Language of document : ECLI:EU:C:2018:775

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Settembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 13 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 18, Artikolu 19(2) u Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Prinċipju ta’ non‑refoulement – Deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi l-obbligu ta’ ritorn – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-tieni livell ta’ azzjoni ġudizzjarja fil-qasam tal-ażil – Effett sospensiv ipso jure limitat għall-appell fl-ewwel istanza”

Fil-Kawża C-180/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ April 2017, fil-proċedura

X,

Y

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Y u X, minn J. Pieters, advocaat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer kif ukoll minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u C. Van Lul, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. Condou‑Durande kif ukoll minn G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18, tal-Artikolu 19(2) u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X u Y, minn naħa, u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) fir-rigward taċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn adottati fil-konfront tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati

3        L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 137, Nru 2545 (1954)), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li min-naħa tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), intitolat “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulement”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, refuġjat fuq il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, is-sħubija tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-KEDB

4        Il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, intitolat “Projbizzjoni tat-tortura”:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

5        L-Artikolu 13 ta’ din il-konvenzjoni huwa redatt kif ġej:

“Kull min ikollu miksura d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu kontemplati f’din il-Konvenzjoni għandu jkollu rimedju effettiv quddiem awtorità nazzjonali għalkemm dak il-ksur ikun sar minn persuni li jkunu qed jaġixxu f’kariga uffiċjali.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2013/32

6        Il-premessi 12 u 60 tad-Direttiva 2013/32 jiddikjaraw:

“(12)      L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva hu li jiġu żviluppati aktar l-istandards għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali bl-għan li tiġi stabbilita proċedura komuni tal-asil fl-Unjoni.

[…]

(60)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. […]”

7        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Ambitu”, jipprevedi, fis-subparagrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.”

8        L-Artikolu 46 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jipprevedi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)      deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

3.      Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza.

[…]

5.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.

6.      Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

a)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala manifestament bla bażi taħt l-Artikolu 32(2) jew bla bażi wara eżami f’konformità mal-Artikolu 31(8), ħlief każijiet fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq iċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt (h) tal-Artikolu 31(8)(h);

b)      li tikkunsidra applikazzjoni bħala inammissibbli taħt l-Artikolu 33(2)(a), (b) jew (d);

c)      li tirrifjuta l-ftuħ mill-ġdid tal-każ tal-applikant wara li ma tkompliex taħt l-Artikolu 28; jew

d)      li ma tiġix eżaminata jew ma tiġix eżaminata kompletament l-applikazzjoni taħt l-Artikolu 39,

qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.

[…]”

 Id-Direttiva 2008/115

9        Il-premessi 2, 4 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jiddikjaraw:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)      Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(24)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

10      L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, jipprevedi li din tapplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru.

11      Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [Direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

[…]”

12      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

[…]”

13      L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Rimedji”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.

2.      L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

[…]”

