Language of document : ECLI:EU:C:2018:92

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2018 (1)

Kawża C31/17

Cristal Union, suċċessur legali ta’ Sucrerie de Toury SA

vs

Ministre de l’Économie et des Finances

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/96/KE — Tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku — Artikolu 14(1)(a) — Eżenzjoni obbligatorja mit-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku — Artikolu 15(1)(ċ) — Setgħa tal-Istati Membri li japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis totali jew parzjali tal-livell ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija — Applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ)”






1.        F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE (2) għall-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni.

2.        Il-koġenerazzjoni hija l-ġenerazzjoni simultanja, fi proċess wieħed, tal-elettriku u tal-enerġija termali (3). Impjant tal-enerġija konvenzjonali jipproduċi l-elettriku billi, pereżempju, jaħraq fossili kombustibbli bħal żejt, faħam jew gass naturali sabiex tiġi rrilaxxata s-sħana. Din is-sħana tintuża sabiex jitgħalla l-ilma għall-fwar. Il-fwar idawwar turbina li tattiva ġeneratur li jipproduċi l-elettriku. Il-problema bl-impjanti tal-enerġija konvenzjonali hija l-effiċjenza baxxa tagħhom. Fil-fatt, meta l-ilma mgħolli jibred, is-sħana tiġi rrilaxxata fl-ambjent. Din is-sħana tintilef. Għall-kuntrarju, impjant konġunt tal-enerġija u tas-sħana jirkupra s-sħana li normalment tintilef fil-ġenerazzjoni tal-enerġija sabiex jipprovdi enerġija termali utli. Għalhekk, il-koġenerazzjoni hija iktar effiċjenti mill-ġenerazzjoni tal-elettriku konvenzjonali. Din tirriżulta wkoll f’inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra.

3.        Id-Direttiva 2003/96 tippreskrivi livelli minimi ta’ tassazzjoni għall-prodotti tal-enerġija użati bħala kombustibbli jew karburanti (4) (bħall-gass naturali) u għall-elettriku (5).

4.        Madankollu, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jeżiġi li l-Istati Membri jeżentaw mit-tassazzjoni prodotti tal-enerġija użati sabiex jipproduċu l-elettriku. Konsegwentement, l-ebda dazju tas-sisa ma huwa impost fuq dawn il-prodotti. Id-dazji tas-sisa huma imposti biss fuq l-elettriku prodott.

5.        Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw totalment jew parzjalment, jew japplikaw livelli mnaqqsa ta’ tassazzjoni, għal prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija. Għall-kuntrarju tal-Artikolu 14(1)(a) tal-istess direttiva, l-Artikolu 15(1)(ċ) ma jipprevedix eżenzjoni obbligatorja. Konsegwentement, prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jiġu eżentati biss minn dazji tas-sisa (jew livelli ta’ tassazzjoni mnaqqsa applikati) (6) jekk l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita l-għażla kkonferita mill-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jeżerċitax din l-għażla, dawn il-prodotti jiġu suġġetti għal dazji tas-sisa. Indipendentement minn jekk din l-għażla tkunx eżerċitata jew le, l-elettriku prodott huwa suġġett għal dazji tas-sisa (ebda dazju tas-sisa ma qatt jiġi impost fuq is-sħana peress li s-sħana ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96) (7).

6.        Hemm żewġ perspettivi relatati mas-sistema ta’ tassazzjoni stabbilita mid-Direttiva 2003/96 għall-prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija.

7.        Minn naħa, prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija jistgħu jitqiesu li jaqgħu esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96. Is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti tkun kif iddefinita fil-punt 5 iktar ’il fuq. Jekk l-għażla kkonferita minn din id-dispożizzjoni tiġi eżerċitata, l-eżenzjoni tkun tapplika għal dawn il-prodotti fit-totalità tagħhom.

