Language of document : ECLI:EU:T:2015:499

Kawża T‑406/10

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Emesa-Trefilería SA

u

Industrias Galycas SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tal-azzar għall-prestressing — Iffissar ta’ prezzijiet, qsim tas-suq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Artikolu 139(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-15 ta’ Lulju 2015

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni — Stħarriġ ta’ legalità u ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, kemm fuq punti ta’ liġi u kemm fuq punti ta’ fatt — Ksur — Assenza

(Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni — Assenza ta’ effetti erga omnes ta’ sentenzi ta’ annullament — Ksur — Assenza

(Artikoli 261 TFUE u 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Aġġustament tal-ammont bażiku — Regoli dwar il-klemenza — Nuqqas ta’ impożizzjoni jew tnaqqis tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża implikata — Kundizzjonijiet — Kumpannija parent u sussidjarji — Neċessità tal-unità ekonomika fil-mument tal-kooperazzjoni

(Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 45/03, punti 7, 11(a) u 23(b))

4.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Spejjeż li jistgħu jinġabru — Spejjeż li kellhom jiġu evitati kkawżati minn parti u sostnuti mill-Qorti Ġenerali — Spejjeż ikkawżati min-nuqqas tal-Kummissjoni li tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dokumenti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 139(a))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 114, 115, 123, 124, 127)

2.      Fir-rigward tal-portata relattiva tas-sentenzi ta’ annullament, l-annullament ta’ deċiżjoni individwali għandu effett erga omnes u jorbot lil kulħadd, iżda, b’differenza mill-annullament ta’ att ta’ portata ġenerali, minn dan l-annullament ma jibbenefikax kulħadd. Fil-fatt, deċiżjoni adottata fil-qasam tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ diversi impriżi, minkejja li tkun stabbilita u ppubblikata fil-forma ta’ deċiżjoni waħda, għandha titqies li hija sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonstataw, fir-rigward ta’ kull waħda mill-impriżi destinatarji, il-ksur, wieħed jew iktar, ikkonstatat jew ikkonstatati fil-konfront tagħha u li jimponulha, jekk ikun il-każ, multa. F’dan ir-rigward, meta destinatarju ta’ deċiżjoni jiddeċiedi li jippreżenta rikors għal annullament, il-qorti tal-Unjoni tkun adita biss bl-elementi tad-deċiżjoni li jkunu jikkonċernawh, filwaqt li l-elementi li jikkonċernaw lil destinatarji oħra ma jkunux jagħmlu parti mis-suġġett tat-tilwima mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni. Mill-bqija, id-deċiżjoni tibqa’ għaldaqstant vinkolanti fir-rigward tad-destinatarji li ma jkunux ippreżentaw rikors għal annullament.

Madankollu, sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tagħmel parti minn sensiela ta’ deċiżjonijiet individwali fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija mill-Kummissjoni fil-qasam tal-akkordji jista’ jkollha, f’ċerti ċirkustanzi, ċerti konsegwenzi għal individwi oħra għajr ir-rikorrent fil-proċedura li tkun wasslet għal din is-sentenza ta’ annullament.

Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-proċedura applikata mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-kompetizzjoni ma tiksirx, minħabba l-assenza ta’ effetti erga omnes, l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

(ara l-punti 116-118, 126)

3.      Fil-qasam tal-kompetizzjoni, hija biss impriża li tkun ikkooperat mal-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (Avviż dwar il-klemenza) li tista’ tingħata, fuq il-bażi ta’ dan l-avviż, tnaqqis tal-ammont tal-multa li, li kieku ma kienx għal din il-kooperazzjoni, kienet tiġi imposta. Dan it-tnaqqis ma jistax jiġi estiż għal kumpannija li, matul parti mill-perijodu tal-ksur inkwistjoni, kienet tifforma parti mill-unità ekonomika kkostitwita minn impriża, iżda li ma kinitx għadha tifforma parti minnha fil-mument meta din tal-aħħar ikkooperat mal-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-dawl tal-għan tal-Avviż dwar il-klemenza, li huwa li jiġi promoss is-sejbien ta’ aġir kuntrarju għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, u sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni effettiva ta’ dan id-dritt, ma hemm xejn li jiġġustifika l-estensjoni ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa mogħti lil impriża bis-saħħa tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni lil impriża li, filwaqt li fil-passat kienet tikkontrolla s-settur ta’ attività involut fil-ksur inkwistjoni, ma tkunx ikkontribwixxiet hija stess għas-sejbien ta’ dan il-ksur.

Il-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-benefiċċju tal-klemenza għandux jingħata lil impriża huwa dak tal-kontribuzzjoni effettiva tagħha għas-sejbien jew għall-istabbiliment tal-prova tal-ksur. L-imsemmi benefiċċju għandu jingħata lil impriża waħda, jiġifieri lill-unità ekonomika li teżisti fil-mument li t-talba għal klemenza titressaq quddiem il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, l-esklużjoni tal-benefiċċju tal-klemenza bbażata fuq l-assenza ta’ kontribuzzjoni għas-sejbien tal-ksur u ta’ kooperazzjoni effettiva tgħodd kemm għal ex sussidjarja fl-okkażjoni ta’ talba għal klemenza mressqa minn dik li kienet il-kumpannija parent tagħha u kemm għal ex kumpannija parent sussegwentement għal talba għal klemenza mressqa minn dik li kienet is-sussidjarja tagħha. Il-fatt li l-imsemmi benefiċċju ma huwiex estiż għal kumpanniji li ma humiex intitolati għalih ma jikkostitwixxix ksur la tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, la tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u lanqas tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-ekwità.

(ara l-punti 152-154, 157, 159, 171)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 190-195)