KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ‑BORDONA
ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2020 (1)
Kawża C‑510/19
Openbaar Ministerie,
YU,
ZV
vs
AZ
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju))
“Domanda preliminari — Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Mandat ta’ arrest Ewropew — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Artikolu 6(2) — Kunċett ta’ awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 27(3)(g) u (4) — Talba għal kunsens addizzjonali milqugħa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni”
1. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi dwar il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (2), billi ppreċiżat il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati mill-awtorità li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew (MAE) (3).
2. Din id-domanda preliminari tagħtiha l-opportunità tinterpreta dan l-istess kunċett, iżda issa b’rabta mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, moqri fid-dawl tal-Artikolu 27 tagħha. Dan huwa mitlub minn qorti Belġjana, li tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja” li tagħti l-kunsens għall-estensjoni tar-reati indikati f’MAE preċedenti, diġà eżegwit.
I. Il-kuntest leġiżlattiv
A. Id-dritt tal-Unjoni. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584
3. Il-premessi 5, 6 u 8 jipprovdu:
“(5) L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta’ l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u li din tiġi sostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni li eżistew s’issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu sostitwiti b’sistema ta’ moviment liberu tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tingħata s-sentenza kif ukoll dawk finali, fi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.
(6) Il-[MAE] previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.
[…]
(8) Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-[MAE] għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.”
4. Skont l-Artikolu 1 (“Definizzjoni tal-[MAE] u l-obbligu li jiġi esegwit”):
“1. Il-[MAE] hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe [MAE] abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.
3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”
5. L-Artikolu 6 (“Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”) jipprovdi:
“1. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ [MAE] permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.
2. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-[MAE] permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.
3. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.”
6. Skont l-Artikolu 14 (“Smigħ tal-persuna rikjesta”):
“Fejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 13, hija għandha tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni.”
7. L-Artikolu 15 (“Deċiżjoni dwar il-konsenja”) jipprovdi kif ġej:
“1. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.
[…]”
8. L-Artikolu 19 (“Smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni”) jipprovdi:
“1. Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.
2. Il-persuna rikjesta għandha tinstema’ skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u dawk ta’ esekuzzjoni.
3. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni kompetenti tista’ tinkariga awtorità ġudizzjarja oħra ta’ l-Istat Membru tagħha biex tieħu sehem fis-smigħ tal-persuna rikjesta sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta ta’ dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.”
9. Skont l-Artikolu 27 (“Azzjoni kriminali possibbli għal reati oħra”):
“1. Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha [għalih] ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja.
2. Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna.
3. Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:
[…]
(g) fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna tagħti l-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.
4. Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba.
[…]”
B. Id-dritt nazzjonali
1. Id-dritt Belġjan. Il-Liġi dwar il-MAE (4)
10. L-Artikolu 37 jistipula:
“1. Il-persuna li ġiet ikkonsenjata abbażi ta’ [MAE] maħruġ minn awtorità ġudizzjarja Belġjana ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata.
2. Il-paragrafu 1 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:
[…]
Jekk, barra mill-każijiet previsti fl-ewwel subparagrafu, il-qorti istruttorja, il-prosekutur jew il-qorti jkunu jixtiequ, skont il-każ, jissuġġettaw għal azzjoni kriminali, jikkundannaw jew iċaħħdu mil-libertà lill-persuna kkonsenjata, għal reat imwettaq qabel il-konsenja minbarra dak li għalih hija ġiet ikkonsenjata, talba għal kunsens għandha titressaq quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(4) kif ukoll, jekk ikun il-każ, ma’ traduzzjoni.”
2. Id-dritt Olandiż
a) Il-Liġi tad‑29 ta’ April 2004 li Tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas (5)
11. L-Artikolu 14 jipprovdi:
“1. Il-konsenja hija awtorizzata biss bil-kundizzjoni li l-persuna rikjesta ma tkunx is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, ma tiġix issanzjonata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħha għal reati mwettqa qabel il-konsenja tagħha minbarra dawk li għalihom hija ġiet ikkonsenjata, ħlief:
[…]
(f) meta jkun intalab u nkiseb il-kunsens minn qabel tal-Prosekutur.
[…]
3. Il-Prosekutur għandu jagħti l-kunsens imsemmi fil-paragrafu 1(f) […] fuq talba tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u abbażi ta’ [MAE] ippreżentat u akkumpanjat minn traduzzjoni għal reati li fir-rigward tagħhom il-konsenja kienet tkun awtorizzata bis-saħħa ta’ din il-liġi […]”.
