Language of document : ECLI:EU:F:2009:153

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Novembru 2009 (*)

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Qasam tal-ġlieda kontra l-frodi – Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08 – Impossibbiltà għall-kandidati li jirreġistraw simultanjament għal diversi kompetizzjonijiet – Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrenti għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08”

Fil-Kawża F‑99/08,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Rita Di Prospero, membru tal-persunal temporanju tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Uccle (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Rodrigues u C. Bernard-Glanz, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Berardis‑Kayser u B. Eggers, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla),

komposta minn S. Gervasoni (President), H. Kreppel u H. Tagaras (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors li wasal fir-reġistru tat-Tribunal fit-12 ta’ Diċembru 2008 permezz ta’ faks (filwaqt li l-preżentata tal-oriġinal saret fil-15 ta’ Diċembru 2008), R. Di Prospero ppreżentat din l-azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) li permezz tagħha hija ma tħallietx tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, liema deċiżjoni hija riżultat tal-qari flimkien tal-Avviż ta’ kompetizzjoni, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 16 A, p. 1), li jipprevedi l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 għar-reklutaġġ ta’ amministraturi (AD 8) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi u EPSO/AD/117/08 għar-reklutaġġ ta’ Amministraturi prinċipali (AD 11) fl-istess qasam (iktar ’il quddiem l-“Avviż ta’ kompetizzjoni”), u ta’ messaġġi elettroniċi tal-EPSO indirizzati lir-rikorrenti fis-26 u s-27 ta’ Frar 2008.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) jipprovdi:

“L-ebda ħatra jew promozzjoni m’għandha ssir għal xi skop ieħor barra dak biex jimtela post vojt kif provdut f’dawn ir-Regolament tal-Persunal.

Postijiet vojta f’istituzzjoni għandhom ikunu notifikati lill-persunal ta’ dik l-istituzzjoni hekk kif l-awtorità tal-ħatra tiddeċiedi li l-post għandu jimtela.

Jekk il-post battal ma jistax jimtela minn trasferiment, ħatra għal posizzjoni skond l-Artikolu 45a, jew promozzjoni, dan ikun notifikat lill-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra, u/jew kompetizzjoni interna tkun organizzata.”

3        L-Artikolu 27 tar-Regolamenti jistipula:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.

L-ebda post ma jkun riservat għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

4        L-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti jipprovdi:

“Qabel ma jimtela post battal f’istituzzjoni, l-awtorità tal-ħatra għandha l-ewwel tikkunsidra:

(a)      jekk il-posizzjoni tistax timtela bi:

(i)      trasferiment jew

(ii)      ħatra skond l-Artikoluu 45a, jew

(iii) promozzjoni

ġewwa l-istituzzjoni;

(b)      jekk talbiet għal trasferiment kienux riċevuti mill-uffiċjali ta’ l-istess grad f’istituzzjonijiet oħra, u/jew jekk tinżammx kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, li tkun miftuħa biss għall-uffiċjali u l-persunal temporanju, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet ta’ l-Impieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej;

u mbagħad jimxu mal-proċedura tal-kompetizzjonijiet, fuq il-bażi jew ta’ kwalifikazzjonijiet jew ta’ eżamijiet, [jew] ta’ kwalifikazzjonijiet kif ukoll ta’eżamijiet. L-Anness III jippreżenta l-proċedura tal-kompetizzjoni.

Il-proċedura tista’ l-istess tkun segwita għall-iskop biex tkun kostitwita riserva għall-reklutaġġ futur.”

5        Skont l-Artikolu 1(1) tal-Anness III tar-Regolamenti:

“L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

(a)      l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa, fejn ikun il-każ, komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar);

(b)      it-tip ta’ kompetizzjoni (jekk mhux fuq bażi ta’ jew il-kwalifiki jew l-eżamijiet, jew ta’ kemm il-kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet);

(ċ)      it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fil-posizzjoni li għandha timtela;

(d)      id-diplomi u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali jew il-livell ta’ esperjenza meħtieġa għall-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(e)      meta l-kompetizzjoni hija fuq bażi ta’ eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati;

(f)      fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(g)      fejn ikun il-każ, il-limitu taż-żmien u xi estensjoni tal-limitu taż-żmien fil-każ tal-ħaddiema tal-Komunitajiet li taw mhux anqas minn sena servizz;

(h)      id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet;

(i)      kull eċċezzjoni skond l-Artikolu 28(a) tar-Regolamenti tal-Persunal.

[…]”

6        L-Avviż ta’ kompetizzjoni jipprevedi l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 għar-reklutaġġ ta’ Amministraturi (AD 8) u EPSO/AD/117/08 għar-reklutaġġ ta’ Amministraturi prinċipali (AD 11) fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi. B’mod parallel, l-EPSO organizzat ukoll, dejjem fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi, il-kompetizzjoni EPSO/AST/45/08 għar-reklutaġġ ta’ Assistenti (AST 4), li l-avviż tagħha ġie wkoll ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 16 A, p. 16).

7        Il-ħames paragrafu tat-Titolu 1 tal-Avviż ta’ kompetizzjoni, bl-isem tat-titolu “Dmirijiet u eliġibbiltà”, (iktar ’il quddiem il-“klawżola kkontestata”) hija fformulata kif ġej:

“Il-kandidati huma mitluba jinnotaw il-fatt li l-eżamijiet tal-kompetizzjonijiet [EPSO/AD116/08, EPSO/AD/117/08 u EPSO/AST/45/08] jistgħu jiġu organizzati simultanjament. Għalhekk, il-kandidati jistgħu jirreġistraw ruħhom biss f’waħda minn dawn it-tliet kompetizzjonijiet. Din l-għażla għandha ssir fil-mument meta ssir ir-reġistrazzjoni elettronika u ma tistax tinbidel wara d-data finali tar-reġistrazzjoni.”

8        Fil-Punt B(b) tat-Titolu I tal-Avviż ta’ kompetizzjoni, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eliġibbiltà, hemm ipprovdut:

“[…]

2. Esperjenza professjonali

EPSO/AD/116/08

Amministraturi (AD 8)

Il-kandidati jeħtieġu:

–        wara l-kwalifika rikjesta […],

[jew]

–        wara l-kwalifika u l-esperjenza professjonali rikjesti […]

li jkunu kisbu esperjenza professjonali ta’ mill-inqas disa’ snin, li tal-inqas nofshom għandhom ikunu marbuta mal-ġlieda kontra l-frodi.

EPSO/AD/117/08

Amministraturi prinċipali (AD 11)

Il-kandidati jeħtieġu:


–        wara l-kwalifika rikjesta […],

[jew]

–        wara l-kwalifika u l-esperjenza professjonali rikjesti […]

li jkunu kisbu esperjenza professjonali ta’ mill-inqas sittax-il sena, li tal-inqas nofshom għandhom ikunu marbuta mal-ġlieda kontra l-frodi.

