Language of document : ECLI:EU:T:2011:295

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

21 ta’ Ġunju 2011

Kawża T-452/09 P

Eckehard Rosenbaum

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Klassifikazzjoni fi grad waqt ir-reklutaġġ — Teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tal-persuna kkonċernata — Artikolu 31 tar-Regolamenti tal-Persunal — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Settembru 2009, Rosenbaum vs Il-Kummissjoni (F-9/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑299 u II‑A‑1‑1617), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. E. Rosenbaum għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, intervenjent fl-ewwel istanza insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Użu ta’ motivazzjoni impliċita mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

2.      Proċedura — Motivazzjoni tas-sentenzi — Portata

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36 u Anness I, Artikolu 7(1))

3.      Appell — Aggravji — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi mwettqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1))

4.      Appell — Aggravji — Aggravju intiż kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar l-ispejjeż — Inammissibbiltà fil-każ ta’ ċaħda tal-aggravji l-oħra kollha

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(2))

1.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeżiġix li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha fformulati mill-partijiet fil-kawża. Għalhekk, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bir-raġunijiet li għalihom ittieħdet id-deċiżjoni u lill-qorti kompetenti jkollha biżżejjed elementi sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punt 26)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372; 8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 46

2.      Għalkemm l-obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu, ma jimplikax li dan jirrispondi fid-dettall għall-argumenti kollha invokati mill-partijiet, b’mod partikolari, meta ma jkunux ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u meta ma jkunux ibbażati fuq provi fattwali, tali obbligu jeżiġi, minn tal-inqas, li t-Tribunal jeżamina l-ksur tad-dritt kollu allegat quddiemu.

(ara l-punt 35)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑35 u II‑B‑1‑197, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa l-unika qorti li jista’ jkollha bżonn tissupplimenta l-informazzjoni disponibbli għaliha fir-rigward tal-kawżi quddiemha. Il-kwistjoni dwar jekk il-provi quddiemha humiex suffiċjenti jew le għandha tiġi evalwata minn din il-qorti biss u ma tistax tiġi mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ appell, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jew meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-imsemmija Qorti Ġenerali tirriżulta mid-dokumenti fil-proċess.

(ara l-punt 41)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C‑315/99 P, Ġabra p. I‑5281, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Mill-Artikolu 11(2) tal-Anness tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell ma jistax jikkonċerna biss ir-responsabbiltà u l-ammont tal-ispejjeż. Minn dan jirriżulta li, fis-sitwazzjoni fejn l-aggravji l-oħra kollha ta’ appell kontra deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkunu ġew miċħuda, it-talbiet li jirrigwardaw l-allegata illegalità tad-deċiżjoni tal-imsemmi Tribunal dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

(ara l-punt 46)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 9 ta’ Settembru 2009, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑375/08 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑65 u II‑B‑1‑413, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata