Language of document : ECLI:EU:T:2014:854

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Fajl amministrattiv u deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar akkordju, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni — Rifjut ta’ aċċess — Obbligu li jitwettaq eżami konkret u individwali — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ terz — Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni — Interess pubbliku superjuri”

Fil-Kawża T‑534/11,

Schenker AG, stabbilita f’Essen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. von Hammerstein, B. Beckmann u C.‑D. Munding, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Kellerbauer, C. ten Dam u P. Costa de Oliveira, sussegwentement minn M. Kellerbauer, P. Costa de Oliveira u H. Leupold, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn M. Smeets, avukat,

minn

Martinair Holland NV, stabbilita f’Haarlemmermeer (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn R. Wesseling u M. Bredenoord-Spoek, avukati,

minn

Société Air France SA, stabbilita f’Roissy-en-France (Franza), irrappreżentata minn A. Wachsmann u S. Thibault-Liger, avukati,

minn

Cathay Pacific Airways Ltd, stabbilita fi Queensway, Hong-Kong (iċ-Ċina), irrappreżentata inizjalment minn B. Bär-Bouyssière, avukat, M. Rees, solicitor, D. Vaughan, QC, u R. Kreisberger, barrister, sussegwentement minn M. Rees, solicitor, D. Vaughan, QC, u R. Kreisberger, barrister,

minn

Air Canada, stabbilita f’Québec (il-Kanada), irrappreżentata minn J. Pheasant, solicitor, u C. Wünschmann, avukat,

u minn

Lufthansa Cargo AG, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja),

u

Swiss International Air Lines AG, stabbilita f’Basel (l-Isvizzera),

inizjalment irrappreżentati minn S. Völcker u E. Arsenidou, sussegwentement minn Völcker u J. Orologas, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Awwissu 2011 li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl aministrattiv tad-deċiżjoni C (2010) 7694 finali (Każ COMP/39.258 – Ġarr ta’ merkanzija bl-ajru), għall-verżjoni integrali ta’ din id-deċiżjoni u għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, I. Pelikánová u E. Buttigieg, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fid-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni C (2010) 7694 finali (Każ COMP/39.258 – Ġarr ta’ merkanzija bl-ajru) dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru”). F’din id-deċiżjoni, adottata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni kkonstatat li diversi impriżi kienu kisru l-Artikolu 101(1) TFUE billi pparteċipaw f’akkordju fuq skala mondjali dwar is-servizzi tal-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem l-“akkordju dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru”) fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u imponiet fuq dawn l-impriżi multi li l-ammont totali tagħhom kien ta’ EUR 799 445 000.

2        Fil-21 ta’ April 2011, ir-rikorrenti, jiġifieri l-impriża ta’ servizzi loġistiċi Schenker AG, ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għal aċċess, prinċipalment, għall-fajl kollu tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem il-“fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru”), sussidjarjament, għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u, iktar sussidjarjament, għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Fit-talba tagħha r-rikorrenti sostniet li hija kellha interess partikolari li tikseb dawn id-dokumenti sa fejn tnejn mid-destinatarji tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kienu ppreżentaw rikors kontrieha quddiem qorti Olandiża, intiż sabiex jiġi kkonstatat li huma ma kellhomx iħallsuha kumpens għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

3        Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

4        Fil-15 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti ressqet, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, applikazzjoni konfermatorja intiża sabiex il-Kummissjoni tirrevedi l-pożizzjoni tagħha (iktar ’il quddiem l-“applikazzjoni konfermatorja”).

5        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet l-applikazzjoni konfermatorja.

6        Fid-deċiżjoni kkontestata, qabel kollox, il-Kummissjoni ddelimitat il-portata tal-applikazzjoni konfermatorja. Hija indikat li hija kellha l-istess suġġett bħal dak tal-applikazzjoni inizjali (it-tielet paragrafu tat-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat b’mod separat, minn naħa, it-talbiet għal aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u, min-naħa l-oħra, it-talba għal aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni (ara l-ewwel u t-tieni inċiż tar-raba’ paragrafu tat-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fir-rigward tat-talbiet għal aċċess għad-dokument dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru rispettivament, il-Kummissjoni fl-ewwel lok indikat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll dawk tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-[Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kienu jipprojbixxuha milli tiżvela l-informazzjoni miġbura matul investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jew tal-Artikolu 102 TFUE (iktar ’il quddiem “investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni”). Il-Kummissjoni qieset li din il-projbizzjoni ma setgħetx tiġi evitata abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001 u li l-għan tagħha kien li tipproteġi s-sistema ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll l-interess tal-impriżi kkonċernati sabiex l-informazzjoni li huma kienu pprovdew lill-Kummissjoni u dik kunfidenzjali ma tiġix żvelata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità kienet tapplika wkoll għad-“dokumenti li [r-rikorrenti] ippruvat tikseb”) (Taqsima 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni indikat li d-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru ġiet ikkontestata diversi drabi quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod li l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni (iktar ’il quddiem l-“investigazzjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru”) ma setgħetx titqies li hija definittivament magħluqa. Skont il-Kummissjoni, ma setax jiġi eskluż li, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kienet talbitha tipproduċi dokumenti mill-fajl tagħha. Il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti seta’ jfixkel il-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li, skont ir-riżultat tal-proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija setgħet tiġi obbligata tiftaħ l-investigazzjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru mill-ġdid. Għaldaqstant, l-iżvelar tad-“dokumenti mitluba” tillimita l-kapaċità tagħha li tadotta deċiżjoni ġdida immuni minn influwenzi esterni u tippreġudika l-għanijiet tal-investigazzjoni tagħha (l-ewwel paragrafu tat-Taqsima 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset li l-impriżi li ssottomettew informazzjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni kellhom aspettattivi leġittimi li dawn ma kinux ser jiġu żvelati, ħlief f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni, imnaddfa minn sigriet tan-negozju u minn informazzjoni kunfidenzjali oħra. Il-Kummissjoni indikat li d-“dokumenti kkonċernati mill-[applikazzjoni konfermatorja]” kienu “dokumenti ta’ immunità u ta’ klemenza” tad-dokumenti miġbura matul spezzjonijiet, tat-talbiet għal informazzjoni, tat-tweġibiet għal dawn it-talbiet, tad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet, tat-tweġibiet għal dawn id-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet u tad-dokumenti interni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni indikat li l-iżvelar ta’ tali dokumenti minkejja l-garanziji ta’ kunfidenzjalità previsti bir-Regolament Nru 1/2003 u 773/2004 tneħħi kull sustanza minn dawn il-garanziji u tinkoraġġixxi lill-impriżi kkonċernati minn investigazzjonijiet sussegwenti sabiex jillimitaw kemm jista’ jkun il-kooperazzjoni tagħhom, u dan ixekkel lill-Kummissjoni milli tapplika b’mod effikaċi r-regoli tal-kompetizzjoni (it-tieni sas-sitt paragrafi tat-Taqsima 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      Minn dak li ntqal hawn fuq il-Kummissjoni kkonkludiet li “dawn id-dokumenti” kienu totalment koperti mill-eċċezzjoni prevista bit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażat fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika (is-seba’ paragrafu tat-Taqsima 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni indikat li d-“dokumenti mitluba” kien fihom informazzjoni ta’ natura kummerċjali sensittiva li l-iżvelar tagħha kienet tippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati, fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Il-Kummissjoni qieset li ma kienx possibbli li l-kontenut ta’ din l-informazzjoni jiġi ppreċiżat iktar mingħajr ma jinkixef parzjalment, u b’hekk l-eċċezzjoni misluta minn din id-dispożizzjoni ssir ineffettiva (Taqsima 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni indikat li ċerti awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ pajjiż terz kienu ppubblikaw deċiżjonijiet fuq l-akkordju dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, li wħud minnhom kienu ġew annessi mal-applikazzjoni konfermatorja. Madankollu, il-Kummissjoni kkonkludiet li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti kienet sostniet fid-domanda tagħha, dan ma bidilx in-neċessità li l-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru jiġu protetti (Taqsima 3.4.1 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni qieset li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti kienet sostniet fl-applikazzjoni konfermatorja, minn naħa, ma kienx neċessarju li titwettaq analiżi individwali ta’ kull dokumenti li l-aċċess għalih kien ġie rrifjutat, sa fejn il-ġurisprudenza kienet tippermetti li wieħed jippreżupponi li dawn kienu kollha kunfidenzjali u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru ma kinitx tinkludi l-għeluq definittiv tal-investigazzjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (Taqsima 3.4.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni indikat li d-“dokumenti kkonċernati” kienu totalment koperti mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, għaldaqstant, ma kienx possibbli li jingħata aċċess parzjali għal dawn id-dokumenti (Taqsima 4 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni indikat li, skont l-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti kellhom jiġu rrifjutati jekk interess pubbliku superjuri kien jiġġustifika l-iżvelar. Madankollu, hija qieset li l-applikazzjoni konfermatorja ma kinitx tinkludi argumenti li setgħu juru l-eżistenza ta’ tali interess (Taqsima 5 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward tat-talba għal aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, il-Kummissjoni indikat li din il-verżjoni kienet qiegħda tiġi ppreparata. Il-Kummissjoni enfasizzat, minn naħa, li l-preparazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fil-qasam tal-akkordji kienet tieħu ħin kunsiderevoli u, min-naħa l-oħra, li hija kienet qiegħda twettaq diskussjonijiet mal-impriżi kkonċernati dwar is-siltiet tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru li kellhom jiġu esklużi mill-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat li, peress li din il-verżjoni kienet għadha ma teżistix, it-talba għal aċċess tar-rikorrenti ma kellhiex skop. Madankollu, hija impenjat ruħha li tibgħat lir-rikorrenti tali verżjoni ladarba din tkun iffinalizzata (it-tieni inċiż tar-raba’ paragrafu tat-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ottubru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

