Language of document : ECLI:EU:C:2018:308

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Mejju 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil, immigrazzjoni – Artikolu 20 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 24 – Direttiva 2008/115/KE – Artikoli 5 u 11 – Ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju – Applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu – Rifjut li tiġi eżaminata l-applikazzjoni”

Fil-Kawża C‑82/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

K.A.,

M.Z.,

M.J.,

N.N.N.,

O.I.O.,

R.I.,

B.A.

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič u C. Vajda, Presidenti tal-Awla, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas, S. Rodin, F. Biltgen u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal K.A., M.Z. u B.A., minn J. De Lien, advocaat,

–        għal M.J., minn W. Goossens, advocaat,

–        għal N.N.N., minn B. Brijs, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn C. Decordier, D. Matray u T. Bricout, advocaten,

–        għall-Gvern Elleniku, minn T. Papadopoulou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u C. Cattabriga kif ukoll minn P.J.O. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ seba’ tilwimiet bejn K.A. M.Z., M.J., N.N.N., O.I.O., R.I. u B.A u l-gemachtigde van de staatssecretaris voor Asiel en Migratie, Maatschappelijke Integratie en Armoedebestrijding (ir-Rappreżentant tas-Segretarju tal-Istat għall-Ażil u l-Migrazzjoni, għall-Integrazzjoni Soċjali u għall-Ġlieda Kontra l-Faqar, iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali kompetenti”) dwar id-deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja u, skont il-każ, li joħroġ fil-konfront tagħhom ordni ta’ tluq mit-territorju jew ordni sabiex jikkonformaw ruħhom mal-ordni ta’ tluq mit-territorju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 2 u 6 tad-Direttiva 2008/115 jgħidu li:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(6)      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta’ soġġorn illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta’ din id-Direttiva.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni] kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-istess direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni [direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)      ‘soġġorn illegali’ tfisser il-preżenza fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 [tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1)] jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f’dak l-Istat Membru;

(3)      ‘ritorn’ tfisser il-proċess tat-tluq lura ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz – kemm jekk b’konformità volontarja ma’ obbligu ta’ ritorn kif ukoll jekk infurzat – għal:

–        il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew

–        pajjiż ta’ transitu skond ftehim ta’ riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

–        pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)      ‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

(5)      ‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

(6)      ‘projbizzjoni fuq id-dħul [projbizzjoni ta’ dħul]’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

7        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)      l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)      il-ħajja familjari,

(c)      l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

8        L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

[…]”

9        L-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

10      L-Artikolu 11 ta’ din l-istess direttiva jistabbilixxi li:

“1.      Deċiżjonijiet ta’ ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul [projbizzjoni ta’ dħul]:

(a)      jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)      jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F’każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta’ ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.      It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b’kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista’ madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ta’ theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

3.      L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun is-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista’ juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn.

Vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu ngħataw permess ta’ residenza skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza mogħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jkunu vittmi ta’ traffikar tal-bniedem jew li kienu suġġett ta’ azzjoni li tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69], m’għandhomx ikunu s-suġġett ta’ projbizzjoni fuq id-dħul mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, punt (b), u dment li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu ma joħorġux, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali jew f’ċerti kategoriji ta’ każijiet għal raġunijiet oħrajn.

[…]”

 Id-dritt Belġjan

11      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija tal-Barranin (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), jistabbilixxi li:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli inklużi fi trattat internazzjonali, il-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu jista’ joħroġ fil-konfront tal-barrani, li la ma huwa awtorizzat u lanqas ma għandu l-permess sabiex jirrisjedi għal iktar minn tliet xhur jew sabiex jistabbilixxi ruħu fir-Renju, ordni ta’ tluq mit-territorju f’terminu stabbilit jew għandu l-obbligu joħroġ fil-każijiet imsemmija fil-punti 1, 2°, 5°, 11° jew 12°, ordni ta’ tluq mit-territorju f’terminu stabbilit:

[…]

12°      jekk il-barrani jkun suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul li la ma ġiet sospiża u lanqas irtirata.

[…]”

12      L-Artikolu 40a(2) ta’ din il-liġi jipprevedi li:

“Is-segwenti għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni:

1°      il-konjuġi jew il-barrani, li jakkumpanjah jew li jingħaqad miegħu, li miegħu huwa marbut permezz ta’ sħubija rreġistrata meqjusa bħala ekwivalenti għal żwieġ fil-Belġju,

2°      is-sieħeb, li jakkumpanjah jew li jingħaqad miegħu, li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa marbut permezz ta’ sħubija rreġistrata skont il-liġi.

Is-sħab għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)      juru li għandhom relazzjoni ta’ sħubija stabbilita debitament li hija dejjiema u stabbli.

In-natura dejjiema u stabbli ta’ din ir-relazzjoni għandha titqies issodisfatta:

–        jekk is-sħab juru li għixu flimkien fil-Belġju jew f’pajjiż ieħor b’mod mhux interrott għal mill-inqas sena qabel l-applikazzjoni;

–        jew jekk is-sħab juru li kienu jafu lil xulxin mill-inqas sentejn qabel l-applikazzjoni […];

–        jew jekk is-sħab ikollhom wild komuni;

b)      ikunu jgħixu flimkien;

c)      it-tnejn li huma jkunu għalqa l-età ta’ wieħed u għoxrin sena;

d)      ma jkunux miżżewġa u ma jkollhomx relazzjoni ta’ sħubija dejjiema u stabbli ma’ persuna oħra;

[…]

3°      id-dixxendenti u d-dixxendenti tal-konjuġi jew tas-sieħeb tiegħu msemmi fil-punti 1° jew 2°, li ma għalqux l-età ta’ wieħed u għoxrin sena jew li huma dipendenti fuqhom, li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom […];

[…]

5°      il-missier jew l-omm ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li huwa minuri kif imsemmi fil-punt 2°tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(4), bil-kundizzjoni li dan tal-aħħar huwa dipendenti fuqu jew fuqha u li huwa jew hija għandha effettivament il-kustodja tiegħu.”

13      L-Artikolu 40b tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu għandhom japplikaw għal membri tal-familja ta’ ċittadin Belġjan, sakemm ikunu kkonċernati:

–        il-membri tal-familja msemmija fil-punti 1° sa 3°tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40a(2), li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin Belġjan;

–        il-membri tal-familja msemmija fil-punti 4°tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40a(2), li huma l-missier u l-omm ta’ ċittadin Belġjan minuri, li jistabbilixxu l-identità tagħhom permezz ta’ dokument ta’ identità u li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin Belġjan.

Għal dak li jirrigwarda l-membri tal-familja msemmija fil-punti 1° sa 3° tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40a(2), ċittadin Belġjan għandu juri:

–        li għandu mezzi ta’ għajxien stabbli, suffiċjenti u regolari. […]

–        li għandu akkomodazzjoni deċenti li tippermettilu jilqa’ l-membru jew il-membri tal-familja tiegħu li jkunu applikaw sabiex jingħaqdu miegħu […]”.

14      L-Artikolu 43 tal-istess liġi, li japplika wkoll għal membri tal-familja ta’ ċittadin Belġjan skont l-Artikolu 40b tagħha, huwa fformulat kif ġej:

“Id-dħul u r-residenza ma jistgħux jiġu miċħuda liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom għajr għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika u bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-limitazzjonijiet segwenti:

1°      dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jiġu invokati għal skopijiet ekonomiċi;

2°      il-miżuri ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat. L-eżistenza ta’ kundanni kriminali preċedenti ma għandhiex fiha nnifisha tikkostitwixxi raġuni sabiex jittieħdu tali miżuri. Il-kondotta personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li ma humiex marbuta direttament mal-każ individwali kkonċernat jew li jiddependu fuq raġunijiet ta’ prevenzjoni ġenerali ma għandhomx jiġu aċċettati;

[…]

Meta l-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu jkollu l-intenzjoni li jtemm ir-residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ saħħa pubblika, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tar-residenza tal-persuna kkonċernata fir-Renju, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.”