 Id-dritt Olandiż

14      Fid-dritt Olandiż, ir-rikorsi fl-ewwel istanza ppreżentati quddiem ir-rechtbank (qorti, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għandhom effett sospensiv ipso jure. Jekk ikun possibbli li jsir appell minn sentenza mogħtija mir-rechtbank (qorti) li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, il-proċedura ta’ appell ma jkollhiex effett sospensiv ipso jure. Madankollu r-rikorrent jista’ jitlob lill-voorzieningenrechter (imħallef għal miżuri provviżorji) tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex jieħu miżuri provviżorji, sabiex jevita b’mod partikolari li jiġi mkeċċi, fl-istennija tal-konklużjoni tal-proċedura ta’ appell fuq il-merti. Din it-talba għal miżuri provviżorji ma għandhiex, min-naħa tagħha, effett sospensiv ipso jure.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      X u Y, ċittadini Russi, ġew innotifikati b’deċiżjoni li tirrifjuta li tilqa’ l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u li timponilhom obbligu ta’ ritorn. Peress li r-rikorsi tal-appell tagħhom ippreżentati quddiem ir-rechtbank den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra dawn id-deċiżjonijiet ġew miċħuda, huma appellaw mis-sentenzi mogħtija quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat). Fl-assenza ta’ effett sospensiv ipso jure, huma talbu lill-qorti tar-rinviju, permezz ta’ talba għal miżuri provviżorji, sabiex jittieħdu miżuri provviżorji fl-istennija ta’ deċiżjoni fuq il-mertu. Din il-qorti laqgħet din it-talba għal miżuri provviżorji u ddeċidiet li X u Y ma setgħux jitkeċċew qabel il-konklużjoni tal-proċeduri ta’ appell fuq il-mertu. Madankollu, hija tindika, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji kienet iġġustifikata bol-ħtieġa li jiġi evitat li X u Y jitkeċċew qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun setgħet tirrispondi d-domandi preliminari u li hija kellha tiddeċiedi dwar iż-żamma fis-seħħ ta’ dawn il-miżuri provviżorji skont ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 13 tad-Direttiva [2008/115] u tal-Artikoli 4, 18, 19(2) u 47 tal-Karta […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jimponi li appell, jekk id-dritt nazzjonali jkun jipprevedih fil-proċeduri ta’ oppożizzjoni għal miżura li tinkludi deċiżjoni ta’ ritorn fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva [2008/115], ikollu effett sospensiv awtomatiku meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz isostni li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn toħloq riskju gravi ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement? Fi kliem ieħor, f’ipoteżi bħal din, hemm lok li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jiġix imkeċċi matul it-terminu tal-appell jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell, sakemm dan jiġi deċiż, mingħajr ma ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikollu jressaq talba separata f’dan is-sens?

2)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 46 tad-Direttiva [2013/32] u tal-Artikoli 4, 18, 19(2) u 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jimponi li appell, jekk id-dritt nazzjonali jkun jipprevedih fil-proċeduri dwar ċaħda ta’ talba għall-għoti tal-protezzjoni internazzonali, ikollu effett sospensiv awtomatiku? Fi kliem ieħor, f’ipoteżi bħal din, hemm lok li l-applikant ma jiġix imkeċċi matul it-terminu tal-appell jew, jekk ikun ġie ppreżentat appell, sakemm dan jiġi deċiż, mingħajr ma dan l-applikant ikollu jressaq talba separata f’dan is-sens?

3)      Sabiex ikun jeżisti effett sospensiv awtomatiku bħal ma huwa msemmi iktar ’il fuq, huwa importanti li jkun magħruf jekk it-talba għal protezzjoni internazzjonali li kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ rikors u sussegwentement ta’ appell ġietx miċħuda għal raġuni elenkata fl-Artikolu 46(6) tad-Direttiva [2013/32]? Jew inkella l-eżiġenza tapplika għall-kategoriji kollha ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-ażil msemmija f’din id-direttiva?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

17      Il-Gvern Belġjan iqajjem in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi magħmula, minħabba li s-suġġett tagħhom, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ appell, u d-deċiżjoni li dan jingħata, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure, kontra s-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza marbuta ma’ deċiżjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri.

18      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jirrifjutaw li jilqgħu l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u jimponu lill-applikanti obbligu ta’ ritorn, bħad-deċiżjoni li huma s-suġġett tar-rikorsi fil-kawża prinċipali.

19      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-introduzzjoni ta’ appell kontra s-sentenzi mogħtija fl-ewwel istanza relatati ma’ tali deċiżjonijiet u d-deċiżjoni li dan ir-rimedju jingħata, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Istati Membri, din hija indissoċjabbilment marbuta mar-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi magħmula, inkwantu dawn jirrigwardaw speċifikament il-portata tad-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-garanziji previsti fl-Artikolu 18, fl-Artikolu 19(2) u fl-Artikolu 47 tal-Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

20      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi appell kontra sentenza mogħtija fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma tagħtix effett sospensiv ipso jure lil dan ir-rimedju anki meta l-parti kkonċernata tinvoka riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non‑refoulement.