8.        Min-naħa l-oħra, prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96.

9.        Fil-fatt, l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva japplika għal prodotti tal-enerġija “użati biex jipproduċu elettriku”. Peress li din id-dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment għall-metodu ta’ produzzjoni tal-elettriku, għandha tapplika irrispettivament mill-metodu ta’ produzzjoni. Għalhekk, il-prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Madankollu, hija bissil-porzjon ta’ dawn il-prodotti li tintuża għall-produzzjoni tal-elettriku li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 japplika għall-prodotti tal-enerġija użati sabiex jipproduċu l-elettriku, mhux is-sħana. Kif stabbilit fil-punt 4 iktar ’il fuq, din il-porzjon tkun eżentata mid-dazji tas-sisa, filwaqt li l-elettriku prodott ikun suġġett għad-dazji tas-sisa.

10.      Fir-rigward tal-porzjon ta’ dawn il-prodotti li tintuża għall-ġenerazzjoni tas-sħana, din għandha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96. Kif deskritt fil-punt 5 iktar ’il fuq, din il-porzjon tkun eżentata biss mid-dazji tas-sisa jekk l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita l-għażla kkonferita minn din id-dispożizzjoni. L-elettriku prodott ikun suġġett għal dazji tas-sisa irrispettivament minn jekk din l-għażla hijiex eżerċitata.

11.      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi bejn iż-żewġ approċċi deskritti hawn fuq. B’mod speċifiku, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fejn jintużaw il-prodotti tal-enerġija għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, huwiex biss l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 li japplika, jew jekk l-Artikolu 14(1)(a) u l-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva japplikawx konġuntament (8).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

12.      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/96 jistabbilixxi:

“Il-livelli ta’ tassazzjoni li Stati Membri għandhom japplikaw fuq il-prodotti ta’ enerġija u elettriku kif imniżżla fl-Artikolu 2 ma għandhomx ikunu inqas mill-livelli miimi ta’ tassazzjoni kif preskritti minn din id-Direttiva.”

13.      Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/96:

“B’seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2004, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-karburanti li jsaħħnu għandhom jiġu ffissati skond Annex I Tabella C.”

14.      Skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/96:

“B’seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2004, il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli fuq elettriku għandhom jiġu ffissati skond Annex I Tabella C.”

15.      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96 jipprevedi li:

“Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f’Direttiva 92/12/KEE fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-[Unjoni], Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

(a)      prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-produzzjoni ta’ l-elettriku. Madankollu, Stati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent, jissotomettu dawn il-prodotti għall-tassazzjoni mingħajr ma joqgħodu jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla f’din id-Direttiva. F’każ bħal dan, it-tassazzjoni ta’dawn il-prodotti ma għandhiex tiġi ikkonsidrata sabiex tissodisfa il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kif imniżżel fl-Artikolu 10;

[…]”

16.      L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/96 jistabbilixxi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-provissjonijiet oħra tal-[Unjoni], Stati Membri jistgħu japlikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew tnaqqis kollu jew parti minnu fil-livell ta’ tassazzjoni għal:

[…]

(ċ)      prodotti ta’ enerġija u elettriku użati għall-ġenerazzjoni ta’ sħana u kapaċità kkombinati;

[…]”

17.      Skont l-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96:

“Bl-iskop li japplika l-Artikoli 5 u 6 ta’ Direttiva 92/12/KEE, elettriċità u gass naturali għandhom ikunu suġġetti għall-tassazzjoni u għandhom jiġu dovuti meta ssir il-fornitura mid-distributur jew ridistributur. […]

[…]

Entità li tipproduċi l-elettriku għall-użu tagħha stess għandha tiġi kkonsidrata bħala distributur. Minkejja l-Artikolu 14(1)(a), Stati Membri jistgħu jeżentaw produtturi żgħar ta’ l-elettriku jekk kemm-il darba huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dik l-elettriku.

[…]”

B.      Id-dritt Franċiż

18.      Skont l-Artikolu 266(1) quinquies tal-code des douanes (il-Kodiċi Doganali), fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti:

“Il-gass naturali li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 2711 21 00 huwa suġġett għal taxxa nazzjonali fuq il-konsum mal-kunsinna lill-utent finali.”

