Language of document : ECLI:EU:C:2013:571

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu fuq il-post tax-xogħol — Artikolu 8 — Leave tal-maternità — Direttiva 76/207/KEE — Ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa — Artikolu 2(1) u (3) — Dritt għal-leave favur ommijiet impjegati wara t-twelid ta’ tarbija — Użu possibbli mill-omm impjegata jew mill-missier impjegat — Omm mhux impjegata u mhux imsieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali — Esklużjoni tad-dritt għal-leave għall-missier impjegat — Missier bijoloġiku u missier adottiv — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑5/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 1 de Lleida (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Marc Betriu Montull

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn P. García Perea u A. R. Trillo García, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna kif ukoll minn J. Faldyga u A. Siwek, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek kif ukoll minn C. Gheorghiu u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ April 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 263, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/34ˮ), kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-dritt tal-Unjoni.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Betriu Montull u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali) dwar ir-rifjut li tingħatalu allowance tal-maternità minħabba li omm il-wild tiegħu ma kinitx imsieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Skont l-Artikolu 10(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 1966 u li daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Jannar 1976:

“Għandha tingħata protezzjoni speċjali lill-ommijiet matul perijodu raġjonevoli qabel u wara t-twelid tat-trabi. Waqt dan l-istess perijodu, l-ommijiet impjegati għandhom jibbenefikaw minn leave imħallas jew minn leave bil-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali xierqa.ˮ [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 76/207

4        Id-Direttiva 76/207 kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255) ġiet imħassra b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009 bid‑Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, p. 23). Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tibqa’ rregolata mid-Direttiva 76/207 fil-verżjoni tagħha oriġinali.

5        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 76/2074 kien jistipula:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju tat-trattament ugwali ghall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kondizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali. Minn issa ’l quddiem dan il-prinċipju jissejjaħ ‘il‑prinċipju tat-trattament ugwali’.”

6        L-Artikolu 2(1) u (3) ta’ din id-direttiva kien redatt kif ġej:

“1.      Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja.

[...]

3.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar t-tqala u l-maternità.ˮ

7        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi li:

“1.      L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x’jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.

2.      Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:

(a)      il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;

(b)      id-dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta' xogħol, regoli interni ta' impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l-professjonijiet huma, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effet jew jistgħu jiġu emendati;

(ċ)      dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali meta it-tħassib għall-protezzjoni li oriġinarjament nebbħithom m'għadx għandha bażi soda huma riveduti; u li fejn hemm dispożizzjonijiet bħalhom imdaħħla fi ftehim kollettiv il-ħaddiema u d-direzzjoni għandhom jintalbu jagħmlu r-reviżjoni mixtieqa.ˮ

 Id-Direttiva 92/85/KEE

8        L-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), jipprovdi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.

2.      Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.”

 Id-Direttiva 96/34

9        Id-Direttiva 96/34, imħassra bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE, tat-8 ta’ Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU L 68, p. 13), kienet intiża timplementa il-Ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż mill-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija, jiġifieri l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet tal-Industrija u ta’ Min Iħaddem fl-Ewropa (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC).

10      Il-Ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 u li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar il-leave parentaliˮ), kien jipprovdi r-rekwiżiti minimi intiżi sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u dawk tal-familja ta’ ġenituri li jaħdmu.

11      Il-punt 9 tal-Konsiderazzjonijiet Ġenerali tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali kien redatt kif ġej:

“Billi l-ftehim preżenti huwa il-ftehim qafas li jistabilixxi l-ħtiġiet minimi u dispożizzjonijiet għal leave tal-genituri, kif distinti mill-leave tal-maternità [...]ˮ

12      Il-klawżola 2.1 tal-imsemmi ftehim qafas kien jistabbilixxu dan li ġej:

“Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiem arġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri [leave parentali] għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.ˮ

 Id-dritt Spanjol

13      L-Istatut tal-Ħaddiema, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-Diġriet Leġiżlattiv Rjali 1/1995 dwar l-approvazzjoni tat-test imfassal mill-ġdid tal-liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema (Real Decreto Legislativo 1/1995 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), ġie emendat bil-Liġi 39/1999, intiża biex tippromwovi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjari u l-ħajja professjonali tal-ħaddiema (Ley 39/1999 para promover la conciliacion de la vida familiar y laboral de las personas trabajadoras), tal-5 ta’ Novembru 1999 (BOE Nru 266, tas-6 ta’ Novembru 1999, p. 38934, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiemaˮ).

14      Skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan l-istatut japplika għall-ħaddiema li jagħtu s-servizzi tagħhom volontarjament b’remunerazzjoni f’isem ħaddieħor fil-qafas tal-organizzazzjoni u taħt id-direzzjoni ta’ persuna fiżika jew legali oħra msejħa l-“persuna li timpjega jew imprenditur”.

