Language of document : ECLI:EU:T:2019:348

(Kawża T604/15)

European Road Transport Telematics Implementation Coordination Organisation – Intelligent Transport Systems & Services Europe (Ertico – ITS Europe)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-22 ta’ Mejju 2019

“Is-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni – Rakkomandazzjoni 2003/361/KE – Deċiżjoni tal-Bord ta’ Validazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u medji – Talba għal reviżjoni skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deċiżjoni 2012/838/UE, Euratom – Assenza ta’ azzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003 – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Awtorità ta’ res judicata – Kriterji ta’ definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u medji fil-politiki tal-Unjoni – Kunċett ta’ “impriża” – Kunċett ta’ “attività ekonomika” – Kriterju ta’ indipendenza – Obbligu ta’ motivazzjoni”

1.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Validazzjoni tal-istatus bħala impriża mikro, żgħira jew medja tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti – Talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Bord ta’ Validazzjoni – Proċeduri għat-tressiq ta’ kawża – Distinzjoni mit-talbiet għal stħarriġ ta’ legalità ta’ att tar-REA

(Regolament tal-Kunsill Nru 58/2003, Artikolu 22; Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838, Anness, punti 1.2.6 u 1.2.7)

(ara l-punti 30 sa 38)

2.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ – Portata

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41, 47 u 48)

(ara l-punti 46 sa 48, 63)

3.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Validazzjoni tal-istatus bħala impriża mikro, żgħira jew medja tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti – Obbligu ta’ osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-parteċipanti – Portata

(Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838, Anness, punti 1.2.6 u 1.2.7)

(ara l-punt 52)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ċertezza legali – Kunċett

(ara l-punt 68)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet – Assigurazzjonijiet preċiżi pprovduti mill-amministrazzjoni

(ara l-punt 69)

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu tal-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ikkonċernat – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

(ara l-punt 70)

7.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Validazzjoni tal-istatus bħala impriża mikro, żgħira jew medja tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti – Irtirar tal-ewwel deċiżjoni negattiva u sostituzzjoni tagħha b’deċiżjoni ġdida – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838, Anness, punti 1.2.6 u 1.2.7)

(ara l-punt 72)

8.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Validazzjoni tal-istatus bħala impriża mikro, żgħira jew medja tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti – Determinazzjoni tad-daqs ta’ impriża abbażi tal-kriterji tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 – Ammissibbiltà

(Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838, Anness, punti 1.1.3.1, 1.2.6 u 1.2.7; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361, Anness, premessa 3 u Artikolu 1)

(ara l-punti 92 sa 95)

9.      Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Validazzjoni tal-istatus bħala impriża mikro, żgħira jew medja tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti – Determinazzjoni tad-daqs ta’ impriża abbażi tal-kriterji tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 – Applikazzjoni tal-kriterju ta’ indipendenza – Rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ impriża mikro, żgħira jew medja lil entità li tappartjeni de facto għal grupp kbir ekonomiku – Ammissibbiltà

(Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/838, Anness, punti 1.1.3.1, 1.2.6 u 1.2.7; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361, Anness, premessi 9 u 12 u Artikolu 1)

(ara l-punti 100 sa 103, 106, 107)

10.    Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Validazzjoni tal-istatus bħala impriża mikro, żgħira jew medja tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti – Determinazzjoni tad-daqs ta’ impriża abbażi tal-kriterji tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 – Kunċett ta’ impriża – 97053 / Assoċjazzjoni ta’ impriżi li tipprovdi servizzi lil membri tagħha inkambju għal kontribuzzjonijiet imħallsa minnhom– Inklużjoni

(Artikoli 54 TFUE, 101 TFUE u 102 TFUE; Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361, Anness, Artikolu 1)

(ara l-punti 118, 119, 123-128, 130)

11.    Aġenziji tal-Unjoni Ewropea – Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) – Validazzjoni tal-istatus bħala impriża mikro, żgħira jew medja tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti – Determinazzjoni tad-daqs ta’ impriża abbażi tal-kriterji tar-Rakkomandazzjoni 2003/361 – Applikazzjoni tal-kriterju ta’ indipendenza – Rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ impriża mikro, żgħira jew medja lil entità li tirċievi kontribuzzjonijiet mill-membri tagħha u li għandha riżorsi suffiċjenti biżżejjed għall-bżonnijiet tagħha – Ammissibbiltà – Entità li meħuda waħedha tissodisfa kriterji ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji previsti fir-rakkomandazzjoni– Assenza ta’ effett

(Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361, Anness, Artikoli 1 u 2)

(ara l-punti 140 sa 146, 148 sa 152)

12.    Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Kontradizzjoni fil-motivazzjoni – Kundizzjonijiet – Effetti

(Artikolu 296 TFUE)

(ara l-punti 166 sa 168)

13.    Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti

(Artikolu 266 TFUE)

(ara l-punt 176)

14.    Proċedura ġudizzjarja – Spejjeż – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità – Kundanna tal-parti li tirbaħ tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 134(1) u 135(1) u( 2))

(ara l-punt 182)

Sunt

Permezz tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Mejju 2019, Ertico ‐ ITS Europe vs Il-Kummissjoni (T‑604/15), il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tar-rikorrenti, European Road Transport Telematics Implementation Organisation — Intelligent Transport Telematics Implementation Organizzazzjoni — Intelligent Transport Systems [...] Services Europe (Ertico ‐ ITS Europe) intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2015 (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”) tal-Bord ta’ Validazzjoni skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tad-Deċiżjoni 2012/838, sa fejn din id-deċiżjoni tikkonkludi li r-rikorrenti ma tistax tiġi kklassifikata bħala impriża mikro, żgħira jew medja, fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari f’din il-kawża, il-Kummissjoni ġiet ikkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż sostnuti minn Ertico ‐ ITS Europe.

