernata ma ġietx ittrasferita għal pożizzjoni vakanti skont l-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Madankollu, id-deċiżjonijiet li jassenjaw mill-ġdid huma suġġetti, bħat-trasferimenti, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi leġittimi tal-uffiċjali kkonċernati, għar-regoli tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fis-sens li l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjali jista’ biss isir fl-interess tas-servizz u fl-osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet.

(ara l-punti 44 sa 46)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Albuquerque vs Il‑Kummissjoni, F‑55/06, EU:F:2007:15, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      F’każ ta’ bidla fil-funzjonijiet mogħtija lil uffiċjal, minħabba f’assenjazzjoni mill-ġdid, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, timplika paragun bejn il-grad u l-funzjonijiet attwali tal-uffiċjal u mhux paragun bejn il-funzjonijiet attwali tiegħu u dawk preċedenti tiegħu. B’hekk, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ma tipprekludix li deċiżjoni twassal għall-attribuzzjoni ta’ funzjonijiet ġodda li, għalkemm ikunu differenti minn dawk eżerċitati qabel u jkunu pperċepiti mill-individwu kkonċernat bħala li jikkonsistu fi tnaqqis tar-responsabbiltajiet tiegħu, ikunu madankollu konformi mal-pożizzjoni li tikkorrispondi mal-grad tiegħu. B’hekk, tnaqqis effettiv tar-responsabbiltajiet ta’ uffiċjal ma jiksirx ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni ħlief jekk dawk ir-responsabbiltajiet ġodda jkunu, fit-totalità tagħhom, nettament ta’ livell inferjuri, minn dawk li jikkorrispondu mal-grad u mal-pożizzjoni tiegħu, meta jitqiesu n-natura, l-importanza u d-dimensjoni tagħhom. Fl-aħħar nett, ir-Regolamenti tal-Persunal ma jagħtu lill-uffiċjali ebda dritt għal pożizzjoni partikolari, iżda għall-kuntrarju jħallu lill-Awtorità tal-Ħatra l-kompetenza li tassenja lill-uffiċjali, fl-interess tas-servizz, għal diversi pożizzjonijiet li jikkorrispondu mal-grad tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tassenja lill-uffiċjali skont il-kapaċitajiet speċifiċi u l-preferenzi personali tagħhom, madankollu l-uffiċjali ma jistgħux jingħataw id-dritt li jeżerċitaw jew iżommu funzjonijiet speċifiċi jew li jirrifjutaw kull funzjoni oħra relatata mal-pożizzjoni tagħhom. Għalhekk, l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal mill-pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni għal pożizzjoni ta’ konsulent, filwaqt li jinżamm l-istess grad AD 14, tirrispetta l-korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, hekk kif jirriżulta mit-tabella deskrittiva tal-pożizzjonijiet fil-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal, fejn il-grad AD 14 jikkorrispondi għal amministratur li jeżerċita, pereżempju, il-funzjoni ta’ direttur, ta’ kap ta’ diviżjoni jew ta’ konsulent.

(ara l-punti 55 sa 58)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Bermejo Garde vs KESE, F‑41/10, EU:F:2012:135, punti 162 sa 164, u l-ġurisprudenza ċċitata, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑530/12 P

3.      Sabiex l-Artikolu 12a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-protezzjoni tal-uffiċjal vittma ta’ fastidju, ikun applikabbli insostenn ta’ talba għal annullament ta’ deċiżjoni tal-amministrazzjoni, huwa meħtieġ li l-persuna kkonċernata tipproduċi prova li d-deċiżjoni kkontestata hija, kollha kemm hi jew parzjalment, miżura ta’ ritaljazzjoni kontrih.

F’dan ir-rigward, il-fatt li uffiċjal li talab li jinħatar f’pożizzjoni ta’ kap ta’ unità u li l-Awtorità tal-Ħatra ma laqgħatx din it-talba, l-uffiċjal li ġie assenjat mill-ġdid minn pożizzjoni ta’ konsulent għal pożizzjoni oħra ta’ konsulent, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex d-deċiżjoni kkontestata tiġi kkwalifikata bħala miżura ta’ ritaljazzjoni kontra l-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 67 u 70)

4.      Il-kunċett ta’ abbuż ta’ poter, li l-użu ħażin ta’proċedura jikkostitwixxi manifestazzjoni tiegħu, għandu sinjifikat preċiż ħafna li jirreferi għall-użu tal-poteri ta’ awtorità amministrattiva għal għan differenti minn dak li għalih ikunu ngħatawlha l-istess poteri. Deċiżjoni ma tkunx ivvizjata minn abbuż ta’ poter ħlief jekk din tkun tidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati.