15      L-Artikolu 1(3) tal-imsemmi statut jippreċiża li kull xogħol magħmul fil-qafas ta’ relazzjoni differenti minn dik iddefinita fl-Artikolu 1(1) huwa eskluż mill-qafas irregolat minn dan l-istatut.

16      L-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, jipprovdi li:

“Fil-każ ta’ twelid, il-kuntratt huwa sospiż għal perijodu mhux interrott ta’ sittax-il ġimgħa, li f’każ ta’ twelid ta’ iktar minn tarbija waħda jista’ jiġi estiż b’ġimagħtejn għal kull tarbija li jibdew mit-tieni wieħed. Il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jitqassam skont l-għażla tal-persuna kkonċernata bil-kundizzjoni li sitt ġimgħat jittieħdu immedjatament wara t-twelid. F’każ li l-omm tmut, il-ġenitur l-ieħor ikun jista’ juża l-perijodu ta’ sospensjoni kollu jew, skont il-każ, il-bqija li jkun għad fadal minnu.

Minkejja d-dispożizzjonijiet preċedenti, u bla ħsara għas-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ immedjatament wara t-twelid li obbligatorjament tieħu l-omm, fil-każ fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu, l-omm tista’, fil-bidu tal-perijodu tal-leave tal-maternità, tagħżel li l-ġenitur l-ieħor igawdi parti ddeterminata u mhux interrotta tal-perijodu ta’ mistrieħ wara t-twelid, b’mod simultanju jew suċċessiv għal-leave tagħha, ħlief jekk fil-mument tal-użu tiegħu, ir-ritorn għax-xogħol tal-omm ikun ifisser riskju għal saħħitha.

[...]

Fil-każ ta’ adozzjoni jew ta’ foster care, kemm qabel l-adozzjoni kif ukoll b’mod permanenti, ta’ minuri ta’ inqas minn sitt snin, is-sospensjoni għandha ddum sittax-il ġimgħa mhux interrotti, imtawlin fil-każ ta’ adozzjoni jew ta’ foster care multipli fuq il-bażi ta’ ġimagħtejn kull wild minuri li jibdew mit-tieni wieħed. Din is-sospensjoni tidħol fis-seħħ, skont l-għażla tal-ħaddiem, jew mid-deċiżjoni ġudizzjarja tal-adozzjoni, jew mid-deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja tal-foster care, provviżorju jew definittiv. Il-kuntratt għandu jiġi sospiż ukoll, għal sittax-il ġimgħa fl-ipoteżi ta’ adozzjoni jew ta’ foster care ta’ minuri ta’ iktar minn sitt snin meta jkunu minuri b’diżabbiltà jew minuri li, minħabba ċ-ċirkustanzi u l-esperjenzi personali tagħhom jew li, għaliex jiġu minn barra l-pajjiż, għandhom diffikultajiet partikolari biex jintegraw soċjalment u fil-familja kif jiġi debitament stabbilit mis-servizzi soċjali kompetenti. Fil-każ fejn jaħdmu ż-żewġ ġenituri, il-perijodu ta’ sospensjoni jinqasam skont l-għażla tal-persuni kkonċernati, li jistgħu jgawduh b’mod simultanju jew suċċessiv, imma dejjem għal perijodi mhux interrotti u fil-limiti stabbiliti.

Fil-każ li jitgawdew simultajnament perijodi ta’ mistrieħ, it-total taż-żewġ perijodi ma jistax jaqbeż is-sittax-il ġimgħa msemmijin fil-paragrafi preċedenti jew dawk li jikkorrespondu għall-każijiet ta’ twelid, ta’ adozzjoni jew ta’ foster care multipli.

Il-perijodi koperti minn dan il-paragrafu jistgħu jintużaw abbażi ta’ ġranet sħaħ jew part-time, wara ftehim bejn id-dirtettur tal-impriża u l-ħaddiema kkonċernati, skont il-leġiżlazzjoni.

[...]ˮ

17      L-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema kien ġie emendat wara d-data tal-fatti tal-kawża prinċipali bil-Liġi organika 3/2007 għall-ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel (Ley orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres), tat-22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat-23 ta’ Marzu 2007, p. 12611). Din id-dispożizzjoni ġiet emendata b’mod partikolari kif ġej:

“[...]

Minkejja d-dispożizzjonijiet preċedenti, u bla ħsara għas-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ immedjatament wara t-twelid li obbligatorjament tieħu l-omm, fil-każ fejn iż-żewġ ġenituri jaħdmu, l-omm tista’, fil-bidu tal-perijodu tal-leave tal-maternità, tagħżel li l-ġenitur l-ieħor igawdi parti determinata u mhux interrotta tal-perijodu ta’ mistrieħ wara t-twelid, b’mod simultanju jew suċċessiv għal-leave meħud mill-omm.

