Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Mejju 2019 – Ertico – ITS Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-604/15) 1

(“Is-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni tal-Bord ta’ Validazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji – Talba għal reviżjoni skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838/UE, Euratom – Assenza ta’ azzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Awtorità ta’ res judicata – Kriterji ta’ definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u medji fil-politiki tal-Unjoni – Kunċett ta’ “impriża” – Kunċett ta’ “attività ekonomika” – Kriterju ta’ indipendenza – Obbligu ta’ motivazzjoni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organisation – Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico - ITS Europe) (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: M. Wellinger u K. T’Syen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment minn R. Lyal u M. Clausen, sussegwentement minn R. Lyal u A. Kyratsou, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2015 tal-Bord ta’ Validazzjoni previst mill-punt 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/838/UE, Euratom tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar l-adozzjoni tar-Regoli biex tiġi żgurata verifika konsistenti tal-eżistenza u tal-istatus ġuridiku tal-parteċipanti, kif ukoll tal-kapaċitajiet operazzjonali u finanzjarji tagħhom, f’azzjonijiet indiretti appoġġjati permezz ta’ forma ta’ għotja skont is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni u taħt is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (ĠU 2012, L 359, p. 45), sa fejn din id-deċiżjoni tikkonkludi li r-rikorrenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala impriża mikro, żgħira jew medja fis-sens tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji (ĠU 2003, L 124, p. 36),

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organisation – Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico – ITS Europe) għandha tbati nofs l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Ertico – ITS Europe.

____________

1     ĠU C 414, 14.12.2015.