Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta' Novembru 2009 minn Eckehard Rosenbaum kontra s-sentenza mogħtija fl-10 ta' Settembru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-9/08, Rosenbaum vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-452/09 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellant: Eckehard Rosenbaum (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentant: H.-J. Rüber, avukat)

Parti oħra fil-proċeduri: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza mogħtija fl-10 ta' Settembru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża Rosenbaum vs Il-Kummissjoni;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-appellant tat-13 ta' Frar 2007;

tordna lill-Kummissjoni tikklassifika lill-appellant mingħajr diskriminazzjoni u abbażi tal-esperjenza professjonali tiegħu, kif ukoll tieħu l-miżuri l-oħra neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċeduri.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa intiż kontra s-sentenza mogħtija fl-10 ta' Settembru 2009 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-9/08, Rosenbaum vs Il-Kummissjoni, li tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-appellant.

Insostenn tal-appell tiegħu l-appellant isostni, l-ewwel nett, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku eżamina b'mod inkomplet l-ewwel motiv. Barra minn hekk, l-appellant isostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta' liġi meta ċaħad it-tliet motivi l-oħra fid-dawl tal-fatt li, kuntrarjament għall-fehma tat-Tribunal, dawn il-motivi kienu xierqa sabiex iwasslu għall-annullament tal-miżuri kkontestati. Fl-aħħar nett, l-appellant iqis li n-nuqqas ta' proċedura ta' kompetizzjoni ta' livell ogħla kien rilevanti għall-kwistjoni tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li, għal din ir-raġuni, iċ-ċaħda tal-ammissjoni tal-provi f'dan ir-rigward hija illegali.

____________