Il-ġenitur l-ieħor jista’ jkompli juża l-perijodu ta’ leave tal-maternità ttrasferit inizjalment anki jekk, fil-mument previst għar-reintegrazzjoni tal-omm għax-xogħol, din tal-aħħar tkun temporanjament inkapaċi li tagħmel dan.

Fil-każ fejn l-omm ma jkollhiex id-dritt li tissospendi l-attività professjonali tagħha flimkien ma’ dritt li tirċievi ċerti benefiċċji bis-saħħa ta’ regoli fuq din l-attività, il-ġenitur l-ieħor ikollu d-dritt li jissospendi l-kuntratt tax-xogħol tiegħu matul il-perijodu li kellu jkun dak tal-omm, li huwa kompatibbli mal-eżerċizzju tad-dritt irrikonoxxut fl-artikolu li jmiss.

[...]ˮ

18      Il-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali (Ley General de la Seguridad Social) ġiet adottata bid-Digriet Rjali Leġiżlattiv 1/1994, tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658) u emendata bil-Liġi 39/1999 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjaliˮ). L-Artikolu 133a ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet tal-allowance tal-maternità, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sitwazzjonijiet protetti l-maternità, l-adozzjoni u l-foster care, kemm qabel l-adozzjoni kif ukoll permanenti, għal perijodi ta’ mistrieħ mogħtijin għal dawn is-sitwazzjonijiet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(4) tat-test imfassal mill-ġdid tal-Istatut tal-Ħaddiema, adottat bid-Digriet Rjali Leġiżlattiv 1/1995, tal-24 ta’ Marzu 1995, u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(3) tal-Liġi fuq il-Miżuri adottati għar-Riforma tal-Funzjoni Pubblika [ley de Medidas para la Reforma de la Función Pública].ˮ

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet sottomessli lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li M. Betriu Montull huwa impjegat u msieħeb fis-sistema ġenerali tas-sigurtà soċjali, li tagħmel pari mis-sistema pubblika ta’ sigurtà soċjali Spanjola. Macarena Ollé hija Procuradora de los Tribunales (avukat). Il-professjoni ta’ Procurador de los Tribunales, li wieħed jeżerċita għal rasu, tinvolvi r-rappreżentanza tal-klijenti fi proċeduri ġudizzjarji fil-każijiet fejn il-liġi tordna dan.

20      Fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, Procurador de los Tribunales seta’ jagħżel fost oħrajn li jissieħeb fi skema speċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (Régimen Especial de Trabajadores Autónomos), li taqa’ taħt is-sistema pubblika ta’ sigurtà soċjali, jew fl-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-avukati (Mutualidad General de los Procuradores), skema ta’ previdenza professjonali li hija separata mis-sistema pubblika ta’ sigurtà soċjali. L-iskema speċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom kienet tipprovdi leave tal-maternità iżda dan ma kienx il-każ għal-iskema ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-avukati, li kienet tipprovdi biss allowance. M. Ollé kienet għażlet li tissieħeb ma’ din is-sistema ta’ assigurazzjoni tal-aħħar.

21      Wara t-twelid tat-tifel ta’ M. Ollé u ta’ M. Betriu Montull f’Lleida fl-20 ta’ April 2004, M. Betriu Montull talab biex jirċievi l-allowance tal-maternità prevista fl-Artikolu 133a tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, li hija intiża sabiex tikkumpensa t-telf tad-dħul mill-paġi għall-ġenitur minħabba s-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu fil-kuntest tal-leave tal-maternità li jdum sittax-il ġimgħa. It-talba ta’ M. Betriu Montull kienet tirrigwarda l-perijodu tal-għaxar ġimgħat ta’ wara s-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju li l-omm trid tieħu immedjatament wara t-twelid, imsemmi fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

22      Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Lulju u tat-8 ta’ Awwissu 2004, l-INSS irrifjuta l-għoti ta’ din l-allowance tal-maternità lil M. Betriu Montull minħabba li, skont l-Artikolu 133a tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, id-dritt għal-leave huwa dritt tal-omm meta hija tkun imsieħba fi skema pubblika sigurtà soċjali, u li, fil-każ ta’ maternità bijoloġika, il-missier ma għandux dritt tiegħu stess, awtonomu u indipendenti minn dak tal-omm iżda għandu biss dritt li neċessarjament jitnissel minn dak tal-omm. F’dan il-każ, peress li M. Ollé ma hija msieħba f’ebda skema pubblika ta’ sigurtà soċjali, hija stess ma għandhiex id-dritt għall-leave tal-maternità, bil-konsegwenza li M. Betriu Montull ma jistax jibbenefika minn leave u għaldaqstant lanqas mill-allowance tal-maternità li jakkompanjah.

