Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ottubru 2011 - Schenker vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-534/11)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Schenker AG (Essen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: C. von Hammerstein, B. Beckmann u C. Munding, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni adottata mill-konvenuta, tat-3 ta' Awissu 2011 (SG.B/MKu/psi-Ares [2011])

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta' eżami konkret u individwali tad-dokumenti previsti fit-talba

L-ewwel nett, il-Kummissjoni naqset milli tagħmel eżami konkret u individwali tad-dokumenti elenkati fit-talba għal aċċess. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ġenerali ta' inklużjoni fir-raġunijiet għal rifjut. Meta għamlet dan, hija naqset milli tirrikonoxxi l-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza dwar l-aċċess għal dokumenti u l-importanza tad-dritt fundamentali ta' aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta' evalwazzjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 

It-tieni nett, żbalji evidenti ħarbu lill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1049/2001. Minħabba f'applikazzjoni wisq estensiva tal-eċċezzjonijiet, il-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi l-prinċipji żviluppati mill-ġurisprudenza dwar l-aċċess għal dokumenti u l-importanza tad-dritt fundamentali ta' aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fid-dawl tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tal-prinċipju ta' trasparenza u l-prinċipju ta' stat tad-dritt, sa fejn possibbli r-rikorrenti għandha tingħata aċċess għad-dokumenti.

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

It-tielet nett, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità, billi naqset milli tikkunsidra b'mod suffiċjenti l-eċċezzjonijiet - u dan b'mod żbaljat - u billi ma għamlitx bilanċ xieraq ta' dan mal-interess pubbliku għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba. Għalhekk, il-Kummissjoni naqset milli tirrikonoxxi l-fatt li l-interess pubbliku għall-iżvelar ta' dokumenti huwa evidentement iktar qawwi minn kwalunkwe interess ta' kunfidenzjalità.

4.    Ir-raba' motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni

Ir-raba' nett, il-Kummissjoni injorat il-fatt li r-rikorrenti f'kull każ, taħt l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kien intitolat għal mill-inqas aċċess parzjali għad-dokumenti mitluba. Meta ċaħdet b'mod totali u komplut l-aċċess mitlub, il-Kummissjoni pprekludiet l-effett utli tad-dritt ta' aċċess għal dokumenti, protett bħala dritt fundamentali, kif ukoll tar-Regolament Nru 1049/2011.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta' Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).