21      Skont l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri jħarsu sabiex l-applikanti jkollhom dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra, b’mod partikolari, deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. Skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva, sabiex jikkonformaw lilhom innifishom ma’ dan id-dritt, l-Istati Membri għandhom iħarsu sabiex rimedju effettiv jipprevedi eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, inkluż, jekk ikun il-każ, eżami tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva 2011/95, mill-inqas fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ rikors quddiem qorti tal-ewwel istanza. Konformement mal-kliem tal-Artikolu 46(5) tad-Direttiva 2013/32, l-Istati Membri għandhom, bla ħsara għall-każijiet imsemmija fis-subparagrafu 6 ta’ dan l-artikolu, obbligu jawtorizzaw lill-applikanti jibqgħu fit-territorju sal-iskadenza tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal rimedju effettiv u, jekk dan id-dritt ikun ġie eżerċitat fit-terminu previst, fl-istennija tal-eżitu tar-rimedju.

22      Skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1) tagħha, iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv sabiex jikkontesta deċiżjoni ta’ ritorn meħuda fir-rigward tiegħu quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew istanza kompetenti magħmula minn membri imparzjali u li jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza.

23      B’hekk, għalkemm li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2013/32 u 2008/115 jimponu lill-Istati Membri sabiex jipprevedu dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li r-rikorsi tagħhom fl-ewwel istanza kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tagħhom u d-deċiżjoni ta’ ritorn ma kellhomx suċċess, id-dritt li jappellaw, u wisq inqas għandhom jipprevedu li l-eżerċizzju ta’ tali dritt ikun mogħni b’effett sospensiv ipso jure.

24      Rekwiżiti ta’ dan it-tip lanqas ma jistgħu jiġu dedotti mill-istruttura u mill-għan ta’ dawn id-direttivi. Fil-fatt, l-għan tal-imsemmija direttivi jikkonsisti, rispettivament, hekk kif jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2013/32, f’li jiġu żviluppati, prinċipalment, ir-regoli li jirrigwardaw il-proċeduri ta’ għoti u ta’ rtirar tal-protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri bil-għan li tiġi stabbilita proċedura ta’ ażil komuni fl-Unjoni kif ukoll, konformement mal-premessi 2 u 4 tad-Direttiva 2008/115, f’li tiġi stabbilita politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ rimpatriju fl-osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (ara, fir-rigward tad-Direttiva 2008/115, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, b’ebda mod ma jirriżulta mill-premessi ta’ dawn id-direttivi li dawn huma intiżi li jobbligaw lill-Istati Membri jintroduċu tieni livell ta’ ġurisdizzjoni.

25      Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva 2013/32, l-obbligu ta’ effettività tar-rimedju jirreferi espressament, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva, għall-“proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”. Sa fejn jirrikjedi eżami komplet u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura legali, dan l-obbligu jirrikjedi biss l-iżvolġiment tal-proċedura ġudizzjarja fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, l-imsemmi obbligu ma jistax, fid-dawl tal-għan tal-imsemmija direttiva, jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jintroduċu tieni livell ta’ ġurisdizzjoni, jew li jipprevedu regoli speċifiċi għall-iżvolġiment ta’ tali appelli.

26      B’hekk, filwaqt, hekk kif jikkonfermaw il-kliem “ta’ mill-inqas” fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jiċħdu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li Stat Membru jipprevedi tieni livell ta’ ġurisdizzjoni għall-eżami tar-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, id-Direttivi 2013/32 u 2008/115 ma jinkludu ebda regola relatata mal-introduzzjoni u t-tfassil ta’ tali livell ta’ ġursdizzjoni. B’mod partikolari, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, la mill-kliem, la mill-istruttura u lanqas mill-għan ta’ dawn id-direttivi ma jirriżulta li meta Stat Membru jipprevedi tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra tali deċiżjonijiet, il-proċedura ta’ appell li jintroduċi għandha neċessarjament tikkonferixxi effett sospensiv ipso jure għall-appelli ppreżentati mill-applikant.