12. L-Artikolu 35(1) jistabbilixxi:
“Il-persuna rikjesta għandha tiġi effettivament ikkonsenjata kemm jista’ jkun malajr wara d-deċiżjoni li tawtorizza l-konsenja b’mod totali jew parzjali. Il-Prosekutur għandu jiddetermina, bi ftehim mal-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-mument u l-post tal-konsenja.”
13. Fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel it‑13 ta’ Lulju 2019, l-Artikolu 44 kien jipprovdi:
“Il-Prosekutur jista’ jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja emittenti”.
14. Fil-verżjoni fis-seħħ mit‑13 ta’ Lulju 2019, l-Artikolu 44 huwa fformulat kif ġej:
“Il-qorti superviżorja [rechter-commissaris] tista’ taġixxi bħala awtorità ġudizzjarja emittenti”.
b) Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja (6)
15. Skont l-Artikolu 127, il-Ministru għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà jista’ jagħti istruzzjonijiet ġenerali u speċifiċi relatati mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet u tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur.
II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari
16. Il-qorti istruttorja fi ħdan ir-rechtbank van eerste aanleg te Leuven (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Leuven, il-Belġju) ħarġet, fis‑26 ta’ Settembru 2017, MAE kontra AZ, ċittadin Belġjan, għall-finijiet tat-tressiq ta’ azzjonijiet kriminali għal reati ta’ falsifikazzjoni u ta’ frodi mwettqa fil-Belġju matul is-sena 2017.
17. AZ, li ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi b’eżekuzzjoni ta’ dan il-MAE, kien ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Belġjani fit‑13 ta’ Diċembru 2017 permezz ta’ deċiżjoni tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi).
18. Fis‑26 ta’ Jannar 2018, l-istess qorti istruttorja ta’ Leuven ħarġet (it-tieni) MAE, fejn intalbet il-konsenja ta’ AZ għal reati ta’ falsifikazzjoni u ta’ frodi distinti minn dawk indikati fl-ewwel wieħed.
19. Fit‑13 ta’ Frar 2018, l-officier van justitie (il-Prosekutur) tal-arrondissementsparket Amsterdam (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-Distrett ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ta l-kunsens tiegħu sabiex AZ jitressaq quddiem qorti għall-atti kriminali kollha indikati fiż-żewġ MAE.
20. Fl-aħħar nett, AZ ġie kkundannat għal tliet snin priġunerija.
21. AZ appella mill-kundanna quddiem il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), fejn ikkontesta l-klassifikazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas.
22. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“[1.]1. “Il-kliem ‘awtorità ġudizzjarja’ imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni [Qafas] […] jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni?
[1.]2. Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.1 tkun fl-affermattiv: fuq liema kriterji jista’ jiġi stabbilit li awtorità ta’ Stat Membru tal-eżekuzzjoni hija din l-awtorità ġudizzjarja u li l-[MAE] eżegwit minnha huwa konsegwentement tali deċiżjoni ġudizzjarja?
[1.]3. Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.1 tkun fl-affermattiv, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod iktar preċiż l-officier van justitie (il-Prosekutur), jaqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas […] u l-[MAE] eżegwit minn din l-awtorità huwa konsegwentement deċiżjoni ġudizzjarja?
[1.]4. Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1.3 tkun fl-affermattiv, jista’ jiġi ammess li l-konsenja inizjali hija evalwata minn awtorità ġudizzjarja, b’mod iktar preċiż mill-[internationale rechtshulpkamer (l-Awla tal-Għajnuna Ġudizzjarja Reċiproka Internazzjonali) tar-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam)], skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas […], li jiggarantixxi b’mod partikolari r-rispett tad-dritt ta’ smigħ tal-parti fil-kawża u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, filwaqt li l-konsenja supplimentari skont l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas […] tiġi ddevoluta lil awtorità oħra, jiġifieri l-officier van justitie (il-Prosekutur), li ma jiggarantixxix lill-parti fil-kawża la d-dritt ta’ smigħ u lanqas id-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja, b’tali mod li jiġi stabbilit nuqqas manifest ta’ koerenza fid-Deċiżjoni Qafas […] mingħajr ebda ġustifikazzjoni raġonevoli?