19      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 u fis-16 ta’ Jannar 2012, il-Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, Martinair Holland NV, Société Air France SA, Cathay Pacific Airways Ltd, Air Canada, Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG talbu li jintervjenu fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dawn l-interventi intlaqgħu permezz ta’ digriet tal-President tas-Sitt awla tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2012.

20      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

21      Fis-16 ta’ Jannar 2014, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet domandi bil-miktub lill-partijiet, liema partijiet irrispondew fit-terminu stabbilit.

22      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2014.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

25      Koninklijke Luchtvaart Maatschappij, Martinair Holland, Société Air France, Air Canada, Lufthansa Cargo u Swiss International Air Lines jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

26      Cathay Pacific Airways titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari dwar il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

27      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li mill-punti 2 u 6 iktar ’il fuq jirriżulta li l-applikazzjoni konfermatorja fiha tliet talbiet għal aċċess għal dokumenti, l-ewwel waħda fuq il-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, imressqa b’mod prinċipali, it-tieni waħda fuq il-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, ippreżentata b’mod sussidjarju, u t-tielet waħda fuq il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni, ippreżentata b’mod iktar sussidjarju.

28      Il-Kummissjoni ċaħdet it-tielet waħda minn dawn it-talbiet għal raġuni differenti minn dawk invokati għaċ-ċaħda tal-ewwel żewġ talbiet. Din għamlet hekk f’taqsima introduttiva tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikata, b’mod partikolari, għad-delimitazzjoni tas-suġġett tal-applikazzjoni konfermatorja (Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’din l-istess taqsima introduttiva, il-Kummissjoni indikat li r-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-ewwel żewġ talbiet għal aċċess imsemmija fil-punt 27 hawn fuq kienu se jkunu esposti fit-taqsimiet sussegwenti tad-deċiżjoni kkontestata.

30      Madankollu, f’dawn it-taqsimiet sussegwenti, jiġifieri t-taqsimiet 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni la eżaminat u lanqas semmiet b’mod separat l-ewwel żewġ talbiet għal aċċess imsemmija fil-punt 27 iktar ’il fuq. Għaldaqstant hemm lok li, sa fejn huwa possibbli, ir-raġunijiet ta’ ċaħda esposti mill-Kummissjoni fl-imsemmija taqsimiet jiġu interpretati bħala li jirrigwardaw sew it-talba għal aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u sew it-talba għal aċċess għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru.

31      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, filwaqt li l-Kummissjoni ċaħdet dawn it-talbiet b’mod ċar skont l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażati fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni rispettivament, hija semmiet ukoll f’żewġ okkażjonijiet il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji u indikat li dawn il-proċeduri jistgħu jiġu mxekkla permezz tal-iżvelar ta’ dokumenti bħalma huma dawk imsemmija fit-talbiet għal aċċess tar-rikorrenti (ara s-seba’ paragrafu tat-Taqsima 3.1, u l-ewwel paragrafu tat-Taqsima 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      Ir-rikorrenti u ċerti partijiet intervenjenti għaldaqstant ippreżentaw diversi argumenti fin-noti tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-aċċess mitlub setax jew le jippreġudika l-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Madankollu, ir-rikorrenti ma qajmitx motivi ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata bbażati fuq ksur ta’ din id-dispożizzjoni u l-Kummissjoni ma sostnietx quddiem il-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata, parzjalment, fuqha.

33      Dwar dan il-punt għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja li kienet semmiet il-protezzjoni tal-proċeduri ġudizzjarji fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat iċ-ċaħda tat-talbiet għal aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru sempliċement fuq l-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażati fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni rispettivament, u mhux fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament.

34      Fil-fatt, fis-seba’ paragrafu tat-Taqsima 3.2, fil-ħames paragrafu tat-Taqsima 3.3 u fit-Taqsima 4 tad-deċiżjoni kkontestata, kulma l-Kummissjoni kkonkludiet formalment kien li d-dokumenti mitluba kienu koperti bl-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, fl-għaxar paragrafu tat-Taqsima 5 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, bħala konklużjoni tal-eżerċizzju ta’ bbilanċjar li hija kellha twettaq, skont l-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) ta’ dan l-istess regolament, bejn l-interess pubbliku għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba u l-interessi protetti mill-eċċezzjonijiet applikati fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li l-interess li kellu jipprevali kien dak ibbażat fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni. Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Kummissjoni ma sostnietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

35      Huwa fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta’ hawn fuq li hemm lok li jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet preliminari

36      Ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem ħames motivi insostenn tar-rikors, li jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi.

37      Permezz tal-ewwel grupp ta’ motivi, ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat it-talbiet tagħha għal aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru. Dan il-grupp ta’ motivi fih l-ewwel erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżami konkret u individwali tal-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru. It-tieni u t-tielet motivi huma bbażati fuq ksur tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni ma ġġustifikatx li l-iżvelar tal-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-iżvelar tal-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru setgħu jippreġudikaw il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari (it-tieni motiv) jew il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha (it-tielet motiv). Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, minħabba l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dawn id-dokumenti.

