Language of document : ECLI:EU:C:2017:38

Kawża C375/15

BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG

vs

Verein für Konsumenteninformation

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2007/64/KE – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Kuntratti qafas – Informazzjoni ġenerali minn qabel – Obbligu li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq karta jew fuq mezz dejjiemi ieħor – Informazzjoni trażmessa permezz ta’ kaxxa postali elettronika integrata f’sit tal-internet ta’ servizzi bankarji online”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal‑25 ta’ Jannar 2017

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64 – Kuntratti qafas – Informazzjoni ġenerali minn qabel – Informazzjoni dwar il-bidliet fil-kundizzjonijiet – Obbligu li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq mezz dejjiemi – Kunċett ta’ mezz dejjiemi – Sit tal-internet – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/64, kif emendata bid-Direttiva 2009/111, premessi 21 u 22, Artikolu 4(25))

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64 – Kuntratti qafas – Informazzjoni ġenerali minn qabel – Informazzjoni dwar il-bidliet fil-kundizzjonijiet – Obbligu li din l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq mezz dejjiemi – Portata – Informazzjoni trażmessa permezz ta’ kaxxa postali elettronika integrata f’sit tal-internett ta’ servizzi bankarji online – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2007/64, kif emendata bid-Direttiva 2009/111, Artikoli 4(25), 36(1), 41(1), 42 u 44(1))

1.      Issa, għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 sa 63 tal-konklużjonijiet tiegħu u hekk kif essenzjalment iddeċidiet il-Qorti tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Jannar 2010, Inconsult Anstalt vs Finanzmarktaufsicht (E‑04/09, EFTA Court Report 2009-2010, p. 86, punti 63 sa 66), li ċerti siti tal-internet għandhom jiġu kklassifikati bħala “mezzi dejjiema” fis-sens tal-Artikolu 4(25) tad-Direttiva 2007/64.

Fir-rigward b’mod partikolari tal-punti 40 sa 42 tas-sentenza preżenti, dan ikun il-każ meta sit tal-internet ikun jippermetti li l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jaħżen l-informazzjoni li hija indirizzata personalment lilu b’mod tali li din l-informazzjoni tista’ tiġi kkonsultata fil-futur għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni u li tiġi rriprodotta mingħajr tibdil. Barra minn hekk, sabiex sit tal-internet ikun jista’ jitqies bħala “mezz dejjiemi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kull possibbiltà ta’ tibdil unilaterali tal-kontenut tiegħu mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew minn professjonist ieħor li lilu tkun ġiet fdata l-ġestjoni ta’ dan is-sit għandha tiġi eskluża.

Din l-interpretazzjoni tikkorrispondi għall-għanijiet stabbiliti fil-premessi 21 u 22 tad-Direttiva 2007/64, jiġifieri l-protezzjoni tal-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas u, b’mod partikolari, tal-konsumaturi.

(ara l-punti 43-45)

2.      L-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/111/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑16 ta’ Settembru 2009, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(25) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bidliet tal-informazzjoni u tal-kundizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 42 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll il-bidliet tal-kuntratt qafas, li jintbagħtu mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas lill-utent ta’ dawn is-servizzi permezz ta’ kaxxa postali elettronika integrata f’sit tal-internet ta’ servizzi bankarji online, ma jistgħux jitqiesu li huma pprovduti fuq mezz dejjiemi, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ħlief jekk jiġu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet:

–        dan is-sit tal-internet ikun jippermetti lil dan l-utent jaħżen l-informazzjoni li ġiet indirizzata lilu personalment b’mod li dan ikun jista’ jaċċedi għaliha u jirriproduċiha mingħajr tibdil, għal żmien xieraq, mingħajr ma jkun possibbli li ssir xi bidla unilaterali tal-kontenut tagħha minn dan il-fornitur jew minn professjonist ieħor, u

–        jekk l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun obbligat jikkonsulta l-imsemmi sit tal-internet sabiex isir jaf bl-imsemmija informazzjoni, it-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni tkun akkumpanjata minn aġir attiv min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas intiż sabiex dan l-utent isir jaf bl-eżistenza u bid-disponibbiltà tal-imsemmija informazzjoni fuq l-imsemmi sit tal-internet.

Hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ b’mod partikolari jikkostitwixxi tali aġir il-fatt li tintbagħat ittra jew posta elettronika fl-indirizz abitwalment użat mill-utent ta’ dawn is-servizzi sabiex jikkomunika ma’ persuni oħra u li l-partijiet qablu li jużawh f’kuntratt qafas konkluż bejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u dan l-utent. Madankollu, l-indirizz hekk magħżul ma jistax ikun dak iddedikat għall-imsemmi utent fuq is-sit tal-internet ta’ servizzi bankarji online amministrat mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas jew minn professjonist ieħor li lilu tkun ġiet fdata l-ġestjoni ta’ dan is-sit sa fejn l-imsemmi sit, anki jekk dan ikun fih kaxxa postali elettronika, ma tiġix użata mill-istess utent għall-finijiet tal-komunikazzjoni abitwali tiegħu ma’ persuni oħrajn għajr dan il-fornitur.

Fl-ipoteżi fejn l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ikun obbligat jikkonsulta tali sit sabiex isir jaf bl-informazzjoni kkunsidrata, din titqiegħed sempliċement għad-dispożizzjoni ta’ dan l-utent, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2007/64, kif emendata bid-Direttiva 2009/111, meta t-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni ma tkunx akkumpanjata minn tali aġir attiv min-naħa tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas.

(ara l-punti 51, 53 u d-dispożittiv)