[1.]5. Jekk ir-risposta għad-domandi 1.3 u 1.4 tkun affermattiva, l-Artikoli 14, 19 u 27 tad-Deċiżjoni Qafas […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, qabel ma jkun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu biex persuna tiġi [suġġetta] għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha skont il-[MAE] li ma huwiex dak li għalih ġiet mitluba l-konsenja, il-Prosekutur Pubbliku li jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja għandu l-ewwel jiżgura r-rispett tad-dritt ta’ smigħ u d-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja tal-parti fil-kawża?
L-officier van justitie (il-Prosekutur) tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Amsterdam li jaġixxi b’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-[OLW] huwa l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas […] li kkonsenjat lill-persuna rikjesta u li tista’ tagħti l-kunsens fis-sens tal-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas?”
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
23. It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Lulju 2019.
24. AZ, l-Openbaar Ministerie, il-Gvern Ġermaniż, Spanjol, Ungeriż u dak Olandiż kif il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub
25. Ma tqisx li kien meħtieġ li tinżamm seduta.
IV. Analiżi
A. Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari
26. Il-Gvern Ġermaniż jesprimi dubji dwar il-vijabbiltà tad-domanda preliminari (għalkemm ma jikkontestax formalment l-ammissibbiltà tagħha), peress li d-domandi magħmula ma humiex rilevanti sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi dwar il-proċedura kriminali pendenti quddiemha.
27. Dawn id-domandi jikkonċernaw atti ġuridiċi definittivi adottati fil-Pajjiżi l-Baxxi (il-konsenja ta’ AZ u l-kunsens ta’ Prosekutur Olandiż sabiex huwa jitressaq quddiem qorti għal atti mwettqa qabel din il-konsenja) iktar milli l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju Belġjana. Din tal-aħħar ma tistax tirrevedi d-deċiżjoni ta’ konsenja adottata minn qorti Olandiża (jiġifieri, tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tal-MAE).
28. Ċertament, il-qorti tar-rinviju ma tistax tiddeċiedi dwar il-validità tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Olandiżi, li għandha tiġi ddeterminata fil-kuntest tad-dritt intern tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (il-Pajjiżi l-Baxxi) u mill-qrati tiegħu stess.
29. Madankollu, il-qorti tar-rinviju effettivament għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-effetti li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Olandiżi, meta jiġi eżegwit il-MAE maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani, għandu jkollhom taħt id-dritt Belġjan. Abbażi tal-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet — li għandha tiġi preżunta abbażi tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka –, il-qorti tar-rinviju tista’, nerġa’ ntenni, tqis ir-riperkussjonijiet li dawn jinvolvu taħt id-dritt nazzjonali tagħha.
30. Il-persuna mressqa quddiem il-qrati Belġjani tgawdi mid-dritt, irrikonoxxut lilha mill-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas, “li tiġi pproċessata, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li fir-rigward tiegħu l-persuna kienet ġiet ikkonsenjata”, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (7).
31. Abbażi ta’ din il-premessa, AZ ma jistax jiġi kkundannat jew imċaħħad mil-libertà, fil-Belġju, għal fatti differenti minn dawk imsemmija (fl-ewwel) MAE eżegwit mill-qorti ta’ Amsterdam, sakemm l-awtoritajiet Olandiżi ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għall-estensjoni indikata (fit-tieni) MAE maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani.
32. Bħala detentur ta’ dan id-dritt, irrikonoxxut mid-Deċiżjoni Qafas, AZ għandu d-dritt jinvokah quddiem il-qrati Belġjani, li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiġġudikawh, jikkundannawh jew iċaħħduh mil-libertà. Għalhekk, huwa jista’ jinvoka favurih l-effetti li jirriżultaw, taħt id-dritt Belġjan, minn irregolarità eventwali tad-deċiżjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li permezz tagħha ngħata l-kunsens għall-estensjoni tar-reati indikati fil-MAE.
33. Bla dubju l-kontestazzjoni ta’ AZ tista’ titressaq quddiem l-awtoritajiet Olandiżi, li huma dawk li taw il-kunsens kontenzjuż (8) u, għalhekk, jistgħu jannullawh f’ras il-għajn. Madankollu inkwantu AZ diġà ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Belġjani, il-fatt li huwa jiġi mġiegħel jikkontesta l-kunsens quddiem il-qorti ta’ Stat Membru ta’ eżekuzzjoni (il-Pajjiżi l-Baxxi) li huwa diġà telaq minnu jista’ jirrendi iktar diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u jwassal għal dewmien fil-proċeduri kriminali.