27      Għalhekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/115, bħal dik tad-Direttiva 2013/32, għandha ssir, hekk kif jirriżulta mill-premessa 24 tal-ewwel direttiva u mill-premessa 60 tat-tieni direttiva, fir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 51).

28      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li meta Stat Membru jiddeċiedi li jibgħat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn pajjiż fejn jeżistu raġunijiet serji li wieħed jemmen li dan ikun espost għal riskju reali ta’ trattamenti kuntrarji għall-Artikolu 18 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, hekk kif ikkompletata mill-Protokoll relatat magħha, jew mal-Artikolu 19(2) tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, previst fl-Artikolu 47 tagħha, jirrikjedi li dan l-applikant ikollu rimedju sospensiv ipso jure kontra l-eżekuzzjoni tal-miżura li tippermetti t-tneħħija tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn u ta’ eventwali deċiżjoni ta’ tneħħija, il-protezzjoni inerenti għad-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll għall-prinċipju ta’ non‑refoulement għandha tiġi żgurata billi jiġi rrikonoxxut lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali dritt għal rimedju effettiv sospensiv ipso jure, mill-inqas quddiem istanza ġudizzjarja. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effikaċja sħiħa tar-rikors tal-appell kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi jissospendu l-effetti kollha tad-deċiżjoni ta’ ritorn matul it-terminu tal-preżentata ta’ dan ir-rikors u, jekk dan ir-rikors tal-appell ikun ġie ppreżentat, sakemm tkun ingħatat deċiżjoni dwaru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 56, 58 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Lulju 2018, C et, C‑269/18 PPU, EU:C:2018:544, punt 50).

30      Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, la l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 jew l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 18 u fl-Artikolu 19(2) tagħha, ma jimponu l-eżistenza ta’ livell doppju ta’ ġurisdizzjoni. Hija meħtieġa sempliċement, fil-fatt, l-eżistenza ta’ rikors quddiem istanza ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C‑69/10, EU:C:2011:524, punt 69, u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 57).

31      F’dan ir-rigward, hemm ulterjorment lok li jitfakkar li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan ikun jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47, kif ukoll tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 47 tal-Karta, l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu huwa bbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tħares li l-interpretazzjoni li hija tagħmel tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dik iggarantita mill-Artikolu 13 tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 77, u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci, C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 62).

32      Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, anki fir-rigward ta’ lment ibbażat fuq il-fatt li t-tneħħija tal-parti kkonċernata tkun tesponih għal riskju reali li jġarrab trattament kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-KEDB, l-Artikolu 13 ta’ din il-Konvenzjoni ma timponix fuq il-Partijiet Għolja Kontraenti l-obbligu li jintroduċu tieni livell ta’ ġurisdizzjoni, u lanqas li jinkludu, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure fi proċedura ta’ appell (ara, f’dan is-sens, Il‑Qort Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 5 ta’ Lulju 2016, A.M. vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2016:0705JUD002909409, punt 70).

33      Għalhekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2) kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta, lil applikant għal protezzjoni internazzjonali kontra deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu u li timponilu obbligu ta’ ritorn hija limitata għall-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju wieħed.

34      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi speċifikat li l-introduzzjoni ta’ tieni livell ta’ ġurisdizzjoni kontra d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u kontra d-deċiżjonijiet ta’ ritorn kif ukoll id-deċiżjoni li dan ikun jinkludi, jekk ikun il-każ, effett sospensiv ipso jure jikkostitwixxu, kuntrarjament għall-argument li jinvoka l-Gvern Belġjan, espost fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, modalitajiet proċedurali li jimplimentaw id-dritt għal rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115. Filwaqt li tali modalitajiet proċedurali jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huma għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑169/14, EU:C:2014:2099, punti 31, 36 u 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tas‑16 ta’ Lulju 2015, Sánchez Morcillo u Abril García, C‑539/14, EU:C:2015:508, punt 33).