38      It-tieni grupp fih il-ħames motiv. Dan il-motiv, ippreżentat b’mod sussidjarju, huwa essenzjalment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni ma tatx lir-rikorrenti aċċess parzjali għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u ma għadditilhiex verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru.

39      Għandu jiġi rrilevat li istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea tista’ tieħu inkunsiderazzjoni b’mod kumulattiv diversi raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 sabiex tiġi evalwata talba għal aċċess għal dokumenti miżmuma minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, punti 113 u 114).

40      Għalhekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 27 sa 35 hawn fuq, f’dan il-każ il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kienu kemm koperti mill-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, u anki mill-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-istess regolament, dwar il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni, ta’ spezzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

41      Fir-rigward tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, il-Kummissjoni ma qisitx li din kienet koperta minn eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti, iżda kkonstatat biss li din il-verżjoni kienet għadha ma teżistix u li hija ser tintbagħat lir-rikorrenti hekk kif din tkun lesta.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li jsir eżami konkret u individwali tad-dokumenti li jagħmlu parti mill-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru

42      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 15(3) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni bla ħsara għall-prinċipji u għall-kundizzjonijiet stabbiliti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Ir-Regolament Nru 1049/2001 huwa intiż sabiex kemm jista’ jkun jagħti lill-pubbliku l-ikbar dritt ta’ aċċess possibbli għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Minn dan ir-regolament jirriżulta wkoll, b’mod partikolari mill-Artikolu 4 tiegħu, li jipprevedi sistema ta’ eċċezzjonijiet f’dan ir-rigward, li dan id-dritt għal aċċess xorta waħda huwa suġġett għal ċerti limiti bbażati fuq raġunijiet ta’ interess pubbliku jew privat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2014, Commission vs Enbw Energie Baden-Württemberg, C‑365/12 P, punt 61).

43      Skont l-eċċezzjonijiet invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dawk li jinsabu fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sakemm ma jkunx hemm interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument imsemmi, għandhom jirrifjutaw l-aċċess għal dokument fil-każ fejn l-iżvelar tiegħu jxekkel il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari jew ixekkel il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

44      Minn dan jirriżulta li s-sistema ta’ eċċezzjonijiet prevista fl-Artikolu 4 hija bbażata fuq ibbilanċjar tal-interessi opposti f’sitwazzjoni partikolari, jiġifieri, minn naħa, l-interessi li jkunu favoriti mill-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, dawk li jkunu mhedda minn dan l-iżvelar. Id-deċiżjoni meħuda dwar talba għal aċċess għal dokumenti tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ liema huwa l-interess li għandu jipprevali fil-każ inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 63).

45      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru jagħmlu parti minn attività ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti kienet jew inġabret, jew tfasslet, mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li l-għan tagħha kien li tiġbor informazzjoni u provi suffiċjenti sabiex trażżan prattiki konkreti kuntrarji għal din id-dispożizzjoni.

46      Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ proċedura intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 KE, li tikkonsisti fil-verifika dwar jekk impriża waħda jew diversi impriżi impenjawx ruħhom f’aġir kollużiv li jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv, il-Kummissjoni tiġbor, fil-kuntest ta’ tali proċedura, informazzjoni kummerċjali sensittiva, relatata b’mod partikolari mal-istrateġiji kummerċjali tal-impriżi involuti, mal-ammonti tal-bejgħ tagħhom, mas-sehem tagħhom mis-suq jew mar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, b’tali mod li l-aċċess għad-dokumenti relatati ma’ tali proċedura jista’ jippreġudika l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-imsemmija impriżi. Għalhekk, l-eċċezzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali u dwar dik tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma, f’dan il-każ, marbuta mill-qrib (sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden‑Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 79, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2013, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, T‑380/08, punt 34).

47      Ċertament, sabiex jiġi ġġustifikat ir-rifjut ta’ aċċess għal dokument, fil-prinċipju, ma huwiex biżżejjed li dan id-dokument ikun jirrigwarda attività jew interess imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-istituzzjoni kkonċernata għandha wkoll tispjega kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament u effettivament jippreġudika l-interess protett minn eċċezzjoni prevista f’dan l-artikolu. Madankollu, huwa possibbli għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjonijiet ġenerali li japplikaw għal ċerti kategoriji ta’ dokumenti, billi kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (sentenzi Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punti 64 u 65, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 35).

48      Għandu jiġi eżaminat jekk tali preżunzjoni ġenerali tistax tirriżulta, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004, li jirregolaw speċifikament id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajls tal-Kummissjoni li jirrigwardaw dawn il-proċeduri.

49      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li r-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 għandhom, f’dan il-qasam, għanijiet differenti minn dawk tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li dawn huma intiżi li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża li minnu jibbenefikaw il-partijiet ikkonċernati u l-ipproċessar diliġenti tal-ilmenti, filwaqt li jiżguraw l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, u mhux li jiffaċilitaw kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u li jippromwovu l-prattiki amministrattivi tajba billi jiżguraw l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha huma jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom (sentenzi Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 83, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 30).

50      Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li, fil-każ ta’ kontradizzjoni bejn ir-Regolament Nru 1049/2001 u regola oħra tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament għandhom jipprevalu, ir-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1/2003 ma fihom ebda dispożizzjoni li tipprevedi b’mod espress is-supremazija ta’ wieħed fuq l-ieħor. Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li ssir applikazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn ir-regolamenti li tkun kompatibbli ma’ dik tal-ieħor u li b’hekk tippermetti applikazzjoni koerenti tagħhom (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 84, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 31).

51      Ċertament, id-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 KE u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni paragunabbli minn perspettiva funzjonali. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għal fajl jippermetti lill-persuni kkonċernati li jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni mill-impriżi kkonċernati u mit-terzi (sentenzi Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden‑Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 89, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 32).

52      Issa, l-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikoli 6, 8, 15 u 16 tar-Regolament Nru 773/2004 jirregolaw b’mod restrittiv l-użu tad-dokumenti li jinsabu fil-fajl dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, billi jillimitaw l-aċċess għall-fajl għall-“partijiet konċernati” u għal “min jagħmel l-ilment” li l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tiċħad l-ilment tagħhom, bla ħsara għan-nuqqas ta’ żvelar tas-sigriet tan-negozju u tal-informazzjoni kunfidenzjali l-oħra tal-impriżi kif ukoll tad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, u sakemm id-dokumenti magħmula aċċessibbli jintużaw biss għal proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi bil-għan li japplikaw l-Artikolu 101 TFUE (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 86, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 38).

53      Minn dan jirriżulta li, mhux biss il-partijiet fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE ma għandhomx dritt ta’ aċċess illimitat għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, iżda li, barra minn hekk, it-terzi, bl-eċċezzjoni tal-lanjanti, ma għandhomx, fil-kuntest ta’ tali proċedura, dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 87).

54      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-ewwel u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, jekk xi persuni li ma humiex dawk li għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl skont ir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 jew dawk li, bħala prinċipju għandhom tali dritt, iżda ma għamlux użu minnu jew inkella ġie rrifjutat lilhom, setgħu jiksbu l-aċċess għad-dokumenti abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, is-sistema ta’ aċċess għall-fajl stabbilita bir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 tkun imminata (sentenzi Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 88, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 40).

