Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Otturbu 2015 – British Aggregates vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-610/15)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: British Aggregates Association (Lanark, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: L. Van den Hende, avukat, u A. White, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tordna l-annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2015 C(2015) 2141 finali fil-Każ SA.34775 (2013/C) (ex 2012/NN) – Aggregates Levy; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li tmien eżenzjonijiet mill-imposta fuq il-granulat (aggregates levy, iktar ʼil quddiem “AGL”) taħt il-Finance Act 2001 ma jirriżultawx f’selettività u għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE u fid-determinazzjoni tal-prinċipju ta’ tassazzjoni normali u l-għan tal-AGL għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ selettività.It-tieni motiv li jallega li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel eżami ġenwinament diliġenti u imparzjali ta’ jekk it-tmien eżenzjonijiet inkwistjoni jirriżultawx f’selettività u għalhekk jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.It-tielet motiv li jallega li l-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni kkontestata kif meħtieġ mill-Artikolu 296 TFUE peress li l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ tassazzjoni normali u l-għan tal-AGL meta spjegat għalfejn it-tmien eżenzjonijiet inkwistjoni ma jirriżultawx f’selettività hija kontradittorja fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata.

____________