[…]”

9        Id-data finali stabbilita għar-reġistrazzjoni elettronika għall-kompetizzjonijiet EPSO/AD/l16/08 u EPSO/AD/117/08 kienet is-26 ta’ Frar 2008.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Ir-rikorrenti, membru tal-persunal temporanju tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), ressqet, fis-26 ta’ Frar 2008, il-kandidatura tagħha online fil-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08. Meta mbagħad hija xtaqet tirreġistra wkoll, online, għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, hija ma setgħetx tagħmel dan peress li s-sit tal-internet tal-EPSO ma ppermettilhiex li tagħmel dan. Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, hija talbet lill-EPSO jaċċetta l-kandidatura tagħha għal din il-kompetizzjoni tal-aħħar; l-EPSO rrispondiha, dejjem fis-26 ta’ Frar 2008, li l-Avviż ta’ kompetizzjoni kien jipprovdi li l-kandidati setgħu jressqu l-kandidatura tagħhom biss f’waħda mit-tliet kompetizzjonijiet. L-għada, fis-27 ta’ Frar 2008, l-EPSO ikkonfermalha din l-informazzjoni.

11      Fis-26 ta’ Mejju 2008, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni tal-EPSO li ma tħallihiex tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08. Permezz ta’ nota tat-2 ta’ Settembru 2008, innotifikata fl-4 ta’ Settembru 2008, l-EPSO ċaħad dan l-ilment.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

12      Ir-rikorrenti titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-EPSO li ma tħallihiex tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura meħuda skont l-Artikolu 56 tar-Regoli tal-Proċedura u miġjuba għall-attenzjoni tal-partijiet permezz ta’ ittri tas-6 ta’ April 2009, it-Tribunal talab xi kjarifiki mingħand il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni aderixxiet għal dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni fit-terminu stabbilit.

 L-argumenti tal-partijiet

15      Insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti flimkien mal-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti, sa fejn il-klawżola kkontestata żżid “impliċitament iżda neċessarjament” kundizzjoni “għad-dritt li wieħed jikkompeti”, li la hija prevista u lanqas awtorizzata mir-Regolamenti. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u ta’ prinċipji li jirriżultaw minnu għall-implementazzjoni tiegħu, peress li l-klawżola kkontestata għandha l-konsegwenza – skont ir-rikorrenti – li minn naħa, ma tippermettix li jsir reklutaġġ ta’ uffiċjali li jkollhom “l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità” u min-naħa l-oħra, ma tippermettix reklutaġġ ta’ uffiċjali “magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli”.

16      Il-Kummissjoni, wara li, minn naħa, indikat li fir-realtà r-rikorrenti qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-klawżola kkontestata u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari fis-seduta, qajmet il-kwistjoni tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti, titlob li l-motivi jiġu miċħuda bħala infondati. Hija ssostni b’mod partikolari li l-klawżola kkontestata ma hijiex inkompatibbli mal-għan previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u li din ġiet adottata b’mod konformi mal-interess tas-servizz kif ukoll mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

 Fuq l-interess ġuridiku

17      Il-Kummissjoni qajmet, b’mod impliċitu fl-atti tagħha u sussegwentement b’mod espliċitu fis-seduta, il-kwistjoni tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fatt, hija sostniet li, f’kull każ, ir-rikorrenti ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eliġibbiltà għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 marbuta mal-esperjenza professjonali, peress li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq total ta’ sittax-il sena ta’ esperjenza professjonali inkwantu ż-żmien użat għall-kitba tat-teżi tad-dottorat tagħha ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bħala tali esperjenza.

18      F’dan ir-rigward, mill-applikazzjoni tar-rikorrenti bħala kandidat għall-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 jirriżulta li hija ddikjarat li kellha esperjenza professjonali ta’ tlettax-il sena u sitt xhur, li – skontha – disa’ snin u xahrejn minnhom kienu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi, u dan mingħajr it-tliet snin ta’ dottorat li matulhom hija kienet, għal perijodu ta’ sentejn, assistenta l-Università; barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li, dwar dan il-perijodu ta’ dottorat, ir-rikorrenti kienet staqsiet lill-EPSO permezz ta’ posta elettronika tal-1 ta’ Frar 2008 (jiġifieri qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-kompetizzjoni) fuq il-possibbiltà li dan jitqies bħala esperjenza professjonali, u f’dan ir-rigward l-EPSO wieġeb li tali mostoqsija kienet kwistjoni li tiġi ttrattata mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni.

19      Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ esperjenza professjonali rikjesta għandu jiġi interpretat biss fid-dawl tal-għanijiet tal-kompetizzjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mid-deskrizzjoni ġenerali tad-dmirijiet li għandhom jitwettqu (ara s-sentenza tat-Tribunal tat-22 ta’ Mejju 2008, Pascual-García vs Il-Kummissjoni, F‑145/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 64).

20      Huwa minnu li, li fil-kuntest tat-tweġibiet tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni indikat li, għall-finijiet ta’ eleġibbiltà tal-kandidati għall-kompetizzjonijiet EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08, il-Bord tal-Għażla kien aċċetta biss bħala esperjenza professjonali rikjesta esperjenza “professjonali effettiva, normalment ibbażata fuq kuntratt ta’ xogħol” u li s-sena jew s-snin iddedikati għall-kitba ta’ teżi ta’ dottorat ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, ħlief għaż-“żmien (part-time) kopert b’kuntratt ta’ xogħol, pereżempju bħala assistent universitarju”. Madankollu, ladarba n-nuqqas ta’ eleġibbiltà tar-rikorrenti għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 ma tirriżultax minn deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla li jikkonstata n-nuqqas tagħha li tissodisfa l-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali ta’ sittax-il sena, iżda mill-impossibbiltà pura u sempliċi li tirreġistra għal din il-kompetizzjoni, impossibbiltà prattika li tirriżulta mis-sistema tal-informatika applikata mill-EPSO għar-reġistrazzjoni għall-kompetizzjonijiet inkwistjoni (iċċitati fil-punt 6 ta’ din is-sentenza) u kkonfermata u spjegata bl-ittri tal-EPSO tas-26 u s-27 ta’ Frar 2008, is-sempliċi affermazzjoni tal-Kummissjoni, hawn fuq riprodotta, ma hijiex biżżejjed sabiex twassal lit-Tribunal għall-konklużjoni li jiċħad ir-rikors bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku.

21      Fl-ewwel lok, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex akkompanjata minn dikjarazzjoni bil-miktub tal-Bord tal-Għażla li tiċċertifika dak li huwa kkunsidra fir-rigward tas-snin iddedikati għall-kitba ta’ teżi ta’ dottorat bħala esperjenza professjonali, u lanqas ma hemm forom oħra ta’ prova, bħal riferimenti konkreti għal każijiet simili jew identiċi għal dak tar-rikorrenti, jiġifieri każijiet ta’ kandidati li kienu rreġistraw għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 iżda l-kandidatura tagħhom ma ġietx aċċettata peress li ma kinitx osservata l-kundizzjoni dwar l-esperjenza professjonali minħabba l-fatt li l-kitba ta’ teżi ta’ dottorat, mingħajr kuntratt ta’ xogħol bħala assistent universitarju, ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni bħala l-imsemmija esperjenza. Min-naħa l-oħra, fis-seduta, ir-rikorrenti sostniet (ċertament, mingħajr il-konferma tal-Kummissjoni, li madankollu lanqas ma kkontradiċietha, iżda sempliċement indikat li setgħet eventwalment tivverifika dan) li, fost il-kandidati magħżula tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, kien hemm kandidat li indika sena mgħoddija f’“law school” ġewwa l-Ingilterra bħala esperjenza professjonali.