34. Il-qrati Belġjani, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiddeċiedu dwar il-validità tal-kunsens mogħti mill-awtoritajiet Olandiżi, jistgħu jevalwawh fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, bil-kollaborazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ dubju. Fi kliem ieħor, huma jistgħu janalizzaw il-portata ta’ dan il-kunsens li hija esklużivament ikkundizzjonata mid-Deċiżjoni Qafas.
35. B’mod partikolari, u safejn huwa rilevanti għal dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tista’ tivverifika jekk il-kunsens ingħatax minn “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(2) u tal-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas, peress li dan il-kunċett (kif ser nispjega iktar ’il quddiem) huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.
36. Jekk ir-riżultat ta’ din il-verifika jkun kontra r-rikonoxximent tal-kapaċità tal-Prosekutur Olandiż li jaġixxi bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas, il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tislet il-konsegwenzi xierqa taħt id-dritt Belġjan.
37. Fil-qosor, inkwantu l-kwistjoni hija ristretta għad-determinazzjoni dwar jekk l-awtorità Olandiża li tat il-kunsens, fuq talba tal-Belġju, tistax tiġi kklassifikata bħala “ġudizzjarja”, fil-kuntest tal-MAE u skont id-dritt tal-Unjoni, inqis li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa ammissibbli.
B. Fuq il-mertu
1. Il-kunċett awtonomu ta’ “awtorità ġudizzjarja” (l-ewwel parti tad-domanda preliminari)
38. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż, li ma esprimiex ruħu espressament f’dan ir-rigward, l-intervenjenti fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari jaqblu dwar il-fatt li l-espressjoni “awtorità ġudizzjarja” li tinsab fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas hija kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.
39. Naqbel ma’ din il-konstatazzjoni mingħajr riżerva. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, sal-lum, dwar dan il-kunċett fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas (awtorità emittenti), jiena tal-opinjoni li l-argumenti tagħha jistgħu jiġu trasposti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) (awtorità ta’ eżekuzzjoni).
40. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jindikaw fid-dritt nazzjonali tagħhom, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, l-“awtorità ġudizzjarja” kompetenti sabiex toħroġ MAE, ma humiex huma li għandhom jiddeterminaw is-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, li “jeħtieġ, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas […] fil-kuntest li jinsabu fih kif ukoll l-għan imfittex minn din id-deċiżjoni qafas” (9).
41. L-istess raġunijiet jipprevalu fir-rigward tal-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” kompetenti sabiex teżegwixxi MAE u, b’estensjoni, skont l-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas, sabiex tagħti l-kunsens li għalih jirreferu dawn l-aħħar dispożizzjonijiet.
42. Konsegwentement, l-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tingħata risposta affermattiva, fatt li jagħti lok għall-analiżi tal-kumplament, li ser nindirizza flimkien.
2. L-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas
a) L-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ġudizzjarja emittenti: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
43. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li l-awtorità ġudizzjarja li għandha s-setgħa toħroġ MAE għandha tissodisfa. Dawn il-kundizzjonijiet jirriżultaw minn ħidma interpretattiva bbażata fuq tliet fatturi: (a) il-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas; (b) il-kuntest li taħtu taqa’ din id-dispożizzjoni; u (c) l-għan imfittex mid-Deċiżjoni Qafas innifisha (10).
44. Fir-rigward tal-ewwel wieħed, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “awtorità ġudizzjarja” “ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda jippermettu li jiġu koperti, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-ordinament ġuridiku kkonċernat” (11).
45. Sabiex tippreċiża, fost dawk li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, dawk li jistħoqqilhom jitqiesu bħala “awtorità ġudizzjarja”, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet nota tal-fatt li d-Deċiżjoni Qafas hija “strument tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku, mhux biss tad-deċiżjonijiet finali mogħtija mill-qrati kriminali, iżda wkoll tad-deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fil-qafas tal-proċeduri kriminali, inkluża l-fażi ta’ dawn il-proċeduri relatata mal-prosekuzzjoni kriminali” (12).
46. B’mod partikolari, hija tkompli billi tgħid li “[i]t-terminu ‘proċedura’, li huwa ddefinit b’mod wiesa’, possibbilment ikopri l-proċedura kriminali kollha, jiġifieri l-istadju qabel il-proċess kriminali, l-istadju tal-proċess kriminali nnifsu u l-fażi tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali kontra persuna kkundannata għal ksur kriminali” (13).