55      F’dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi kkonstatat li aċċess ġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għad-dokumenti skambjati, fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati minn din il-proċedura jew it-terzi huwa ta’ natura li jipperikola l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura fir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali possibbilment sensittiva u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa relatata, abbażi tas-sigriet professjonali u tas-sigriet kummerċjali, mal-informazzjoni hekk trażmessa lill-Kummissjoni (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 90, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 39).

56      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, f’dak li jikkonċerna l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, bis-saħħa tal-komunikazzjonijiet tagħha dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3, u ĠU 2006, C 298, p. 11 rispettivament), li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni tista’ tiskoraġġixxi lill-applikanti potenzjali għal klemenza milli jagħmlu dikjarazzjonijiet skont dawn il-komunikazzjonijiet. Fil-fatt, huma jistgħu jispiċċaw f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju u li ma kkollaborawx fl-investigazzjoni jew ikkollaboraw b’inqas intensità (sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 41).

57      Konsegwentement, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, għandha tiġi rrikonoxxuta, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali li tgħid li l-iżvelar tad-dokumenti miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jippreġudika, bħala prinċipju, kemm il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll dik tal-interessi kummerċjali tal-impriżi involuti f’tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 92, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 42; ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 39 iktar ’il fuq, punt 123).

58      Fid-dawl tan-natura tal-interessi protetti fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 KE, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni misluta fil-punt preċedenti tapplika irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk it-talba għal aċċess tikkonċernax proċedura diġà magħluqa jew proċedura pendenti. Fil-fatt, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni sensittiva li tikkonċerna l-attivitajiet ekonomiċi tal-impriżi involuti tista’ tippreġudika l-interessi kummerċjali tagħhom, indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 KE pendenti. Barra minn hekk, il-perspettiva ta’ tali pubblikazzjoni wara t-tmiem ta’ din il-proċedura jista’ jkollha effetti negattivi fuq id-disponibbiltà tal-impriżi sabiex jikkollaboraw meta tali proċedura tkun pendenti (sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 43; ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 39 iktar ’il fuq, punt 124).

59      Barra minn hekk jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-eċċezzjonijiet li jikkonċernaw l-interessi kummerċjali jew id-dokumenti sensittivi jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dan il-perijodu jekk ikun neċessarju (sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 39 iktar ’il fuq, punt 125).

60      Fl-aħħar nett, il-preżunzjoni ġenerali msemmija hawn fuq ma teskludix il-possibbiltà li jintwera li dokument speċifiku li l-iżvelar tiegħu huwa mitlub ma huwiex kopert minn din il-preżunzjoni jew li jeżisti interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dan id-dokument skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenzi Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 39 iktar ’il fuq, punt 126; Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 100, u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, punt 45).

61      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li ssostni essenzjalment ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti li jagħmlu parti mill-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru.

62      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kienu koperti mill-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx li l-aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru tippreġudika l-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari. Hija tfakkar li d-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru tirrigwarda l-perijodu ta’ bejn Diċembru 1999 u Frar 2006. Skont ir-rikorrenti, l-informazzjoni kummerċjali kollha la għadha attwali u lanqas ma tista’ tiġi protetta. Il-Kummissjoni stess, fil-komunikazzjoni tagħha dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl fil-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2005, C 325, p. 7), indikat li, bħala regola ġenerali, l-informazzjoni eqdem minn ħames snin ma tibqax kunfidenzjali.

64      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

65      Qabelxejn għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 57 hawn fuq, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi li l-aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru seta’ jippreġudika l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati mill-investigazzjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti essenzjalment issostni, il-Kummissjoni ma kellhiex tindika raġunijiet speċifiċi f’dan ir-rigward.

66      Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1049/2001 u kif ukoll ġie enfasizzat mill-ġurisprudenza (ara punt 59 iktar ’il fuq), l-eċċezzjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni jistgħu japplikaw matul perijodu ta’ tletin sena, u anki lil hinn minn dak il-perijodu jekk dan ikun neċessarju, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali.

67      F’dan il-każ, ir-rikorrenti stess tammetti li d-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru tirrigwarda l-perijodu ta’ bejn Diċembru 1999 u Frar 2006, li huwa inqas minn tletin sena qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

68      Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kienu koperti mill-eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti bbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni

69      Ir-rikorrenti ssostni li l-investigazzjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kienet spiċċat meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-eżistenza ta’ ċerti proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li jirrigwardaw rikorsi għal annullament kontra d-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta ppreżumiet li l-iżvelar tal-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u tal-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha.

70      Kif il-Kummissjoni u l-intervenjenti jirrilevaw ġustament, l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, kif indikat fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni setgħet tippreżumi li l-aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru seta’ jippreġudika l-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tagħha.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif tindika r-rikorrenti stess, kien hemm diversi proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw il-legalità tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-kawżi Air Canada vs Il-Kummissjoni, T‑9/11, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni, T‑28/11, Japan Airlines vs Il-Kummissjoni, T‑36/11, Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni, T‑38/11, Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni, T‑39/11, Lan Airlines and Lan Cargo vs Il-Kummissjoni, T‑40/11, Singapore Airlines and Singapore Airlines Cargo PTE vs Il-Kummissjoni, T‑43/11, Deutsche Lufthansa et vs Il‑Kummissjoni, T‑46/11, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑48/11, SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni, T‑56/11, Air France KLM vs Il-Kummissjoni, T‑62/11, Air France vs Il-Kummissjoni, T‑63/11 u Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni, T‑67/11, li attwalment huma pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

72      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tista’, skont l-eżitu tad-diversi proċeduri ġudizzjarji msemmija fil-punt ta’ qabel dan, tkun meħtieġa li tissokta l-attivitajiet tagħha għall-finijiet tal-adozzjoni eventwali ta’ deċiżjoni ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, punt 39 iktar ’il fuq, punt 130). Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-investigazzjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru ma setgħetx titqies li kienet definittivament magħluqa meta seħħet l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

73      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li dan il-motiv gћandu jiġi miċћud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn interess pubbliku superjuri jiġġustifika l-iżvelar tal-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-iżvelar tal-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru

–       Osservazzjonijiet preliminari

74      Mill-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jirrifjutawx l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jkun iġġustifikat minn interess pubbliku superjuri, anki jekk dan jista’ jippreġudika, bħal f’dan il-każ, il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari jew il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

75      F’dan il-kuntest, għandu jkun ibbalanċjat, minn naħa, l-interess speċifiku li għandu jiġi protett permezz tan-nuqqas ta’ żvelar tad-dokument ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, l-interess ġenerali li dan id-dokument isir aċċessibbli fid-dawl tal-vantaġġi li jirriżultaw, kif huwa ppreċiżat fil-premessa 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, minn trasparenza addizzjonali, jiġifieri parteċipazzjoni aħjar miċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, kif ukoll amministrazzjoni li tgawdi iktar leġittimità u tkun iktar effettiva u responsabbli fil-konfront taċ-ċittadin f’sistema demokratika (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2010, Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑439/08, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 136).

76      Kif ġie indikat fil-punt 16 hawn fuq, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-applikazzjoni konfermatorja ma kienx fiha argumenti li jistgħu juru l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-għoti tal-aċċess, lir-rikorrenti, għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru jew għall-verżjoni kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru.