22      Fit-tieni lok, huwa ċertament veru li l-Bordijiet tal-Għażla ta’ kompetizzjoni għandhom, bħala prinċipju, setgħa diskrezzjonali fl-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati bħala kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għal kompetizzjoni, kemm fir-rigward tan-natura u t-tul tagħha u kif ukoll fir-rigward tar-rabta, xi ftit jew wisq mill-qrib, li hija jista’ jkollha mar-rekwiżiti tal-pożizzjoni li għandha timtela u li, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha dwar il-legalità, il-qorti Komunitarja għandha sempliċement tivverifika li l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni ma jkunx ivvizzjat minn żball manifest (ara s-sentenza Pascual-García vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, anki jekk wieħed jippreżumi li, fil-każ ineżami, il-Bord tal-Għażla stabbilixxa linja gwida li skontha ż-żmien iddedikat għall-kitba ta’ teżi ta’ dottorat ma kienx jgħodd bħala esperjenza professjonali, din il-linja gwida kienet neċessarjament stabbilita u miżmuma għar-rigward tal-kandidati eliġibbli (li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Għażla kellu jeżamina l-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali) u, f’kull każ, mingħajr ma qies il-każ partikolari tar-rikorrenti (jew, fejn applikabbli, ta’ persuni oħra miżmuma wkoll milli jirreġistraw għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08); issa, huwa probabbli li l-esperjenza professjonali ta’ dawn il-persuni tal-aħħar, inkluża tar-rikorrenti, kellha aspetti partikolari ta’ natura li jwasslu lill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni sabiex jevalwa b’mod differenti l-kundizzjoni tal-esperjenza professjonali. B’dan il-mod, xejn ma jeskludi l-possibbiltà li jekk il-Bord tal-Għażla kellu għarfien tal-esperjenza professjonali tar-rikorrenti (jew ta’ persuni oħra li r-reġistrazzjoni tagħhom ġiet irrifjutata), dan kien jistabbilixxi linja gwida differenti, billi jaċċetta l-possibbiltà li jieħu inkunsiderazzjoni bħala esperjenza professjonali perijodu partikolari ta’ kitba tat-teżi mingħajr kuntratt ta’ xogħol bi ħlas, anki jekk taħt kundizzjonijiet (bħal pereżempju, li l-ħin użat biss għall-kitba ma jaqbiżx perċentwali partikolari tal-ħin li matulu, fil-kuntest tar-redazzjon tat-teżi, il-parti kkonċernata tokkupa pożizzjoni ta’ xogħol bi ħlas, bħala assistent universitarju jew pożizzjoni oħra), jew kien jaċċetta eċċezzjonijiet f’każijiet partikolari (bħal pereżempju, meta s-suġġetti ta’ teżi jkollhom rabta partikolarment mill-qrib mal-qasam previst mill-Avviż ta’ kompetizzjoni).

23      Fit-tielet lok, minkejja li fir-rigward ta’ kwistjoni simili, it-Tribunal, sabiex jikkunsidra li perijodu ta’ studji ta’ dottorat kienu korrettament meqjusa bħala esperjenza professjonali, irrefera espressament għall-fatt li l-attivitajiet ta’ riċerka inkwistjoni ma kinux biss reali u effettivi, iżda wkoll bi ħlas, xejn fir-raġonament jew fit-termini tas-sentenza tat-Tribunal, mogħtija f’ċirkustanzi ta’ fatt partikolari, ma jippermetti interpretazzjoni fis-sens li, sabiex ikun ikklassifikat bħala esperjenza professjonali, ix-xogħol marbut mal-preparazzjoni ta’ dottorat għandu, f’kull każ, jinvolvi wkoll servizzi bi ħlas u li deċiżjoni kuntrarja ta’ Bord tal-Għażla ta’ kompetizzjoni tikkostitwixxi żball manifest (ara s-sentenza Pascual-García vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57, 65 u 66).

24      Fir-raba’ lok, fil-każ li r-rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, ir-rikorrenti tiġi mċaħħda mid-dritt tagħha li l-Bord tal-Għażla nnifsu jeżamina, fil-kuntest partikolari tal-kandidatura li hija ssottomettiet, il-kwistjoni ġenerali ta’ jekk il-ħin ddedikat għar-redazzjoni ta’ teżi ta’ dottorat għandux jittieħed inkunsiderazzjoni bħala esperjenza professjonali rikjesta minn Avviż ta’ kompetizzjoni; dan, filwaqt li, minħabba b’mod partikolari s-setgħa diskrezzjonali li l-Bordijiet tal-Għażla għandhom fl-evalwazzjoni tal-esperjenza professjonali, ma hemmx fuq din il-kwistjoni ġursiprudenza ċara u ta’ portata ġenerali u l-EPSO stess, meta r-rikorrenti staqsietu fir-rigward, ma setax jirrispondiha u sempliċement indika li hija kwistjoni li tiġi ttrattata mil-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni (ara l-punt 18 ta’ din is-sentenza).

25      Minn dan jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq it-talbiet għal annullament

 Fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u l-ġurisprudenza dwar is-setgħa diskrezzjonali u l-interess tas-servizz

26      Huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti, li jipprovdi li r-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, huma bbażati fuq l-għan fundamentali li kull uffiċjal tal-Komunitajiet Ewropej ikollu kwalitajiet ta’ livell għoli ħafna.

27      Huwa veru li l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina l-kriterji ta’ kapaċità rikjesti għall-postijiet ta’ xogħol li għandhom jimtlew u sabiex tispeċifika, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Frar 2005, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑256/01, ĠabraSP p. I‑A‑23 u II‑99, punt 36, u tas-27 ta’ Settembru 2006, Blackler vs Il-Parlament, T‑420/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑185 u II‑A‑2‑943, punt 45, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, skont il-qorti Komunitarja, l-Artikoli 4 u 29 tar-Regolamenti jipprovdu lill-Awtorità tal-Ħatra diversi possibbiltajiet sabiex tali setgħa tiġi eżerċitata meta postijiet ta’ xogħol vojta f’istituzzjoni jkunu se jimtlew; bl-istess mod l-Artikolu 1 tal-Anness III tar-Regolamenti jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra setgħa diskrezzjonali estiża fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Novembru 1990, Bataille et vs Il-Parlament, T‑56/89, Ġabra p. II‑597, punt 42).

28      Madankollu, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-istituzzjonijiet għandhom fil-qasam tal-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kandidati, huwa llimitat mir-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mad-dispożizzjonjiet mandatorji tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti. Fil-fatt, “huwa b’mod mandatorju li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 jiddefinixxi l-għan ta’ kull reklutaġġ” (ara s-sentenzi Bataille et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 1997, de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, T‑40/96 u T‑55/96, ĠabraSP p. I‑A‑47 u II‑135, punt 40, dawn is-sentenzi jirreferu wkoll għall-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti).

