Language of document : ECLI:EU:T:2015:499

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva – Artikolu 139(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża T‑406/10,

Emesa-Trefilería SA, stabbilita f’Arteixo (Spanja),

Industrias Galycas SA, stabbilita f’Vitoria (Spanja),

irrappreżentati minn A. Creus Carreras u A. Valiente Martin, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn V. Bottka u F. Castilla Contreras, sussegwentement minn V. Bottka u A. Biolan, bħala aġenti, assistiti minn M. Gray, barrister,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Florindo Gijón u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament u għall-bidla tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4387 finali, tat-30 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.344 – Azzar għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 6676 finali, tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2269, finali, tal-4 ta’ April 2011,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen (Relatur), President, F. Dehousse u A. M. Collins, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

 1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tad-dritt għal qorti imparzjali


 [omissis]

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

113    L-ewwel motiv huwa essenzjalment ibbażat fuq l-argument li l-proċedura segwita fil-qasam ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni hija illegali fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sa fejn, peress li hija proċedura ta’ natura kriminali, il-Kummissjoni ma tistax tingħata fl-istess ħin il-funzjonijiet ta’ investigazzjoni, ta’ akkuża u ta’ deċiżjoni li permezz tagħha timponi multa mingħajr ma l-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-imsemmija deċiżjonijiet, li skont ir-rikorrenti ma huwiex il-każ.

 Tfakkir tal-prinċipji

114    Għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq (EU:C:2013:522), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kif ġej:

“33. […] F’kull każ, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, il-fatt li d-deċiżjonijiet li jimponu multi fil-qasam tal-kompetizzjoni jiġu adottati mill-Kummissjoni ma jiksirx minnu nnifsu l-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tagħha A. Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, rigward sanzjoni imposta mill-awtorità Taljana li tirregola l-kompetizzjoni minħabba prattiki antikompettitivi analogi għal dawk li ġew akkużati bihom l-appellanti, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li, fid-dawl tal-ammont għoli tal-multa imposta, is-sanzjoni kienet taqa’, minħabba n-natura severa tagħha, taħt il-kamp kriminali.

34.       Madankollu hija fakkret, fil-punt 58 tal-imsemmija sentenza, li ma huwiex inkompatibbli mal-KEDB li awtoritajiet amministrattivi jiġu fdati bil-kompitu ta’ prosekuzzjoni u ta’ sanzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, sakemm il-persuna kkonċernata tkun tista’ tressaq kwalunkwe deċiżjoni meħuda kontriha b’dan il-mod quddiem qorti li toffri l-istess garanziji previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB.

35.      Fil-punt 59 tas-sentenza tagħha A. Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat li l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma teskludix li, fi proċedura ta’ natura amministrattiva, tiġi imposta ‘piena’ qabel kollox minn awtorità amministrattiva. Madankollu hija tippresupponi li d-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li ma tissodisfax hija nfisha l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB tkun suġġetta għall-istħarriġ ulterjuri ta’ qorti jew tribunal b’ġurisdizzjoni sħiħa. Fost il-karatteristiċi ta’ tali qorti jew tribunal hija inkluża s-setgħa ta’ riforma fuq il-punti kollha, ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi, tad-deċiżjoni meħuda, mogħtija mill-[entità] inferjuri. Il-qorti jew tribunal għandhom fost l-oħrajn ikollhom il-kompetenza li jiddeċiedu fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi li huma rilevanti għall-kawża quddiemhom.

36.       Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li llum jinsab espress fl-Artikolu 47 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali] u li jikkorrispondi, fid-dritt tal-Unjoni, għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, minbarra l-istħarriġ tal-legalità previst mit-Trattat [FUE], il-qorti tal-Unjoni għandha ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE, li tawtorizzaha tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, tħassar, tnaqqas, jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (sentenza [tat-8 ta’ Diċembru 2011,] Chalkor vs Il-Kummissjoni, [C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815], punt 63).

37.      Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-[qorti tal-Unjoni] għandha twettqu abbażi tal-provi ppreżentati mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati, u li hija ma tistax tistrieħ fuq is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni la f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmiija fil-Linji Gwida tal-1998 u lanqas f’dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita sħarriġ fid-dettall kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, [EU:C:2011:815], punt 62).