19.      Madankollu, skont l-Artikolu 266(3) quinquies tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2006 sal‑31 ta’ Diċembru 2006:

“[…]

Il-provvisti tal-gass ikunu […] eżentati [mit-taxxa prevista fil-paragrafu 1] meta l-gass ikun intiż għall-użu:

[…]

(c)      bħala kombustibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, mill‑1 ta’ Jannar 2006, għajr jekk dawn il-provvisti jkunu intiżi għall-użu fl-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 266 quinquies A.”

20.      Skont l-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti:

“Il-provvisti ta’ gass naturali […] intiżi għall-użu fl- installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku […], huma eżentati mit-[taxxa nazzjonali fuq il-konsum] imposta mill-[…] Artikolu 266 quinquies għal perijodu ta’ ħames snin b’effett minn meta jibdew joperaw l-installazzjonijiet. […]

Din l-eżenzjoni tapplika għall-installazzjonijiet li bdew joperaw mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2007. […]

[…]”

21.      Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 266 quinquies tal-Kodiċi Doganali ġie emendat fil‑31 ta’ Diċembru 2006 (9) sabiex provvisti ta’ gass naturali intiżi li jintużaw f’installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni jiġu eżentati mit-taxxa imposta skont il-paragrafu 1 ta’ dik id-dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li, l-ewwel nett, il-produttur li jopera l-installazzjoni inkwistjoni ma jkunx parti kontraenti ta’ kuntratt li jimponi fuq ċerti distributuri (10) obbligu ta’ xiri, u, it-tieni nett, dan il-produttur ikun irtira l-intitolament għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali.

22.      Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 266 quinquies tal-Kodiċi Doganali, fil-verżjoni applikabbli mill‑31 ta’ Diċembru 2006:

“[…]

Il-provvisti ta’ gass ikunu […] eżentati [mit-taxxa nazzjonali prevista fil-paragrafu 1] meta l-gass ikun intiż għall-użu:

[…]

(c)      bħala kombustibbli għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, mill‑1 ta’ Jannar 2006.

L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 3(c) ma tapplikax għal provvisti ta’ gass intiżi għall-użu fl-installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 266 quinquies A. Madankollu, produtturi li l-installazzjoni tagħhom ma tibbenefikax minn kuntratt ta’ xiri tal-elettriku konkluż skont l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 2000-108 tal‑10 ta’ Frar 2008 dwar il-Modernizzazzjoni u l-Iżvilupp tas-Servizz Pubbliku tal-Elettriku, jew imsemmi fl-Artikolu 50 ta’ dik il-liġi, jibbenefikaw mill-iskema prevista fil-paragrafu 3(c) bil-kundizzjoni li jirrinunzjaw l-intitolament għall-eżenzjoni mit-taxx[a] interna prevista fl-Artikolu 266 quinquies A.”

II.    Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23.      Il-kumpannija Franċiża Sucrerie de Toury SA (iktar ’il quddiem “Sucrerie de Toury”), li s-suċċessur legali tagħha hija Cristal Union, topera, fi Franza, installazzjoni għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, li għaliha tuża l-gass naturali bħala kombustibbli. Is-sħana u l-elettriku prodotti jintużaw sussegwentement għall-produzzjoni taz-zokkor.

24.      Sucrerie de Toury tikseb il-gass naturali minn partijiet terzi. Fir-rigward tal-gass naturali li nxtara mill‑1 ta’ Jannar 2006 sal‑25 ta’ Diċembru 2007, il-fornitur ta’ Sucrerie de Toury ħallas it-taxxa prevista fl-Artikolu 266 quinquies tal-Kodiċi Doganali (it-“taxxa nazzjonali”). L-ammont korrispondenti għat-taxxa nazzjonali sussegwentement ingħata lil Sucrerie de Toury bħala parti mill-prezz tax-xiri tal-gass naturali.

25.      Sucrerie de Toury tqis li dawn il-provvisti ta’ gass naturali kellhom ikunu eżentati mit-taxxa nazzjonali. Għalhekk, ressqet kawża quddiem it-tribunal administratif d’Orléans (il-Qorti Amministrattiva ta’ Orléans, Franza) sabiex tikseb kumpens għat-telf li allegatament sofriet minħabba d-dewmien tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/96 mir-Repubblika Franċiża (11). Id-danni mitluba minn Sucrerie de Toury kienu jammontaw għal EUR 98 768, jiġifieri, l-ammont tat-taxxa nazzjonali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2006 sal‑25 ta’ Diċembru 2007 (12).