29      Fir-rigward b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà għal kompetizzjoni, u lil hinn ukoll mill-obbligu għall-istituzzjoni li, minn naħa, tagħmel l-għażla fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha fid-dawl tar-rekwiżiti marbuta mal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew u b’mod iktar ġenerali fid-dawl tal-interess tas-servizz u, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-kundizzjoni kkontestata u dawn ir-rekwiżiti u interess (ara s-sentenzi Noonan vs Il-Kummissjoni, T‑60/92, Ġabra p. II‑215, punt 43, u de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), ġie deċiż li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti jibqa’ jorbot lill-Awtorità tal-Ħatra u kemm ir-rekwiżiti marbuta mal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew u kif ukoll l-interess tas-servizz jistgħu biss jiġu interpretati fid-dawl tal-osservanza sħiħa ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). B’dan il-mod, il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà ta’ kull kompetizzjoni, li jirriżultaw mir-rekwiżiti u l-interess hawn fuq imsemmija, għandhom f’kull każ jibqgħu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti.

30      Madankollu, minkejja li l-klawżoli li jillimitaw ir-reġistrazzjoni ta’ kandidati għal kompetizzjoni jistgħu jnaqqsu l-possibbiltajiet tal-istituzzjoni li tirrekluta l-aħjar kandidati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti, dan ma jfissirx li kull klawżola li għandha tali limitazzjoni tmur kontra l-artikolu hawn fuq imsemmi. Fil-fatt, is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, u b’mod iktar ġenerali l-interess tas-servizz, jagħtu lill-istituzzjoni d-dritt li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li hija tqis xierqa u li, filwaqt li jillimitaw l-aċċess ta’ kandidati għal kompetizzjoni, u għalhekk neċessarjament in-numru ta’ kandidati rreġistrati, ma jinvolvux madankollu r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti.

31      B’dan il-mod, u fir-rigward ta’ kundizzjoni li tirrikjedi esperjenza professjonali ta’ tliet snin bħala membru tal-persunal temporanju, kundizzjoni li l-Kummissjoni, filwaqt li kkunsidrat li huwa “paċifiku li l-membri tal-persunal temporanju għandhom il-kwalitajiet tal-ogħla livell rikjesti mill-[ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti]”, daħħlet f’Avviż ta’ kompetizzjoni għal ħatra ta’ uffiċjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat li l-imsemmija kundizzjoni kienet konformi mar-Regolamenti, billi rrilevat, fost affarijiet oħra, li l-membri tal-persunal aċċettati sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ ħatra ta’ uffiċjali “wrew […] bis-servizzi tagħhom bħala membri tal-persunal temporanju li kienet timmeritahom” il-possibbiltà li jsiru uffiċjali (sentenza de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45 u 47).

32      Min-naħa l-oħra, jekk il-kundizzjonijiet li jillimitaw l-aċċess ta’ kandidati għal kompetizzjoni jinvolvu r-riskju msemmi fil-punt 30, jiġifieri r-riskju li jiġi ppreġudikat l-għan li tiġi żgurata r-reġistrazzjoni ta’ kandidati li jkollhom kwalitajiet tal-ogħla livell, il-kundizzjonijiet inkwistjoni jkunu kkunsidrati li jmorru kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti.

33      B’dan il-mod ġie deċiż, minn naħa, u fir-rigward b’mod partikolari tal-interess tas-servizz, li sa fejn il-kundizzjoni msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, marbuta ma’ anzjanità ta’ servizz ta’ tliet snin, kienet barra minn hekk tipprevedi li l-perijodu ta’ servizz mal-istituzzjoni kellu jkun mingħajr interruzzjoni, din il-kundizzjoni addizzjonali kienet ċertament iġġustifikata biss mid-diffikultajiet ta’ natura prattika li l-istituzzjoni kellha fl-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet interni, fid-dawl tan-numru għoli ta’ membri tal-persunal li jissodisfaw sempliċi kundizzjoni ta’ tliet snin ta’ anzjanità, u li, għalhekk, din kienet inkompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u ma setgħetx tikkostitwixxi fiha nfisha interess leġittimu tal-istituzzjoni (ara s-sentenza de Kerros u Kohn-Bergé vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48 sa 51). Minn dan jirriżulta li l-kunsiderazzjonijiet ta’ natura purament prattika, marbuta mad-diffikultajiet materjali ta’ organizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kompetizzjonijiet, ma jaqgħux taħt l-interess tas-servizz.

34      Min-naħa l-oħra, u b’mod iktar ġenerali, ġie deċiż li l-fatt li l-membri tal-persunal temporanju tal-istituzzjoni, li ma jkunux ġew irreklutati mil-listi ta’ riżerva stabbiliti wara kompetizzjonijiet ġenerali esterni, jiġu esklużi minn kompetizzjoni ma jistax jikkostitwixxi mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u jista’ wkoll iwassal għal riżultat li jmur kontra l-mira tal-imsemmi artikolu, jiġifieri jwassal għall-konsegwenza li jiġi eskluż kandidat li jkollu l-istess kwalifiki jew, possibbilment, kwalifiki aħjar minn dawk il-kandidati l-oħra aċċettati sabiex jikkompetu (ara s-sentenza Bataille et vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). Barra minn hekk, l-interess tas-servizz ma jistax jiġġustifika d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tirriżerva l-aċċess għal kompetizzjoni interna biss għal membri tal-persunal temporanju tagħha u mhux għall-uffiċjali tagħha; u dan, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li kull proċedura ta’ reklutaġġ għandha twassal għal ħatra ta’ uffiċjali li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, filwaqt li xejn ma jindika li l-uffiċjali esklużi ma għandhomx kapaċitajiet ugwali, jekk mhux ta’ livell ogħla minn dawk tal-membri tal-persunal temporanju kkonċernati (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Novembru 1998, Carrasco Benítez vs Il-Kummissjoni, T‑294/97, ĠabraSP p. I‑A‑601 u II‑1819, punt 51).

35      Minn dan jirriżulta li, sabiex tkun legali, kull klawżola ta’ eleġibbiltà għal kompetizzjoni għandha tosserva kundizzjoni doppja, li teżiġi, fl-ewwel parti tagħha, li l-klawżola tkun iġġustifikata minn rekwiżiti marbuta mal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew u, b’mod iktar ġenerali, mill-interess tas-servizz u, fit-tieni parti tagħha, li din tosserva l-mira tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti. Minkejja li, ħafna drabi, dawn iż-żewġ partijiet jidħlu ħafna fuq xulxin, huma xorta waħda jirriflettu kunċetti distinti.

 Fuq il-każ ineżami

36      Hemm lok li nibdew billi nindikaw li bl-invokar tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti insostenn tat-talbiet tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-EPSO li permezz tagħha hija ma tħallietx tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, ir-rikorrenti qiegħda tqajjem fir-realtà eċċezzjoni ta’ illegalità tal-klawżola kkontestata.