38.       Peress li l-istħarriġ previst mit-Trattati jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ fatt kif ukoll ta’ liġi u li hija għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tibdel l-ammont tal-multi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li għaldaqstant ma jidhirx li l-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa rigward l-ammont tal-multa, previst[a] fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, imur kontra r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li [j]insab fil-preżent fl-Artikolu 47 tal-Karta [tad-Drittijiet Fundamentali] (sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni, [EU:C:2011:815], punt 67).”

115    Barra minn hekk, l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha kemm hi ma tiksirx il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju ma huwiex indispensabbli li l-Qorti Ġenerali, li huwa minnu li hija obbligata li tirrispondi għall-motivi mqajma u li teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt, tkun obbligata li twettaq ex officio istruttorja ġdida u sħiħa tal-proċess (sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra, EU:C:2011:815, punt 66, u tas-26 ta’ Ottubru 2013, Kone et vs Il-Kummissjoni, C‑510/11 P, EU:C:2013:696, punt 32).

116    Fir-rigward tal-portata relattiva tas-sentenzi ta’ annullament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut li deċiżjoni adottata fil-qasam tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ diversi impriżi, minkejja li tkun stabbilita u ppubblikata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha titqies li hija sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw, fir-rigward ta’ kull waħda mill-impriżi destinatarji, il-ksur, wieħed jew iktar, ikkonstatat jew ikkonstatati fil-konfront tagħha u li jimponulha, jekk ikun il-każ, multa (sentenzi tal-14 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C‑310/97 P, Ġabra, EU:C:1999:407, punti 49 et seq., u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra, EU:C:2002:582, punt 100).

117    Fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni tkun adita biss bl-elementi tad-deċiżjoni li jkunu jikkonċernawh, filwaqt li l-elementi li jikkonċernaw lil destinatarji oħra ma jkunux jagħmlu parti mis-suġġett tat-tilwima mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni, bla ħsara madankollu għal ċirkustanzi partikolari, u l-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Tomkins (C‑286/11 P, Ġabra, EU:C:2013:29, punti 43 u 49).

118    Mill-bqija, id-deċiżjoni tibqa’ għaldaqstant vinkolanti fir-rigward tad-destinatarji li ma jkunux ippreżentaw rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 116 iktar ’il fuq, EU:C:2002:582, punt 100).

119    Barra minn hekk, ġie deċiż li l-garanziji proċedurali li għandhom ikunu marbuta mal-proċedura segwita fir-rigward ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ma kinux jeħtieġu li l-Kummissjoni tadotta organizzazzjoni interna li tipprekludi li l-istess uffiċjal ikun jista’ jaġixxi fl-istess każ bħala investigatur u bħala relatur (ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1999, Aristrain vs Il-Kummissjoni, T‑156/94, Ġabra, EU:T:1999:53, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kien hemm xejn li jostakola li l-membri tal-Kummissjoni inkarigati sabiex jieħdu deċiżjoni li timponi multi jiġu informati dwar ir-riżultati tas-smigħ minn persuni mqabbda mill-Kummissjoni sabiex iwettquh (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1970, Buchler vs Il-Kummissjoni, 44/69, Ġabra, EU:C:1970:72, punti 19 sa 23).

 Fuq il-fondatezza tal-ewwel motiv

121    Fit-18 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tagħmel mistoqsija bil-miktub lir-rikorrenti dwar il-konsegwenzi li seta’ jkollha s-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq (EU:C:2013:522), fuq l-ewwel motiv invokat insostenn tar-rikors. Ir-rikorrenti wieġbu għal din it-talba fit-30 ta’ Jannar 2014.

122    F’din l-okkażjoni r-rikorrenti indikaw li, minkejja s-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq (EU:C:2013:522), huma xtaqu jżommu l-ewwel motiv tagħhom (ara l-punt 111 iktar ’il fuq).

123    Minn naħa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 114 et seq. iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti kollha bbażati fuq l-inkompatibbiltà mal-Artikolu 6 tal-KEDB u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ akkordju kif hija prevista fir-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll fuq l-allegata assenza ta’ stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa eżerċitat mill-Qorti Ġenerali f’dan il-qasam.

