Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzgericht (l-Awstrija) fil-21 ta’ Ġunju 2021 – P GmbH vs Finanzamt Österreich

(Kawża C-378/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: P GmbH

Konvenut: Finanzamt Österreich

Domandi preliminari

Il-VAT hija dovuta mill-emittent ta’ fattura skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 meta, bħal f’dan il-każ, ma jistax ikun hemm riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali peress li d-destinatarji tas-servizzi ma humiex konsumaturi finali li jibbenefikaw mid-dritt għal tnaqqis?

Jekk tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u l-VAT ikollha titħallas mill-emittent tal-fattura skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva dwar il-VAT:

Il-korrezzjoni tal-fatturi fir-rigward tal-benefiċjarji tas-servizzi tista’ tiġi prekluża jekk, minn naħa, ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali jkun eskluż u jekk, min-naħa l-oħra, il-korrezzjoni tal-fatturi tkun effettivament impossibbli?

Il-fatt li l-konsumaturi finali jkunu sostnew it-taxxa fil-kuntest tal-korrispettiv imħallas u li, għalhekk, ikun hemm arrikkiment tal-persuna taxxabbli bil-korrezzjoni tal-VAT jipprekludi l-korrezzjoni tal-VAT?

____________

1 ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60