Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fis-26 ta’ Ottubru 2023 – flightright GmbH vs Etihad Airways P.J.S.C.

(Kawża C-642/23, flightright)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: flightright GmbH

Konvenut: Etihad Airways P.J.S.C

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(a) ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 , għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġier ikun ta l-kunsens tiegħu b’mod validu bil-miktub għar-rimbors tal-prezz tal-biljett fil-forma ta’ vawċers għall-ivvjaġġar u ta’ noti ta’ kreditu meta l-passiġġier ikun ħoloq huwa stess, permezz tas-sit internet tal-kumpannija tal-ajru, kont online bħala klijent li fuqu għandhom jiġu ttrasferiti l-vawċers għall-ivvjaġġar u n-noti ta’ kreditu, mingħajr ma jkun ta l-kunsens tiegħu għal dan il-metodu ta’ rimbors permezz tal-firma bl-idejn tiegħu?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari: il-passiġġier jista’ jirtira l-kunsens tiegħu, mogħti b’mod validu, sabiex jikseb ir-rimbors tal-prezz tal-biljett fil-forma ta’ vawċers għall-ivvjaġġar u ta’ noti ta’ kreditu u jerġa’ jitlob il-ħlas fi flus meta l-kumpannija tal-ajru ma tkunx sussegwentement ikkreditat il-vawċers għall-ivvjaġġar u n-noti ta’ kreditu li jkunu ġew imwiegħda fuq il-kont tal-klijent?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.