Language of document : ECLI:EU:T:2017:640

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

21 ta’ Settembru 2017 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea BASIC – Ismijiet kummerċjali nazzjonali preċedenti basic u basic AG – Raġuni relattiva għal rifjut – Użu fil-kummerċ ta’ sinjal li l-portata tiegħu ma hijiex biss lokali – Artikolu 8(4) u Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Fil-Kawża T‑609/15,

Repsol YPF, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja), inizjalment irrappreżentata minn J.-B. Devaureix u L. Montoya Terán, sussegwentement minn J. Erdozain López, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Basic AG Lebensmittelhandel, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn D. Altenburg u H. Bickel, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-11 ta’ Awwissu 2015 (Każ R 2384/2013-1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Basic Lebensmittelhandel u Repsol, SA,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins (Relatur), President, R. Barents u J. Passer, Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ottubru 2015,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Jannar 2016,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Frar 2016,

wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-29 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti, Repsol YPF, SA, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1)].

2        It-trade mark li għaliha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej, bil-kuluri blu, aħmar, oranġjo u abjad:

Image not found

3        Is-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 35 u 39 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        Klassi 35 “Bejgħ bl-imnut ta’ tabakk, gazzetti, batteriji, ġugarelli”;

–        Klassi 39: “Servizzi ta’ tqassim ta’ prodotti tal-ikel għall-konsum bażiku, prodotti tal-għaġina u prodotti ħelwin, ġelat, ikel imħejji, tabakk, gazzetti, batteriji, ġugarelli.”

4        L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 34/2007, tas-16 ta’ Lulju 2007.

5        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ġiet irreġistrata fl-4 ta’ Mejju 2009 taħt in-Numru 5648159.

6        Fis-26 ta’ Settembru 2011, l-intervenjenti, Basic AG Lebensmittelhandel, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem is-“servizzi kkontestati”), fuq il-bażi, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikolu 53(1)(c) u tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Insostenn tat-talba tagħha, sa fejn din kienet ibbażata fuq dawn id-dispożizzjonijiet, l-intervenjenti invokat is-“sinjali ta’ negozju”, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (Markengesetz) (liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra) tal-25 ta’ Ottubru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 3082, u BGBl. 1995 I, p. 156), basic u basic AG, li hija tuża fil-kummerċ fil-Ġermanja u fl-Awstrija għall-provvista ta’ servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, prodotti kożmetiċi, prodotti organiċi u prodotti oħra ta’ konsum regolari, servizzi ta’ ristorazzjoni (ikel).”

7        L-intervenjenti żiedet il-provi li ġejjin bħala anness għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha tas-26 ta’ Settembru 2011:

–        tliet screenshots stampati fil-25 ta’ Lulju 2011 mis-sit internet tagħha, l-ewwel wieħed jinkludi informazzjoni tal-1 ta’ Lulju 2011 dwar il-kumpannija u t-tnejn l-oħra jikkonsistu f’mapep tal-2010 bl-indikazzjoni tal-post fejn jinsabu s-supermarkets tagħha fil-Ġermanja u fl-Awstrija;

–        screenshot stampat fil-25 ta’ Lulju 2011 mis-sit internet tagħha u li għandu informazzjoni tal-2010 dwar ċerti prodotti “bażiċi”;

–        ir-rapport annwali tagħha għas-sena 2006;

–        ir-rapport annwali tagħha għas-sena 2004;

–        ir-rapport annwali tagħha għas-sena 2005;

–        ittra ta’ Biogarten Handels GmbH lil “basic AG”, tal-21 ta’ April 2006, li tindika fid-dettall il-primjums mogħtija mill-ewwel waħda lit-tieni waħda għad-dħul mill-bejgħ imwettaq minnha matul l-ewwel kwart tas-sena 2006 minħabba l-bejgħ ta’ prodotti Biogarten;

–        ittra ta’ Biogarten lil “basic AG”, tat-13 ta’ Diċembru 2005, li tindika fid-dettall il-primjums mogħtija mill-ewwel waħda lit-tieni waħda għad-dħul mill-bejgħ imwettaq minnha matul ix-xhur minn April sa Settembru 2005 minħabba l-bejgħ ta’ prodotti Biogarten;

–        nota ta’ kunsinna tal-15 ta’ April 1999 maħruġa mill-kumpannija Nordlicht Naturkost Handels GmbH lil “basic AG” “Bio-Supermarkt”;

–        fattura tat-13 ta’ Novembru 2001, maħruġa minn Nordlicht Naturkost lil “basic AG” “Bio-Supermarkt”;

–        statistiċi tal-bejgħ tal-1 ta’ Diċembru 2006, ippubblikati minn Herrmannsdorfer Landwerkstätten Glonn GmbH & Co. KG, fornitur ta’ prodotti tal-ikel organiċi, u li jirrigwardaw b’mod partikolari “basic”;

–        affidavit, tad-19 ta’ Settembru 2011, magħmul minn membru tad-dipartiment tal-marketing tal-intervenjenti;