26.      Permezz ta’ sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, it-tribunal administratif d’Orléans (il-Qorti Amministrattiva ta’ Orléans) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Sucrerie de Toury.

27.      Fid‑29 ta’ Marzu 2013, Sucrerie de Toury ippreżentat appell kontra s-sentenza tat-tribunal administratif d’Orléans (il-Qorti Amministrattiva ta’ Orléans) quddiem il-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes, Franza).

28.      Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, il-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes) ċaħdet l-appell. Hija sostniet li l-gass naturali pprovdut lil Sucrerie de Toury kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, u mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva. Dawn id-dispożizzjonijiet ma setgħux jiġu applikati konġuntament peress li ma kienx possibbli li jiġu applikati sistemi ta’ taxxa separati skont jekk il-gass naturali pprovdut lil Sucrerie de Toury kienx jintuża sabiex jipproduċi l-elettriku jew sabiex jiġġenera s-sħana. Għalhekk, l-Artikolu 266 quinquies u l-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali kienu konsistenti mad-Direttiva 2003/96.

29.      Fl‑10 ta’ Frar 2015, Sucrerie de Toury ippreżentat appell kontra s-sentenza tal-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes) quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). Sucrerie de Toury argumentat, b’mod partikolari, li l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 japplika biss għall-porzjon tal-gass naturali użata għall-ġenerazzjoni tas-sħana, u li, b’konsegwenza ta’ dan, l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva japplika għall-porzjon tal-gass naturali użata sabiex jiġi prodott l-elettriku, b’mod li l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw din l-aħħar porzjon mit-taxxa.

30.      Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) issospenda l-proċedura u għamel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prodotti enerġetiċi użati għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jaqgħu esklużivament taħt il-possibbiltà ta’ eżenzjoni permessa mill-Artikolu 15(1)(ċ) tad-[Direttiva 2003/96/KE], jew jaqgħu wkoll, fir-rigward tal-parti ta’ dawn il-prodotti li l-konsum tagħhom jikkorrispondi għall-produzzjoni ta’ elettriku, fil-kamp tal-obbligu ta’ eżenzjoni previst fl-Artikolu 14(1)(a) tagħha?”

31.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mir-Repubblika Franċiża, mir-Repubblika tal-Finlandja u mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tat‑22 ta’ Novembru 2017.

III. Analiżi

32.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jaqgħux esklużviament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, jew jekk jaqgħux ukoll, fir-rigward tal-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata sabiex jiġi prodott l-elettriku, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva.

33.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 u, fir-rigward tal-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata sabiex jiġi prodott elettriku, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva.

34.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tibbaża ruħha fuq ittra mibgħuta fis‑16 ta’ Mejju 2011 mill-Kummissjoni lir-rappreżentant legali tagħha. Din l-ittra tindika li “l-Artikolu 15(1)(ċ) [tad-Direttiva 2003/96], li jippermetti lill-Istati Membri japplikaw eżenzjoni totali għal prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija, ma jeskludix installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) [tal-istess direttiva], fir-rigward tal-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata sabiex jiġi prodott l-elettriku”. Inkella, is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku mill-koġenerazzjoni tkun, mingħajr raġuni, inqas favorevoli minn dik ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku b’metodi konvenzjonali. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 hija konsistenti mal-loġika sottostanti tad-Direttiva, jiġifieri, li tiġi evitata t-taxxa doppja fuq l-elettriku li tkun tirriżulta mill-ġbir ta’ dazji tas-sisa fuq (i) il-prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku, u (ii) l-elettriku prodott. Għalhekk, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 japplika għall-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku, filwaqt li l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-direttiva japplika għall-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata għall-ġenerazzjoni tas-sħana.

35.      Il-Gvern Franċiż jargumenta li prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku jaqgħu esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96.