15      L-Artikolu 74/11 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 jistabbilixxi li:

“§ 1er.      It-tul tal-projbizzjoni ta’ dħul għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ.

Id-deċiżjoni ta’ tneħħija għandha tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul ta’ massimu ta’ tliet snin fil-każijiet segwenti:

1°      jekk ma jkun ingħata l-ebda terminu għat-tluq volontarju; jew

2°      jekk deċiżjoni preċedenti ta’ tneħħija ma tkunx ġiet infurzata.

It-terminu massimu ta’ tliet snin imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ ħames snin jekk:

1.      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun wettaq frodi jew uża mezzi illegali oħra sabiex jikseb permess ta’ residenza jew sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu;

2°      iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun ikkuntratta żwieġ, sħubija jew adozzjoni biss sabiex jikseb permess ta’ residenza jew sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu fir-Renju.

Id-deċiżjoni ta’ tneħħija tista’ tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul li teċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jirrappreżenta theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali.

§ 2.      […]

Il-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu jista’ jastjeni milli joħroġ projbizzjoni ta’ dħul f’każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

§ 3.      Il-projbizzjoni ta’ dħul għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi nnotifikata l-projbizzjoni ta’ dħul.

Il-projbizzjoni ta’ dħul ma tistax tikser id-dritt għal protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit fl-Artikoli 9b, 48/3 u 48/4.”

16      Skont Artikolu 74/12 ta’ din il-liġi:

“§ 1er.      Il-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu jista’ jirtira jew jissospendi l-projbizzjoni ta’ dħul għal raġunijiet umanitarji.

[…]

Bla ħsara għal derogi previsti minn trattat internazzjonali, liġi jew digriet irjali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jressaq talba motivata mal-missjoni diplomatika Belġjana jew mal-konsulat kompetenti fil-post ta’ residenza jew ta’ soġġorn tiegħu barra mill-pajjiż.

§ 2.      Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jressaq talba mal-Ministru jew mar-rappreżentant tiegħu sabiex jirtira jew jissospendi l-projbizzjoni ta’ dħul abbażi tal-osservanza tal-obbligu tat-tneħħija li kien ingħata qabel, jekk huwa jipprovdi prova bil-miktub li huwa telaq mit-territorju Belġjan b’konformità sħiħa mad-deċiżjoni ta’ tneħħija.

§ 3.      Deċiżjoni dwar talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul għandha tittieħed mhux iktar tard minn erba’ xhur wara l-preżentazzjoni tagħha. Jekk ebda deċiżjoni ma tittieħed fi żmien erba’ xhur, id-deċiżjoni titqies li hija negattiva.

§ 4.      Matul l-eżami tat-talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jkollu ebda dritt jidħol jew jirrisjedi fir-Renju.

[…]”

17      L-Artikolu 74/13 tal-imsemmija liġi jipprevedi li:

“Meta tittieħed deċiżjoni ta’ tneħħija, il-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma kollha ċittadini ta’ pajjiż terz, membri tal-familja ta’ ċittadini Belġjani li ma eżerċitawx il-libertà ta’ moviment jew ta’ stabbiliment tagħhom. Dawn ir-rikorrenti kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Għal kull wieħed minnhom, din id-deċiżjoni tal-aħħar saret finali u, skont il-qorti tar-rinviju, hija tista’, taħt id-dritt nazzjonali, bħala prinċipju tieqaf teżisti jew tieqaf temporanjament milli tipproduċi l-effetti tagħha biss permezz tal-preżentazzjoni, barra mill-pajjiż, ta’ talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

19      Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw sussegwentement fil-Belġju applikazzjoni għal permess ta’ residenza, fil-kwalità tagħhom ta’ dixxendent dipendenti fuq ċittadin Belġjan (K.A. u M.Z.), ta’ ġenitur ta’ wild minuri Belġjan (M.J., N.N.N., O.I.O. u R.I.) jew ta’ sieħeb konkubin legali f’relazzjoni stabbli ma’ ċittadin Belġjan (B.A.). Dawn l-applikazzjonijiet ma ttiħdux inkunsiderazzjoni mill-awtorità nazzjonali kompetenti għar-raġuni li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li kienet għadha fis-seħħ. L-imsemmija rikorrenti kkontestaw id-deċiżjonijiet kontenzjużi quddiem il-qorti tar-rinviju.

20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod partikolari, għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, K.A., li din tal-aħħar, ta’ nazzjonalità Armena, ġiet innotifikata, fis‑27 ta’ Frar 2013, b’ordni ta’ tluq mit-territorju, akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ tliet snin, għar-raġuni li hija ma kinitx issodisfat l-obbligu ta’ ritorn tagħha u li l-ebda terminu għal ritorn volontarju ma kien ingħatalha, peress li hija kienet tqieset li tikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku wara li nqabdet tisraq minn ħwienet. Fl‑10 ta’ Frar 2014, K.A. u ż-żewġ subien tagħha ppreżentaw, waqt li kienu jinsabu fit-territorju Belġjan, applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja fil-kwalità ta’ dixxendenti dipendenti fuq missierha, ta’ ċittadinanza Belġjana. Fit‑28 ta’ Marzu 2014, l-awtorità nazzjonali kompetenti tat id-deċiżjoni tagħha fil-forma ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju, li permezz tagħha hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni din l-applikazzjoni minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul innotifikata fis‑27 ta’ Frar 2013.

21      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda M.Z., ta’ nazzjonalità Russa, huwa ġie nnotifikat, fit‑2 ta’ Lulju 2014, b’ordni ta’ tluq mit-territorju u bi projbizzjoni ta’ dħul għal perijodu ta’ tliet snin, għar-raġuni li huwa ma kienx issodisfa l-obbligu ta’ ritorn tiegħu u li l-ebda terminu għal ritorn volontarju ma kien ingħatalu, peress li huwa kien tqies li jikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku wara r-redazzjoni ta’ proċess verbal għal serq bi żgass f’garaxx. Fit‑8 ta’ Settembru 2014, M.Z. intbagħat lura bil-forza lejn ir-Russja. Fil‑5 ta’ Novembru 2014, dan tal-aħħar applika, waqt li kien jinsab għal darb’oħra fit-territorju Belġjan, għal permess ta’ residenza, fil-kwalità ta’ dixxendent dipendenti fuq missieru, ċittadin Belġjan. Fid‑29 ta’ April 2015, l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni din l-applikazzjoni minħabba d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul li kienet ġiet imposta fuqu, u, barra minn hekk, ordnatlu jikkonforma ruħu ma’ ordni ta’ tluq mit-territorju.

22      It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda M.J., ta’ nazzjonalità Ugandiża, hija ngħatat ordni, f’żewġ okkażjonijiet, sabiex titlaq mit-territorju, jiġifieri fit‑13 ta’ Jannar 2012 u fit‑12 ta’ Novembru tal-istess sena. Fil‑11 ta’ Jannar 2013, ġiet innotifikata lilha projbizzjoni ta’ dħul għal tliet snin, għar-raġuni li hija ma kinitx ikkonformat ruħha ma’ dawn l-obbligi ta’ ritorn u li l-ebda terminu għal ritorn volontarju ma kien ingħatalha fid-dawl tar-riskju li taħrab marbut mal-assenza ta’ indirizz uffiċjali fil-Belġju u tal-fatt li hija kienet tqieset li tikkostitwixxi perikolu għall-ordni pubbliku wara r-redazzjoni mill-pulizija ta’ proċess verbal għal offiża fuq il-persuna. Fl‑20 ta’ Frar 2014, M.J. applikat, waqt li kienet tinsab fit-territorju Belġjan, għal permess ta’ residenza, fil-kwalità tagħha ta’ ġenitur ta’ wild minuri ta’ nazzjonalità Belġjana, imwieled fis‑26 ta’ Ottubru 2013. Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2014, l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tagħha għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul tal‑11 ta’ Jannar 2013, filwaqt li ordnatilha titlaq mit-territorju.