47. Peress li l-MAE huma strument għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, dawn jistgħu jinħarġu fil-proċeduri kriminali, fis-sens wiesa’ tagħhom; ukoll f’dawk li fir-rigward tagħhom l-Uffiċċji tal-Prosekutur “huma meħtieġa […] li jistabbilixxu l-prekundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja mill-qrati kriminali ta’ dan l-Istat Membru” (14).
48. Il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas, għalhekk jinkludi, bħala prinċipju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur.
49. Madankollu, peress li l-fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku huma kruċjali għas-sistema tad-Deċiżjoni Qafas (15), “l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew” (16).
50. L-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ għalhekk jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja”, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ MAE, meta huwa jibbenefika minn status li jiżgura l-indipendenza tiegħu, anki jekk din tal-aħħar ma għandhiex għalfejn tkun, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, identika għall-indipendenza ġudizzjarja.
51. Minn din il-perspettiva, huwa biżżejjed “li jkun hemm regoli statutorji u organizzattivi sabiex jiġi żgurat li l-awtorita ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni biex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal xi riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv” (17).
52. Maż-żewġ kundizzjonijiet preċedenti — parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u indipendenza riflessa fl-esklużjoni ta’ istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv — il-Qorti tal-Ġustizzja żżid t-tielet waħda, li tikkonċerna l-proċedura li fiha l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorizzat joħroġ MAE: il-ħruġ ta’ MAE mill-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju (18).
53. Fil-qosor, l-Uffiċċju tal-Prosekutur li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja jitqies bħala “awtorità ġudizzjarja emittenti” biss jekk huwa jibbenefika minn status istituzzjonali li jeskludi l-possibbiltà li huwa jirċievi istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv. Jekk dan ikun il-każ, huwa jista’ joħroġ MAE, bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tiegħu tkun tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti (19).
b) L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għall-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-MAE
54. Il-kundizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq, relatati mal-kwalità tiegħu ta’ awtorità emittenti, huma applikabbli wkoll għall-Uffiċċju tal-Prosekutur sabiex huwa jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni” ta’ MAE?
55. Filwaqt li AZ u l-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol iwieġbu fl-affermattiv għal din il-mistoqsija, il-Gvern Olandiż huwa inklinat lejn applikazzjoni inqas rigoruża f’dak li jikkonċerna r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ ssuġġettar għal stħarriġ ġudizzjarju.
56. Infakkar li, skont id-digriet tar-rinviju:
- AZ ġie kkonsenjat bis-saħħa tad-deċiżjoni ta’ qorti ta’ Amsterdam, li aġixxiet bħala “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas.
- Min-naħa l-oħra, il-kunsens previst fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas ingħata minn prosekutur, ukoll ta’ Amsterdam, li l-idonejità tiegħu għal dan il-għan hija diskussa fil-proċedura a quo.
57. Abbażi ta’ dawn il-fatti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż jistax jeżegwixxi MAE, jiġifieri jaġixxi bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas.
58. Madankollu, din id-domanda hija loġikament ibbażata fuq il-premessa li l-“awtorità ġudizzjarja li tagħti l-kunsens” (Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas) tikkoinċidi mal-“awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni” (Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas). Għadni kif spjegajt li, f’dan il-każ, kienet qorti Olandiża li ordnat l-eżekuzzjoni tal-MAE, filwaqt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż biss ta, sussegwentement, il-kunsens mitlub mill-awtoritajiet Belġjani sabiex jiġu estiżi r-reati imputabbli lil AZ.
59. Għalhekk, dak li huwa rilevanti hawnhekk ma huwiex jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi kellux, fl-astratt, l-istatus ta’ “awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, iżda jekk huwa setax jagħti l-kunsens tiegħu, skont l-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas, għal tali estensjoni ta’ reati sanzjonabbli.
60. L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas tindika li l-kunsens jista’ jingħata biss minn min eżegwixxa l-MAE. Il-kunsens li għalih jirreferi l-leġiżlatur f’din id-dispożizzjoni jirrigwarda, preċiżament, lill-“awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni li kkonsenjat il-persuna”. Iċ-ċarezza tal-kliem, fil-fehma tiegħi, ma tippermettix wisq diskussjoni.
61. L-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas b’hekk jeskludi li, fiċ-ċirkustanzi attwali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur seta’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-estensjoni tar-reati li wasslu għall-konsenja ta’ AZ. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunsens kien jikkorrispondi għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni Olandiża (f’dan il-każ, il-qorti ta’ Amsterdam) li digà kienet ikkonsenjat lil din il-persuna lill-awtoritajiet Belġjani.