36.      Il-Gvern Franċiż jenfasizza, l-ewwel nett, li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 trid tiġi interpretata b’mod strett peress li tidderoga mill-obbligu, stabbilit minn din id-direttiva, li jiġu ntaxxati prodotti tal-enerġija. It-tieni nett, l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva ma jistabbilixxix b’mod espliċitu li, fejn jintużaw prodotti tal-enerġija għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija, il-porzjon ta’ dawn il-prodotti li tintuża sabiex jiġi prodott l-elettriku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jindika b’mod espliċitu li japplika għal prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku. Din l-aħħar dispożizzjoni ma tindikax li hija tapplika biss għall-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata għall-ġenerazzjoni tas-sħana. It-tielet nett, l-Artikolu 14(1)(e) tal-proposta tal-Kummissjoni li sussegwentement saret id-Direttiva 2003/96 (13) (il-“proposta tal-Kummissjoni”) kien jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw is-“sħana ġġenerata waqt il-produzzjoni tal-elettriku” (14) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 14(1)(e) tal-proposta tal-Kummissjoni għandu jinqara fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw il-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex tiġġenera s-sħana, filwaqt li l-Artikolu 13(1)(b) tal-proposta kien jeżiġi li l-Istati Membri jeżentaw il-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata għall-produzzjoni tal-elettriku. Madankollu, l-Artikolu 14(1)(e) tal-proposta tal-Kummissjoni ġie emendat sabiex id-dispożizzjoni korrispondenti tad-Direttiva 2003/96, jiġifieri l-Artikolu 15(1)(ċ), ma tibqax tirreferi għas-sħana biss. Konsegwentement, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw fit-totalità tagħhom, skont l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, il-prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku. Il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li l-Istati Membri jeżentaw, skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-istess direttiva, il-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata għall-produzzjoni tal-elettriku. Ir-raba’ nett, huwa diffiċli, fil-prattika, li l-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku tiġi sseparata minn dik il-porzjon użata għall-ġenerazzjoni tas-sħana.

37.      Il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni jaqblu mas-soluzzjoni proposta mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif deskritta fil-punt 33 iktar ’il fuq.

38.      Skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 li jikkonċernaw l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq id-diċitura tagħhom u fuq l-għanijiet ippersegwiti mill-imsemmija direttiva (15).

39.      Għalhekk, ser nibda billi neżamina d-diċitura tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, li, fil-fehma tiegħi, ma tippermettix li ssir konklużjoni dwar jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu applikati konġuntament. Sussegwentement, ser nevalwa jekk id-Direttiva 2003/96 hijiex intiża għall-evitar tat-taxxa doppja fuq l-elettriku li, fl-opinjoni tiegħi, huwa l-każ (bl-eċċezzjoni unika ta’ miżuri ambjentali) u twassalx għall-konklużjoni li l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva japplika għall-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata għall-produzzjoni tal-elettriku. Fl-aħħar nett, ser nuri li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 tissodisfa l-għanijiet ta’ din id-direttiva, jiġifieri, il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u titjib fil-protezzjoni tal-ambjent.

A.      Ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni definittiva mid-diċitura tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96

40.      Fl-opinjoni tiegħi, id-domanda dwar jekk l-Artikolu 14(1)(a) u l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għandhomx japplikaw konġuntament ma tistax tingħata risposta sempliċement b’kunsiderazzjoni għad-diċitura tagħhom.

41.      Minn naħa, l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li huwa japplika għal prodotti tal-enerġija “użati għall-ġenerazzjoni ta’ sħana u kapaċità kkombinati”. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva jirreferi biss għal prodotti tal-enerġija “użati biex jipproduċu elettriku”. Din l-aħħar dispożizzjoni ma tagħmilx riferiment espliċitu għall-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni. Dan jissuġġerixxi li l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 huwa lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva u li, bħala tali, l-ewwel dispożizzjoni tapplika minflok dik tal-aħħar meta l-prodotti tal-enerġija jintużaw sabiex jipproduċu elettriku mill-koġenerazzjoni (16). Din kienet il-pożizzjoni tal-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes) (17).