124    Il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 115 iktar ’il fuq twassal ukoll sabiex jiġu miċħuda l-ilmenti bbażati fuq l-assenza ta’ stħarriġ ex officio tad-deċiżjoni kontenzjuża kollha mill-Qorti Ġenerali.

125    Għandha tiġi miċħuda wkoll il-linja ta’ argumenti tar-rikorrenti fis-sens li, essenzjalment, l-assenza ta’ effetti erga omnes tas-sentenzi ta’ annullament ta’ deċiżjoni individwali fil-qasam tal-kompetizzjoni li timponi multa fuq id-destinatarju tagħha hija inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ stħarriġ sħiħ min-naħa tal-Qorti Ġenerali u timplika li l-proċedura kollha applikata mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

126    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ deċiżjoni individwali għandu effett erga omnes u jorbot lil kulħadd, iżda, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, minn dan l-annullament ma jibbenefikax kulħadd – b’differenza mill-annullament ta’ att ta’ portata ġenerali – bla ħsara madankollu għal ċerti ċirkustanzi partikolari (sentenza Il-Kummissjoni vs Tomkins, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, EU:C:2013:29, punti 43 u 49). Sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tagħmel parti minn sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija mill-Kummissjoni fil-qasam tal-akkordji jista’ jkollha, għaldaqstant, f’ċerti ċirkustanzi, ċerti konsegwenzi għal individwi oħra għajr ir-rikorrent fil-proċedura li tkun wasslet għal din is-sentenza ta’ annullament.

127    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, fl-okkażjoni tas-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq (EU:C:2013:522), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tikkonferma l-kompatibbiltà mal-Artikolu 6 tal-KEDB u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-proċedura kollha mmexxija, fil-qasam tal-akkordji, mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fis-sens li l-Qorti Ġenerali ma tkunx qiegħda teżerċita stħarriġ sħiħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fl-assenza ta’ effetti erga omnes tas-sentenzi ta’ annullament tagħha, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ħadet neċessarjament inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza stabbilita tagħha mfakkra fil-punti 116 sa 118 iktar ’il fuq meta tat id-deċiżjoni tagħha fil-kawża li wasslet għas-sentenza Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 69 iktar ’il fuq (EU:C:2013:522).

128    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, u sa fejn huwa meħtieġ, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fi kwalunkwe każ ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li taġixxi bħala l-awtorità li tikkostitwixxi l-Unjoni sabiex temenda s-sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri stabbilita mit-Trattat [ara s-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, T‑28/03, Ġabra, EU:T:2005:139, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata].

129    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ effett erga omnes tad-deċiżjonijiet tas-sentenzi ta’ annullament għandu jiġi miċħud.

130    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-linja ta’ argumenti mressqa mir-rikorrenti bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, kif ukoll għall-mistoqsijiet li sarulhom dwar dan il-punt matul is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li din hija, fi kwalunkwe każ, infondata.

131    Għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix li d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura amministrattiva hija dik meħuda mill-Qorti Ġenerali. Dan l-argument de lege ferenda – kif barra minn hekk irrikonoxxew ir-rikorrenti matul is-seduta – ma huwa bbażat fuq ebda bażi fil-leġiżlazzjoni applikabbli għal din il-kawża u għaldaqstant ma jistax iservi ta’ bażi għal rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni.

132    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li t-terminu tal-preskrizzjoni għandu jagħlaq sa mhux iktar tard mill-jum li fih jintemm terminu ekwivalenti għad-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni ma tkun imponiet multa jew pagamenti ta’ penalità. Barra minn hekk, l-Artikolu 25(5) jispeċifika li t-terminu massimu ta’ għaxar snin huwa estiż bil-perijodu li matulu l-preskrizzjoni tkun sospiża inkonformità mal-Artikolu 25(6). Issa, l-Artikolu 25(6) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li l-preskrizzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità għandha tkun sospiża sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedura pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

133    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni li timponi multa fuq ir-rikorrenti qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament Nru 1/2003.