–        tabelli li juru fid-dettall id-dħul mill-bejgħ allegatament imwettaq minn “basic” sa Lulju 2009, sa Diċembru 2010 u sa Ġunju 2011;

–        fuljetti kummerċjali, ta’ Ġunju, Lulju u Diċembru 2003, Jannar, Frar, Marzu, April, Settembru u Novembru 2004, Ġunju, Ottubru u Novembru 2005, u Jannar, Frar, April, Mejju u Diċembru 2006, tas-supermarkets “basic”;

–        materjal promozzjonali u ta’ reklamar mingħajr data;

–        ċertifikat ta’ “imprenditur tas-sena 2006”, tal-21 ta’ Settembru 2006, li ngħata lil żewġ diretturi ta’ “basic AG”;

–        artikoli tal-istampa mill-2003 sal-2006;

–        sentenza tal-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) tad-9 ta’ Settembru 2006.

8        Fit-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha, l-intervenjenti semmiet ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 5 u 15 tal-Markengesetz kif ukoll deċiżjonijiet tal-qrati Ġermaniżi li jinterpretaw dawn id-dispożizzjonijiet.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, u ddikjarat l-invalidità parzjali tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri sa fejn hija ġiet irreġistrata għas-servizzi kkontestati.

10      Fit-2 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Fis-7 ta’ Frar 2014, hija ppreżentat in-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni appellata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-appell.

12      Fid-deċiżjoni appellata, il-Bord tal-Appell eżamina l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 sabiex trade mark mhux irreġistrata jew sinjal ieħor użat fil-kummerċ jippermetti lill-proprjetarju tiegħu jikseb dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark irreġistrata sussegwentement.

13      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-konstatazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li l-provi prodotti mill-intervenjenti u deskritti fil-punt 7 iktar ’il fuq kienu jistabbilixxu li parti sinjifikattiva mill-pubbliku Ġermaniż rilevanti, li kien jinkludi kemm il-konsumatur medju kif ukoll professjonisti fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, kienu jqisu lil “basic” bħala “identifikatur kummerċjali” (punt 26 tad-deċiżjoni appellata).

14      Għalhekk, l-ewwel nett, fir-rigward tad-dimensjoni ġeografika tal-portata tas-sinjal, il-Bord tal-Appell irrileva li l-intervenjenti kienet ipproduċiet prova tal-użu wiesa’ tas-sinjal ta’ negozju (jew isem tal-kumpannija) basic fil-Ġermanja (punti 27 u 30 tad-deċiżjoni appellata).

15      Fit-tieni nett, fir-rigward tad-dimensjoni ekonomika tal-portata tas-sinjal, il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-provi prodotti juru li l-isem tal-kumpannija basic kien is-suġġett ta’ “użu mingħajr interruzzjoni” bejn l-1999 u l-2011 u, konsegwentement, fid-dati rilevanti f’dan il-każ, jiġifieri fid-29 ta’ Jannar 2007 u fis-26 ta’ Settembru 2011 (punti 24 u 32 tad-deċiżjoni appellata). Huwa qies li l-attivitajiet imwettqa mill-intervenjenti taħt dan l-isem kellhom impatt ekonomiku kemm mill-perspettiva tal-konsumatur aħħari kif ukoll mill-perspettiva tal-professjonisti fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut (punt 34 tad-deċiżjoni appellata). Huwa b’mod partikolari rrileva li l-intervenjenti kienet ipproduċiet mhux biss il-prova tal-użu tal-verżjoni figurattiva tal-kelma “basic”, jew ta’ din il-kelma flimkien mal-kelma “aktiengesellschaft” jew mas-slogan “Bio für alle”, iżda wkoll tal-użu frekwenti tal-kelma “basic” b’mod awtonomu. Huwa kkonkluda li kien stabbilit li l-intervenjenti kienet użat il-kelma “basic” bħala tali bħala “indikatur kummerċjali” u li din il-kelma kienet titqies b’dan il-mod mill-pubbliku rilevanti. Dan tal-aħħar “[iqis] ukoll is-sinjal [basic] fil-verżjoni tiegħu figurattiva u/jew fil-verżjoni tiegħu li tinkludi l-kelma deskrittiva “aktiengesellschaft” (li tindika l-forma ġuridika tal-kumpannija) jew is-slogan “Bio für alle” (Il-prodotti organiċi għal kulħadd) bħall-isem tal-kumpannija meta dan is-sinjal jintuża, pereżempju, fuq il-qoxra tal-fuljetti promozjonali” (punt 38 tad-deċiżjoni appellata).

16      Fit-tieni lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li s-sinjal basic, li kien jikkostitwixxi sinjal ta’ negozju fis-sens tal-Artikolu 5(2) tal-Markengesetz, kien jagħti lill-intervenjenti, skont l-Artikolu 15(1) u (2) tal-Markengesetz, dritt esklużiv li jippermettilha tipprojbixxi l-użu ta’ sinjal sussegwenti fil-preżenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali rispettivi (punt 49 tad-deċiżjoni appellata). Huwa kkonkluda li teżisti f’dan il-każ tali probabbiltà f’moħħ il-pubbliku rilevanti fil-Ġermanja, u dan anki jekk, quod non, l-imsemmi sinjal ta’ negozju kellu jiġi kkunsidrat bħala dgħajjef (punt 50 tad-deċiżjoni appellata).

