Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Marzu 2021 minn ABLV Bank AS, fi stralċ, mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) fl-20 ta’ Jannar 2021 fil-Kawża T-758/18, ABLV Bank vs SRB

(Kawża C-202/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: ABLV Bank AS, fi stralċ (rappreżentanti: O. Behrends, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni meħuda mis-SRB fir-rigward tal-ABLV Bank AS fis-17 ta’ Ottubru 2018;

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż imġarrba mill-appellanti u għall-ispejjeż tal-appell;

sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tagħti deċiżjoni dwar il-mertu, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tlettax-il aggravju.

L-ewwel aggravju bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 70(4) tar-Regolament MUR 1 .

It-tieni aggravju bbażat fuq li s-sentenza appellata hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 2 .

It-tielet aggravju bbażat fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna r-rilevanza tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Delega 2017/2361 3 għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

Ir-raba’ aggravju bbażat fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju ta’ arrikkiment indebitu.

Il-ħames aggravju bbażat fuq l-ommissjoni mill-Qorti Ġenerali li teżamina l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellanti fir-rigward tad-dispożizzjoni applikabbli għall-każ preżenti.

Is-sitt aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta qieset irrilevanti, bħala sempliċi prattika, ir-rimbors mis-SRB tal-kontributi ex ante skont id-Deċiżjoni SRB/ES/SRF/2018/03 tas-SRB li, abbażi ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, huma legalment dovuti.

Is-seba’ aggravju bbażat fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u r-rilevanza tal-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Delega 2015/63.

It-tmien aggravju bbażat fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna r-rilevanza ġuridika u l-eżistenza ta’ impenji irrevokabbli ta’ ħlas.

Id-disa’ aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali billi ma eżaminatx il-motivi dwar it-talba għar-rimbors tal-bilanċ tal-kontribuzzjonijiet imħallsa għall-2015.

L-għaxar aggravju bbażat fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi.

Il-ħdax-il aggravju bbażat fuq żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

It-tnax-il aggravju bbażat fuq li s-sentenza appellata hija bbażata fuq applikazzjoni mhux korretta tal-prinċipju nemo auditur.

It-tlettax-il aggravju bbażat fuq li s-sentenza appellata hija bbażata fuq applikazzjoni żbaljata tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni (Artikolu 296 TFUE).

____________

1     Regolament (UE) Nru°806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

2     Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014  li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44 u rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

3     Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2361 tal-14 ta’ Settembru 2017 dwar is-sistema finali ta’ kontribuzzjonijiet għall-infiq amministrattiv tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2017, L 337, p. 6).