23      Għal dak li jirrigwarda, ir-raba’ nett, N.N.N., din tal-aħħar, ta’ nazzjonalità Kenjana, kienet is-suġġett ta’ żewġ ordnijiet ta’ tluq mit-territorju, datati l‑11 ta’ Settembru 2012 u t‑22 ta’ Frar 2013 rispettivament. Sussegwentement, N.N.N. welldet tifla li kisbet in-nazzjonalità Belġjana, minn missierha, fit‑3 ta’ April 2014. Fl‑24 ta’ April 2014, N.N.N. kienet is-suġġett ta’ ordni ġdida ta’ tluq mit-territorju u ġiet innotifikata bi projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju ta’ tliet snin talli ma ssodisfatx l-obbligu ta’ ritorn tagħha. Fid‑9 ta’ Settembru 2014, N.N.N. applikat, waqt li kienet tinsab fit-territorju Belġjan, għal permess ta’ residenza, fil-kwalità tagħha ta’ ġenitur ta’ wild minuri ta’ nazzjonalità Belġjana. Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, hija pproduċiet provi ta’ ħlas ta’ manteniment mill-missier tat-tifla tagħha kif ukoll ittra li fiha dan tal-aħħar jiddikjara li huwa ma jistax jieħu ħsieb it-tifla tagħhom full-time u li huwa preferibbli li tibqa’ ma’ ommha. Fl‑4 ta’ Marzu 2015, l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul li kienet ġiet imposta fuq N.N.N., u, barra minn hekk, ordnatilha sabiex tikkonforma ruħha ma’ ordni ta’ tluq mit-territorju.

24      Il-ħames nett, għal dak li jirrigwarda O.I.O., ta’ nazzjonalità Niġerjana, huwa żżewweġ lil R.C., ta’ nazzjonalità Belġjana, li magħha kellu tifla, ta’ nazzjonalità Belġjana. Fil‑11 ta’ Mejju 2010, O.I.O. ġie ikkundannat għal offiża volontarja fuq il-persuna. Wara d-divorzju ta’ O.I.O., R.C. ingħatat l-awtorità esklużiva tal-ġenituri fuq binthom fis‑6 ta’ April 2011. Din tal-aħħar tgħix ma’ ommha, li tirċievi l-allowances tal-familja u l-vantaġġi soċjali l-oħra. Barra minn hekk, id-dritt għal relazzjoni personali ta’ O.I.O. ma’ bintu huwa sospiż provviżorjament. Minħabba d-divorzju tiegħu minn ma’ R.C., ġiet adottata deċiżjoni ta’ revoka tad-dritt ta’ residenza ta’ O.I.O., akkumpanjata minn ordni ta’ tluq mit-territorju. Fit‑28 ta’ Mejju 2013, ġiet innotifikata lilu projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju għal perijodu ta’ tmien snin minħabba li huwa ma kienx issodisfa l-obbligu ta’ ritorn tiegħu u li l-ebda terminu għal ritorn volontarju ma kien ingħatalu għar-raġuni li kien jirrappreżenta riskju serju, reali u attwali għall-ordni pubbliku. Fis‑6 ta’ Novembru 2013, O.I.O. applika, waqt li kien jinsab fit-territorju Belġjan, għal permess ta’ residenza, fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur ta’ wild minuri ta’ nazzjonalità Belġjana. Fit‑30 ta’ April 2014, l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni din l-applikazzjoni minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul tat-28 ta’ Mejju 2013, filwaqt li ordnat lil O.I.O. sabiex jitlaq mit-territorju.

25      Is-sitt nett, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ R.I., ta’ nazzjonalità Albaniża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan huwa l-missier ta’ wild Belġjan. Wara t-twelid ta’ dan il-wild, id-dritt ta’ residenza tiegħu, li huwa kien kiseb b’mod frawdolenti, ġie rrevokat. Projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju għal perijodu ta’ ħames snin ġiet innotifikata lilu wkoll, fis‑17 ta’ Diċembru 2012, talli uża l-frodi jew mezzi illegali oħra sabiex jikseb permess ta’ residenza jew sabiex iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu. Sussegwentement, R.I. żżewweġ fl-Albanija ma’ omm il-wild tiegħu, li hija ta’ nazzjonalità Belġjana. Fil‑21 ta’ Awwissu 2014, R.I. applika, waqt li kien jinsab għal darb’oħra fit-territorju Belġjan, għal permess ta’ residenza, fil-kwalità tiegħu ta’ ġenitur ta’ wild minuri Belġjan. Fit‑13 ta’ Frar 2015, l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni din l-applikazzjoni minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul li kienet ġiet imposta fuqu, u, barra minn hekk, ordnatlu sabiex jikkonforma ruħu ma’ ordni ta’ tluq mit-territorju.

26      Għal dak li jirrigwarda, is-seba’ nett, B.A., ta’ nazzjonalità Gineana, dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ żewġ ordnijiet ta’ tluq mit-territorju, datati t‑23 ta’ Jannar 2013 u d‑29 ta’ Mejju 2013. Fit‑13 ta’ Ġunju 2014, ġiet innotifikata lilu projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju għal perijodu ta’ tliet snin, għar-raġuni li huwa ma kienx issodisfa l-obbligu ta’ ritorn tiegħu. Sussegwentement, B.A., waqt li kien jinsab fit-territorju Belġjan, ikkonkluda kuntratt ta’ koabitazzjoni mas-sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Belġjana u applika għal permess ta’ residenza fil-kwalità tiegħu ta’ sieħeb koabitant legali f’relazzjoni stabbli u dejjiema ma’ ċittadin Belġjan. Fil‑21 ta’ Mejju 2015, l-awtorità nazzjonali kompetenti rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja minħabba l-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tat‑13 ta’ Ġunju 2014, u, barra minn hekk, ordnatlu sabiex jikkonforma ruħu ma’ ordni ta’ tluq mit-territorju.

27      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, qabelxejn, li, skont prassi nazzjonali, applikata fil-każijiet kollha mingħajr il-possibbiltà ta’ adattament għas-sitwazzjoni konkreta, l-applikazzjonijiet għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, u għalhekk ma ġewx eżaminati fuq il-mertu, għar-raġuni li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienu s-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju. Għaldaqstant, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni, fir-rigward ta’ dawn l-applikazzjonijiet, il-ħajja tal-familja, la, fil-każijiet rilevanti, l-interessi tal-minuri, u lanqas il-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-membri tal-familja ta’ nazzjonalità Belġjana. Din il-qorti tenfasizza wkoll li, skont l-awtorità nazzjonali kompetenti, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali l-ewwel għandhom jitilqu mill-Belġju, imbagħad jitolbu s-sospensjoni jew l-irtirar tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, qabel ma jkunu jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għal residenza fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

28      L-imsemmija qorti tosserva f’dan ir-rigward li, skont id-dritt nazzjonali, deċiżjoni dwar it-talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, ippreżentata fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata, għandha tiġi adottata fi żmien erba’ xhur mill-preżentazzjoni tat-talba. Jekk dan ma jkunx il-każ, id-deċiżjoni titqies li hija negattiva. Barra minn hekk, huwa biss wara li tiġi adottata d-deċiżjoni dwar l-irtirar jew is-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li tingħata deċiżjoni, f’terminu ta’ sitt xhur, dwar l-applikazzjoni għal viża ppreżentata, fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja, miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.

29      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata, sussegwentement, li l-kawżi mressqa quddiemha ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), u lanqas taħt dak tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46). Barra minn hekk, hija tosserva li d-diversi ċittadini tal-Unjoni kkonċernati f’dawn il-kawżi abbażi tar-rabta tal-familja, li toħloq konnessjoni bejnhom u bejn ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, ma jivvjaġġawx regolarment lejn Stat Membru ieħor bħala ħaddiema jew fornituri ta’ servizzi, u li dawn la ma żviluppaw u lanqas ma kkonsolidaw ħajja tal-familja ma’ dawn ir-rikorrenti matul perijodu ta’ residenza effettiva fi Stat Membru ieħor għajr il-Belġju.