17      Sabiex wasal għal din il-konklużjoni, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell qies li s-servizzi kkontestati li jaqgħu fil-klassi 35 kienu analogi għall-“qasam ta’ attività” tal-intervenjenti. Teżisti wkoll rabta stretta bejn is-servizzi kkontestati li jaqgħu taħt il-klassi 39 u l-attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel u ta’ prodotti kożmetiċi mwettqa mill-intervenjenti. Is-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u s-servizzi ta’ tqassim huma komplementari (punti 41 sa 44 tad-deċiżjoni appellata).

18      It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ikkonstata li hemm livell elevat ta’ xebh bejn l-isem tal-kumpannija basic u t-trade mark ikkontestata peress li t-tnejn għandhom l-istess kelma “basic”. Huwa qies li din il-konstatazzjoni la setgħet tiġi kkontestata mill-elementi figurattivi dekorattivi tat-trade mark ikkontestata u lanqas mill-argument tar-rikorrenti li l-imsemmija kelma kienet nieqsa minn karattru distintiv. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, huwa rrepeta li l-intervenjenti kienet ipproduċiet il-prova b’mod ċar li s-sinjal ta’ negozju basic kien użat sabiex titwettaq distinzjoni tal-attività tagħha mal-pubbliku Ġermaniż u kien kapaċi jaqdi din il-funzjoni. Huwa żied li l-kelma “basic” kienet kelma ingliża li ma tagħtix deskrizzjoni tal-imsemmija attività għall-konsumaturi Ġermaniżi (punti 45 sa 48 tad-deċiżjoni appellata).

19      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha l-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet ġustament iddikjarat, fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(4) tal-istess regolament, l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għas-servizzi kkontestati u li, għaldaqstant, ma kienx neċessarju li jitwettaq eżami tal-motivi għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq l-Artikolu 53(1)(a) tal-imsemmi regolament (punt 51 tad-deċiżjoni appellata).

 It-talbiet tal-partijiet

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni appellata;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

21      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

22      Fil-kuntest tal-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, adottata skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-EUIPO jirrispondi bil-miktub għal domanda qabel is-seduta. Fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ġew mistiedna jirrispondu għal domanda oħra oralment waqt is-seduta. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

23      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ma wettaqx evalwazzjoni korretta tal-provi prodotti mill-intervenjenti fir-rigward tal-użu tas-sinjali basic u basic AG fil-kummerċ fil-Ġermanja. Fil-kuntest tat-tieni motiv, hija ssostni li l-Bord tal-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) u (2) tal-Markengesetz. Fil-kuntest tat-tielet motiv, hija tinvoka ksur tal-Artikolu 36 TFUE.

24      Skont l-Artikolu 53(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, trade mark tal-Unjoni Ewropea tiġi ddikjarata invalida, wara li titressaq talba lill-EUIPO, meta jeżisti dritt preċedenti msemmi fl-Artikolu 8(4) ta’ dan l-istess regolament u jekk il-kundizzjonijiet imsemmija f’dan l-aħħar paragrafu jkunu ssodisfatti.

25      Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-proprjetarju ta’ sinjal użat fil-kummerċ, minbarra trade mark mhux irreġistrata, jista’ jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk dan is-sinjal ikun jissodisfa kumulattivament l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin: dan is-sinjal għandu jintuża fil-kummerċ; għandu jkollu portata li ma hijiex biss lokali; id-dritt għal dan is-sinjal għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjal intuża qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea; fl-aħħar nett, id-dritt għal dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iktar reċenti. Għaldaqstant, meta sinjal ma jissodisfax waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq l-eżistenza ta’ sinjal użat barra minn trade mark użata fil-kummerċ, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ma tistax tintlaqa’ [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, Moreira da Fonseca vs UASI – General Óptica (GENERAL OPTICA), T-318/06 sa T-321/06, EU:T:2009:77, punti 32 u 47].

26      L-ewwel żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri dawk relatati mal-użu u mal-portata tas-sinjal invokat, peress li din tal-aħħar ma għandhiex tkun lokali biss, jirriżultaw mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ir-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi standards uniformi, relatati mal-użu tas-sinjali u mal-portata tagħhom, li huma koerenti mal-prinċipji li jispiraw is-sistema stabbilita minn dan ir-regolament (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, GENERAL OPTICA, T-318/06 sa T-321/06, EU:T:2009:77, punt 33).