134    Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti qegħdin jipprovaw isostnu li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien għalaq fir-rigward tagħhom, għandu jiġi osservat li huma ppreżentaw ir-rikors tagħhom fil-15 ta’ Settembru 2010 u li għalhekk il-preskrizzjoni kienet sospiża b’effett minn din id-data, inkonformità mal-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003.

135    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

[omissis]

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

 Tfakkir tal-prinċipji

152    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss impriża li tkun ikkooperat mal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Avviż dwar il-klemenza li tista’ tingħata, fuq il-bażi ta’ dan l-avviż, tnaqqis tal-ammont tal-multa li, li kieku ma kienx għal din il-kooperazzjoni, kienet tiġi imposta. Dan it-tnaqqis ma jistax jiġi estiż għal kumpannija li, matul parti mill-perijodu tal-ksur inkwistjoni, kienet tifforma parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża, iżda li ma kinitx għadha tifforma parti minnha fil-mument meta din tal-aħħar ikkooperat mal-Kummissjoni. Fil-fatt, interpretazzjoni kuntrarja tkun timplika b’mod partikolari li, fil-każijiet ta’ suċċessjoni ta’ impriżi, kumpannija li tkun inizjalment ipparteċipat fi ksur, bħala kumpannija parent ta’ sussidjarja direttament involuta f’dan il-ksur, u li sussegwentement tittrasferixxi din is-sussidjarja lil impriża oħra, tibbenefika, jekk ikun il-każ, minn tnaqqis tal-multa mogħti lil din l-aħħar imsemmija impriża abbażi tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, minkejja li l-imsemmija kumpannija la tkun ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien tal-ksur inkwistjoni u lanqas ma tkun eżerċitat influwenza determinanti, fil-mument ta’ din il-kooperazzjoni, fuq dik li kienet is-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan tal-Avviż dwar il-klemenza, li huwa li jiġi promoss is-sejbien ta’ aġir kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, ma hemm xejn li jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil impriża bis-saħħa tal-kooperazzjon tagħha mal-Kummissjoni lil impriża li, filwaqt li fil-passat kienet tikkontrolla s-settur ta’ attività involut fil-ksur inkwistjoni, ma tkunx ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien ta’ dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, FLSmidth vs Il-Kummissjoni, C‑238/12 P, Ġabra, EU:C:2014:284, punti 83 sa 85; tad-19 ta’ Ġunju 2014, FLS Plast vs Il-Kummissjoni, C‑243/12 P, Ġabra, EU:C:2014:2006, punti 85 u 87, u Hoechst vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 148 iktar ’il fuq, EU:T:2009:366, punt 76).

153    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċċju tal-klemenza għandux jingħata lil impriża huwa dak tal-kontribuzzjoni effettiva tagħha għas-sejbien jew għall-istabbiliment tal-prova tal-ksur.

154    Minn dan jirriżulta wkoll li l-benefiċċju tal-klemenza jingħata lil impriża waħda, jiġifieri lill-unità ekonomika li teżisti fil-mument li t-talba għal klemenza titressaq quddiem il-Kummissjoni.

155    Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni effettiva tal-impriża huwa rifless fil-punt 7 tal-Avviż dwar il-klemenza kif ukoll fil-punt 11(a) tiegħu, dwar l-immunità minn multi, li jipprovdi li l-impriża għandha tagħti lill-Kummissjoni kooperazzjoni, totali, permanenti u rapida matul il-proċedura amministrattiva kollha u, fit-tieni paragrafu tal-punt 23(b) ta’ dan l-avviż, dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-multa, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-portata u l-kontinwità tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriża b’effett mid-data tal-kontribut tagħha.

156    Għaldaqstant, ebda tnaqqis tal-ammont tal-multa ma jista’ jingħata lil impriża fl-assenza ta’ kooperazzjoni effettiva min-naħa tagħha fir-rigward tal-istabbiliment tal-prova tal-ksur.

157    B’hekk, fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi ċċitati fil-punt 152 iktar ’il fuq, qieset li kumpannija li, matul parti mill-perijodu tal-ksur inkwistjoni, kienet tifforma parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża, iżda li ma kinitx għadha tifforma parti minnha fil-mument meta din tal-aħħar ikkooperat mal-Kummissjoni, ma tistax tibbenefika mill-klemenza mogħtija lill-unità ekonomika li tikkoopera effettivament mal-Kummissjoni.