30      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma jkunx eżerċita d-dritt tiegħu għall-libertà ta’ moviment ma tistax, minħabba dan il-fatt biss, tiġi assimilata ma’ sitwazzjoni purament interna, skont is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), u tal‑5 ta’ Mejju 2011, McCarthy (C‑434/09, EU:C:2011:277).

31      Hija tosserva wkoll li, jekk il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), huma applikabbli biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li dawn huma rriżervati għal sitwazzjonijiet fejn teżisti rabta bijoloġika bejn iċ-ċittadin ta’ Stat terz, li għalih ikun qiegħed jintalab dritt ta’ residenza, u ċ-ċittadin tal-Unjoni, wild ta’ età żgħira. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ta’ età żgħira u ċ-ċittadin ta’ Stat terz, peress li huwa bis-saħħa ta’ din id-dipendenza li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun de facto obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz li fuqu jiddependi ma jingħatax permess ta’ residenza.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva [2008/115] moqrija flimkien mal-Artikoli 7 u 24 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċerti ċirkustanzi, prattika nazzjonali skont liema talba għal residenza fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, imressqa fl-Istat Membru fejn jgħix iċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat li ma għamilx użu mid-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment u ta’ stabbiliment u li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru (iktar ’il quddiem, iċ-‘ċittadin statiku tal-Unjoni’), minn ċittadin ta’ Stat terz membru tal-familja ta’ dan tal-aħħar, tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, flimkien ma’, jew mingħajr, il-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija, għas-sempliċi raġuni li l-membru tal-familja ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat jaqa’ taħt projbizzjoni ta’ dħul applikabbli b’dimensjoni Ewropea?

a)      Sabiex jiġu evalwati ċirkustanzi bħal dawn, huwa rilevanti li teżisti, bejn iċ-ċittadin statiku tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu ċittadin ta’ Stat terz, relazzjoni ta’ dipendenza li tmur lil hinn minn sempliċi rabta ta’ familja? Fl-affermattiv, liema huma l-fatturi rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni ta’ dipendenza? F’dan ir-rigward, jista’ jsir riferiment b’mod utli għall-ġurisprudenza li tirrigwarda l-eżistenza ta’ ħajja tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 [tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)] u tal-Artikolu 7 tal-Karta?

b)      Fir-rigward, b’mod speċifiku, tal-ulied minorenni, l-Artikolu 20 TFUE jeżiġi iktar minn rabta bijoloġika bejn il-ġenitur-ċittadin ta’ Stat terz u l-wild-ċittadin tal-Unjoni? l-prova ta’ koabitazzjoni hija importanti f’dan ir-rigward jew rabtiet ta’ affezzjoni u rabtiet finanzjarji, bħal modalitajiet ta’ akkomodazzjoni jew ta’ żjara u l-pagament ta’ manteniment, huma suffiċjenti? F’dan ir-rigward, jista’ jsir riferiment b’mod utli għall-motivazzjoni tas-sentenzi Ogieriakhi (C‑244/13, EU:C:2014:2068, punti 38 u 39), Singh et (C‑218/14, EU:C:2015:476, punt 54) u O. et, (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 56)? Ara wkoll, f’dan ir-rigward, [is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354)].

c)      Sabiex jiġu evalwati tali ċirkustanzi, huwa importanti li l-ħajja tal-familja bdiet f’mument li fih iċ-ċittadin ta’ Stat terz kien diġà jaqa’ taħt projbizzjoni ta’ dħul u kien jaf, għaldaqstant, li kien qiegħed jirresjedi irregolarment fl-Istat Membru? Din l-informazzjoni tista’ tiġi invokata b’mod utli kontra eventwali użu ħażin tal-proċeduri ta’ residenza fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja?

d)      Sabiex jiġu evalwati tali ċirkustanzi, huwa importanti li l-ebda azzjoni ġudizzjarja fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 ma tressqet kontra d-deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ projbizzjoni ta’ dħul jew li tali azzjoni ġudizzjarja ġiet miċħuda?

e)      Il-fatt li l-projbizzjoni ta’ dħul ġiet imposta għal raġunijiet ta’ natura ta’ ordni pubbliku jew minħabba residenza irregolari huwa element rilevanti? Fl-affermattiv, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat jirrappreżentax theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà? F’din il-perspettiva, l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva [2004/38], li ġew trasposti fl-Artikoli 43 u 45 tal‑[liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980] u l-ġurisprudenza korrispondenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-ordni pubbliku jistgħu jiġu applikati b’mod analogu għall-membri tal-familja ta’ ċittadini statiċi tal-Unjoni [sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675), u tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS (C‑304/14, EU:C:2016:674)])?

2)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali skont liema projbizzjoni ta’ dħul applikabbli tiġi invokata kontra talba għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin statiku tal-Unjoni, imressqa fit-territorju ta’ Stat Membru wara l-ħruġ ta’ din il-projbizzjoni ta’ dħul, sabiex jiġi rrifjutat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija talba mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħajja privata u tal-familja u lanqas l-interess tat-tfal ikkonċernati msemmija f’din it-talba?

3)      Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prattika nazzjonali skont liema deċiżjoni ta’ tneħħija tittieħed kontra ċittadin ta’ Stat terz, diġà suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul applikabbli, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħajja privata u tal-familja u lanqas l-interess tat-tfal ikkonċernati, li huma msemmija f’talba għal [residenza għall-finijiet ta’] riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin statiku tal-Unjoni mressqa wara l-ħruġ ta’ din il-projbizzjoni ta’ dħul?

4)      L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115 jimplika li ċittadin ta’ Stat terz għandu, fil-prinċipju, dejjem iressaq talba għal irtirar jew għal sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul definittiva u applikabbli barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew jeżistu ċirkustanzi li fihom huwa jista’ jressaq din it-talba wkoll fit-territorju tal-Unjoni Ewropea?

a)      It-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tal-istess direttiva, li jipprevedi li l-possibbiltà li tiġi rtirata jew sospiża projbizzjoni ta’ dħul tista’ titqies biss jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz ikkonċernat juri li telaq mit-territorju f’konformità sħiħa mad-deċiżjoni ta’ ritorn, għandu jiġi osservat mingħajr riżerva f’każijiet individwali jew f’kull kategorija ta’ każijiet?

b)      L-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115 jipprekludu interpretazzjoni skont liema talba għal residenza fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin statiku tal-Unjoni, li ma għamilx użu mid-dritt tiegħu għal-libertà ta’ moviment u ta’ stabbiliment, tista’ tiġi assimilata għal talba (temporanja) impliċita għal irtirar jew għal sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul definittiva u applikabbli li terġa’ ġġib l-effetti tagħha jekk jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ residenza ma humiex issodisfatti?

c)      Huwa rilevanti li l-obbligu li titressaq talba għal irtirar jew għal sospensjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jwassal eventwalment biss għal separazzjoni temporanja bejn iċ-ċittadin ta’ Stat terz u ċ-ċittadin statiku tal-Unjoni? Jeżistu ċirkustanzi li fihom l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta jipprekludu, madankollu, separazzjoni temporanja?

d)      Huwa rilevanti li l-obbligu li titressaq talba għal irtirar jew għal sospensjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jwassal eventwalment biss għall-fatt li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu, fejn xieraq, sempliċement jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għal tul ta’ żmien limitat? Jeżistu ċirkustanzi li fihom l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi, madankollu, li ċittadin statiku tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għal tul ta’ żmien limitat?”