62. Jekk dan huwa l-każ, id-domanda tal-qorti tar-rinviju ma hijiex marbuta maċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ. Hi x’inhi, fl-astratt, il-pożizzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, peress li kienet qorti Olandiża li, f’dan il-każ, ikkonsenjat lill-persuna rikjesta, il-Prosekutur ta’ Amsterdam ma setax jagħti l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas.
63. L-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) jirribatti, għall-kuntrarju, li, lil hinn mill-kliem litterali tal-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tippermettilhom jindikaw bħala “awtorità ġudizzjarja li tagħti l-kunsens” “awtorità ġudizzjarja” distinta minn dik li teżegwixxi.
64. Ma naħsibx li din id-dispożizzjoni tippermetti tali interpretazzjoni. Għall-kuntrarju, teskludiha.
65. L-Istati Membri jistgħu ċertament jilleġiżlaw b’mod liberu liema awtorità ġudizzjarja hija kompetenti sabiex teżegwixxi MAE. Iżda, ladarba dan il-punt ikun irregolat, ir-rabta [stabbilita bl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas] bejn din l-awtorità u l-awtorità li tagħti l-kunsens għall-estensjoni tal-MAE ma tistax tiġi miksura taħt il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali.
66. Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi relazzjoni ta’ identiċità bejn dawn iż-żewġ awtoritajiet, indisponibbli għal-leġiżlaturi nazzjonali. L-awtonomija tagħhom tiġi eżawrita meta huma jindikaw l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, iżda din ma testendix sal-punt li jistgħu jiddevjaw mir-regola stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas (l-awtorità li teżegwixxi għandha tkun ukoll dik li tagħti l-kunsens).
67. Barra minn hekk, din ir-relazzjoni ta’ identiċità hija bbażata fuq motivi raġonevoli:
- Minn naħa, l-awtorità li diġà tkun eżegwixxiet il-MAE tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk huwiex opportun li dan jiġi estiż, peress li hija kellha l-opportunità tkun taf id-dettalji tiegħu.
- Min-naħa l-oħra, jekk l-awtorità li tagħti l-kunsens tkun distinta minn dik li diġà tkun eżegwixxiet il-MAE, id-deċiżjoni tagħha tkun teħtieġ perijodu ta’ żmien mhux meħtieġ minn din tal-aħħar, li tkun diġà familjari mal-kawża. Tali dewmien probabbilment ikun jimplika dewmien itwal tal-proċedura ta’ estensjoni u, b’dan l-istess mod, tas-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonsenjata, li, minnu nnifsu, huwa anomalu mill-perspettiva tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet tagħha (20).
68. Għalkemm ma naqbilx, b’mod definittiv, mal-premessa li fuqha jibbaża ruħu l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur), ser neżamina l-argument tiegħu b’mod sussidjarju, billi nibda bil-kundizzjonijiet li huwa għandu jissodisfa sabiex jeżegwixxi MAE. Iktar ’il quddiem ser nindirizza dawk li huwa għandu jissodisfa sabiex ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-estensjoni tal-fatti indikati f’MAE diġà eżegwit.
c) Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ MAE u l-istatus tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Pajjiżi l-Baxxi
69. Inqis li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija qabel, sabiex l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun jista’ joħroġ MAE (jiġifieri: parteċipazzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, indipendenza u possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju) (21) jistgħu jiġu trasposti għall-eżekuzzjoni ta’ MAE.
70. Infakkar li, għall-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]ir-rigward ta’ miżura li, bħall-ħruġ ta’ [MAE], hija tali li tippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, imnaqqax fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata […]” (22).
71. Dan l-istess kriterju għandu jirregola l-eżekuzzjoni ta’ MAE, peress li din ukoll tista’ ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mid-dritt tagħha għal-libertà personali. Naturalment, dan ikun il-każ meta l-eżekuzzjoni twassal, indirettament, fi tmiem il-proċedura mibdija kontra l-persuna kkonsenjata, għal piena ta’ priġunerija. Iżda dan ikun il-każ ukoll, anki qabel, minħabba ċ-ċaħda (temporanja) tal-libertà li tista’ tiġi deċiża mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, waqt li din tiddeċiedi dwar il-konsenja, b’mod konformi mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas.