27      Għall-kuntrarju, mill-frażi “meta u sal-limitu li, bis-saħħa […] tal-liġi tal-Istat Membru li jirregola dak is-sinjal” jirriżulta li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra, imsemmija sussegwentement fl-Artikolu 8(4)(a) u (b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkostitwixxu kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament li, b’differenza minn dawk preċedenti, jiġu evalwati fid-dawl tal-kriterji previsti mid-dritt li jirregola s-sinjal invokat. Dan ir-riferiment għad-dritt li jirregola s-sinjal invokat huwa ġġustifikat peress li r-Regolament Nru 207/2009 jirrikonoxxi lil sinjali li ma humiex parti mis-sistema tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea l-possibbiltà li jiġu invokati kontra trade mark tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, huwa biss id-dritt li jirregola s-sinjal invokat li jippermetti li jiġi stabbilit jekk dan kienx jeżisti qabel it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u jekk jistax jiġġustifika l-projbizzjoni ta’ użu ta’ trade mark iktar reċenti (sentenza tal-24 ta’ Marzu 2009, GENERAL OPTICA, T-318/06 sa T-321/06, EU:T:2009:77, punt 34). Fuq din il-bażi, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu juri li s-sinjal inkwistjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru invokat u li dan jippermetti li jiġi prekluż l-użu ta’ trade mark iktar reċenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C‑96/09 P, EU:C:2011:189, punt 190, u tal-10 ta Frar 2015, Infocit vs UASI – DIN (DINKOOL), T-85/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:82 punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata].

28      L-Artikolu 5 tal-Markengesetz, intitolat “Ismijiet kummerċjali” (geschäftliche Bezeichnungen), jipprevedi:

“1.      Is-sinjali ta’ negozju u t-titoli ta’ xogħlijiet huma protetti bħala ismijiet kummerċjali.

2.      Is-sinjali ta’ negozju huma sinjali li jintużaw fil-kummerċ bħala isem, isem tal-kumpannija jew isem partikolari ta’ attività kummerċjali jew ta’ impriża.

Is-sinjali kummerċjali u sinjali oħra li huma ddisinjati sabiex issir distinzjoni bejn attività kummerċjali u attivitajiet kummerċjali oħra u huma kkunsidrati bħala sinjali tal-attività kummerċjali mill-pubbliku kkonċernat għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għall-isem partikolari ta’ attività kummerċjali.”

29      Mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-drittijiet preċedenti invokati insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità parzjali tat-trade mark ikkontestata, sa fejn din it-talba hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 53(1)(c) u tal-Artikolu 8(4)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, jikkonsistu f’sinjali ta’ negozju (Unternehmenskennzeichen), fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Markengesetz, f’dan il-każ is-sinjali ta’ negozju basic u basic AG, li l-intervenjenti tallega li tuża għal servizzi ta’ “bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, prodotti kożmetiċi, prodotti organiċi u prodotti oħra ta’ konsum regolari, servizzi ta’ ristorazzjoni (ikel).”

30      L-Artikolu 15 tal-Markengesetz jipprevedi:

“1.      Il-kisba tal-protezzjoni ta’ isem kummerċjali tagħti lill-proprjetarju tiegħu dritt esklużiv.

2.      Terzi huma pprojbiti milli jużaw mingħajr awtorizzazzjoni, fil-kummerċ, l-isem kummerċjali jew sinjal li jixxiebah b’tali mod li jista’ jwassal għal konfużjoni mal-isem protett.

[…]”

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata il-fondatezza ta’ dan ir-rikors.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma wettaqx evalwazzjoni korretta tal-provi prodotti mill-intervenjenti fir-rigward tal-użu tas-sinjali basic u basic AG fil-kummerċ fil-Ġermanja

32      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-provi prodotti mill-intervenjenti ma jirriżultax b’mod suffiċjenti skont il-liġi li s-sinjali basic u basic AG kienu s-suġġett, fil-Ġermanja, ta’ użu fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kienx biss lokali, kemm ekonomikament kif ukoll ġeografikament.

33      Qabel kollox, ir-rikorrenti, b’riferiment b’mod partikolari għas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2013, Dimian vs UASI – Bayer Design Fritz Bayer (Baby Bambolina) (T‑581/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:553), tenfasizza li hija l-intervenjenti li għandha tistabbilixxi li s-sinjali preċedenti invokati kienu ntużaw fil-kummeċ “b’mod kontinwu u mingħajr interruzzjoni” sad-data tat-tressiq tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, f’dan il-każ is-26 ta’ Settembru 2011. Issa, f’dan il-każ, il-provi prodotti mill-intervenjenti sabiex turi tali użu jirrigwardaw, essenzjalment, il-perijodu bejn l-2003 u l-2006 biss.

34      Sussegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-parti l-kbira minn dawn il-provi ma jsemmu la l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, la n-natura tagħhom u lanqas ebda informazzjoni oħra meħtieġa dwar l-użu fil-kummerċ. L-imsemmija provi ma jistabbilixxux waħedhom li s-sinjali preċedenti intużaw f’konnessjoni mas-servizzi kkontestati.

35      Ir-rikorrenti żżid li l-Bord tal-Appell ibbaża ruħu prinċipalment fuq affidavit magħmul mill-intervenjenti stess u li għalhekk din tista’ tingħata biss importanza limitata.