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

33      Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Gvern Belġjan ippreżenta, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2017, talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura sabiex tingħatalu l-possibbiltà, minn naħa, li jirrispondi għalihom, għar-raġuni li l-imsemmija konklużjonijiet għandhom interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2008/115 u, min-naħa l-oħra, li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu fuq is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami (C‑225/16, EU:C:2017:59), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, Petrea (C‑184/16, EU:C:2017:684).

34      Fir-rigward tal-kritika magħmula fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet ikkonċernati jissottomettu osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mir-raġunijiet li fl-aħħar tagħhom huwa jasal għalihom. Konsegwentement, id-diżakkord ta’ parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għall-bqija, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma jkollhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma jkunx ġie diskuss bejn il-partijiet ikkonċernati (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et, C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 33).

37      Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li għandha quddiemha u li din ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

38      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

39      Preliminarjament, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi indikat li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kollha jikkonċernaw ir-rifjut tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, imressqa fil-Belġju, minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin Belġjan, bħala dixxendent, ġenitur jew koabitanti legali ta’ dan tal-aħħar, għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju. Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont id-dritt nazzjonali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju, għandhom iressqu, fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li tolqothom qabel ma jkunu jistgħu validament jippreżentaw applikazzjoni għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja.

40      Wara, din il-qorti tippreċiża li, f’kull waħda mis-seba’ kawżi prinċipali magħquda, iċ-ċittadin Belġjan inkwistjoni qatt ma eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu fi ħdan l-Unjoni. Għaldaqstant, iċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi ma jistgħu jisiltu dritt ta’ residenza dderivat la mid-Direttiva 2004/38, u lanqas mill-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 52 sa 54).

41      Fl-aħħar nett, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li “deċiżjonijiet ta’ tneħħija” adottati mill-awtorità nazzjonali kompetenti jinkludu l-obbligu, għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jitilqu mit-territorju Belġjan u li dawn huma akkumpanjati minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju. Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, tali deċiżjonijiet għandhom għalhekk, għall-finijiet tal-eżami tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, jitqiesu li huma “deċiżjonijiet ta’ ritorn” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115 (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 39).

 Fuq l-ewwel żewġ domandi

42      Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi:

–        jekk l-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115, kif ukoll l-Artikolu 20 TFUE, moqrija, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata fit-territorju tiegħu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li qatt ma jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, għar-raġuni biss li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fl-imsemmi territorju, mingħajr ma jkun ġie evalwat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ natura tali li, fil-każ ta’ rifjut ta’ għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jkun, fil-fatt, imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu u jiġi b’hekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu;

–        fil-każ ta’ risposta affermativa, liema elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza u, fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun minorenni, x’importanza għandha tingħata lill-eżistenza ta’ rabta familjari, kemm jekk tkun ta’ natura bioloġika jew legali, u lill-modalitajiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ teħid ta’ responsabbiltà finanzjarja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat;

–        x’impatt jista’ jkollu, f’dan il-kuntest:

–        il-fatt li r-relazzjoni ta’ dipendenza invokata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja tkun tnisslet wara l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju;

–        il-fatt li l-imsemmija projbizzjoni tkun saret definittiva fil-mument li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jippreżenta l-applikazzjoni għal residenza tiegħu għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja u

–        il-fatt li l-imsemmija projbizzjoni tkun iġġustifikata b’nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ ritorn jew b’raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

 Fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ applikazzjoni għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja minħabba miżura ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li tiegħu jkun suġġett l-awtur ta’ din l-applikazzjoni

43      Hemm lok li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, jekk l-Artikoli 5 u 11 tad-Direttiva 2008/115 jew l-Artikolu 20 TFUE, moqrija, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 24 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati bħala li jipprekludu prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, minn ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

–       Fuq id-Direttiva 2008/115

44      Qabel kollox huwa importanti li jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu qed jirrisjedu irregolarment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza fl-intier tagħhom ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Celaj, C‑290/14, EU:C:2015:640, punt 20). Għalhekk, l-istandards u l-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 jikkonċernaw biss l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2011, Achughbabian, C‑329/11, EU:C:2011:807, punt 29).

45      B’mod partikolari, ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tirregola l-mod ta’ kif għandha tiġi pproċessata applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, bħal fil-kawżi prinċipali, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn li tkun akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju. Barra minn hekk, ir-rifjut li tittieħed inkunsiderazzjoni tali applikazzjoni fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 27 ta’ din is-sentenza ma tistax tfixkel l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ ritorn prevista mill-imsemmija direttiva.

46      Minn dan isegwi li d-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 11 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata fit-territorju tiegħu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li qatt ma jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, unikament għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fl-imsemmi territorju.

–       Fuq l-Artikolu 20 TFUE

47      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31, u tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41, u tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti mit-Trattat u l-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkollhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom (sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42; tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 45, kif ukoll tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 61).

50      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil ċittadini bħal dawn ma humiex drittijiet proprji għal dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li minnhom igawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom ikun ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni (sentenza tat‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punti 43 u 44; kif ukoll tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 63).

52      Madankollu, ir-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jqiegħed inkwistjoni l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, meqjus kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punti 65 sa 67; tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 56, kif ukoll tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 69).

53      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-prassi inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-modalitajiet proċedurali li, skont dawn, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka l-eżistenza ta’ dritt idderivat skont l-Artikolu 20 TFUE.

54      F’dan ir-rigward, għalkemm huma ċertament l-Istati Membri li jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dritt ta’ residenza dderivat li għandu, fis-sitwazzjonijiet partikolari ħafna msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, jiġi rrikonoxxut lil ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-modalitajiet proċedurali ma jistgħux, madankollu, jippreġudikaw l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 20 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 76).

55      Issa, il-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-eżami tal-applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja u l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat, abbażi tal-Artikolu 20 TFUE, għall-obbligu, għaċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat, li jitlaq qabel mit-territorju tal-Unjoni sabiex iressaq talba għall-irtirar jew għas-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li jkun is-suġġett tagħha. Jirriżulta wkoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li ebda eżami tal-eventwali eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, kif ingħad fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ma jsir sakemm lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx ingħata l-irtirar jew is-sospensjoni tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

56      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, l-obbligu hekk impost, skont il-prassi nazzjonali inkwistjoni, fuq iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni sabiex jitlob l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li tagħha jkun is-suġġett, huwa ta’ natura li jikkomprometti l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE jekk l-osservanza ta’ dan l-obbligu jwassal, minħabba l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, li dan tal-aħħar, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun imġiegħel jakkumpanjah u, għaldaqstant, huwa wkoll, ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għal tul ta’ żmien li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, ikun indeterminat.

57      Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li r-rifjut ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ ritorn fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija ma tistax tippermettilu jevita, kompletament jew parzjalment, l-effetti legali ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul (ara, f’dan is-sens sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Ouhrami, C‑225/16, EU:C:2017:590, punt 52), xorta jibqa’ l-fatt li, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti ssirilha, minn ċittadin ta’ pajjiż terz, applikazzjoni għall-ħruġ ta’ dritt ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin tal-Istat Membru kkonċernat, din l-awtorità ma għandhiex tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni din l-applikazzjoni unikament għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kien is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Huwa obbligu tagħha, anzi, li teżamina l-imsemmija applikazzjoni u tevalwa jekk ikunx hemm, bejn iċ-ċittadin tal-pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dritt ta’ residenza dderivat ikollu, bħala prinċipju, jingħata lil dan iċ-ċittadin, skont l-Artikolu 20 TFUE, taħt piena li jobbliga lill-imsemmi ċittadin, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu. Jekk dan ikun il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu mbagħad ineħħi jew, minn tal-inqas, jissospendi d-deċiżjoni ta’ ritorn u l-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li għalihom ikun suġġett l-imsemmi ċittadin.