23      M. Betriu Montull ippreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet tal-INSS quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 1 ta’ Lleida u talab li jiġi rrikonoxxut lilu d-dritt tiegħu għall-allowance tal-maternità. Huwa invoka b’mod partikolari ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament inkwantu fil-każ ta’ adozzjoni jew ta’ foster care ta’ minuri ta’ inqas minn sitt snin, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi li ż-żewġ ġenituri għandhom id-dritt għal-leave tal-maternità.

24      Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ April 2005, il-Juzgado de lo Social Nru 1 ta’ Lleida ressqet quddiem it-Tribunal Constitucional (Qorti Kostituzzjonali) il-kwistjoni tal-konformità tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema mal-Kostituzzjoni Spanjola.

25      Permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Mejju 2011, it-Tribunal Constitucional iddeċieda li l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema ma jiksirx l-Artikolu 14 tal-Kostituzzjoni Spanjola, li jiddikjara l-prinċipju li kulħadd huwa ugwali quddiem il-liġi, la l-Artikolu 39 tagħha, li jħaddan il-protezzjoni tal-familja u tat-tfal u lanqas, fl-aħħar nett, l-Artikolu 41 ta’ din tal-aħħar, relattiv għas-sigurtà soċjali.

26      Madankollu, il-Juzgado de lo Social Nru 1 ta’ Lleida tesprimi dubju dwar il-konformità tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema mad-dritt tal-Unjoni.

27      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din id-dispożizzjoni tipprovdi perijodu ta’ mistrieħ obbligatorju ta’ sitt ġimgħat għall-omm wara t-twelid, li huwa perijodu li matulu l-missier ma jistax igawdi mil-leave tal-maternità, u li din id-differenza fit-trattament bejn il-missier u l-omm, li ma hijiex is-suġġett ta’ diskussjoni bejn il-partijiet fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija ġġustifikata mill-protezzjoni tal-omm minħabba t-twelid.

28      Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ għaxar ġimgħat wara dawn is-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju għall-omm, minkejja li s-sitwazzjoni tal-missier u dik tal-omm, it-tnejn li huma impjegati, hija paragunabbli, huma trattati b’mod differenti inkwantu d-dritt tal-missier huwa meqjus bħala dritt li jitnissel minn dak tal-omm. F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, dan il-perijodu ta’ għaxar ġimgħat għandu jinftiehem bħala leave parentali u huwa miżura ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali, peress li l-fatt bijoloġiku tat-tqala u tat-twelid, li jikkonċerna esklużivament lill-mara, huwa kopert mill-perijodu ta’ mistrieħ obbligatorju għall-omm. Minħabba f’dan, il-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jkun jista’ jintuża bla distinzjoni mill-omm jew mill-missier fil-każ fejn dawn it-tnejn huma impjegati u minħabba n-natura tagħhom ta’ ġenituri tal-wild.

29      Barra minn hekk, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jitratta b’mod differenti lill-missier bijoloġiku u l-missier adottiv. Fil-fatt, fil-każ ta’ adozzjoni, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-missier u lill-omm jaqsmu bejniethom il-perijodu tal-leave ta’ wara t-twelid kif jixtiequ, peress li tali dritt għal-leave ma huwiex dritt li jitnissel mill-omm. Għaldaqstant, fil-każ ta’ adozzjoni, il-missier impjegat li huwa imsieħeb fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali jista’ jgawdi mil-leave tal-maternità kollu kemm hu u jirċievi l-allowance korrispondenti, anki jekk l-omm ma tkunx impjegata msieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li, fil-każ ta’ twelid, il-missier bijoloġiku ma jista’ jibbenefika mill-ebda leave meta l-omm it-tarbija ma tkunx imsieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali.

30      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de lo Social Nru 1 ta’ Lleida ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra d-[Direttiva 76/207] [...] u d-[Direttiva 96/34] [...], dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali, f’dan il-każ l-Artikolu 48(4) tal-Estatuto de los Trabajadores, li tistabbilixxi d-dritt għal leave tal-maternità fl-ipotesi ta’ twelid, wara l-perijodu tas-sitt ġimgħat wara t-twelid, u bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn jeżisti periklu għas-saħħa tal-omm, bħala dritt inerenti u awtonomu għall-ommijiet impjegati, u bħala dritt sussidjarju għall-missirijiet impjegati, li jistgħu jgawdu minn dan il-leave ħlief biss jekk l-omm hija wkoll impjegata u tagħżel li ċċedi lill-missier parti speċifika minn dan il-leave?