36      Fir-rigward tad-dokumenti li jinkludu rappreżentazzjoni ta’ trade marks figurattivi tal-intervenjenti, dawn ma jistgħux jipprovaw l-użu tas-sinjali basic u basic AG, peress li dawn ma jagħmlux riferiment għal dawn is-sinjali ta’ negozju, iżda għal “trade marks oħra koperti minn reġistrazzjonijiet distinti.”

37      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-fatt, irrilevat fil-punt 28 tad-deċiżjoni appellata, li 24 supermarket joperaw taħt is-sinjal ta’ negozju basic fil-Ġermanja, ma jindikax preżenza sinjifikattiva f’dan il-pajjiż, fid-dawl tas-superfiċje tiegħu.

38      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti ma pproduċiet l-ebda prova li tippermetti li jiġi stabbilit li t-“trade marks” basic jew basic AG kienu kisbu rikonoxximent suffiċjenti (Verkehrsgeltung), fis-sens tal-Markengesetz, mal-pubbliku rilevanti fil-Ġermanja.

39      Min-naħa tiegħu, l-ewwel nett, l-EUIPO jsostni li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li l-intervenjenti kienet stabbilixxiet li s-sinjal ta’ negozju preċedenti basic, li jidentifika kumpannija li tipprovdi servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel u ta’ prodotti kożmetiċi kif ukoll servizzi ta’ ikel ta’ malajr fil-Ġermanja, kien is-suġġett ta’ użu fil-kummerċ li l-portata tiegħu ma kienx biss lokali, kemm ġeografikament kif ukoll ekonomikament.

40      F’dan ir-rigward, l-EUIPO jiċħad l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-operat ta’ 24 supermarket ma jistax, fid-dawl tas-superfiċje tal-pajjiż, jitqies bħala preżenza sinjifikattiva fil-Ġermanja.

41      Barra minn hekk, l-EUIPO jsostni li l-Bord tal-Appell ġustament ikkonkluda li l-intervenjenti kienet ipproduċiet il-prova ta’ użu mingħajr interruzzjoni, mill-1999 sal-2011, u ta’ preżenza kummerċjali sinjifikattiva fil-Ġermanja tas-sinjal ta’ negozju preċedenti basic sabiex jindika supermarkets li jipprovdu servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel u prodotti kożmetiċi kif ukoll ta’ servizzi ta’ ikel ta’ malajr.

42      Waqt is-seduta, b’risposta għad-domanda bil-miktub li l-Qorti Ġenerali kienet għamlet lill-partijiet skont it-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-EUIPO sostna li, legalment, ma kienx neċessarju li tiġi prodotta prova ta’ użu kontinwu tas-sinjal preċedenti bejn iż-żewġ dati rilevanti, jiġifieri dik tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea u dik tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Huwa indika li, meta tiġi prodotta l-prova tal-eżistenza tad-dritt preċedenti fl-ewwel data kif ukoll fit-tieni data, teżisti “forma ta’ preżunzjoni”, li tista’ tiġi kkonfutata, li dan id-dritt baqa’ jeżisti bejn iż-żewġ dati.

43      L-EUIPO jiċħad l-argumenti mressqa mir-rikorrenti. B’hekk, qabel kollox, huwa jirrileva li l-Bord tal-Appell ma bbażax il-konstatazzjonijiet tiegħu prinċipalment fuq l-affidavit prodott mill-intervenjenti. Huwa jispeċifika li l-Bord tal-Appell qagħad attent li jivverifika li l-informazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni kienet ikkorroborata minn provi oġġettivi supplimentari. Sussegwentement, huwa jsostni li d-dokumenti meħuda inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-użu tas-sinjal ta’ negozju preċedenti basic juru kollha użu tas-sinjal basic bħala isem kummerċjali. Fl-aħħar nett, huwa jiddikjara li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-provi prodotti ma jsemmu la l-post ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, la n-natura tagħhom u lanqas ebda informazzjoni oħra meħtieġa dwar l-użu fil-kummerċ ma hija bbażata fuq ebda bażi fattwali u hija wisq ġenerali u vaga.

44      It-tieni nett, l-EUIPO jirrileva li d-dritt preċedenti invokat f’dan il-każ ma huwiex trade mark mhux irreġistrata fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Markengesetz, iżda sinjal ta’ negozju fis-sens tal-Artikolu 5(2) ta’ din il-liġi.

45      L-intervenjenti ssostni, essenzjalment, l-istess argumenti tal-EUIPO. Madankollu, waqt is-seduta, kuntrarjament għall-pożizzjoni ta’ dan tal-aħħar, hija sostniet li ma kienx neċessarju, f’dan il-każ, li jintwera li s-sinjali ta’ negozju invokati kienu għadhom jintużaw fid-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Fl-opinjoni tagħha, fil-fatt, skont id-dritt Ġermaniż applikabbli, għandu jiġi preżunt li dawn id-drittijiet preċedenti kienu għadhom jeżistu f’din id-data.

46      Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni tikkontesta l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq, li, kif wara kollox huwa paċifiku bejn il-partijiet prinċipali, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabelxejn li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-intervenjenti waqt is-seduta, mit-test tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 53(1)(c) ta’ dan l-istess regolament jirriżulta, li, sabiex l-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet tkun tista’ tiġi validament invokata fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità taħt it-tieni waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jintwera li s-sinjal preċedenti mhux irreġistrat kien fil-fatt jintuża.