77      Ir-rikorrenti ssostni li din il-konklużjoni hija żbaljata. F’dan ir-rigward, hija tippreżenta, essenzjalment, erba’ partijiet. Dawn il-partijiet huma bbażati, l-ewwel nett fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku inerenti għall-iżvelar tad-dokumenti li jirrigwardaw investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, it-tieni nett fuq in-neċessità li jiġu żvelati d-dokumenti li jiffaċilitaw il-kawżi għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (iktar ’il quddiem il-“kawżi għad-danni”), it-tielet nett fuq in-natura fundamentali tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, ir-raba’ nett fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-argumenti preċedenti kollha f’daqqa.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri inerenti għall-iżvelar tad-dokumenti li jirrigwardaw investigazzjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni

78      Ir-rikorrenti ssostni li l-interess pubbliku relatat mal-iżvelar tad-dokumenti li jirrigwardaw akkordju huwa, min-natura tiegħu, importanti, peress li ċ-ċittadini għandhom interess li l-kompetizzjoni ma tkunx distorta. Ir-rikorrenti tenfasizza li l-akkordju dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru jikkonċerna kważi t-totalità ta’ settur ekonomiku maġġuri u kellu impatt kbir fuq il-funzjonament tas-suq intern kif ukoll konsegwenzi serji għal numru kbir ta’ atturi tas-suq u għall-pubbliku inġenerali. Skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ dan l-interess pubbliku tiġġustifika l-iżvelar tal-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u l-iżvelar tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru.

79      Permezz ta’ dan l-argument, li l-Kummissjoni tikkontesta, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, li jsiru magħrufa r-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni tadotta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni, jew, tal-inqas, id-deċiżjonijiet “importanti”, li jagħmluh jipprevali b’mod sistematiku, minn naħa, fuq l-interessi kummerċjali tal-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, fuq l-interess ibbażat fuq il-protezzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-pubbliku għandu jkollu l-possibbiltà li jkun jaf bl-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni sabiex tiżgura, minn naħa, identifikazzjoni preċiża biżżejjed tal-aġir li jista’ jesponi lill-operaturi ekonomiċi għal xi sanzjonijiet u, min-naħa l-oħra, il-komprensjoni tal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni, billi din għandha importanza essenzjali fuq il-funzjonament tas-suq intern, li jikkonċerna liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni fil-kwalità kemm ta’ operatur ekonomiku, kif ukoll ta’ konsumatur.

81      Għaldaqstant jeżisti interess pubbliku superjuri sabiex il-pubbliku jkun jista’ jsir jaf b’ċerti elementi essenzjali tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

82      Madankollu, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni essenzjalment, l-eżistenza ta’ dan l-interess pubbliku ma tobbligax lill-Kummissjoni tagħti aċċess ġeneralizzat, abbażi tar-Regolament Nru 1049/2001, għall-informazzjoni kollha miġbura fil-kuntest ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

83      Fil-fatt, għandu jitfakkar li tali aċċess ġeneralizzat ikun jista’ jipperikola l-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura, fir-Regolament Nru 1/2003, bejn l-obbligu għall-impriżi kkonċernati li jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni kummerċjali li tkun possibbilment sensittiva u l-garanzija ta’ protezzjoni msaħħa li, minħabba s-sigriet professjonali u s-sigriet tan-negozju, għandha tingħata lill-informazzjoni hekk mgħoddija lill-Kummissjoni (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

84      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-interess pubbliku sabiex jikseb il-komunikazzjoni ta’ dokument skont il-prinċipju ta’ trasparenza ma jkollux l-istess importanza, u dan jiddependi fuq jekk id-dokument ikunx jagħmel parti minn proċediment amministrattiv jew jekk ikunx dokument li jirrigwarda proċedura li fiha l-istituzzjoni tal-Unjoni tintervjeni bħala leġiżlatur (sentenza Agapiou Joséphidès vs Il‑Kummissjoni u EACEA, punt 75 iktar ’il fuq, punt 139; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 91).

85      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-interess pubbliku li ssir magħrufa l-attività tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni la jiġġustifika, bħala tali, l-iżvelar tal-fajl ta’ investigazzjoni u lanqas l-iżvelar tal-verżjoni integrali tad-deċiżjoni adottata, sa fejn dawn id-dokumenti ma humiex neċessarji sabiex wieħed jifhem l-elementi essenzjali tal-attività tal-Kummissjoni, bħalma huma r-riżultat tal-proċedura u r-raġunijiet li wassluha għall-azzjonijiet tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ tiżgura komprensjoni suffiċjenti ta’ dan ir-riżultat u ta’ dawn ir-raġunijiet permezz, b’mod partikolari, tal-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni.

86      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li, billi tippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni ta’ akkordju, kulma l-Kummissjoni tagħmel huwa li twettaq obbligu partikolari, differenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, in-natura obbligatorja jew mhux obbligatorja ta’ din il-pubblikazzjoni ma għandha ebda rilevanza fuq il-kwistjoni ta’ jekk din tissodisfax l-interess pubbliku.

87      Il-konklużjoni msemmija fil-punt 85 iktar ’il fuq lanqas ma hija invalidata mill-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-pubblikazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru għadha ma seħħitx, sena wara l-adozzjoni tagħha, u tista’ dejjem tiġi differita minħabba l-oppożizzjoni bejn l-impriżi kkonċernati u l-Kummissjoni dwar l-informazzjoni li għandha titqies li hija kunfidenzjali.

88      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-kwistjoni ta’ jekk il-Kummissjoni hijiex obbligata tikkomunika, fuq talba, verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-ħames motiv.

89      Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tar-raba’ motiv tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq in-neċessità li jiġu żvelati d-dokumenti li jiffaċilitaw il-kawżi għad-danni

90      Ir-rikorrenti tenfasizza li għandha bżonn tal-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u tal-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru sabiex iżżomm iċ-ċansijiet tagħha li tikseb kumpens għad-danni li hija sostniet. Hija tfakkar li l-Kummissjoni, fil-White Paper, tat-2 ta’ April 2008, dwar kawżi għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-akkordji u l-abbużi minn pożizzjoni dominanti [COM (2008) 165] irrikonoxxiet li l-kawżi għad-danni kienu mezz ta’ kif tiġi stabbilita mill-ġdid u tiġi promossa kompetizzjoni mhux distorta u mezz ta’ kif jiġi skoraġġut il-ħolqien ta’ akkordji ġodda. Ir-rikorrenti tqis li l-effikaċja tal-imsemmija azzjonijiet għaldaqstant ma għandhiex biss l-effett li tipproteġi l-interessi individwali, iżda funzjoni ta’ prevenzjoni ġenerali ta’ interess pubbliku, kif ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza. Skont ir-rikorrenti, l-interess pubbliku fiż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-aċċess għal dokumenti huwa dritt fundamentali, jipprevali f’dan il-każ fuq l-interess tal-membri tal-akkordju dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru sabiex l-informazzjoni kummerċjali tagħhom tiġi protetta. Fi kwalunkwe każ, l-interessi tal-membri tal-akkordju ma jkunux leġittimi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-illegalità tal-aġir tagħhom.

91      Il‑Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

92      Għandu jiġi rrilevat li kull persuna għandha dritt titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE. Tali dritt fil-fatt isaħħaħ in-natura operattiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni, billi b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 104, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Madankollu, kunsiderazzjonijiet daqshekk ġenerali ma jistgħux, bħala tali, ikunu ta’ natura li jkunu iktar importanti mir-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ żvelar tad-dokumenti inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 105).