37      Qabelxejn għandna l-ewwel nagħmlu żewġ osservazzjonijiet ta’ natura ġenerali, dwar il-każ fejn ikun hemm żewġ kompetizzjonijiet jew iktar (jew diversi partijiet tal-istess kompetizzjoni) organizzati simultanjament bil-għan li jimtlew postijiet tax-xogħol fl-istess qasam ta’ attività Komunitarja, bl-unika differenza bejn dawn il-kompetizzjonijiet (jew partijiet ta’ kompetizzjoni) tkun tirrigwarda l-livell tat-taħriġ professjonali u/jew tal-esperjenza professjonali rikjesta fl-imsemmi qasam u, għalhekk, il-kategorija jew il-grad tad-dħul fis-servizz. Dan huwa l-każ f’din il-kawża fir-rigward tal-kompetizzjonijiet EPSO/AD/116/08, EPSO/AD/117/08 u EPSO/AST/45/08, li ġew organizzati simultanjament sabiex jimtlew postijiet tax-xogħol vojta ta’ Assistenti (AST 4), Amministraturi (AD 8) u Amministraturi prinċipali (AD 11) rispettivament, fi ħdan l-OLAF, fil-qasam speċifiku ħafna tal-ġlieda kontra l-frodi.

38      L-ewwel osservazzjoni tipprevedi b’mod partikolari l-kompetizzjonijiet li jirrigwardaw qasam strettament definit tal-attività Komunitarja, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, u tinkludi konstatazzjoni doppja. Minn naħa, minkejja li huwa paċifiku li l-possibbiltà għall-kandidati li jaċċedu simultanjament għal diversi kompetizzjonijiet (jew partijiet ta’ kompetizzjoni) organizzati b’mod parallel tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ numru ikbar ta’ kandidati għal kull waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet u, għalhekk, ir-reklutaġġ ta’ uffiċjali magħżula “mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli”, li n-neċessità tagħha ġiet rikonoxxuta f’diversi okkażjonijet mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1965, Rauch vs Il-Kummissjoni, 16/64, Ġabra p. 179, 190 ; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Jannar 2003, Angioli vs Il-Kummissjoni, T‑53/00, ĠabraSP p. I‑A‑13 u II‑73, punt 50, u tat-8 ta’ Novembru 2006, Chetcuti vs Il-Kummissjoni, T‑357/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑255 u II‑A‑2‑1323, punt 48), dan in-numru, fid-dawl tad-definizzjoni ipotetikament stretta tal-qasam kopert mill-kompetizzjoni, ma jistax normalment ikun eċċessivament għoli. Min-naħa l-oħra, jekk il-bżonn li jiġu mfittxija u rreklutati l-aħjar kandidati jiffavorixxi neċessarjament aċċess għall-kompetizzjonijiet miftuħ għall-kandidati kollha li jista’ jkollhom il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà, dan japplika b’iktar saħħa fir-rigward ta’ kompetizzjonijiet f’oqsma strettament iddefiniti tal-attività Komunitarja, minħabba n-numru definittivament iżgħar ta’ persuni li għandhom it-taħriġ professjonali u l-esperjenza professjonali speċifiċi rikjesti mill-Avviżi tal-kompetizzjonijiet li jinvolvu dawn l-oqsma.

39      It-tieni osservazzjoni tikkonċerna r-reazzjonijiet prevedibbli tal-kandidati fir-rigward tal-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni simultanja f’diversi kompetizzjonijiet (jew partijiet ta’ kompetizzjoni) li jsiru simultanjament. Minkejja li ma huwiex possibbli li jsiru suppożizzjonijiet fl-astratt dwar l-użu li l-kandidati jagħmlu minn possibbiltà bħal din, għandu jiġi kkonstatat li l-kandidati li jissodisfaw biss il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà għal kompetizzjoni li tirrikjedi inqas kapaċitajiet ma jkollhom ebda interess jirreġistraw għall-kompetizzjonijiet li l-livell tal-kapaċitajiet meħtieġa tagħhom ikun ogħla u ma jkollhom għalhekk ebda raġuni għal xiex jagħmlu dan (inkwantu dawn jistgħu jistennew biss li l-kandidatura tagħhom tiġi miċħuda minħabba li l-kundizzjonijiet rikjesti ma jkunux milħuqa), u l-kwistjoni tqum biss fir-rigward ta’ dawk li t-taħriġ u l-esperjenza professjonali tagħhom tkun tinsab “fil-konfini” tar-rekwiżiti tal-kompetizzjoni li timponi l-ogħla kundizzjonijiet (bħalma huwa l-każ tar-rikorrenti f’din il-kawża); issa, normalment, dawn il-kandidati tal-aħħar jirrapreżentaw biss perċentwali dgħajfa tal-intier tal-kandidati. Ċertament, fir-rigward tal-kandidati li, filwaqt li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kompetizzjoni li timponi l-ogħla kundizzjonijiet, jissodisfaw ukoll, b’mod definittiv, dawk ta’ kompetizzjoni ta’ livell inferjuri, jista’ jiġi sostnut (u l-Kummissjoni għamlet dan fis-seduta) li, b’mod partikolari matul kriżi ekonomika u fid-dawl tal-vantaġġi ta’ karriera fl-istituzzjonijiet, huma jibqgħalhom interess li jkunu kandidati ukoll għal din il-kompetizzjoni tal-aħħar, peress li din iżżidilhom il-possibbiltajiet li jiġu rreklutati mill-istituzzjonijiet Komunitarji. Madankollu, huwa wkoll probabbli li l-maġġoranza kbira ta’ dawn il-kandidati (u, b’mod partikolari, dawk li l-kompetenzi u l-esperjenza professjonali tagħhom ikunu b’mod ċar f’livell ogħla mill-minimi ffissati mill-Avviż tal-kompetizzjoni li jkollu l-inqas rekwiżiti) tkun tixtieq, fid-dawl preċiżament tal-livell għoli tal-kapaċitajiet u l-esperjenza professjonali li dawn il-kandidati jkollhom, li tikkompeti biss fil-kompetizzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tagħha jkunu iktar onerużi u li l-postijiet tax-xogħol tagħha li jkunu se jimtlew, minn banda, jippermettu aċċess għall-grad l-iktar għoli, u mill-banda l-oħra, jirrikjedu kapaċitajiet ta’ livell ogħla u, fl-aħħar nett, jinvolvu responsabbiltajiet ikbar; barra minn hekk, bl-ebda mod ma huwa stabbilit (pereżempju, permezz ta’ studji, statistiċi, eċċ.) li numru sostanzjali ta’ dawn il-kandidati japplikaw fil-fatt għall-kompetizzjoni ta’ livell inferjuri, li tagħtihom biss possibbiltà ta’ xogħol f’livell differenti mil-livell, ipotetikament ogħla, tal-istudji, it-taħriġ u l-esperjenza professjonali tagħhom.