Fil-każ ta’ miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, meta din ma tkunx ikkunsidrata bħala kuntrarja għall-interessi tas-servizz, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punti 76 u 77)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza BY vs EASA, F‑81/11, EU:F:2013:82, punti 69 u 70, u l-ġurisprudenza ċċitata

5.      Id-drittijiet tad-difiża jkopru ċertament, filwaqt li huma iktar estiżi, id-dritt proċedurali għall-persuni kollha li jinstemgħu qabel ma tiġi adottata fir-rigward tagħhom miżura individwali li taffettwahom b’mod sfavorevoli, dritt għal smigħ bħal dak stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Id-dritt ta’ kull uffiċjal għal smigħ japplika b’mod partikolari qabel l-adozzjoni ta’ att li jista’ jwassal għal konsegwenzi sinjifikattivi għall-iżvilupp tal-karriera tiegħu.

L-Awtorità tal-Ħatra ma hijiex obbligata tikkomunika lill-persuna kkonċernata, qabel l-adozzjoni tagħha, l-elementi użati sabiex tistabbilixxi deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid sabiex ikun jista’ jressaq il-fehmiet tiegħu dwar dan is-suġġett, peress li din mhux ser tikkawża impatt sinjifikattiv fuq l-iżvilupp tal-karriera tal-persuna kkonċernata, peress li tissodisfa l-ekwivalenza bejn il-pożizzjonijiet, peress li tosserva x-xewqa tal-persuna kkonċernata li ma jibqax jeżerċita funzjonijiet relatati mal-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħha jew fl-ambjent immedjat tad-Direttorat Ġenerali li fih il-persuna kkonċernata ħadmet u peress li din ma twassal għall-ebda bidla fil-post ta’ assenjazzjoni.

(ara l-punti 84 u 85)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Clotuche vs Il‑Kummissjoni, T‑339/03, EU:T:2007:36, punt 147

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Z vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, F‑88/09 u F‑48/10, EU:F:2012:171, punt 146, u l-ġurisprudenza ċċitata

6.      L-obbligi għall-amministrazzjoni li jirriżultaw mid-dmir ta’ premura huma sostanzjalment msaħħa fil-każijiet li jikkonċernaw sitwazzjoni ta’ uffiċjal li taffettwa saħħa, jew taffettwah fiżikament jew mentalment. F’każijiet bħal dawn, l-amministrazzjoni għandha teżamina b’moħħ miftuħ it-talbiet ta’ dan. Barra minn hekk, huwa ġeneralment is-servizz mediku ta’ istituzzjoni, b’mod partikolari meta tinġibidlu l-attenzjoni mill-uffiċjal ikkonċernat jew mill-amministrazzjoni, fuq il-konsegwenzi allegatament dannużi li jista’ jkollha deċiżjoni amministrattiva għas-saħħa tal-persuna li lilha tkun indirizzata, biex jivverifika l-eżistenza u l-portata tar-riskji invokati u jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra bl-eżitu tal-eżami minnu mwettaq.

Madankollu, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tiġi kkritikata talli kisret id-dmir tagħha ta’ premura jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi adottat deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, sa fejn, permezz ta’ din id-deċiżjoni, hija implementat x-xewqat li l-persuna kkonċernata kienet immanifestat, li ma tibqax taħdem fil-qasam ta’ speċjalizzazzjoni tagħha u li ma tibqax assenjata lil Direttorat Ġenerali speċifiku. Għalkemm huwa minnu li l-persuna kkonċernata xtaqet tinħatar kap ta’ unità, u mhux fil-pożizzjoni ta’ konsulent, xorta jibqa’ l-fatt li fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kull istituzzjoni għandha fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha, meta miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid hija konformi mal-interess tas-servizz u tosserva r-regola tal-korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tiddetermina jekk miżuri oħra setgħux kienu iktar xierqa.

(ara l-punti 92, 93 u 96 sa 98)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Esders vs Il‑Kummissjoni, F‑62/10, EU:F:2011:141, punti 80 u 82, u l-ġurisprudenza ċċitata

7.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati li jirrispettaw id-dritt tal-ħaddiema għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw b’mod partikolari s-saħħa tagħhom, dritt stabbilit fl-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 31 tal-Karta, li, konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 31(1) tal-Karta huwa bbażat fuq id-Direttiva 89/391 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

Min-naħa tiegħu, l-ifformular tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn jirreferi għall-preskrizzjonijiet minimi applikabbli skont miżuri deċiżi fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà u relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, jirrigwarda regoli bħal dawk li jinsabu fid-Direttiva 89/391, peress li hija nnifisha għandha bħala għan, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, li timplementa miżuri li jippromwovu t-titjib tas-siġurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

Madankollu, tkun liema tkun il-portata, l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jkunu qed jaġixxu bħala persuna li timpjega, li jiżguraw is-siġurtà u s-saħħa tal-persunal tagħhom ma jistax ikun tali li l-istituzzjoni kkonċernata tiġi mgħobbija b’obbligu assolut ta’ riżultat.

(ara l-punti 104 sa 106, 109 u 110)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punti 39 u 43

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, F‑50/09, EU:F:2011:55, punt 130, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑401/11 P