72. B’differenza minn dak li jseħħ fir-rigward tal-ħruġ ta’ MAE, il-ħarsien tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuna kkonċernata mill-eżekuzzjoni tiegħu ma huwiex fuq f’żewġ livelli: fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-MAE ma jeżistix ekwivalenti għall-proċess tal-adozzjoni tal-mandat ta’ arrest nazzjonali (23). Madankollu fl-uniku livell eżistenti, dak tad-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni, il-garanzija tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi osservata.
73. Konsegwentement, l-“awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, għandha tkun f’pożizzjoni li teżerċita din il-funzjoni b’mod oġġettiv u indipendenti. Hija ma tistax tkun esposta, kif lanqas ma għandha tkun esposta l-awtorità ġudizzjarja emittenti, “għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-[MAE] tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il-poter” (24).
74. Korollarju għal dak li ntqal iktar ’il fuq huwa l-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorizzat jeżegwixxi MAE b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni biss jekk huwa ma jistax jirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet mill-eżekuttiv. Dan ma kienx il-każ fil-Pajjiżi l-Baxxi fiż-żmien meta seħħew il-fatti ta’ din il-kawża, peress li, skont l-Artikolu 127 tal-Wet RO, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż seta’ jirċievi istruzzjonijiet individwali maħruġa mill-eżekuttiv.
75. F’dan l-istadju, ma hemmx lok li jiġi vverifikat, barra minn hekk, jekk, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-MAE fdata lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwiex previst rimedju ġudizzjarju ekwivalenti għal dak meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-MAE li dik l-istituzzjoni, li kieku kienet indipendenti mill-eżekuttiv, tkun tista’ toħroġ (25).
76. F’din l-ipoteżi, l-istess rekwiżit jiġi ttrasferit għall-eżekuzzjoni ta’ MAE mill-Uffiċċju tal-Prosekutur. L-appell mid-deċiżjonijiet tiegħu quddiem qorti għandu wkoll “[j]iggarantixxi li l-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-ħruġ ta’ dan il-[MAE] […] [j]osserva r-rekwiżiti li jirriżultaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (26).
d) Il-kundizzjonijiet li fihom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-estensjoni tal-fatti indikati f’MAE diġà eżegwit
77. Fir-rigward tal-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas, inqis li dan għandu jkun suġġett għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-MAE, li t-tieni waħda minnhom ma hijiex issodisfatta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż (l-indipendenza sħiħa mill-eżekuttiv).
78. Għaldaqstant, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż lanqas ma jista’ jagħti dan il-kunsens, mingħajr ma r-rekwiżit ta’ indipendenza jkun jista’ jiġi rrelativizzat lil hinn minn dak li jirriżulta diġà mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas (27).
79. Lanqas ma jista’ jitwarrab ir-rekwiżit ta’ rimedju ġudizzjarju meta l-kunsens jingħata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur li jkun indipendenti mill-eżekuttiv.
80. Fil-fatt, permezz tat-talba indirizzata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex tagħti l-kunsens sabiex il-persuna diġà kkonsenjata tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat differenti minn dak indikat fil-MAE li wassal għall-konsenja, l-awtorità ġudizzjarja emittenti tkun qiegħda toħroġ, mill-perspettiva materjali jew sostantiva, MAE ġdid.
81. Dan il-kunsens huwa mitlub fir-rigward ta’ “reat differenti” (jiġifieri reat li ma kienx ġie kkunsidrat, għal xi raġuni, fil-MAE li ta lok għall-konsenja tal-persuna rikjesta), b’tali mod li dan jista’ jiġi fformalizzat biss permezz ta’ proċedura ekwivalenti għal dik li wasslet għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-MAE.
82. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsens huwa fir-realtà awtorizzat permezz ta’ estensjoni (sostanzjali) (28) tar-reati imputabbli lil din il-persuna. Huwa għalhekk loġiku li l-Uffiċċju tal-Prosekutur, sabiex jagħti l-kunsens tiegħu, għandu jikkonforma mal-istess rekwiżiti bħal dawk li huwa kellu josserva fir-rigward tal-MAE oriġinali, inkluża l-possibbiltà li tiġi kkontestata d-deċiżjoni tiegħu (29).
83. Fil-qosor, anki jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur Olandiż jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju eventwali, ir-riskju li jkun espost għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv jimplika li huwa ma jistax jiġi kklassifikat bħala “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, u lanqas ma jista’ jagħti l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 27(3)(g) tagħha.