94      Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-dritt għal kumpens li jibbenefika minnu applikant, ma huwiex neċessarju li kull dokument li jaqa’ taħt proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE jiġi kkomunikat lil tali applikant minħabba li dan tal-aħħar ikollu l-intenzjoni li jippreżenta rikors għad-danni, peress li l-probabbiltà li r-rikors għad-danni għandu jkun ibbażat fuq il-provi kollha li jinsabu fil-fajl relatat ma’ din il-proċedura hija żgħira (sentenza Il‑Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 106).

95      Għalhekk, kull persuna li tkun trid tikseb kumpens għad-dannu sostnut minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE għandha tistabbilixxi l-bżonn li hija għandha li taċċedi għal wieħed mid-dokumenti li jinsab fil-fajl tal-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’, każ b’każ, tibbilanċja l-interessi li jiġġustifikaw il-komunikazzjoni ta’ tali dokumenti u l-protezzjoni tagħhom, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti tal-kawża (sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 107).

96      Fin-nuqqas ta’ tali bżonn, l-interess għall-kisba ta’ kumpens għad-dannu sostnut minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma jistax jikkostitwixxi interess pubbliku superjuri, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 (sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 108).

97      F’dan il-każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilixxiet fiex l-aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru jew għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kien neċessarju b’mod li interess superjuri jiġġustifika l-iżvelar tagħhom skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

98      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li din il-parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura fundamentali tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti

99      Ir-rikorrenti ssostni li d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti huwa dritt fundamentali li l-protezzjoni tiegħu ma sservix biss l-interess individwali tad-detentur tiegħu. Id-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mir-rieda oġġettiva tiegħu li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati, rekwiżit li jaqa’ taħt l-interess pubbliku ġenerali u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni matul l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001.

100    Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti fir-realtà ssostni li kull talba għal aċċess għal dokumenti, bħala espressjoni ta’ dritt fundamentali għat-trasparenza, għandha interess pubbliku superjuri fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Dan ikollu l-konsegwenza li jkun impossibbli li l-eċċezzjonijiet previsti bl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiġu applikati, għaliex dawn ikunu saru mingħajr kontenut.

101    Għaldaqstant, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

–       Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-partijiet preċedenti kollha f’daqqa

102    Ir-rikorrenti ssostni li, filwaqt li t-tliet partijiet preċedenti juru li jeżistu diversi interessi pubbliċi li, meħuda b’mod iżolat, jiġġustifika l-aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, il-ġustifikazzjoni tkun iktar u iktar ċara meta wieħed jikkunsidra dawn l-interessi kollha f’daqqa.

103    B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta li ngħatat għat-tliet partijiet preċedenti, din il-parti wkoll għandha tinċaħad.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn il-Kummissjoni kellha tagħti lir-rikorrenti aċċess parzjali għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kif ukoll tgħaddilha verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru

105    Dan il-motiv jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati fuq l-obbligu tal-Kummissjoni, minn naħa, li tagħti lir-rikorrenti aċċess parzjali għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru u, min-naħa l-oħra, li tgħaddilha verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, rispettivament.

106    Il-Kummissjoni, sostnuta minn Air Canada u minn Société Air France, issostni li dawn iż-żewġ partijiet huma infondati.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti lir-rikorrenti aċċess parzjali għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru

107    Ir-rikorrenti ssostni li, anki fl-ipoteżi fejn ir-rifjut ta’ aċċess għall-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kollu kien ġustifikat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ma tatx aċċess parzjali għall-imsemmi fajl.

108    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-dokumenti li jagħmlu parti mill-fajl dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kienu koperti mill-preżunzjoni ġenerali msemmija fil-punt 57 iktar ’il fuq u li ebda interess pubbliku superjuri ma kien jiġġustifika l-iżvelar tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dawn id-dokumenti ma jaqgħux taħt l-obbligu ta’ żvelar, integrali jew parzjali, tal-kontenut tagħhom, u dan skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Enbw Energie Baden-Württemberg, punt 42 iktar ’il fuq, punt 134).

109    Għaldaqstant din il-parti għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-obbligu tal-Kummissjoni li tgħaddi lir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru

110    Ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk wieħed jippreżupponi li l-Kummissjoni setgħet tiċħad it-talba tagħha għal aċċess għall-verżjoni integrali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, hija kellha tilqa’ t-talba għal aċċess tagħha għal verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni, u l-Kummissjoni tikkontesta dan.

111    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001, jekk parti biss mid-dokument mitlub tkun koperta minn waħda jew iktar mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu, il-partijiet l-oħra tad-dokument għandhom jiġu żvelati. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżami tal-aċċess parzjali għal dokument tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jsir fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il‑Kunsill vs Hautala, C‑353/99 P, Ġabra p. I‑9565, punti 27 u 28).

112    Mill-kliem innifsu tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li istituzzjoni hija marbuta li teżamina jekk għandux jingħata aċċess parzjali għad-dokumenti koperti minn talba għal aċċess billi tillimita rifjut eventwali biss għall-informazzjoni koperta mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001. L-istituzzjoni għandha tagħti aċċess parzjali bħal dan jekk l-għan imfittex minnha, meta hija tirrifjuta l-aċċess għad-dokument, jista’ jintlaħaq fl-ipoteżi fejn hija tillimita ruħha li taħbi l-partijiet li jistgħu jippreġudikaw l-interess pubbliku protett (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ April 2007, WWF European Policy Programme vs Il-Kunsill, T‑264/04, Ġabra p. II‑911, punt 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kunsill vs Hautala, punt 111 iktar ’il fuq, punt 29).

113    Issa, minn qari tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 u tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(2) ta’ dan l-istess regolament flimkien jirriżulta li, meta l-interess pubbliku superjuri msemmi f’din l-aħħar dispożizzjoni jkun jiġġustifika l-iżvelar ta’ parti minn dokument, l-istituzzjoni tal-Unjoni li quddiemha titressaq it-talba għal aċċess tkun obbligata tagħti l-aċċess lil din il-parti.

114    Mill-punti 80 u 81 iktar ’il fuq jirriżulta li għandha tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri sabiex il-pubbliku jkun jista’ jsir jaf ċerti elementi essenzjali tal-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, liema interess jeżiġi l-iżvelar tal-informazzjoni li tippermetti li wieħed jifhem, b’mod partikolari, ir-riżultat tal-proċedura u r-raġunijiet li ggwidaw l-attività tal-Kummissjoni.

115    Sabiex tiġi identifikata l-informazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, skont l-Artikolu 30(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu tal-impriżi li s-sigriet tan-negozju tagħhom ma jiġix żvelat, hija obbligata tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tadotta skont l-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament, u ssemmi l-isem tal-partijiet ikkonċernati u l-partijiet essenzjali tad-deċiżjoni, inklużi s-sanzjonijiet imposti. Fil-fatt, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-neċessità li titwettaq applikazzjoni koerenti tar-Regolamenti Nru 1049/2001 u Nru 1/2003 (ara l-punt 50 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ma tistax tirrifjuta, skont ir-Regolament Nru 1049/2001, li tgħaddi dokument li hija, fi kwalunkwe każ, kienet obbligata tippubblika b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003.