158    Huwa wkoll fuq din il-bażi li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma hemm xejn li jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil impriża bis-saħħa tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni lil impriża li, filwaqt li fil-passat kienet tikkontrolla s-settur ta’ attività involut fil-ksur inkwistjoni, ma tkunx ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien ta’ dan il-ksur.

159    Għandu jitqies li l-esklużjoni tal-benefiċċju tal-klemenza bbażata fuq l-assenza ta’ kontribuzzjoni għas-sejbien tal-ksur u ta’ kooperazzjoni effettiva tgħodd, f’dan ir-rigward, kemm għal ex sussidjarja fl-okkażjoni ta’ talba għal klemenza mressqa minn dik li kienet il-kumpannija parent tagħha u kemm għal ex kumpannija parent sussegwentement għal talba għal klemenza mressqa minn dik li kienet is-sussidjarja tagħha.

 Evalwazzjoni fil-kawża ineżami

160    Fil-kawża ineżami, għandu jitfakkar l-ewwel nett li t-talba għal klemenza li r-rikorrenti jallegaw li jistgħu jibbenefikaw minnha tressqet fit-28 ta’ Ġunju 2007 minn Arcelor España u mis-sussidjarji tagħha, minn Mittal Steel Company u mis-sussidjarji tagħha, inklużi Arcelor, u minn Tréfileurope u mis-sussidjarji tagħha, filwaqt li talbu espliċitament li kull immunità jew tnaqqis tal-multa mogħtija lil Arcelor España kellhom jiġu estiżi wkoll għal Emesa u għal Galycas, sa fejn Arcelor España kienet qiegħda tiżgura d-drittijiet tad-difiża tagħhom, inkonformità mal-ftehim ta’ bejgħ konkluż bejn Arcelor España u Companhia Previdente.

161    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja r-riferimenti espliċiti għal Emesa u għal Galycas fit-talba għal klemenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, formalment, dawn tal-aħħar ma kinux jagħmlu parti mill-impriża kkostitwita minn dawk li ressqu t-talba għal klemenza, punt dan li barra minn hekk lanqas ma qiegħed jiġi sostnut mir-rikorrenti.

162    Issa, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq jirriżulta li kumpannija tista’ tibbenefika minn talba għal klemenza li ma tkunx imressqa formalment minnha fil-każ biss li, fil-mument meta titressaq din it-talba, hija kienet tagħmel parti mill-istess impriża bħal dik li ressqet it-talba.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li Emesa u Galycas, peress li kienu ġew akkwistati minn Companhia Previdente fl-2004, ma kinux jagħmlu parti minn Arcelor España fil-mument li din ressqet it-talba għal klemenza tagħha fl-2007. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun meta, fid-deċiżjoni kkontestata, osservat li huma ma kinux jagħmlu parti mill-impriża li kienet ressqet talba għal klemenza quddiemha.

164    Għandu jiġi osservat li t-tnaqqis ta’ 5 % mogħti lil Emesa u lil Galycas fir-rigward tal-informazzjoni li huma stess kienu pprovdew lill-Kummissjoni fl-2002 kien ġie estiż għal Arcelor España minħabba li, fil-mument meta r-rikorrenti kkomunikaw din l-informazzjoni, Arcelor España u r-rikorrenti kienu jagħmlu preċiżament parti mill-istess impriża.

165    It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami u minkejja l-iżviluppi preċedenti, il-Kummissjoni kienx imissha tat il-benefiċċju tat-talba għal klemenza mressqa minn Arcelor España lir-rikorrenti.

166    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-kooperazzjoni attiva tar-rikorrenti mal-Kummissjoni fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija limitata għall-informazzjoni li huma għaddew lill-Kummissjoni fil-kuntest tat-talba tagħhom stess għal klemenza mressqa fil-25 ta’ Ottubru 2002, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 5 %.

167    Huwa minnu li r-rikorrenti jindikaw li n-noti ta’ Emesa kkomunikati minn Arcelor España fil-kuntest tat-talba għal klemenza tat-28 ta’ Ġunju 2007 joriġinaw mingħandhom, peress li kienu ġew stabbiliti fiż-żmien inkwistjoni minn ex impjegat ta’ Emesa, u li kellhom impatt sinjifikattiv fuq it-tul u l-gravità tal-ksur.