3. Id-dritt għal smigħ fil-proċess ta’ għoti tal-kunsens previst fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas
84. Ir-risposta li qiegħed nissuġġerixxi għad-domandi preċedenti tirrendi superfluwu li nirrispondi għal din. Madankollu, sabiex inkun eżawrjenti, ser nesprimi wkoll il-pożizzjoni tiegħi dwar l-aħħar problema mqajma mill-qorti tar-rinviju.
85. Skont l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) u l-Gvern Olandiż, id-Deċiżjoni Qafas ma tirrikonoxxix lill-persuna diġà kkonsenjata d-dritt għal smigħ mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni qabel ma din tiddeċiedi jekk tagħtix il-kunsens tagħha għall-estensjoni tar-reati li fir-rigward tagħhom hija tista’ tiġi ġġudikata.
86. Id-Deċiżjoni Qafas tipprevedi, fl-Artikolu 14 tagħha, id-dritt għal smigħ tal-“persuna arrestata [li] ma tagħtix kunsens għall-konsenja tagħha”, li għalih l-Artikolu 19 jipprevedi seduta. Min-naħa l-oħra, ma tipprevedi xejn dwar il-kunsens tal-persuna diġà kkonsenjata għat-talba għall-estensjoni tar-reati. Peress li din it-talba hija indirizzata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, wieħed jista’ jaħseb li din teħtieġ biss il-kunsens ta’ din l-awtorità.
87. Fil-fehma tiegħi, is-silenzju tad-Deċiżjoni Qafas fir-rigward ta’ dan il-punt ma jistax iċaħħad lill-persuna kkonsenjata mid-dritt tagħha li tinstema’ (li jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża, inerenti għad-dritt li tinkiseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva) qabel ma jiġu estiżi r-reati indikati fil-MAE oriġinali.
88. Tali estensjoni, jekk tiġi aċċettata, tista’ timplika li l-persuna kkonċernata tkun is-suġġett ta’ azzjoni kriminali, tiġi kkundannata jew imċaħħda mil-libertà, għal reat li ma huwiex dak li kontrih hija setgħet, fil-passat, tiddefendi ruħha. Għalhekk, id-delimitazzjoni tar-reati li għalihom din il-persuna tista’ finalment tiġi ġġudikata tiddependi xejn inqas mir-riżoluzzjoni tat-tilwima relatata ma’ dawn il-kwistjonijiet, fatt li juri biċ-ċar in-natura perentorja tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.
89. Ma narax għalfejn dawn id-drittijiet tad-difiża jistgħu jitneħħew fil-kuntest tat-tieni proċedura, li ninsisti l-konsegwenzi tagħha jistgħu jkunu sfavorevoli daqs jew iktar minn dawk tal-ewwel waħda (li wasslet għall-MAE inizjali).
90. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura ta’ estensjoni tar-reati jista’ jieħu waħda minn dawn il-forom:
- Jew, kif isostni l-Gvern Ġermaniż, għandha tinżamm seduta fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas.
- Jew inkella l-persuna diġà kkonsenjata tingħata l-possibbiltà topponi għal tali estensjoni quddiem l-awtorità emittenti, bħala proċedura preliminari sabiex din tibgħat it-talba lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni.
C. Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
91. L-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur) talab li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa ma jistax jitqies bħala “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas, is-sentenza li tiddeċiedi dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma jkollhiex effetti immedjati.
92. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li jiġu kkontestati relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti f’bona fide. Għall-għoti ta’ din il-limitazzjoni, jeħtieġ li jkun hemm kemm il-bona fide tal-partijiet ikkonċernati kif ukoll ir-riskju ta’ diffikultajiet serji (30).
93. Għandha tittieħed bħala fatt il-bona fide tal-awtoritajiet Olandiżi, li ma qagħdux lura milli jadattaw, mingħajr dewmien il-leġiżlazzjoni tagħhom għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, ma jistax jingħad l-istess fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji: l-applikazzjoni immedjata tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Qafas proposta hawnhekk ma għandhiex twassal għal dawn id-diffikultajiet li, barra minn hekk, lanqas ma ġew identifikati b’mod preċiż mill-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur).
V. Konklużjoni
94. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lill-Hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju):
“L-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni’, inkwantu kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ma jinkludix l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li jkun espost għar-riskju li jkun suġġett, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv.
L-Artikolu 27(3)(g) u (4) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat Membru li jkun espost għar-riskju li jkun suġġett, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet individwali mill-eżekuttiv ma jistax jagħti l-kunsens imsemmi f’din id-dispożizzjoni”.