58      Fil-fatt, ikun kuntrarju għall-għan imfittex mill-Artikolu 20 TFUE li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jiġi obbligat jitlaq, għal żmien indeterminat, it-territorju tal-Unjoni sabiex jikseb l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul f’dan it-territorju li tiegħu huwa jkun is-suġġett tagħha mingħajr ma jkun ġie vverifikat, preliminarjament, jekk ma jkunx hemm, bejn l-imsemmi ċittadin tal-pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, minkejja li, preċiżament minħabba din ir-relazzjoni ta’ dipendenza, dritt ta’ residenza dderivat għandu, bħala prinċipju, jiġi rrikonoxxut lill-imsemmi ċittadin tal-pajjiż terz bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE.

59      Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, il-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115 ma humiex ta’ natura li jikkontestaw din il-konklużjoni.

60      Huwa minnu li, bis-saħħa tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn, li tagħti terminu għal tluq volontarju, meta ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun telaq mit-territorju konformement ma’ din id-deċiżjoni. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fit-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-istess Artikolu 11(3), il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-possibbiltà għall-Istati Membri li jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni bħal din, f’każijiet individwali, għal raġunijiet oħra għajr dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma huwa speċifikat f’dawn is-subparagrafi li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz li jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul għandu jkun telaq mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

61      Għaldaqstant, il-punt 6 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115 ma jipprekludux lill-Istati Membri, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, milli jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, meta d-deċiżjoni ta’ ritorn ma tkunx ġiet eżegwita u ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikun preżenti fit-territorju tagħhom.

62      Minn dan isegwi li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, imressqa fit-territorju tiegħu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li qatt ma jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, fuq il-bażi biss tal-fatt li dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun suġġett għal projbizzjoni ta’ dħul fl-imsemmi territorju, mingħajr ma jkun ġie evalwat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ tali natura li, fil-każ ta’ rifjut ta’ għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jkun, fil-fatt, imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu u jkun b’hekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu.

 Fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li tista’ tnissel dritt ta’ residenza dderivat bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE fil-kawżi prinċipali

63      Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi li fihom relazzjoni ta’ dipendenza, li tista’ tnissel dritt ta’ residenza dderivat bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE, tista’ sseħħ fil-kawżi prinċipali magħquda.

64      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorsi fil-kawżi prinċipali ppreżentati rispettivament minn K.A. M.Z. u B.A. jirrigwardaw applikazzjonijiet għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, maġġorenni, li tagħhom il-missier jew is-sieħeb, maġġorenni wkoll, huwa ċittadin Belġjan. Min-naħa l-oħra, ir-rikorsi fil-kawżi prinċipali ta’ M.J., N.N.N., O.I.O. u R.I. jirrigwardaw applikazzjonijiet għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ppreżentati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, maġġorenni, li l-wild tagħhom, minorenni, huwa ċittadin Belġjan.

65      Fir-rigward, minn naħa, tal-kawżi prinċipali li għandhom ir-rikorrenti rispettivi K.A., M.Z. u B.A., l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, b’differenza mill-minorenni u, a fortiori jekk dawn huma tfal ta’ età żgħira bħaċ-ċittadini tal-Unjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), adult huwa, bħala prinċipju, f’pożizzjoni li jkollu eżistenza indipendenti mill-membri tal-familja tiegħu. Minn dan isegwi li r-rikonoxximent, bejn żewġ adulti, membri tal-istess familja, ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, ta’ natura li toħloq dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, ma tistax tiġi prevista ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkun tista’ bl-ebda mod tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnu tiddependi.

66      F’dan il-każ, fl-ebda waħda mit-tliet kawżi prinċipali fejn hija kkonċernata relazzjoni familjari bejn maġġorenni, il-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja ma juri relazzjoni ta’ dipendenza tali li tiġġustifika li jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza dderivat bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE.

67      B’hekk, l-ewwel nett, fir-rigward ta’ K.A., il-qorti tar-rinviju sempliċement tikkonstata li hija dipendenti fuq missierha, ta’ nazzjonalità Belġjana, mingħajr ma jidher, mid-deċiżjoni tar-rinviju jew mill-osservazzjonijiet sottomessi minn K.A., li din ir-rabta ta’ dipendenza tista’ tkun tali li ġġiegħel lill-missier din tal-aħħar jitlaq mit-territorju tal-Unjoni fil-każ ta’ rifjut ta’ għoti lil K.A. ta’ dritt ta’ residenza fil-Belġju.

68      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda M.Z., huwa biss fuq livell finanzjarju li jiddependi fuq missieru Belġjan. Issa, kif osservat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tagħha, tali rabta ta’ dipendenza purament finanzjarja kjarament ma hijiex ta’ natura li ġġiegħel missier M.Z., ċittadin Belġjan, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat kollu kemm hu, fil-każ fejn lil M.Z. jiġi rrifjutat l-għoti ta’ dritt ta’ residenza fil-Belġju.

69      It-tielet nett, xejn ma jindika, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li teżisti xi sitwazzjoni ta’ dipendenza bejn B.A. u l-koabitanti legali tiegħu.

70      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rikorsi fil-kawżi prinċipali mressqa minn M.J., N.N.N., O.I.O., għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li huma elementi rilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rifjut ta’ rikonoxximent ta’ dritt ta’ residenza dderivat lill-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ wild, ċittadin tal-Unjoni, iwassalx għaċ-ċaħda tat-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija lilu mill-istatus tiegħu meta dan il-wild jiġi mġiegħel, fil-fatt, jakkumpanja lill-ġenitur tiegħu u b’hekk jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, il-kwistjoni tal-kustodja tal-wild kif ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-kustodja legali, finanzjarja jew affettiva ta’ dan il-wild taqax f’idejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      B’mod iktar partikolari, sabiex jiġi evalwat ir-riskju li l-wild ikkonċernat, ċittadin tal-Unjoni, jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk il-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, jiġi rrifjutat lilu l-għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat fl-Istat Membru kkonċernat, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, f’kull waħda mill-kawżi prinċipali, liema huwa l-ġenitur li jkun ser jassumi l-kustodja effettiva tal-wild u jekk ikunx hemm relazzjoni ta’ dipendenza effettiva bejnu u l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u dan l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (sentenza tat‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 70).

72      Iċ-ċirkustanza li l-ġenitur l-ieħor, meta dan ikun ċittadin tal-Unjoni, ikun realment kapaċi – u lest li – jassumi waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild jikkostitwixxi element rilevanti, iżda li ma huwiex fih innifsu suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li ma jkunx hemm, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk id-dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, tali konstatazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild ikkonċernat, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-età tiegħu, l-iżvilupp fiżiku u emotiv tiegħu, il-livell tar-relazzjoni affettiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll ir-riskju li s-separazzjoni minn ma’ dan tal-aħħar jista’ joħloq għall-bilanċ ta’ dan il-wild (sentenza tat‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 71).

73      Għalhekk, il-fatt li l-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ikun jgħix mal-wild minorenni, ċittadin tal-Unjoni, huwa wieħed mill-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejniethom, mingħajr madankollu ma tkun tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 54).

74      Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li jista’ jidher rakkomandabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex tinżamm l-unità tal-familja fit-territorju tal-Unjoni, li membri tal-familja tiegħu, li ma jkollhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jgħixu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jitqies li ċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi mġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et, C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 68, u tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 52).

75      Għalhekk, l-eżistenza ta’ rabta familjari, kemm jekk tkun ta’ natura bioloġika jew ġuridika, bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni minorenni u l-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika li jiġi rrikonoxxut, bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE, dritt ta’ residenza dderivat lill-imsemmi ġenitur fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu l-minorenni jkun ċittadin.

76      Mill-punti 64 sa 75 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        meta ċittadin tal-Unjoni jkun maġġorenni, relazzjoni ta’ dipendenza ta’ natura li tiġġustifika l-għoti, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ta’ dritt ta’ residenza dderivat taħt dan l-artikolu, ma hijiex prevista ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’, bl-ebda mod, tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnha tiddependi;

–        meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun minorenni, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, l-età tiegħu, l-iżvilupp fiżiku u emotiv tiegħu, il-livell tar-relazzjoni affettiva ma’ kull wieħed mill-ġenituri tiegħu, kif ukoll tar-riskju li s-separazzjoni mill-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz tippreġudika l-bilanċ tiegħu. L-eżistenza ta’ relazzjoni familjari ma’ dan iċ-ċittadin, kemm jekk ikun ta’ natura bioloġika jew ġuridika, ma hijiex suffiċjenti u koabitazzjoni ma’ dan tal-aħħar ma hijiex neċessarja għall-finijiet li tiġi stabbilita din ir-relazzjoni ta’ dipendenza.

