Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Novembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Raad van State - il-Pajjiżi l-Baxxi) – C, A vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
(Kawża C-257/17) 1
(“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Artikolu 15 – Rifjut li jingħata permess ta’ residenza awtonomu – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi obbligu li persuna tgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika”)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Raad van State
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: C, A
Konvenut: Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
Dispożittiv
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 15 tad- Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar l-għoti ta’ permess ta’ residenza awtonomu lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma eżerċitax id-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjonijiet, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali.
L-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi miċħuda applikazzjoni għal permess ta’ residenza awtonomu, ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ilu jirrisjedi għal iktar minn ħames snin fit-territorju ta’ Stat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, għaliex huwa ma jkunx ipprova li għadda minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika rigward il-lingwa u s-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru, sakemm il-modalitajiet konkreti tal-obbligu li persuna tgħaddi minn dan l-eżami ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ffaċilitar tal-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
L-Artikolu 15(1) u (4) tad-Direttiva 2003/86 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-permess ta’ residenza awtonomu jista’ jinħareġ biss mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni korrispondenti.
____________
1 ĠU C 269, 14.8.2017.