40      F’din il-kawża, ma huwiex ikkontestat, minn naħa, li l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni simultanja għall-kompetizzjonijiet EPSO/AD/116/08, EPSO/AD/117/08 u EPSO/AST/45/08 kien ikollha bħala konsegwenza r-reġistrazzjoni ta’ numru ikbar ta’ kandidati għal kull waħda mill-kompetizzjonijiet u, min-naħa l-oħra u bħala konsegwenza, li l-klawżola kkontestata tillimita l-aċċess tal-kandidati potenzjali għall-imsemmija kompetizzjonijiet. Fil-fatt, minkejja li l-klawżola kkontestata ma għandhiex bħala effett immedjat u dirett l-esklużjoni totali ta’ kandidat mill-kompetizzjonijiet inkwistjoni, inkwantu, kif tirrileva l-Kummissjoni, hija tobbligah biss li jagħżel minn fost il-kompetizzjonijiet, jibqa’ xorta waħda l-fatt li tali klawżola tipprekludi r-reġistrazzjoni f’waħda mill-kompetizzjonijiet hawn fuq imsemmija ta’ kandidat li jkollu, għall-kompetizzjoni inkwistjoni, l-istess kwalifiki jew possibbilment kwalifiki aħjar minn dawk ta’ kandidati oħra aċċettati sabiex jikkompetu; dan huwa l-każ b’mod partikolari meta kandidati li, filwaqt li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, irreġistraw għal xi waħda minn dawn iż-żewġ kompetizzjonijiet tal-grad AD u ma setgħux jirreġistraw għall-oħra, kif ukoll dawk, bħar-rikorrenti li, filwaqt li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08, iżda kellhom dubji fir-rigward ta’ jekk kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, irreġistraw fl-ewwel waħda, iżda ma setgħux jikkompetu fit-tieni waħda.

41      Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk il-limitazzjoni imposta mill-klawżola kkontestata f’din il-kawża taqax taħt il-każijiet previsti fil-punt 30 ta’ din is-sentenza u, b’mod iktar ġenerali, jekk din tissodisfax il-kundizzjoni doppja kkunsidrata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, jiġifieri jekk din, filwaqt li tillimita l-aċċess tal-kandidati għal kompetizzjoni u għalhekk neċessarjament in-numru ta’ kandidati rreġistrati, hijiex minn naħa ġġustifikata mir-rekwiżiti marbuta mal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew u, b’mod partikolari, mill-interess tas-servizz u, min-naħa l-oħra, jekk din tosservax l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti.

42      Il-Kummissjoni rrispondiet fl-affermattiv għal din id-domanda, billi ressqet serje ta’ motivi intiżi b’mod partikolari sabiex juru li l-klawżola kkontestata hija ġġustifikata mill-interess tas-servizz. B’mod partikolari, skont il-Kummissjoni, il-klawżola kkontestata ppermettiet, fl-ewwel lok, li titħaffef il-proċedura ta’ reklutaġġ, fit-tieni lok, li tiġi ffavorita kompetizzjoni omoġenja fi ħdan il-grupp ta’ kandidati rreġistrati għal kull waħda mill-kompetizzjonijiet, fit-tielet lok, li jiġi evitat li jkun hemm l-istess kandidati li jgħaddu miż-żewġ kompetizzjonijiet fil-livell ta’ AD inkwistjoni, fir-raba’ lok, li jiġu evitati r-riskji marbuta mad-data ta’ organizzazzjoni tal-eżamijiet li jistgħu jsiru fl-istess jum għad-diversi kompetizzjonijiet, fil-ħames lok, li tiġi osservata l-ugwaljanza bejn il-kandidati, inkwantu xi wħud minnhom jistgħu b’mod iktar faċli jieħdu jiem ta’ leave u għalhekk jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet kollha filwaqt li oħrajn ma għandhomx l-istess faċilitajiet sabiex jieħdu dawn il-jiem u jkollhom jagħżlu minn fost il-kompetizzjonijiet, fis-sitt lok, li jiġu evitati spejjeż addizzjonali ta’ kiri ta’ postijiet u ta’ xiri ta’ materjal, kif ukoll ta’ spejjeż marbuta mal-mistoqsijiet peress li dawn jiġu ppreparati u pprovduti lill-Kummissjoni minn konsulenti esterni, li fir-rigward ta’ dawn il-mistoqsijiet jibagħtu kontijiet separatament b’rati ta’ ħlas għolja.

43      L-ewwel motiv ma jistax jintlaqa’ peress li, minkejja li l-għan li jitħaffu l-proċeduri tal-għażla u tar-reklutaġġ jista’ jaqa’ taħt l-interess tas-servizz sa fejn dan il-għan ma għandux biss natura purament organizzattiva (ara l-punt 33 ta’ din is-sentenza), ma ġiex allegat, u wisq inqas ipprovat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, dan il-għan ma jmurx kontra d-dispożizzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti, li n-natura mandatorja tagħha ġiet irrikonoxxuta f’diversi okkażjonijiet mill-ġurisprudenza; min-naħa l-oħra, l-argument tal-Kummissjoni jista’ biss jiġi interpretat fis-sens li din tat prijorità lill-għan li l-proċeduri jitħaffu fil-konfront tal-għan tar-reklutaġġ ta’ kandidati li jkollhom il-kwalitajiet tal-ogħla livell fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti. Fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ telf ta’ żmien li l-klawżola kkontestata ffavorixxiet huwa relattivament limitat u mingħajr rabta ta’ proporzjonalità mal-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u r-restrizzjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-kompetizzjoni kkawżati minn din l-istess klawżola. Ċertament fis-seduta, insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni osservat b’mod partikolari li numru ikbar ta’ kandidati rreġistrati għal kull waħda mill-kompetizzjonijiet kien ikollu l-konsegwenza li jtawwal iż-żmien tal-korrezzjoni tal-eżamijiet tal-għażla preliminari għaż-żewġ kompetizzjonijiet li għalihom ir-rikorrenti xtaqet tirreġistra, u b’mod partikolari l-istadju li matulu l-kandidati għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw il-punti mogħtija lilhom, kontestazzjonijiet li fir-rigward tagħhom l-istituzzjoni għandha tipproċedi, każ b’każ, sabiex tagħmel il-verifiki xierqa. Madankollu, kif barra minn hekk il-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta, il-korrezzjoni tal-eżamijiet tal-għażla preliminari hija awtomatika u kompjuterizzata; fir-rigward tal-allegazzjonijiet dwar id-dewmien li jkun hemm mill-kontestazzjonijiet tar-riżultati li jista’ jkun hemm u mill-verifiki li dawn il-kontestazzjonijiet jimplikaw, kontestazzjonijiet u verifiki li jiżdiedu fin-numru, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet jitilqu mill-premessa ta’ żieda sostanzjali fin-numru ta’ kandidati għal kull kompetizzjoni, premessa li ma ġietx stabbilita (ara l-ewwel konstatazzjoni magħmula fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 39 tagħha) u lanqas ma ġiet issostanzjata bl-iċken prova min-naħa tal-Kummissjoni. Għalhekk, din tal-aħħar ma għandhiex bażi tajba sabiex tinvoka, insostenn tal-pożizzjoni tagħha, kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq ħtieġa li jitħaffu l-proċeduri tal-għażla preliminari u tar-reklutaġġ.