 Fuq l-importanza tal-mument li fih tibda sseħħ ir-relazzjoni ta’ dipendenza

77      Fit-tielet lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti li r-relazzjoni ta’ dipendenza, invokata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tibdiex isseħħ wara l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

78      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dritt ta’ residenza rrikonoxxut liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, skont l-Artikolu 20 TFUE, huwa dritt ta’ residenza dderivat, li għandu l-għan li jipproteġi l-libertajiet ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, li huwa minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, fis-sens imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, li għandu jiġi rrikonoxxut lil dan tal-aħħar dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu l-imsemmi ċittadin ta’ l-Unjoni jifforma parti.

79      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jiġix irrikonoxxut jekk applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja kellha tiġi awtomatikament miċħuda meta tali relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, tibda sseħħ f’mument fejn dan tal-aħħar kien diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju u li din kienet għaldaqstant irregolari. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, ma setgħetx, f’dan il-każ, tittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni ta’ ritorn, akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul, li għaliha kien suġġett dan tal-aħħar.

80      Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet, fis-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), u tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354), li għandu jiġi rrikonoxxut dritt ta’ residenza dderivat, taħt l-Artikolu 20 TFUE, liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, ġenituri ta’ ċittadini tal-Unjoni, minorenni u li qatt ma jkunu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, minkejja li, fil-mument tat-twelid tagħhom, il-ġenituri kienu jirrisjedu irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

81      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti li r-relazzjoni ta’ dipendenza invokata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tkun bdiet isseħħ wara l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

 Fuq in-natura definittiva tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju

82      Fir-raba’ lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li għaliha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun suġġett tkun saret definittiva fil-mument li fih ikun ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

83      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punti 57 sa 61 ta’ din is-sentenza, l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE jimponi l-irtirar jew is-sospensjoni ta’ din il-projbizzjoni ta’ dħul, anki meta din tkun saret definittiva, jekk ikun hemm, bejn l-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li tiġġustifika l-għoti lil dan iċ-ċittadin ta’ dritt ta’ residenza dderivat, bis-saħħa tal-Artikolu 20, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

84      Minn dan isegwi li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li għaliha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun suġġett tkun saret definittiva fil-mument li fih huwa jkun ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja.

 Fuq il-motivi tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju

85      Fil-ħames lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li għaliha jkun suġġett iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja tkun iġġustifikata min-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu tiegħu ta’ ritorn jew minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

86      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, li kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, ma jkunx osserva l-obbligu tiegħu ta’ ritorn jew meta l-ebda terminu ta’ tluq volontarju ma jkun ingħata lilu, li jista’ jkun il-każ, konformement mal-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva, meta l-persuna kkonċernata tikkostitwixxi periklu għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

87      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ ritorn, għandu jiġi rrilevat li huwa irrilevanti li l-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tkun ġiet adottata għal tali raġuni.

88      Fil-fatt, għar-raġunijiet esposti fil-punti 53 sa 62 kif ukoll fil-punti 79 u 80 ta’ din is-sentenza, Stat Membru ma jistax jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata fit-territorju tiegħu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, sempliċement għaliex, peress li ma jkunx osserva l-obbligu tiegħu ta’ ritorn, dan iċ-ċittadin ikun qed jirrisjedi irregolarment fl-imsemmi territorju, mingħajr ma jkun eżamina qabel jekk jeżistux bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li titlob li jiġi rrikonoxxut dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE lill-imsemmi ċittadin.

89      Barra minn hekk, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, irrikonoxxut mill-Artikolu 20 TFUE lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jirriżulta direttament minn dan l-artikolu u ma jippreżupponix li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu diġà permess ieħor ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, li, peress li l-benefiċċju ta’ dan id-dritt ta’ residenza għandu jiġi rrikonoxxut lill-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz minn meta tibda sseħħ ir-relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan tal-aħħar u ċ-ċittadin tal-Unjoni, dan iċ-ċittadin ma jistax jibqa’ jitqies, sa minn dan il-mument u sakemm iddum din ir-relazzjoni ta’ dipendenza, li huwa residenti irregolari fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115.

90      F’dak li jirrigwarda, it-tieni nett, il-fatt li l-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tirriżulta minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Istati Membri li jinvokaw eċċezzjoni marbuta, b’mod partikolari, maż-żamma tal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika. Madankollu, sa fejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, peress li dan l-artikolu għandu jinqara, jekk ikun il-każ, flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 81, u tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 36).

91      Barra minn hekk, bħala ġustifikazzjoni ta’ deroga għad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni jew tal-membri tal-familji tagħhom, il-kunċetti ta’ “ordni pubbliku” u ta’ “sigurtà pubblika” għandhom jiġu interpretati b’mod strett. B’hekk, il-kunċett ta’ “ordni pubbliku” jippreżupponi, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza, minbarra t-tfixkil tal-ordni soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, ta’ theddida reali, attwali u serja biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sigurtà pubblika”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan il-kunċett ikopri s-sigurtà interna ta’ Stat Membru u s-sigurtà esterna tiegħu u li, għaldaqstant, il-preġudizzju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet u tas-servizzi pubbliċi essenzjali kif ukoll is-sopravivenza tal-popolazzjoni, bl-istess mod bħar-riskju ta’ disturb serju tar-relazzjonijiet esterni jew tal-koeżistenza paċifika tal-popli, jew ukoll il-preġudizzju għall-interessi militari li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mat-traffiku tad-droga fi gruppi organizzati jew kontra t-terroriżmu huma inklużi fil-kunċett ta’ “sigurtà pubblika” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 82 u 83, kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punti 37 sa 39).

92      F’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, peress li r-rifjut tad-dritt ta’ residenza jkun ibbażat fuq l-eżistenza ta’ theddida reali, attwali u serja biżżejjed għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-reati kriminali mwettqa minn ċittadin ta’ Stat terz, tali rifjut ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni anki jekk dan iwassal għal l-obbligu għaċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 84, u tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 40).

93      Min-naħa l-oħra, din il-konklużjoni ma tistax tinsilet b’mod awtomatiku unikament abbażi tal-preċedenti kriminali tal-persuna kkonċernata. Hija għandha tirriżulta, jekk ikun il-każ, minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti tal-każ inkwistjoni, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-aħjar interess tal-wild u tad-drittijiet fundamentali li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 85, u tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 41).

94      Din l-evalwazzjoni għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-aġir personali tal-individwu kkonċernat, it-tul u n-natura legali tar-residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, in-natura u l-gravità tar-reat imwettaq, il-livell ta’ perikolu attwali tal-persuna kkonċernata għas-soċjetà, l-età tal-ulied eventwalment inkwistjoni u l-istat ta’ saħħa tagħhom, kif ukoll is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħhom (sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 86, u tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 42).

95      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prassi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tobbligax lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tagħmel tali evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ qabel ma tiċħad applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali.

96      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li ma jirriżultax mid-deċiżjonijiet ikkontestati quddiemha li tali evalwazzjoni konkreta kienet saret fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, li għalihom kien suġġett kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali. F’kull ipoteżi, anke jekk wieħed kellu jippreżumi li dan kien il-każ, l-awtorità nazzjonali kompetenti ma hijiex marbuta li teżamina, fil-mument li hija tipprospetta li tiċħad l-applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jekk, sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn, iċ-ċirkustanzi fattwali jkunux evolvew b’tali mod li dritt għal residenza issa ma jkunx jista’ jiġi rrifjutat lilu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C‑482/01 u C‑493/01, EU:C:2004:262, punti 79 u 82, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C‑467/02, EU:C:2004:708, punti 45 u 47).