116    Għaldaqstant, l-interess pubbliku superjuri għall-iżvelar imsemmi fil-punt 114 iktar ’il fuq ma jistax ikun issodisfatt mis-sempliċi pubblikazzjoni ta’ stqarrija għall-istampa li tinforma bl-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, anki fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, din l-istqarrija tiddeskrivi fil-qosor il-ksur ikkonstatat, tidentifika l-impriżi li tqiesu responsabbli għal dan il-ksur u tindika l-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda minnhom, sakemm tali stqarrija ma tirriproduċix il-partijiet essenzjali tad-deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Dan l-interess pubbliku jeżiġi l-pubblikazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

117    Il-Kummissjoni għaldaqstant kienet obbligata tgħaddi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru lir-rikorrenti wara t-talba mressqa minnha, u dan jikkostitwixxi aċċess parzjali għal din id-deċiżjoni, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001.

118    Kif huwa indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eżaminat it-talba għal aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru fit-tieni inċiż tat-Taqsima 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“F’dak li jikkonċerna t-talba alternattiva tiegħek, nixtieq ninfurmak li għadha ma ġietx stabbilita verżjoni mhux kunfidenzjali tad-[deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru]. Id-dipartimenti tal-Kummissjoni bħalissa qegħdin jippreparaw din il-verżjoni mhux kunfidenzjali u qegħdin isiru xi diskussjonijiet mal-partijiet sabiex jiġi stabbilit liema partijiet ma għandhomx jiġu ppubblikati. Kif taf, il-proċess ta’ ħolqien ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-akkordji jieħu ħafna ħin. Billi bħalissa ma teżisti ebda verżjoni mhux kunfidenzjali, it-talba tiegħek skont ir-Regolament Nru 1049/2001 hija mingħajr skop. Madankollu ser nibagħtulek kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ladarba din tiġi ffinalizzata.”

119    Ir-rikorrenti ssostni li din il-parti tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi interpretata b’mod litterali u li, għaldaqstant, ifisser li l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tagħha għal aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru għas-sempliċi raġuni li din il-verżjoni ma kinitx teżisti.

120    Kif indikat ir-rikorrenti, li kieku tali raġuni ta’ ċaħda kellha tintlaqa’, il-Kummissjoni tkun tista’ tirrifjuta b’mod sistematiku l-aċċess parzjali għal kull dokument li jkun fih informazzjoni kunfidenzjali. Fil-fatt, l-għoti ta’ aċċess parzjali jeħtieġ, fil-prattika, il-preparazzjoni ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokument mitlub u, għaldaqstant, il-Kummissjoni tkun tista’ tibqa’ kull darba tikkonstata l-ineżistenza ta’ din il-verżjoni.

121    Ċertament, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tgħaddi kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru lir-rikorrenti meta din tkun iffinalizzata. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ċaħditx it-talba għal aċċess tar-rikorrenti għal verżjoni mhux kunfidenzjali minħabba li din il-verżjoni ma kinitx teżisti, imma minħabba li l-aċċess għaliha ma setax jingħata ħlief f’mument iktar tard u mhux stabbilit.

122    Il-Kummissjoni ssostni li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tgħaddi lir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li qabelxejn kien hemm bżonn li jsiru diskussjonijiet mal-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru dwar l-informazzjoni li għandha titħassar mill-verżjoni kunfidenzjali ta’ din id-deċiżjoni.

123    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprovdi li:

“Applikazzjoni konfermatorja għandha tiġi proċessata mal-ewwel. Sa żmien 15-il jum utli [tax-xogħol] mir-reġistrazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-istituzzjoni għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tagħti aċċess skond l-Artikolu 10 f’dak il-perjodu jew, fi tweġiba bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. Fil-każ ta’ rifjut totali jew parzjali, l-istituzzjoni għandha tavża l-applikant dwar ir-rimedji tiegħu jew tagħha, jiġi-fieri proċeduri fil-qrati kontra l-istituzzjoni u/jew ilment lill-Ombudsman, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli [263 TFUE] u [228 TFUE], rispettivament.”

124    L-Artikolu 8(2) tal-istess regolament jipprovdi:

“F’każijiet eċċezzjonali, per eżempju fil-każ ta’ applikazzjoni dwar dokument twil ħafna jew dwar numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu previst fil-paragrafu 1 jista’ jiġi estiż bi 15 il-jum utli [tax-xogħol], sakemm l-applikant jiġi avżat minn qabel u jingħataw raġunijiet dettaljati.”

125    It-terminu previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1049/2001 huwa ta’ natura imperattiva u ma jistax jittawwal f’ċirkustanzi li ma humiex dawk previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, inkella dan l-artikolu jiġi mċaħħad mill-effettività tiegħu, peress li ma jibqax possibbli għall-applikant li jkun jaf b’mod eżatt mil-liema data jkun jista’ jippreżenta r-rikors jew l-ilment previsti fl-Artikolu 8(3) tal-imsemmi regolament (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Settembru 2010, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑494/08 sa T‑500/08 u T‑509/08, Ġabra p. II‑5723, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

126    Għaldaqstant għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ġew interpretati mill-ġurisprudenza, ma jipprevedux il-possibbiltà għall-Kummissjoni li twieġeb għal applikazzjoni konfermatorja li l-aċċess għal dokument mitlub ser jingħata f’mument iktar tard u mhux stabbilit.

127    Madankollu, il-qorti tal-Unjoni qieset li ċerti dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni li kienu jipprevedu kemm l-aċċess tal-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni għall-fajl tal-Kummissjoni, kemm għat-trażmissjoni mingħajr dewmien, mill-Kummissjoni, ta’ informazzjoni fil-pussess tagħha lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri, kellhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tal-liġi tal-impriżi għall-protezzjoni tas-sigriet tan-negozju tagħhom, li huwa espress fl-Artikolu 339 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 28, u tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni, C‑36/92 P, Ġabra p. I‑1911, punt 36).

128    B’hekk, hekk kif il-Kummissjoni u ċerti intervenjenti jirrilevaw, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta impriża ssostni li dokument li jikkonċernaha fih sigriet tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, il-Kummissjoni ma għandhiex tgħaddiha qabel ma tkun osservat diversi stadji. Qabelxejn, il-Kummissjoni għandha tagħti l-possibbiltà lill-impriża inkwistjoni li ssostni l-perspettiva tagħha. Sussegwentement, dwar dan is-suġġett hija għandha tieħu deċiżjoni debitament motivata li għandha tiġi mgħarrfa biha l-impriża. Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-preġudizzju estremament serju li jista’ jirriżulta mill-komunikazzjoni irregolari ta’ dan id-dokument, il-Kummissjoni għandha, qabel teżegwixxi d-deċiżjoni tagħha, tagħti lill-impriża l-possibbiltà li tadixxi lill-qorti tal-Unjoni sabiex jiġu mistħarrġa l-evalwazzjonijiet magħmula u sabiex ixxekkel li l-komunikazzjoni sseħħ (sentenzi AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punt 29, u SEP vs Il-Kummissjoni, punt 127 iktar ’il fuq, punti 38 u 39; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C‑450/06, Ġabra p. I‑581, punt 54).

129    Abbażi ta’ dawn l-osservazzjonijiet, għandu jiġi aċċettat li l-istabbiliment ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jista’ jieħu ċertu żmien, li ma huwiex konċiljabbli mat-termini previsti fil-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1049/2001 għat-tweġibiet għall-applikazzjonijiet konfermatorji, sabiex ikunu jistgħu debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-impriżi kkonċernati li invokaw speċifikament il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni.