44      Permezz tat-tieni motiv invokat fuq il-bażi tal-interess tas-servizz, il-Kummissjoni tallega li l-klawżola kkontestata tippermetti li tiġi ffavorita kompetizzjoni omoġenja fi ħdan il-grupp ta’ kandidati rreġistrati għal kull waħda mill-kompetizzjonijiet, peress li din tobbliga lill-kandidati jagħmlu għażla li tippermetti l-organizzazzjoni ta’ żewġ kompetizzjonijiet marbuta mill-qrib ma’ kompetizzjoni iktar ġusta intiża sabiex jinkisbu riżultati li jkunu wkoll iktar adattati għall-profili tal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew. Tali għan jista’ jkun kompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti, inkwantu t-tfittxija ta’ kandidati li jkollhom l-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità ma tistax issir fl-astratt, iżda fid-dawl tal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew; issa, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-amministrazzjoni tista’ tasal sabiex tikkunsidra, b’mod partikolari, li l-kandidati bi kwalifiki eċċessivi għar-rigward tal-postijiet tax-xogħol li huma jokkupaw ma humiex f’pożizzjoni li jipprovdu lill-istituzzjoni bil-kwalitajiet tal-“ogħla livell” tagħhom jew, b’mod iktar ġenerali, li proċedura ta’ kompetizzjoni, b’mod konformi man-nutura komparattiva tagħha, tista’ ssir biss bejn kandidati li jkollhom profili komparabbli. Madankollu, f’dan ir-rigward u fil-kuntest ta’ avviż ta’ kompetizzjoni intiż għal postijiet tax-xogħol li jaqgħu fil-kategorija Ċ (li jikkorrispondu għal dmirijiet klerikali li jeħtieġu għarfien ta’ livell ta’ edukazzjoni sekondarja jew esperjenza professjonali ekwivalenti) u li jipprekludi l-aċċess għall-kompetizzjoni ta’ kandidati li jkollhom diploma universitarja, ġie deċiż, fid-dawl tal-għan mandatorju stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti, li l-pussess ta’ grad universitarju ma jistax, minn naħa, jipprekludi l-imsemmija kandidati milli jwettqu d-dmirijiet marbuta mal-postijiet tax-xogħol li għandhom jimtlew jew, min-naħa l-oħra, ikollu effetti negattivi fuq il-kwalità tax-xogħol tal-persuni kkonċernati jew l-effiċjenza tagħhom (ara s-sentenza Noonan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 38 sa 42). Il-Qorti Komunitarja żiedet, fir-rigward tal-argument tal-istituzzjoni li jipprovdi li, kieku hija ma eskludietx il-kandidati b’diploma universitarja, kien ikun hemm riskju li l-kandidati l-oħra jkunu numru iżgħar jekk mhux esklużi, li dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li ma hemmx dubju li l-kandidati li għandhom diploma universitarja jistgħu jwettqu d-dmirijiet futuri ta’ min jgħaddi mill-kompetizzjoni bl-istess mod bħall-kandidati l-oħra, u jirrispondu għall-kriterju stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Noonan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Il-qorti Komunitarja indikat ukoll li, minkejja li f’kull proċedura ta’ kompetizzjoni interna, l-Awtorità tal-Ħatra kienet marbuta tiffissa l-kriterji tal-għażla b’mod konformi mal-interess tas-servizz, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi mill-kompetizzjoni lill-kandidati previsti mill-kundizzjoni kkontestata fuq il-bażi li dawn kellhom possibbiltajiet ikbar li jiġu aċċettati mill-kandidati l-oħra (ara s-sentenza Noonan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 36 u 37); fi kwalunkwe każ, il-qorti Komunitarja telqet għalhekk mill-premessa li, sakemm il-kandidati jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà għal kompetizzjoni, in-nuqqas ta’ xebh jew ta’ komparabbiltà tal-profili tagħhom bl-ebda mod ma jikkostitwixxi ċirkustanza ta’ natura li tostakola l-kompetizzjoni milli ssir skont l-għan tagħha u milli taqdi l-funzjonijiet tagħha.

45      Fil-każ ineżami, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza li għadha kif ġiet imsemmija, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi konkluż li l-kandidati li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 ma kellhomx profil adattat ukoll għall-postijiet tax-xogħol li kellhom jimtlew fil-kuntest tal-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08; bl-istess mod, xejn ma jippermetti li jiġi affermat li kienu biss il-kandidati li ssodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08, u mhux dawk li ssodisfaw ukoll dawk tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, li neċessarjament kellhom il-profil l-iktar adattat għall-postijiet tax-xogħol li kellhom jimtlew fil-kuntest tal-ewwel waħda minn dawn il-kompetizzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa tas-sentenza Noonan vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, imsemmija u mfakkra fil-punt preċedenti, tapplika b’iktar qawwa fil-każ ineżami, ladarba l-profili tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kompetizzjonijiet EPSO/AD/117/08 u EPSO/AD/116/08 huma b’mod ġenerali iktar viċin xulxin mill-profili divrenzjati, fir-rigward tal-pussess jew nuqqas ta’ pussess ta’ grad universitarju, mill-Avviż ta’ kompetizzjoni fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li huwa biss it-tul tal-esperjenza professjonali rikjesta li jiddistingwi l-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà taż-żewġ kompetizzjonijiet inkwistjoni minn dawk li jissodisfaw biss il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà tal-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08; għalhekk, bl-ebda mod ma jista’ jiġi allegat li l-parteċipazzjoni tal-kandidati potenzjali kollha f’kull waħda miż-żewġ kompetizzjonijiet (u b’mod partikolari għall-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08) tostakola lill-kompetizzjoni milli ssir skont l-għan tagħha, li huwa b’mod partikolari dak li twassal, fi tmiem proċedura tal-għażla oġġettiva u komparattiva, għar-reklutaġġ ta’ kandidati li jkollhom l-kwalitajiet tal-ogħla livell fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti.

46      Permezz tat-tielet motiv invokat, il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola kkontestata hija intiża sabiex tevita li jkun hemm “l-istess” kandidati li jintgħażlu simultanjament miż-żewġ kompetizzjonijiet. Minkejja li jeżisti dan ir-riskju, li l-istess persuni jistgħu jiġu rreġistrati kemm fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 kif ukoll f’dik tal-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 u li, wara li dawn il-persuni jaċċettaw l-impjiegi AD 11 tal-ewwel lista, it-tieni lista, għall-impjiegi AD 8, tispiċċa eżawrita mingħajr fil-frattemp ma tkun setgħet, l-amministrazzjoni, tissodisfa l-ħtiġijiet tagħha fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ uffiċjali AD 8, għandu jiġi osservat li tali riskju jeżisti għal kull kompetizzjoni organizzata mill-EPSO, peress li sitwazzjoni li fiha kandidat jiġi rreġistrat b’mod parallel fil-lista ta’ riżerva ta’ diversi kompetizzjonijiet hija relattivament frekwenti; issa f’sitwazzjoni bħal din u sabiex jiġi evitat nuqqas eventwali ta’ kandidati, numru ikbar ta’ kandidati fil-lista ta’ riżerva jippermetti faċilment li dan ir-riskju jiġi kkumpensat. Fi kwalunkwe każ, dan il-motiv invokat mill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika l-klawżola kkontestata huwa inkompatibbli mal-għanijiet stipulati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u ma jidhirx li huwa proporzjonalment suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-effetti kkawżati mill-klawżola kkontestata, peress li tista’ tinstab soluzzjoni alternattiva li tippreġudika inqas l-aċċess għall-kompetizzjonijiet għal impjieg fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji.