2)      Għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, liġi nazzjonali, b’mod konkret l-Artikolu 48(4) tal-Estatuto de los Trabajadores, li jirrikonoxxi s-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol biż-żamma tal-impjieg, li tieħu inkarigu tagħha s-sigurtà soċjali fl-ipotesi ta’ twelid, bħala dritt inerenti tal-omm u mhux tal-missier, anki wara l-perijodu ta’ sitt ġimgħat li jsegwi t-twelid, ħlief fil-każijiet ta’ periklu għas-saħħa tal-omm, b’mod li l-leave jista’ jingħata biss lill-missier ħaddiem fil-każ li omm il-wild ikollha wkoll l-istatus ta’ ħaddiem impjegat?

3)      Għandha tiġi kkunsidata bħala li tmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni, liġi nazzjonali, b’mod konkret l-Artikolu 48(4) tal-Estatuto de los Trabajadores, li jirrikonoxxi dritt inerenti għas-sospensjoni tal-kuntratt ta’ xogħol biż-żamma tal-impjieg u li tieħu inkarigu tagħha s-sigurtà soċjali għall-missirijiet ħaddiema impjegati meta huma jadottaw wild, filwaqt li, meta huma jkollhom wild bijoloġiku, din tirrikonoxxilhom biss dritt li huwa sussidjarju għal dak tal-omm u mhux dritt ta’ sospensjoni proprju, awtonomu u indipendenti?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba preliminari

31      Il-Gvern Spanjol isostni li d-domandi huma ipotetiċi u li, konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rifjut tal-allowance tal-maternità mitluba minn M. Betriu Montull kienet ġiet ibbażata fuq l-Artikolu 133a tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, li jassumi li l-ħaddiem jista’ jgawdi mil-leave previst fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema fil-kuntest tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu. Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tipprovdi ebda indikazzjoni rigward il-fatt dwar jekk M. Betriu Montull ibbenefikax minn tali leave jew, għall-inqas, jekk talabx lill-persuna li tħaddmu għalih. Bil-kontra, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li M. Betriu Montull ma kisibx dan il-leave fil-kuntest tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu minħabba li d-dritt għal-leave huwa dritt li jitnissel mill-omm tal-wild.

32      Barra minn hekk, waqt is-seduta l-INSS sostna li d-domandi preliminari huma inammissibbli fuq il-bażi tal-fatt li risposta mogħtija disa’ snin wara t-twelid ma hija ta’ ebda utilità għall-qorti tar-rinviju peress li l-għoti tal-leave previst mill-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema u tal-allowance tal-maternità sar impossibbli.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar l-ewwel nett li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it‑tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ domanda preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d‑deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 43, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Arslan, C‑534/11, punt 33).

34      Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa, fil-fatt, possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li huma essenzjali sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Lucchini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, u tal-11 ta’ April 2013, Della Rocca, C‑290/12, punt 29).

35      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

36      Fil-fatt, l-Artikolu 133a tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali jipprovdi li, għall-finijiet tal-allowance tal-maternità, għandhom jiġu kkunsidrati bħala sitwazzjonijiet protetti l-maternità, l-adozzjoni u l-foster care, għal perijodi ta’ mistrieħ mogħtijin għal dawn is-sitwazzjonijiet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jiddefixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratt ta’ xogħol tal-omm jew tal-missier jista’ jiġi sospiż. Konsegwentement, kif barra minn hekk jirrileva l-Gvern Spanjol, sabiex ikollu dritt għal-allowance tal-maternità, il-ħaddiem għandu jgawdi mil-leave previst mill-Arikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

37      M. Betriu Montull ma setax jibbenefika mill-allowance tal-maternità previst fl-Artikolu 133a tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali minħabba li, skont l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, huwa ma kellux dritt tiegħu stess għal-leave tal-maternità u li peress li M. Ollé ma kinitx imsieħba fi skema pubblika sigurtà soċjali, huwa ma kellux dritt għal dan il-leave li jitnissel minnha.

38      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat sa liema punt, id-dritt tal-Unjoni, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jista’ preċiżament jippermetti lill-missier il-wild jibbenefika mil-leave tal-maternità kollu jew minn parti minnu kif previst fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, u f’każ ta’ risposta fil-pożittiv, dan jagħtih id-dritt jirċievi l-allowance tal-maternità relatata miegħu.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

 Osservazzjonijiet preliminari

40      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, għandha tkun il-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew magħmula lilha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid‑domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, Ġabra p. I‑9849, punt 39 u tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten, C‑342/12, punt 30).

41      Konsegwentement, anki jekk formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 76/207 u 96/34 biss, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Fuß, punt 40 u Worten, punt 31).