Ir-rikorrenti hija kumpannija kooperattiva li tipprovdi pjattaforma multisettorjali għall-atturi, kemm privati kif ukoll pubbliċi, tas-settur tas-sistemi u tas-servizzi ta’ trasport intelliġenti.

Mill-31 ta’ Diċembru 2006, ir-rikorrenti kienet ikkunsidrata bħala impriża mikro, żgħira jew medja (iktar ’il quddiem “IŻM”) fis-sens tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Dan l-istatus ippermettielha tibbenefika, matul diversi snin, minn sussidji addizzjonali min-naħa tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-kuntest tas-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimostrazzjoni (2007 - 2013) (iktar ’il quddiem l-“FP7”).

F’Diċembru 2013, fil-kuntest ta’ reviżjoni tal-istatus ta’ IŻM tal-parteċipanti fil-programmi ta’ riċerka eżistenti, l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), bħala servizz ta’ validazzjoni tal-istatus ta’ IŻM tal-parteċipanti, talbet lir-rikorrenti informazzjoni li tippermetti li jiġi ġġustifikat li hija tkompli tibbenefika mill-istatus ta’ IŻM. Wara skambju ta’ messaġġi elettroniċi, ir-REA ddeċidiet, fis-27 ta’ Jannar 2014, li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi kkunsidrata li hija IŻM.

Ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2012/838/UE. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2014 (iktar ’il quddiem, l-“ewwel deċiżjoni negattiva”). Din id-deċiżjoni ġiet sussegwentement irtirata u l-Bord ta’ validazzjoni adotta d-deċiżjoni kkontestata.

Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-anness tad-Deciżjoni 2012/838 u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 ma jikkonċernawx l-istess proċedura unika ta’ stħarriġ. F’dan il-każ, din l-aħħar dispożizzjoni ma kinitx applikabbli. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ir-rikors tar-rikorrenti ġie ppreżentat skont il-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2012/838.

Fir-rigward tal-kriterju ta’ indipendenza fil-kuntest tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kriterju applikat mill-Bord ta’ Validazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jiksirx ir-Rakkomandazzjoni 2003/361, peress li l-kriterju ta’ indipendenza għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat li l-miżuri intiżi għall-IŻM jibbenefikaw minnhom verament l-impriżi li għalihom id-daqs huwa ta’ żvantaġġ u mhux dawk li jagħmlu parti minn grupp kbir, u li għalhekk għandhom aċċess għall-mezzi u għall-għajnuna li ma għandhomx il-kompetituri tagħhom tal-istess daqs. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-għan li jintgħażlu biss l-impriżi li effettivament jikkostitwixxu IŻM indipendenti, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-istruttura ta’ IŻM li jifformaw grupp ekonomiku li s-setgħa tiegħu teċċedi dik ta’ tali impriża u li jiġi żgurat li d-definizzjoni tal-IŻM ma tiġix evitata għal raġunijiet purament formali.

Wara li ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni sa fejn ġie konkluż li r-rikorrenti ma kinitx impriża fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kontribuzzjonijiet annwali mħallsa lir-rikorrenti mill-membri tagħha, peress li dawn tal-aħħar ma kinux IŻM, kienu l-korrispettiv tas-servizzi pprovduti minnha, il-Qorti Ġenerali madankollu enfasizzat li kien hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-elementi tal-każ, il-Bord ta’ Validazzjoni setax jikkonkludi dwar l-assenza ta’ indipendenza tar-rikorrenti. Hija kkonkludiet li l-Bord ta’ Validazzjoni ma applikax b’mod żbaljat ir-Rakkommandazzjoni 2003/361 sa fejn ikkunsidra li r-rikorrenti ma kellhiex l-iżvantaġġi li l-IŻM kienu normalment jiffaċċjaw, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-ammonti tal-imsemmija kontribuzzjonijiet annwali kienu stabbiliti skont l-ispejjeż tar-rikorrenti, b’tali mod li r-rikorrenti ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala IŻM fis-sens tal-imsemmija rakkomandazzjoni, minkejja l-fatt li hija impriża.

Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti ma hijiex ikkunsidrata li hija tissodisfa l-kriterju ta’ indipendenza, hija ma tistax tallega li tissodisfa l-kriterji ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji previsti fl-Artikolu 2 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361. Għalhekk, skont l-Artikolu 6 tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, l-imsemmija kriterji ta’ għadd tal-persunal u ta’ limiti finanzjarji ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi tad-data individwali tar-rikorrenti peress li din ma hijiex impriża indipendenti u li l-membri tagħha huma impriżi li ma humiex IŻM.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ġiet ikkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha, għal nofs l-ispejjeż sostnuti minn Ertico ‐ ITS Europe. Fil-fatt, minn naħa, l-interazzjoni bejn il-proċeduri għat-tressiq ta’ kawża rregolati mill-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2012/838 u mill-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, ma kinitx tirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2012/838, kif ġie kkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta. Min-naħa l-oħra, id-deskrizzjoni tal-proċedura applikabbli quddiem il-Bord ta’ Validazzjoni, li tinsab fil-punti 1.2.6 u 1.2.7 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2012/838, għandha lakuni sinjifikattivi, b’mod partikolari l-assenza ta’ indikazzjoni tat-termini proċedurali, li kien jikkumplika iktar il-fehim ċar tar-regoli applikabbli. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 135(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.