47      Fir-rigward tar-raba’ motiv invokat u marbut mad-dati tal-organizzazzjoni tal-eżamijiet, jiġifieri li dawn jistgħu jsiru simultanjament għad-diversi kompetizzjonijiet u li għalhekk kandidat jiġi mitlub jidher għall-eżamijiet ta’ kompetizzjonijiet differenti fl-istess jum, mid-dokumenti tal-proċess jirriżulta li, fir-rigward tal-eżamijiet tal-għażla preliminari, il-kandidati setgħu jagħżlu d-data li fiha huma kienu jixtiequ jagħmluhom, u dan f’perijodu ddefinit bejn is-26 ta’ Marzu u d-9 ta’ April 2008. Issa, fir-rigward tal-eżamijiet bil-miktub, li saru fl-istess jum, jiġifieri fil-21 ta’ Ottubru 2008, iżda wkoll l-eżamijiet orali, u fid-dawl tal-fatt li n-numru tal-kandidati aċċettati għal dawn l-eżamijiet kien ħafna iktar limitat min-numru ta’ dawk li għamlu l-eżamijiet tal-għażla preliminari, huwa diffiċli li wieħed jimmaġina kif ir-rimedju għal dan l-ostakolu kkostitwixxa piż amministrattiv tqil u disproporzjonat għall-Kummissjoni; fil-fatt, xejn ma impedixxa lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi dati viċini iżda differenti sabiex isiru dawn l-eżamijiet. F’kull każ, dan il-motiv ifalli kompletament fid-dritt peress li, ladarba għandu natura purament organizzattiva, huwa manifestament ma jikkorrispondix għall-interess tas-servizz (ara l-punt 33 ta’ din is-sentenza), u jmur kontra l-għan tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti.

48      Għall-istess raġunijiet li għadhom kif ġew esposti fl-aħħar tal-punt preċedenti, ifallu fid-dritt il-ħames u s-sitt motivi invokati. Barra minn hekk, l-ewwel wieħed minnhom huwa fil-fatt purament ipotetiku, inkwantu l-Kummissjoni ma ġabet ebda prova insostenn tal-allegazzjoni li skontha ċerti kandidati ma setgħux jiksbu jiem ta’ leave addizzjonali meħtieġa sabiex jattendu għall-eżamijiet taż-żewġ kompetizzjonijiet li għalihom ir-rikorrenti xtaqet tattendi. Fir-rigward tal-motiv marbut mal-ispejjeż addizzjonali ta’ kiri ta’ postijiet u xiri ta’ materjal, jekk, kif ir-rikorrenti indikat fis-seduta mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, ġew aċċettati 1 974 kandidat sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 u 427 kandidat sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, dawn iċ-ċifri juru u jikkonfermaw li, anki jekk wieħed iqis, b’mod kuntrarju għall-ewwel konstatazzjoni magħmula fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u għall-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 39 tagħha, li l-kandidati kollha aċċettati għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 irreġistraw għall-kompetizzjoni EPSO/AD/116/08 u li perċentwali ta’ kandidati rreġistrati għal din tal-aħħar (li kkunsidraw – bħar-rikorrenti – li l-esperjenza professjonali tagħhom tista’ tiġi meqjusa suffiċjenti għall-finijiet tal-eleġibbiltà għall-kompetizzjoni sabiex jimtlew postijiet tax-xogħol AD 11) applikaw ukoll għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, l-ispiża addizzjonali għall-kiri ta’ postijiet u għax-xiri ta’ materjal, kif ukoll għall-mistoqsijiet addizzjonali kienet relattivament limitata, u dan jitlob ukoll li ssir l-istess osservazzjoni li saret fir-rigward tal-ewwel motiv, jiġifieri li l-benefiċċju tan-nuqqas ta’ spejjeż ma għandux rabta ta’ proporzjonalità mal-ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u mar-restrizzjoni tal-aċċess għall-kompetizzjoni kkawżati mill-klawżola kkontestata.

49      Il-kunsiderazzjonijiet esposti fir-rigward tal-ewwel u s-sitt motivi jkollhom, barra minn hekk, bażi iktar qawwija jekk, kif ġie rrilevat fis-seduta (mingħajr – tassew – ma l-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonferma b’mod formali), it-testijiet tal-għażla preliminari għall-kompetizzjoni intiża sabiex timla l-postijiet ta’ xogħol tal-grad AD 8 kellhom l-istess livell ta’ diffikultà bħalma kellhom dawk għall-kompetizzjoni intiża sabiex timla l-postijiet ta’ xogħol tal-grad AD 11, li jfisser li persuna li tkun xtaqet tipparteċipa fiż-żewġ kompetizzjonijiet setgħet tgħaddi test wieħed, li kien ikun jgħodd għaż-żewġ kompetizzjonijiet.

50      Barra minn hekk, u fid-dawl tar-raġonament li permezz tiegħu t-Tribunal, fil-punti 42 sa 47 ta’ din is-sentenza, ċaħad kull motiv invokat mill-Kummissjoni, jidher ċar li, anki jekk dawn il-motivi jitqiesu flimkien, minħabba b’mod partikolari n-natura mandatorja tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti u tal-qasam strettament definit tal-kompetizzjonijiet inkwistjoni (ara b’mod partikolari l-punt 28 ta’ din is-sentenza, kif ukoll it-tieni konstatazzjoni magħmula fil-punt 38 tagħha), il-klawżola kkontestata ma tista’ qatt tiġi ġġustifikata.

51      Minn dan kollu premess jirriżulta li l-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq l-inkompatibbiltà, mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti, tal-klawżola li tipprekludi r-reġistrazzjoni simultanja għall-kompetizzjonijiet ġenerali EPSO/AD/116/08 u EPSO/AD/117/08 għar-reklutaġġ ta’ Amministraturi (AD 8) u Amministraturi prinċipali (AD 11) rispettivament, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi, huwa fondat.

52      Konsegwentement, u mingħajr ħtieġa li tingħata deċiżjoni fir-rigward tal-motiv l-ieħor invokat mir-rikorrenti, id-deċiżjoni tal-EPSO, li bl-applikazzjoni tal-klawżola kkontestata ma ppermettietx lir-rikorrenti tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08, għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

53      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tielet Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba. Skont l-Artikolu 87(2) tal-istess regoli, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma jkollhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

54      F’din il-kawża, il-Kummissjoni hija l-parti telliefa. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, ir-rikorrenti talbet espressament li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura u għalhekk il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Persunal (EPSO) tal-Komunitajiet Ewropej (EPSO) li ma tħallix lil R. Di Prospero tippreżenta l-kandidatura tagħha għall-kompetizzjoni EPSO/AD/117/08 hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Gervasoni

Kreppel

Tagaras

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Novembru 2009.

W. Hakenberg

 

      S. Gervasoni

Reġistratur

 

       President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.