47      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sinjal jintuża fil-kummerċ meta l-użu tiegħu jsir fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiż għal vantaġġ ekonomiku u mhux fil-qasam privat [ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Ugly vs UASI – Group Lottuss (COYOTE UGLY), T-778/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:122 punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata].

48      Fir-rigward tal-perijodu rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jipprova li l-użu tas-sinjal invokat fil-kummerċ ikun sar qabel il-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Anheuser-Busch vs Budějovický Budvar, C-96/09 P, EU:C:2011:189, punti 164 sa 168). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, dan is-sinjal għad għandu jkun qiegħed jintuża fil-mument tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2013, Baby Bambolina, T-581/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:553, punt 27). Fi kliem ieħor, għandu jiġi stabbilit li s-sinjal invokat kien użat mhux biss fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, iżda wkoll fid-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li, meta tiġi prodotta prova bħal din, jista’ jitqies b’mod leġittimu li l-imsemmi sinjal kien “għadu […] jintuża” f’din l-aħħar data fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

49      Għaldaqstant, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 24 moqri flimkien mal-punt 32), hija l-intervenjenti li għandha tistabbilixxi li s-sinjali preċedenti basic u basic AG kienu jintużaw fil-kummerċ fid-29 ta’ Jannar 2007, li hija d-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, kif ukoll fis-26 ta’ Settembru 2011, li hija d-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

50      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata (ara, b’mod partikolari, il-punt 26, li jirreferi għall-punt 5) u kif espliċitament ikkonfermat mill-EUIPO kemm fir-risposta tiegħu bil-miktub għad-domanda li kienet għamlitlu l-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll waqt is-seduta, il-Bord tal-Appell ibbaża l-evalwazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet indikati fil-punt 25 iktar ’il fuq esklużivament fuq il-provi annessi mill-intervenjenti għat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha tas-26 ta’ Settembru 2011, kif dawn huma imsemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq.

51      Għandu jiġi kkonstatat li diversi minn dawn il-provi juru b’mod suffiċjenti skont il-liġi użu, mill-intervenjenti, tas-sinjali basic u basic AG fil-Ġermanja qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, u dan sabiex tiġi indikata bħala impriża li tipprovdi servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, ta’ prodotti kożmetiċi u ta’ prodotti oħra ta’ konsum regolari kif ukoll servizzi ta’ ikel, u għalhekk fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża għal vantaġġ ekonomiku.

52      Għalkemm l-isem tal-kumpannija tal-intervenjenti huwa AG Lebensmittelhandel, madankollu, mill-imsemmija provi jidher li, fil-kummerċ, qabel id-data tad-29 ta’ Jannar 2007, ġeneralment kien isir riferiment għal din tal-aħħar permezz tas-sinjali basic jew basic AG, peress li s-sinjal AG huwa sempliċement l-abbrevjazzjoni tal-forma ġuridika tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata Ġermaniża Aktiengesellschaft.

53      Għalhekk, fir-rapport annwali tal-intervenjenti għas-sena 2006 (ara t-tielet inċiż tal-punt 7, iktar ’il fuq), li kien intiż kemm għall-azzjonisti tagħha kif ukoll għall-pubbliku ġenerali, huwa b’mod partikolari indikat, f’paġna dwar l-“istorja tas-supermarkets organiċi basic”, li din ġiet imwaqqfa fl-1997 u fetħet, f’München, fl-1998, l-ewwel supermarket organiku tagħha “basic” kif ukoll, fl-1999, l-ewwel bistro “basic,” li joffri servizzi ta’ ikel. Minn dan ir-rapport annwali jirriżulta wkoll li t-tieni supermarket, li jikkonsisti f’bistro “basic” u “drugstore-bio”, infetaħ f’München fl-2000, u li l-intervenjenti kompliet bl-iżvilupp tal-katina ta’ supermarkets organiċi tagħha “basic”, li kienu 21, mifruxa fit-territorju Ġermaniż, fit-tmiem tas-sena 2006. Barra minn hekk, huwa enfasizzat ukoll fih li basic jirċievi iktar u iktar attenzjoni mill-mezzi tax-xandir, peress li l-istampa bil-miktub iddedikatilha madwar 250 artikolu fl-2006. Dan ir-rapport annwali jinkludi diversi riferimenti oħra għall-intervenjenti taħt l-isem “basic” kif ukoll lis-supermarkets organiċi “basic”, li kull wieħed minnhom huwa identifikat bil-kelma “basic” miżjuda mal-isem tal-belt Ġermaniż li fih hija stabbilita (pereżempju, “basic Augsburg City”, “basic Berlin-Steglitz” u “basic Bonn, im Gangolf”).

54      Konstatazzjonijiet simili għal dawk esposti fil-punt 53 iktar ’il fuq jistgħu jinsiltu mir-rapporti annwali tal-intervenjenti għas-snin 2004 u 2005 (ara r-raba’ u l-ħames inċiżi tal-punt 7, iktar ’il fuq).