42      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk M. Betriu Montull huwiex intitolat jirċievi allowance tal-maternità għat-twelid ta’ ibnu. Issa, kif ġie indikat fil-punt 38 tas-sentenza preżenti, din il-kwistjoni teħtieġ li jiġi eżaminat jekk M. Betriu Montull jistax jibbenefika mil-leave previst fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

43      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tipprovdi, minn naħa, is-sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol tal-omm għal perijodu mhux interrott ta’ sittax-il ġimgħa, fejn dan il-perijodu ta’ sospensjoni jista’ titqassam skont l-għażla tal-persuna kkonċernata, bil-kundizzjoni li jittieħdu obbligatorjament immedjatament wara t-twelid. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jippermetti lill-omm, fil-każ li ż-żewġ ġenituri jaħdmu, tagħżel li l-missier jibbenefika kompletament jew parzjalment minn massimu ta’ għaxar ġimgħat mis-sittax-il ġimgħa korrispondenti għal-leave tal-maternità, ħlief jekk fil-mument tal-użu tiegħu, ir-ritorn għax-xogħol tal-omm ikun ifisser riskju għal saħħitha.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, bl-għan li tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, u hekk kif isostni l-Gvern Spanjol, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, anki jekk id-deċiżjoni tar-rinviju ma ssemmix b’mod espliċitu din id-direttiva.

45      Fil-fatt, il-leave inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jittieħed fil-mument tat-twelid tat-tarbija. Issa, id-Direttiva 92/85 tiggarantixxi preċiżament, fl-Artikolu 8 tagħha, id-dritt għal leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa kontinwi, li jinkludu perijodu obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn allokati qabel u/jew wara t-twelid, skont il-leġiżlazzjonijiet jew il-prattiki nazzjonali. Barra minn hekk, il-fatt li leġiżlazzjoni tagħti lin-nisa leave tal-maternità ta’ iktar minn erbatax-il ġimgħa ma jipprekludix madankollu lil dan il-leave milli jitqies bħala leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 (ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Sass, C‑284/02, Ġabra p. I‑11143, punt 44).

46      Barra minn hekk, għalkemm il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li l-perijodu tal-leave, li jiġi wara s-sitt ġimgħat li l-omm għandha obbligatorjament tieħu wara t-twelid, għandu jinftiehem bħala leave parentali fis-sens tad-Direttiva 96/34, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix elementi li jirrigwardaw il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-leave parentali li jippermettu li tingħata risposta għad-domandi magħmula fid-dawl ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, bħala jirrilevaw l-INSS u l-Gvern Spanjol, l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li huwa waħdu s-suġġett tat-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma jikkonċernax il-leave parentali fis-sens tad-Direttiva 96/34.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel u t-tieni domanda magħmula għandhom jinftiehmu bħala li huma essenzjalment jistaqsu jekk id-Direttivi 92/85 u 76/207 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li missier il-wild, li għandu l-istatus ta’ impjegat, jista’ jibbenefika, bil-kunsens tal-omm li wkoll għandha l-istatus ta’ impjegata, minn leave tal-maternità għall-perijodu ta’ wara s-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju li l-omm għandha tieħu wara t-twelid, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn ikun hemm perikolu għas-saħħa tagħha, filwaqt li missier il-wild li għandu l-istatus ta’ impjegat ma jistax jibbenefika minn tali leave meta omm il-wild tiegħu ma jkollhiex l-istatus ta’ impjegata u ma tkunx imsieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali.

 Fuq il-mertu

48      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal leave tal-maternità mogħti lill-ħaddiema tqal għandu jitqies bħala mezz ta’ importanza partikolari għall-ħarsien tad-drittijiet soċjali. Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li l-bidliet essenzjali fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni kkonċernati matul il-perijodu limitat ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa li jippreċedi u jsegwi t-twelid kienu jikkostitwixxu raġuni leġittima sabiex jiġi sospiż l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom, mingħajr ma l-leġittimità ta’ din ir-raġuni tiġi mminata, bi kwalunkwe mod, mill-awtoritajiet pubbliċi jew mill-persuni li jħaddmu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski, C‑116/06, Ġabra p. I‑7643, punt 49).

49      Fil-fatt, il-ħaddiema tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’ tinsab f’sitwazzjoni speċifika ta’ vulnerabbiltà li teħtieġ li jingħata dritt għal leave tal-maternità iżda li, speċjalment waqt dan il-leave, ma jista’ jiġi assimilat la ma’ dak ta’ raġel u lanqas ma’ dak ta’ mara li tibbenefika minn leave tal-mard (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 40).