35      B’hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-modalitajiet proċedurali tal-azzjonijiet intiżi għas-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw azzjonijiet simili fid-dritt intern (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu mfassla b’mod li jagħmlu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (il-prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 25, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      L-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandha tiġi analizzata billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura fl-intier tagħha, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Levez, C‑326/96, EU:C:1998:577, punt 44, u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting‑04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-osservanza tiegħu jirrikjedi trattament ugwali tar-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk, simili, ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda mhux l-ekwivalenza tar-regoli proċedurali nazzjonali applikabbli għal kontenzjuż ta’ natura differenti (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      B’hekk, jeħtieġ, minn naħa, li jiġu identifikati l-proċeduri jew l-azzjonijiet paragunabbli u, min-naħa l-oħra, li jiġi determinat jekk l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali humiex itrattati b’mod iktar favorevoli mill-azzjonijiet li jirrigwardaw is-salvagwardja tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2015, Baczó u Vizsnyiczai, C‑567/13, EU:C:2015:88, punt 45, kif ukoll tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 19).

39      Fir-rigward tan-natura paragunabbli tal-azzjonijiet, hija l-qorti nazzjonali, li għandha għarfien dirett tal-modalitajiet proċedurali applikabbli, li għandha tivverifika x-xebh tal-azzjonijiet ikkonċernati mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-iskop tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting‑04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39, u tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 20).

40      Fir-rigward tat-trattament simili tal-azzjonijiet, jeħtieġ li jitfakkar li kull każ fejn tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali dwar l-azzjonijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni hijiex inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw azzjonaijiet simili ta’ natura interna għandu jiġi analizzat mill-qorti nazzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura fl-intier tagħha, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem il-varji istanzi nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 21).

41      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha li, f’ċerti oqsma tad-dritt amministrattiv minbarra l-qasam tal-protezzjoni internazzjonali, id-dritt Olandiż jinkludi effett sospensiv ipso jure fl-appelli. Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat li ebda waħda mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja ma esprimiet dubji fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fi kwalunkwe każ, il-fajl għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ma jinkludi ebda element li jippermetti li jiġi evalwat jekk l-appelli ppreżentati f’dawn l-oqsma humiex paragunabbli, mill-perspettiva tas-suġġett tagħhom, tal-iskop tagħhom u tal-elementi essenzjali tagħhom, għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas ma jippermetti li jiġi eżaminat jekk l-ewwel appelli għandhomx jitqiesu bħala inqas favorevoli mit-tieni fid-dawl tal-elementi msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi msemmija fil-punti 36 sa 41 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Dimos Zagoriou, C‑217/16, EU:C:2017:841, punt 24).

43      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hemm lok li jitqies li dan ma jinkludix, f’dan il-każ, rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari mid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantiti mill-Karta. Issa, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-garanziji li jinsabu fl-Artikolu 18 u l-Artikolu 19(2) tagħha, jirrikjedi biss li applikant għal protezzjoni internazzjonali li fil-konfront tiegħu tkun ingħatat deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni tiegħu u li fir-rigward tiegħu tkun ġiet adottata deċiżjoni ta’ ritorn ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv quddiem istanza ġudizzjarja, is-sempliċi fatt li livell ta’ ġurisdizzjoni supplimentari, previst mid-dritt nazzjonali, ma jkunx mogħni b’effett sospensiv ipso jure ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li ma tteħidx inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi magħmula tkun li l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi appell kontra sentenza fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma tinkludix effett sospensiv ipso jure f’dan ir-rimedju anki meta l-persuna kkonċernata tinvoka riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

 Fuq it-tielet domanda

45      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali u l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 18 u tal-Artikolu 19(2), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi appell kontra sentenza fl-ewwel istanza li tikkonferma deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li timponi obbligu ta’ ritorn, ma tinkludix effett sospensiv ipso jure f’dan ir-rimedju anki meta l-persuna kkonċernata tinvoka riskju serju ta’ ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement.

Firem