55      Fir-rigward taż-żewġ ittri ta’ Biogarten, l-ewwel waħda tal-21 ta’ April 2006 u t-tieni tat-13 ta’ Diċembru 2005 (ara s-sitt u s-seba’ inċiżi tal-punt 7, iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li dawn huma indirizzati lil “basic AG” u juru li l-intervenjenti kisbet ċertu dħul mill-bejgħ bil-bejgħ, taħt dan is-sinjal, ta’ prodotti tal-ikel organiċi pprovduti minn Biogarten. Huwa wkoll lil “basic AG”, bl-ispeċifikazzjoni din id-darba ta’ “supermarket organiku”, li huma indirizzati n-nota ta’ kunsinna u l-fattura maħruġa minn Nordlicht Naturkost, rispettivament, tal-15 ta’ April 1999 u tat-13 ta’ Novembru 2001, u relatati ma’ provvisti ta’ zokkor, frott u ċereali (ara t-tmien u d-disa’ inċiżi tal-punt 7, iktar ’il fuq).

56      Fir-rigward tal-istatistiċi ta’ bejgħ tal-1 ta’ Diċembru 2006 u ppubblikata mill-fornitur ta’ prodotti tal-ikel organiċi Herrmannsdorfer Landwerkstätten Glonn (ara l-għaxar inċiż tal-punt 7, iktar ’il fuq), din hija intitolata “408 *statistiċi tal-fergħat basic” u jagħtu indikazzjonijiet dwar il-kwantitajiet ta’ kunsinni u l-prezz tal-bejgħ ta’ ċerti prodotti tal-ikel fi stabbilimenti differenti tal-intervenjenti, li huma identifikati bil-kelma “basic” segwit minn numru bejn wieħed sa sittax.

57      Barra minn hekk, mid-differenti fuljetti kummerċjali tal-intervenjenti li jkopru s-snin 2003 sal-2006 (ara t-tlettax-il inċiż tal-punt 7, iktar ’il fuq) jirriżulta li, fil-komunikazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-konsumaturi, dawn tal-aħħar kważi dejjem jużaw is-sinjal basic.

58      Minbarra dan, fuq id-diploma ta’ “imprenditur tas-sena 2006” li ngħata lilhom fil-21 ta’ Settembru 2006 (ara l-ħmistax-il inċiż tal-punt 7, iktar ’il fuq), iż-żewġ diretturi tal-intervenjenti huma msemmija bħala li jappartjenu għal basic AG. Għandu jingħad ukoll li, f’diversi artikoli tal-istampa li jkopru s-snin 2003 sal-2006 (ara- s-sittax-il inċiż tal-punt 7, iktar ’il fuq), ġeneralment isir riferiment għall-intervenjenti permezz tal-kliem “basic” jew “basic AG”.

59      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi differenti jikkorroboraw b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-indikazzjonijiet li jinsabu fl-affidavit magħmul fid-19 ta’ Settembru 2011 minn membru tad-dipartiment tal-marketing tal-intervenjenti (ara l-ħdax-il inċiż tal-punt 7, iktar ’il fuq), minn fejn jirriżulta li s-sinjali basic u basic AG kienu jintużaw fil-kummerċ fil-Ġermanja fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata.

60      Għall-kuntrarju, l-ebda waħda mill-provi msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq ma tistabbilixxi b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-imsemmija sinjali kienu għadhom jintużaw mill-intervenjenti fid-data tat-tressiq tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, jiġifieri fis-26 ta’ Settembru 2011, u dan sabiex tiġi indikata bħala impriża li tipprovdi servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tal-ikel, ta’ prodotti kożmetiċi u ta’ prodotti oħra ta’ konsum regolari kif ukoll servizzi ta’ ikel.

61      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda waħda mill-provi eżaminati fil-punti 53 sa 58 iktar ’il fuq ma tikkonċerna la l-perijodu ta’ wara s-sena 2006 u lanqas, a fortiori, is-sena 2011. Fir-rigward tal-materjal promozzjonali u ta’ reklamar msemmi fl-erbatax-il inċiż tal-punt 7, iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan ma għandu l-ebda data.

62      Fir-rigward tal-affidavit maħluf tad-19 ta’ Settembru 2011, jirriżulta minnu li dan kien intiż qabelxejn li jipprova l-użu minn din tal-aħħar tas-sinjal basic fil-kummerċ qabel is-sena 2007.

63      Ċertament, dan l-affidavit jinkludi wkoll xi indikazzjonijiet li jistgħu jkunu marbuta mas-snin ta’ wara s-sena 2006. B’mod iktar partikolari, dan jinkludi tabella li tispeċifika, għal kull sena tal-perijodu 1998-2010, in-numru ta’ supermarkets użati mill-intervenjenti fil-Ġermanja u fl-Awstrija taħt is-sinjal basic kif ukoll tabella li turi, għal kull sena tal-perijodu 2001-2010, l-ammont tal-ispejjeż ta’ reklamar li din kellha relatati mal-istess sinjal. Barra minn hekk, annessi ma’ dan l-affidavit hemm tabelli stabbiliti internament mill-intervenjenti u li juru fid-dettall id-dħul mill-bejgħ allegatament imwettaq minn “basic” sa Lulju 2009, sa Diċembru 2010 u sa Ġunju 2011 (ara t-tnax-il inċiż sal-punt 7, iktar ’il fuq).