97      Minn dan isegwi li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li għaliha jkun suġġett iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tkun iġġustifikata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ ritorn. Meta raġunijiet ta’ ordni pubbliku jkunu ġġustifikaw tali deċiżjoni, dawn tal-aħħar jistgħu jwasslu għar-rifjut ta’ għoti lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ dritt ta’ residenza dderivat taħt dan l-artikolu biss jekk minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-aħjar interess tal-ulied ikkonċernati jew eventwali, u tad-drittijiet fundamentali, jirriżulta li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku.

 Fuq it-tielet domanda

98      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi nazzjonali li biha deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li tkun għadha fis-seħħ, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-ħajja tal-familja tiegħu, u b’mod partikolari l-interess tal-wild minorenni tiegħu, imsemmija f’applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ tali projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

99      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, jeħtieġ li t-tielet domanda tinftiehem bħala intiża biss għal każijiet fejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE.

100    F’din il-perspettiva, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont il-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tfittex li twaqqaf politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni bbażata fuq standards komuni, sabiex il-persuni kkonċernati jiġu rripatrijati b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll tad-dinjità tagħhom. Kif jirriżulta kemm mit-titolu tagħha, kif ukoll mill-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi għal dan il-għan “standards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Barra minn hekk, mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri huma marbuta li jieħdu, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza irregolari fit-territorju tagħhom, deċiżjoni ta’ ritorn, prevista mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, wara proċedura ġusta u trasparenti.

102    B’mod partikolari, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa”, meta l-Istati Membri jimplimentaw din id-direttiva, huma għandhom, minn naħa, jikkunsidraw b’mod adegwat l-aħjar interessi tat-tfal, tal-ħajja tal-familja u tal-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz, u, min-naħa l-oħra, josservaw il-prinċipju ta’ non-refoulement (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punt 48).

103    Minn dan isegwi li, meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkunsidra li tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, hija għandha neċessarjament tosserva l-obbligi imposti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 u tisma’ lill-persuna kkonċernata fuq dan is-suġġett. F’dan ir-rigward, huwa dan tal-aħħar li għandu jikkoopera mal-awtorità nazzjonali kompetenti waqt is-smigħ tiegħu sabiex jagħtiha l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu u, b’mod partikolari, dik li tista’ tiġġustifika li deċiżjoni ta’ ritorn ma tittiħidx (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Boudjlida, C‑249/13, EU:C:2014:2431, punti 49 u 50).

104    L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għalhekk jipprekludi Stat Membru milli jadotta deċiżjoni ta’ ritorn mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti tal-ħajja tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, li dan iċ-ċittadin jinvoka, insostenn ta’ applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, sabiex jopponi l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, anki jekk l-imsemmi ċittadin diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju.

105    Madankollu, kif ġie enfasizzat fil-punt 103 ta’ din is-sentenza, il-persuna kkonċernata għandha obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-awtorità nazzjonali kompetenti. Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni leali jobbligaha tinforma, mill-aktar fis possibbli, l-imsemmija awtorità bi kwalunkwe żvilupp rilevanti tal-ħajja tal-familja tagħha. Fil-fatt, id-dritt taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni familjari tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ ritorn ma jistax jiġi strumentalizzat sabiex terġa’ tinfetaħ jew tiġi estiża b’mod indefinit il-proċedura amministrattiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Mukarubega, C‑166/13, EU:C:2014:2336, punt 71).

106    B’hekk, meta, bħal fil-kawżi prinċipali, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz diġà kien ġie suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn, u sakemm, matul din l-ewwel proċedura, huwa seta’ jinvoka l-elementi tal-ħajja tal-familja tiegħu, li diġà kienet teżisti f’dak iż-żmien u li hija l-bażi tal-applikazzjoni tiegħu għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ma jistax jiġi lmentat li l-awtorità nazzjonali kompetenti ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni, matul il-proċedura ta’ ritorn mibdija sussegwentement, l-imsemmija elementi, li kellhom jiġu invokati mill-persuna kkonċernata fi stadju preċedenti tal-proċedura.

107    Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha deċiżjoni ta’ ritorn tiġi adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li tkun għadha fis-seħħ, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-ħajja tal-familja tiegħu, u b’mod partikolari l-interessi tal-wild minorenni tiegħu, imsemmija f’applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ tali projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, ħlief meta tali elementi setgħu ġew invokati preċedentement mill-persuna kkonċernata.

 Fuq ir-raba’ domanda

108    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

 Fuq l-ispejjeż

109    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 11 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, ippreżentata fit-territorju tiegħu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li qatt ma jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, unikament għar-raġuni li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun is-suġġett ta’ projbizzjoni ta’ dħul fl-imsemmi territorju.

2)      L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li jipprekludi prassi ta’ Stat Membru li ma tiħux inkunsiderazzjoni tali applikazzjoni unikament għal din ir-raġuni, mingħajr ma jkun ġie evalwat jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza bejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni u dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ tali natura li, fil-każ ta’ rifjut ta’ għoti ta’ dritt ta’ residenza dderivat lil dan tal-aħħar, l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jkun, fil-fatt, imġiegħel jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu u jkun b’hekk imċaħħad mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tiegħu;

–        li meta ċittadin tal-Unjoni jkun maġġorenni, relazzjoni ta’ dipendenza ta’ natura li tiġġustifika l-għoti, liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, ta’ dritt ta’ residenza dderivat taħt dan l-artikolu, ma hijiex prevista ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li fihom, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’, bl-ebda mod, tiġi sseparata mill-membru tal-familja tagħha li minnha tiddependi;

–        li meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun minorenni, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interess tal-wild, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari, l-età tiegħu, l-iżvilupp fiżiku u emotiv tiegħu, il-livell tar-relazzjoni affettiva ma’ kull wieħed mill-ġenituri tiegħu, kif ukoll tar-riskju li s-separazzjoni mill-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz tippreġudika l-bilanċ tiegħu; l-eżistenza ta’ relazzjoni familjari ma’ dan iċ-ċittadin, kemm jekk tkun ta’ natura bioloġika jew ġuridika, ma hijiex suffiċjenti u koabitazzjoni ma’ dan tal-aħħar ma hijiex neċessarja għall-finijiet li tiġi stabbilita din ir-relazzjoni ta’ dipendenza;

–        li huwa irrilevanti li r-relazzjoni ta’ dipendenza invokata miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz insostenn tal-applikazzjoni tiegħu ta’ residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tkun bdiet isseħħ wara l-adozzjoni, fil-konfront tiegħu, ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju;

–        li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju li għaliha jkun suġġett iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz tkun saret definittiva fil-mument li fih huwa jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, u

–        li huwa irrilevanti li d-deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li għaliha jkun suġġett iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ippreżenta applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja, tkun iġġustifikata minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu ta’ ritorn; meta raġunijiet ta’ ordni pubbliku jkunu ġġustifikaw tali deċiżjoni, dawn tal-aħħar jistgħu jwasslu għar-rifjut ta’ għoti lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ta’ dritt ta’ residenza dderivat taħt dan l-artikolu biss jekk minn evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-aħjar interess tal-ulied ikkonċernati jew eventwali, u tad-drittijiet fundamentali, jirriżulta li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għall-ordni pubbliku.

3)      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi prassi nazzjonali li bis-saħħa tagħha deċiżjoni ta’ ritorn adottata fil-konfront ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, li diġà kien is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn akkumpanjata minn projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, li tkun għadha fis-seħħ, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi tal-ħajja tal-familja tiegħu, u b’mod partikolari l-interessi tal-wild minorenni tiegħu, imsemmija f’applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata wara l-adozzjoni ta’ tali projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju, ħlief meta tali elementi setgħu ġew invokati preċedentement mill-persuna kkonċernata.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.