Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Halduskohus (l-Estonja) fis-17 ta’ Lulju 2023 – Warmeston OÜ vs AS Elering

(Kawża C-446/23, Warmeston)

Lingwa tal-kawża: l-Estonjan

Qorti tar-rinviju

Tallinna Halduskohus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Warmeston OÜ

Konvenut: AS Elering

Domandi preliminari

Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ proġett (investiment) għall-finijiet tal-premessi 42 u 43 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea SA.47354 tas-6 ta’ Diċembru 2017? Kif għandu jiġi stabbilit liema spejjeż huma marbuta mal-proġett u setgħu potenzjalment wasslu li l-proġett jitqies, fil-31 ta’ Diċembru 2016, fi stat ta’ żvilupp tali li huwa probabbli ħafna li jitlesta (dan il-proġett jikkonċerna l-bidu tax-xogħlijiet)?

a)    B’mod partikolari, proġett marbut ma’ installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku jista’ jinkludi wkoll installazzjoni li ma tipproduċix enerġija (bħal impjant tal-pellets tal-injam)?

b)    Ir-risposta għad-domanda preċedenti tiddependi fuq:

i.    jekk l-installazzjoni li ma tipproduċix enerġija hijiex ekonomikament marbuta mal-installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku;

ii.    jekk l-installazzjoni li ma tipproduċix enerġija għandhiex tkun teknikament (bħala enerġija) marbuta mal-installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku; fi kliem ieħor, jekk hijiex dipendenti fuq l-installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku għall-operazzjoni, għall-provvista jew għal raġunijiet oħra bħal dawn;

iii.    jekk il-bini tal-installazzjoni li ma tipproduċix enerġija kienx fih innifisu ekonomikament vijabbli u teknoloġikament sod (sa fejn, pereżempju, kienet ilha topera għal iktar minn għaxar snin u l-iżviluppatur tal-proġett ma ħa ebda passi sabiex jibni l-installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku matul dan iż-żmien)?

c)    B’mod partikolari, installazzjoni li ma tipproduċix enerġija tista’ tifforma parti minn proġett marbut ma’ installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku għas-sempliċi raġuni li huwa ekonomikament iktar vijabbli li din tiġi operata flimkien mal-installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku?

d)    B’mod partikolari, għandu jiġi eżaminat jekk l-installazzjoni li ma tipproduċix enerġija tifformax parti minn proġett marbut ma’ installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku (fi kliem ieħor, jekk l-iżviluppatur tal-proġett setax għażel li jibni l-installazzjoni li ma tipproduċix enerġija fil-każ li ma jkunx ippjana jibni installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku) – jew viċi versa?

2.    Sabiex jiġi evalwat jekk ix-xogħlijiet jistgħux jitqiesu li nbdew għall-finijiet tal-premessa 42 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea SA.47354 tas-6 ta’ Diċembru 2017, għandha titqies biss l-aċċettazzjoni formali ta’ impenji inkundizzjonati u vinkolanti (pereżempju, l-iffirmar tal-kuntratt), jew huwa neċessarju wkoll li jsir eżami sostantiv kull darba sabiex jiġi stabbilit jekk il-proġett kienx fi stat ta’ żvilupp tali li jirrendi t-tlestija tiegħu probabbli ħafna u jekk l-abbandun tal-proġett kienx ukoll ikollu konsegwenzi negattivi sostantivi għall-impriża?

a)    B’mod partikolari, l-istat ta’ żvilupp tal-proġett għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-varjanti kollha tal-bidu tax-xogħlijiet, inkluż il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni?

b)    B’mod partikolari, kif għandha tiġi evalwata s-sustanza tal-impenji meħuda? Jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-proporzjon tal-investimenti li saru / tal-impenji meħuda / tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni assunti / tal-ispejjeż sostnuti mal-valur totali tal-proġett? Hija rilevanti wkoll il-kwistjoni dwar jekk l-impenji meħuda humiex marbuta mal-installazzjoni tal-produzzjoni tal-elettriku jew mal-infrastruttura tal-proġett?

c)    B’mod partikolari, jistgħu x-xogħlijiet jitqiesu li jkunu nbdew fil-każ fejn, qabel il-31 ta’ Diċembru 2016, l-impriża daħlet għal impenji / għamlet investimenti / tat bidu għal xogħlijiet ta’ kostruzzjoni / kisbet tagħmir, iżda l-ispejjeż huma tant żgħar b’paragun mal-kobor tal-proġett kollu li l-proġett ma jistax jitqies li kien fi stat ta’ żvilupp tali li jirrendi t-tlestija tiegħu probabbli ħafna? Liema proporzjon tal-ispejjeż b’paragun mal-valur totali tal-proġett jista’ raġonevolment jitqies li huwa suffiċjenti sabiex isostni s-suppożizzjoni li l-proġett jinsab fi stat ta’ żvilupp tali li jirrendi t-tlestija tiegħu probabbli ħafna?

d)    B’mod partikolari, fl-evalwazzjoni ta’ jekk ix-xogħlijiet jistgħux jitqiesu li nbdew, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi l-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv, jew għandu dan jiġi preżunt, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea SA.47354 tas-6 ta’ Diċembru 2017?

____________