64      Madankollu, dan l-affidavit twettaq minn persuna li hija marbuta permezz ta’ relazzjoni professjonali mal-intervenjenti. Din ma tistax għaldaqstant ikollha l-istess natura affidabbli u kredibbli bħal affidavit li ġej minn terz jew persuna indipendenti mill-kumpannija inkwistjoni. L-affidavit ma huwiex suffiċjenti minnha nnifisha u tikkostitwixxi biss indikazzjoni li hemm bżonn li tiġi kkorroborata permezz ta’ elementi probatorji oħra [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Reber vs UASI – Klusmeier (Wolfgang Amadeus Mozart PREMIUM), T-530/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:250, punt 36]. Issa, fir-rigward tas-snin ta’ wara l-2006 u, b’mod partikolari, tas-sena 2011, tali elementi probatorji huma għalkollox nieqsa f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hija qarrieqa d-dikjarazzjoni tal-EUIPO, imwettqa b’riferiment għall-punt 33 tad-deċiżjoni appellata, li l-indikazzjonijiet tal-affidavit dwar l-evoluzzjoni tad-dħul mill-bejgħ u l-ispejjeż pubbliċitarji huma kkorroborati mir-rapporti annwali tal-intervenjenti, li huma approvati minn awdituri esterni. Fil-fatt, l-uniċi rapporti annwali li kienu ġew prodotti mill-intervenjenti bħala anness għat-talba tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tas-26 ta’ Settembru 2011 kienu jikkonċernaw is-snin 2004, 2005 u 2006, jiġifieri perijodu sew qabel din l-aħħar data.

65      Lanqas ma huma suffiċjenti jew konklużivi, fir-rigward tal-użu tas-sinjali basic u basic AG fid-data tal-preżentata tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, is-screenshots stampati fil-25 ta’ Lulju 2011 mis-sit internet tal-intervenjenti (ara l-ewwel u t-tieni inċiżi tal-punt 7, iktar ’il fuq). Għalhekk, fir-rigward tal-ewwel screenshot, li jinkludi preżentazzjoni skematika tal-intervenjenti, l-iktar l-iktar jista’ jiġi dedott li din tal-aħħar kienet indikata bħala “basic AG” fid-data tal-1 ta’ Lulju 2011. Iż-żewġ screenshots li ġejjin, li jirrappreżentaw mapep bl-indikazzjoni tal-post fejn jinsabu s-supermarkets tal-intervenjenti fil-Ġermanja u fl-Awstrija, ma juru bl-ebda mod li dawn tal-aħħar kienu joperaw bl-użu tas-sinjali basic jew basic AG. Barra minn hekk, dawn il-mapep huma tas-sena 2010. Fir-rigward tal-aħħar screenshot, il-ftit informazzjoni li dan jagħti dwar il-bejgħ ta’ prodotti bis-sinjal basic fis-supermarkets tal-intervenjenti, hija wkoll tas-sena 2010.

66      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni magħmula mill-intervenjenti waqt is-seduta, li l-artikoli tal-istampa msemmija fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata u li jinkludu riferimenti għas-sinjal basic, ikopru b’mod partikolari l-perijodu mill-2006 sal-2011, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, dan il-fatt ma jidher imkien fid-deċiżjoni appellata, iżda, għall-kuntrarju, huwa kontradett mill-punt 5 tagħha, li jindika espliċitament li l-imsemmija artikoli tal-istampa jkopru l-perijodu bejn l-2003 u l-2006. Issa, huma biss il-provi indikati fl-imsemmi punt 5 u riprodotti fil-punt 7 iktar ’il fuq li kkostitwixxew il-bażi tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, fir-rigward tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 25 iktar ’il fuq (ara l-punt 50 iktar ’il fuq).

67      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell ma setax jikkonkludi, fuq il-bażi biss tal-provi li fuqhom huwa bbaża d-deċiżjoni appellata, li l-kundizzjoni tal-użu tas-sinjali invokati fil-kummerċ kienet issodisfatta. Peress li l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 huma kumulattivi, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

68      Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma jinħtieġ li jiġu eżaminati ż-żewġ motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

69      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-EUIPO tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż tar-rikorrenti, skont it-talbiet tagħha. Peress li r-rikorrenti ma talbitx il-kundanna tal-intervenjenti għall-ispejjeż, huwa suffiċjenti li jiġi deċiż li din għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-11 ta’ Awwissu 2015 (Każ R 2384/2013-1) hija annullata.

2)      L-EUIPO għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn Repsol YPF, SA.

3)      Basic AG Lebensmittelhandel għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Collins

Barents

Passer

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Settembru 2017.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.