168    Madankollu, għandu jiġi osservat li l-provenjenza ta’ dawn in-noti u l-valur miżjud inkontestabbli tagħhom ma jistabbilixxux kooperazzjoni attiva min-naħa tar-rikorrenti fir-rigward tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, mill-proċess jirriżulta – u dan ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti – li n-noti ta’ Emesa kkomunikati lill-Kummissjoni minn Arcelor España kienu fil-pussess ta’ din tal-aħħar u mhux fil-pussess tar-rikorrenti u huwa paċifiku li dawn tal-aħħar ma kinux jafu bit-talba għal klemenza mressqa minn Arcelor España, li kienet inżammet kunfidenzjali minn Arcelor España inkonformità mar-regoli applikabbli.

169    Fit-tieni lok, l-aġir tal-Kummissjoni li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tagħha, ma informatx lil Arcelor España fi żmien raġonevoli u b’mod preċiż dwar il-fatt li t-talba għal klemenza tagħha ma setgħetx tiġi estiża sabiex tkopri lil Emesa u lil Galycas, ma huwiex ta’ natura madankollu li joħloq dritt għar-rikorrenti li jibbenefikaw mit-talba għal klemenza ta’ Arcelor Espana.

170    Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni tista’ tiġi kkritikata, mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, minn ArcelorMittal España, minħabba li kien biss fid-19 ta’ Settembru 2008 li wieġbet għat-talba għal klemenza ta’ Arcelor España tat-28 ta’ Ġunju 2007 u minħabba li ma ċaħditx espliċitament it-talba għall-estensjoni tal-benefiċċju ta’ klemenza għal Emesa u għal Galycas, dan madankollu ma għandu ebda impatt fuq il-possibbiltà għar-rikorrenti li jibbenefikaw minn talba għal klemenza li fir-rigward tagħha ma kkontribwixxewx b’mod attiv.

171    Fir-rigward ta’ dawn il-motivi kollha, għandu jitqies li l-Kummissjoni ma kisritx la l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, la l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u lanqas l-ekwità minħabba li ma estendietx għal Emesa u għal Galycas il-benefiċċju, li għalih ma kinux intitolati, tat-talba għal klemenza mressqa minn Arcelor España u, għaldaqstant, minħabba li ma tathomx tnaqqis tal-ammont tal-multa analogu għal dak li kienet tat lil ArcelorMittal España.

172    Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

188    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

189    Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

190    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 139(a) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-Qorti Ġenerali ssostni spejjeż li jkunu setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari jekk ir-rikors ikun ta’ natura manifestament abbużiva, hija tista’ tikkundanna lill-parti li tkun ikkawżathom sabiex tirrimborsahom.

191    Għandu jitfakkar li, fil-kawża ineżami, permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Mejju 2014, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali tad-dokumenti li kienu s-suġġett ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas-17 ta’ Diċembru 2013 li kienet għadha ma bagħtitx.

192    Fit-23 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni kkomunikat verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti lill-Qorti Ġenerali.

193    Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Ġunju 2014, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni tipproduċi l-verżjoni kunfidenzjali tal-imsemmija dokumenti.

194    Il-Kummissjoni onorat din it-talba fis-16 ta’ Ġunju 2014.

195    Għaldaqstant, fid-dawl tan-natura kunsiderevoli tal-ispejjeż li l-Qorti Ġenerali kellha ssostni u li setgħu jiġu evitati, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tirrimborsa lill-Qorti Ġenerali parti minn dawn l-ispejjeż fl-ammont ta’ EUR 1 500.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Emesa-Trefilería, SA u Industrias Galycas, SA għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lill-Qorti Ġenerali ammont ta’ EUR 1 500 taħt l-Artikolu 139(a) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha bħala rimbors għal parti mill-ispejjeż li kellha ssostni l-Qorti Ġenerali.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli. Fir-rigward tal-punti mħassra, isir riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali ta*-..., ... vs ... (T-..., Ġabra p. II-....).