50      Dan il-leave tal-maternità li tibbenefika minnu l-impjegata huwa intiż jiżgura, minn naħa, il-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul kif ukoll wara t-tqala u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn l-omm u l-wild tagħha waqt il-perijodu wara t-tqala u t-twelid, billi jiġi evitat li dawn ir-relazzjonijiet jiġu ddisturbati mill-akkumulazzjoni ta’ piżijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali (ara, b’mod parikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann, 184/83, Ġabra p. 3047, punt 25 u Kiiski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

51      Għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 92/85 tipprekludix li mara li għandha l-istatus ta’ impjegata tkun tista’ tagħżel li l-missier, li huwa wkoll għandu l-istatus ta’ impjegat, igawdi mil-leave tal-maternità kollu jew minn parti minnu għall-perijodu ta’ wara l-ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju tal-omm wara t-twelid.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/85 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema jibbenefikaw minn leave tal-maternità ta’ “mill-inqasˮ erbatax-il ġimgħa kontinwi, allokati qabel u/jew wara t-twelid, skont il-leġiżlazzjoni u/jew il-prattiki nazzjonali.

53      F’dan il-każ, billi l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprovdi għal leave tal-maternità għall-omm ta’ perjodu mhux interrott ta’ sittax‑il ġimgħa, huwa jeċċedi r-rekwiżiti minimi ta’ dan l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/85.

54      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/85, il-leave tal-maternità għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ “mill-inqasˮ ġimagħtejn, allokati qabel u/jew wara t-twelid, skont il-leġiżlazzjonijiet u/jew il-prattiki nazzjonali.

55      L-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jipprovdi li l-omm għandha obbligatorjament tieħu mistrieħ għal sitt ġimgħat immedjatament wara t-twelid, ukoll jeċċedi dawn ir-rekwiżiti minimi.

56      Għandu jingħad ukoll, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 tas-sentenza preżenti, li d-dritt tan-nisa li jissospendu l-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom waqt dan il-perijodu limitat għal mill-inqas erbatax-il ġimgħa li jippreċedu jew li jiġu wara t-twelid ma jistax jiġi mminat, bl-ebda mod, mill-awtoritajiet pubbliċi jew il-persuni li jħaddmu. Konsegwentement, il-leave tal-maternità previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85 ma jistax jittieħed lill-omm kontra r-rieda tagħha sabiex jingħata, kompletament jew parzjalment, lill-missier il-wild.

57      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, jieħdu l-passi neċessarji sabiex il-ħaddiema nisa jibbenefikaw minn leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa, dan huwa dritt li huma jistgħu jirrinunzjaw għalih, bl-eċċezzjoni ta’ ġimagħtejn ta’ leave tal-maternità obbligatorju, previsti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu (ara s-sentenza Boyle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).

58      Konsegwentement, id-Direttiva 92/85 ma tipprekludix li l-omm il-wild li għandha l-istatus ta’ impjegata tiddeċiedi li missier il-wild, li huwa wkoll għandu l-istess status, igawdi mil-leave tal-maternità kollu jew minn parti minnu, għall-perijodu ta’ wara l-perijodu ta’ mistrieħ obbligatorju.

59      Din id-direttiva lanqas ma tipprekludi li tali missier ma jgawdix minn dan il-leave fil-każ li l-omm il-wild, li teżerċita professjoni għal rasha, ma tkunx impjegata u li tkun għażlet li ma tisseħibx fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali li tiggarantilha tali leave. Fil-fatt, sitwazzjoni bħal din ma taqax taħt id-Direttiva 92/85, liema direttiva tkopri biss lill- ħaddiema tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu fuq il-post tax-xogħol, li l-attività professjonali tagħhom hija eżerċitata taħt id-direzzjoni ta’ persuna li timpjega.

60      Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 76/207, għandu jiġi rrilevat li l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess, fis-sens tal‑Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, bejn l-ommijiet li għandhom l‑istatus ta’ impjegati u l-missirijiet li għandhom l-istess status. Fil-fatt, din il-misura tirriżerva d-dritt għal-leave tal-maternità inkwistjoni fil-kawża prinċipali lill-ommijiet li għandhom l-istatus ta’ impjegati, filwaqt li missier il-wild ma jistax jibbenefika minn dan il-leave ħlief bil-kundizzjoni li huwa wkoll ikollu l-istatus ta’ impjegat u li l-omm tittrasferilhu l-leave disponibbli kollu jew parti minnu, sakemm ir-ritorn għax-xogħol ta’ din tal-aħħar ma jkunx ifisser riskju għal saħħitha.

61      Għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni ta’ tali differenza fit-trattament, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207 jippreċiża li din ma tostakolax lid-dispożizzjonijiet relattivi għall-protezzjoni tal-mara b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna t-tqala u l-maternità (ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez, C‑104/09, Ġabra p. I‑8661, punt 26).

62      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li billi jħalli lill-Istati Membri d-dritt li jżommu jew li jintroduċu dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tat-tqala u tal-maternità, l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 76/207 jirrikonoxxi l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-sessi, minn naħa, il-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala, u l-perijodu ta’ warajha, u min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija tagħha matul il-perijodu wara t-twelid (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Hofmann, punt 2 u Roca Álvarez, punt 27).