130    Madankollu, fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju ta’ trasparenza fis-sistema kostituzzjonali tal-Unjoni u fid-dawl tal-obbligu li fil-prinċipju jaqa’ fuq il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll skont l-obbligu ġenerali tagħha ta’ diliġenza, li tipproċessa l-applikazzjonijiet konfermatorji minnufih, hija għandha tagħmel ħilitha sabiex twettaq l-istadji msemmija fil-punt 128 iktar ’il fuq fl-iqsar żmien possibbli u, fi kwalunkwe każ, f’terminu raġonevoli li għandu jiġi ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull kawża. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru pjuttost kbir ta’ talbiet għal ipproċessar kunfidenzjali mqajma mill-impriżi kkonċernati u l-kumplessitajiet tekniċi u legali tagħhom.

131    F’dan il-każ, il-Kummissjoni pprovdiet, b’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, informazzjoni ddettaljata dwar, minn naħa, in-numru ta’ talbiet għal ipproċessar kunfidenzjali fir-rigward tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru li kellha quddiemha matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ xogħol ikkawżat mill-ipproċessar ta’ dawn it-talbiet.

132    Minn din l-informazzjoni qabelxejn jirriżulta li, fl-10 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni talbet lill-impriżi kkonċernati mid-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru sabiex tgħaddilha l-partijiet ta’ din id-deċiżjoni li, fl-opinjoni tagħhom, kellhom jitqiesu li jikkostitwixxu sigriet tan-negozju jew informazzjoni kunfidenzjali. Bejn it-30 ta’ Diċembru 2010 u t-12 ta’ April 2011, il-Kummissjoni rċeviet talbiet għal ipproċessar kunfidenzjali, xi drabi voluminużi, minn erbatax minn dawn l-impriżi.

133    Sussegwentement, fl-20 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi msemmija fil-punt ta’ qabel dan abbozz ta’ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, li ma kienx għadha fiha ċertu informazzjoni li tagħha ntalbet il-kunfidenzjalità. Issa, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sitta minn dawn l-impriżi kienu għadhom qegħdin jitolbu l-kunfidenzjalità ta’ parti sostanzjali minn dan l-abbozz u erbgħa oħra kienu għadhom ma tawx il-kunsens tagħhom għall-pubblikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, erbgħa biss mill-impriżi kkonċernati kienu taw il-kunsens tagħhom fuq dan il-punt.

134    Fid-dawl tan-numru u l-ammont kbir tat-talbiet ta’ kunfidenzjalità li l-Kummissjoni kellha quddiemha, it-terminu ta’ tmien xhur u ħamsa u għoxrin jum li għaddew bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru (9 ta’ Novembru 2010) u dik tad-deċiżjoni kkontestata (3 ta’ Awwissu 2011) ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli.

135    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tatx prova ta’ negliġenza fl-ipproċessar tal-applikazzjoni konfermatorja f’dak li jikkonċerna l-partijiet tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru li l-kunfidenzjalità tagħha, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kompliet tintalab mill-impriżi kkonċernati minn din id-deċiżjoni. Fir-rigward ta’ dawn il-partijiet tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru, għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma nkisirx u, konsegwentement, din il-parti għandha tiġi miċħuda.

136    Madankollu, la mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni b’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas mill-informazzjoni pprovduta matul is-seduta ma jirriżulta li l-kunfidenzjalità tat-totalità tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru kienet intalbet mill-impriżi msemmija f’din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-unika informazzjoni li tinsab fir-risposta tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti Ġenerali rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kawża preżenti, jiġifieri dawk li jikkonċernaw il-perijodu ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma jippermettux li wieħed jikkunsidra li, matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, it-talbiet għal kunfidenzjalità eżistenti kienu jirrigwardaw elementi ta’ tant importanza li verżjoni tal-imsemmija deċiżjoni mnaddfa minn dawn l-elementi ma kinitx tkun tinftiehem.

137    Għaldaqstant xejn ma kien ixekkel lill-Kummissjoni milli tikkomunika lir-rikorrenti l-parti tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru li fir-rigward tagħha ma kien hemm ebda talba għal kunfidenzjalità.

138    Sussegwentement, il-Kummissjoni kienet obbligata tipprovdi lir-rikorrenti, fuq talba tagħha, tali verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tistenna li t-talbiet kollha għal ipproċessar kunfidenzjali, imressqa mill-impriżi kkonċernati, ikunu ġew riżolti definittivament.

139    Fil-fatt, minn naħa, tali approċċ jikkonforma mal-ispirtu tar-Regolament Nru 1049/2001, li l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) u (2) tiegħu jeħtieġu pproċessar mill-ewwel tat-talbiet għal aċċess għal dokumenti u li l-Artikolu 4(6) tiegħu jimponi fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-obbligu li jagħtu aċċess għall-partijiet tad-dokumenti mhux ikkonċernati minn eċċezzjoni msemmija fl-istess artikolu.

140    Min-naħa l-oħra, li kieku l-Kummissjoni kienet awtorizzata ma tikkomunikax il-partijiet tad-deċiżjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE li tagħhom intalbet il-kunfidenzjalità, ma toħloq ebda dubju sad-data li fiha jew l-impriżi kollha kkonċernati minn dawn id-deċiżjonijiet jagħtu l-kunsens tagħhom għall-pubblikazzjoni, jew sad-data li fiha l-istadji kollha msemmija fil-punt 128 jitwettqu, dawn l-impriżi jkunu mħeġġa jqajmu oġġezzjonijiet u li jżommuhom mhux biss sabiex jipproteġu t-talbiet leġittimi tagħhom ta’ kunfidenzjalità, iżda wkoll sabiex idewmu l-pubblikazzjoni bil-għan li jxekklu l-possibbiltajiet tal-impriżi jew tal-konsumaturi li jqisu lilhom infushom leżi mill-aġir tagħhom fil-kawża tagħhom għad-danni quddiem il-qrati nazzjonali.

141    Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(6) tar-Regolament Nru 1049/2001 billi ma għaddietx lir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni dwar il-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru mnaddfa minn informazzjoni li l-kunfidenzjalità tagħha kienet għadha qiegħda tintalab mill-impriżi kkonċernati.

142    Għaldaqstant din il-parti għandha tintlaqa’ sa fejn tikkonċerna din l-informazzjoni u, konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata parzjalment.

143    Il-kumplament ta’ dan il-motiv, kif ukoll tar-rikors, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

144    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

145    F’dan il-każ, filwaqt li r-rikorrenti u l-Kummissjoni kienu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-parti essenzjali tar-rikors ġiet miċħuda. Għaldaqstant hemm lok li jiġi ordnat li r-rikorrenti tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni.

146    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti, barra mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża, l-Istati kontraenti fil-Ftehim ŻEE barra mill-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA), għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

147    F’dan il-każ, hemm lok li l-partijiet intervenjenti jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Awwissu 2011, li tirrifjuta l-aċċess għall-fajl amministrattiv tad-deċiżjoni C (2010) 7694 finali (Każ COMP/39.258 – Ġarr ta’ merkanzija bl-ajru), għall-verżjoni integrali ta’ din id-deċiżjoni u għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tagħha hija annullata, sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għall-parti tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni li tagħha l-impriżi kkonċernati minnha ma kinux talbu, jew ma għadhomx jitolbu, il-kunfidenzjalità.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Schenker AG hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess, kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

4)      Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV, Martinair Holland NV, Société Air France SA, Cathay Pacific Airways Ltd, Air Canada, Lufthansa Cargo AG u Swiss International Air Lines AG għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Kanninen

Pelikánová

Buttigieg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ottubru 2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.