63      Miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, fi kwalunkwe każ, intiża sabiex tipproteġi l-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul it-tqala u matul il-perijodu ta’ warajha.

64      Barra minn hekk, f’kawża bħal dik prinċipali, l-omm il-wild, fil-kwalità tagħha ta’ ħaddiema li taħdem għal rasha u mhux imsieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali, ma hijiex intitolata għal dritt inerenti għal-leave tal-maternità. Konsegwentement, l-omm il-wild ma għandha ebda dritt għal tali leave li hija kieku tista’ tittrasferixxi lill-missier dan il-wild.

65      Minn dan isegwi li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 76/207 ma tipprekludix miżura bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda kif ifformulati mill-ġdid għandha tkun li d-Direttivi 92/85 u 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li missier il-wild, li għandu l-istatus ta’ impjegat, jista’, bil-kunsens tal-omm li għandha wkoll l-istatus ta’ impjegata, jibbenefika minn leave tal-maternità għall-perijodu ta’ wara s-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju li l-omm għandha tieħu wara t-twelid, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn ikun hemm perikolu għas-saħħa tagħha, filwaqt li missier il-wild li għandu l-istatus ta’ impjegat ma jistax jibbenefika minn tali leave meta omm il-wild tiegħu ma jkollhiex l-istatus ta’ impjegata u ma tkunx imsieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali.

 Fuq it-tielet domanda

67      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi li impjegat għandu d-dritt jibbenefika minn leave tal-maternità meta huwa jadotta wild, anki jekk l-omm adottiva ma jkollhiex l-istatus ta’ impjegata, filwaqt li impjegat, missier bijoloġiku ta’ wild, jista’ jibbenefika biss minn tali leave meta omm dan il-wild ikollha wkoll l-istatus ta’ impjegata.

68      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, Ġabra p. I‑8965, punt 51, u d-digriet tas-6 ta’ Lulju 2012, Hermes Hitel és Faktor, C‑16/12, punt 13).

69      Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li huma neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tali kompetenza meta, minn naħa, is-suġġett tal-kawża prinċipali ma jkollu ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, l-leġiżlazzjoni li l-interpretazzjoni tagħha tkun mitluba lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tifformax parti mill-qafas tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C‑299/95, Ġabra p. I‑2629, punt 15, u d-digriet Hermes Hitel és Faktor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14).

70      Għal dak li jirrigwarda r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, hija ġurisprudenza stabbilita li dawn jorbtu lill-Istati Membri fil-każijiet kollha fejn huma għandhom japplikaw id-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, Ġabra p. I‑365, punt 23, u d-digriet Hermes Hitel és Faktor, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

71      F’dan il-każ, it-tielet domanda tirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit mid-dritt tal-Unjoni għall-missirijiet bijoloġiċi u għall-missirijiet adottivi fir-rigward ta’ leave tal-maternità bħal dak previst fl-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema.

72      Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-kawża prinċipali tikkonċerna sitwazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

73      Fil-fatt, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet, fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, la t-Trattat KE, la ebda direttiva tal-Unjoni u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ma kienu jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bejn il-missier adottiv u l-missier bijoloġiku għal dak li jikkonċerna l-leave tal-maternità.

74      Barra minn hekk, għalkemm, bis-saħħa tal-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas dwar il-leave parentali, dritt individwali għal leave parentali huwa mogħti lill-ħaddiema, kemm irġiel kif ukoll nisa, għat-twelid jew għall-adozzjoni ta’ wild, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 46 tas-sentenza preżenti, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix informazzjoni dwar il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-leave parentali li tippermetti li tingħata risposta għad-domandi magħmula fir-rigward tad-Direttiva 96/34 u li l-Artikolu 48(4) tal-Istatut tal-Ħaddiema ma jikkonċernax il-leave parentali fis-sens ta’ din id-direttiva.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi t-tielet domanda magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) u d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li missier il-wild, li għandu l-istatus ta’ impjegat, jista’, bil-kunsens tal-omm li għandha wkoll l-istatus ta’ impjegata, jibbenefika minn leave tal-maternità għall-perijodu ta’ wara s-sitt ġimgħat ta’ mistrieħ obbligatorju li l-omm għandha tieħu wara t-twelid, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn ikun hemm perikolu għas-saħħa tal-omm, filwaqt li missier il-wild li għandu l-istatus ta’ impjegat ma jistax jibbenefika minn tali leave meta omm il-wild tiegħu ma jkollhiex l-istatus ta’ impjegata u ma tkunx imsieħba fi skema pubblika ta’ sigurtà soċjali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.