42.      Barra minn hekk, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 ma jipprovdix li dan japplika għal prodotti tal-enerġija użati għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) għall-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata għall-produzzjoni tal-elettriku (18).

43.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 ma jipprovdix li dan japplika “[m]inkejja l-Artikolu 14(1)(a)” ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tal-istess direttiva b’mod espliċitu jipprevedi li dan japplika “[m]inkejja l-Artikolu 14(1)(a)”. Għalhekk, jidher li, fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, huwa għamel dan b’mod espliċitu, u li, fin-nuqqas ta’ esklużjoni espliċita, tapplika din id-dispożizzjoni. Dan jissuġġerixxi li l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 ma jidderogax mill-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva.

44.      Barra minn hekk, is-sentenza introduttorja tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/96 tipprovdi li din id-dispożizzjoni tapplika “[m]ingħajr preġudizzju għall-provissjonijiet oħra tal-[Unjoni]”. Għalkemm din il-frażi, għall-kuntrarju tad-diċitura ssuġġerita fil-punt 42 iktar ’il fuq, ma tagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, tista’ madankollu tinqara fis-sens li tirreferi għal din id-dispożizzjoni. Applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-istess direttiva għandha għalhekk tkun possibbli, iktar u iktar peress li s-sentenza introduttorja tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva tistabbilixxi wkoll li dan japplika “mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-[Unjoni]”.

45.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 sempliċement jipprovdi li dan japplika għal “prodotti ta’ enerġija […] użati biex jipproduċu elettriku”. Kif imsemmi fil-punt 9 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-metodu ta’ produzzjoni tal-elettriku, li jissuġġerixxi li dan tapplika irrispettivament mill-metodu tal-produzzjoni. Għalhekk, għandha tkopri prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku permezz ta’ metodi konvenzjonali u permezz ta’ metodi mhux konvenzjonali bħall-koġenerazzjoni.

46.      Konsegwentement, ma jistax jiġi ddeterminat, b’kunsiderazzjoni għad-diċitura tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, jekk dawn għandhomx jiġu applikati konġuntament. Sabiex inwieġeb din id-domanda, ser nindirizza issa l-iskema ġenerali u l-għanijiet ta’ din id-direttiva.

B.      Id-Direttiva 2003/96 hija intiża għall-evitar tat-taxxa doppja fuq l-elettriku?

47.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali (19), il-Gvern Finlandiż (20) u l-Kummissjoni (21) jsostnu li d-Direttiva 2003/96 hija intiża għall-evitar tat-taxxa doppja fuq l-elettriku. Għalhekk, l-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva għandha, fil-fehma tagħhom, tapplika għall-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku mill-koġenerazzjoni. Fil-fatt, li kieku din l-eżenzjoni ma tapplikax, ikun hemm taxxa doppja fuq l-elettriku peress li dazji tas-sisa jiġu imposti fuq (i) il-prodotti tal-enerġija użati sabiex jipproduċu l-elettriku u (ii) l-elettriku prodott.

48.      Ma hemm ebda dubju li, kieku l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 ma japplikax għall-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku mill-koġenerazzjoni, ikun hemm taxxa doppja fuq l-elettriku. Fil-fatt, il-prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku jkunu suġġetti għal dazji tas-sisa u b’hekk għal-livelli minimi ta’ taxxa previsti fl-Artikolu 9 u fit-Tabella C tal-Anness I ta’ din id-direttiva (taxxa tal-input), filwaqt li l-elettriku prodott ikun suġġett għal dazji tas-sisa u b’hekk għal-livelli minimi ta’ tassazzjoni previst fl-Artikolu 10 u fit-Tabella C tal-Anness I tal-istess direttiva (taxxa tal-output).

49.      Li għandu jiġi ddeterminat huwa jekk, kif argumentaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni, id-Direttiva 2003/96 hijiex intiża li għall-evitar tat-taxxa doppja fuq l-elettriku.

1.      Hija biss il-proposta tal-Kummissjoni li tirreferi b’mod espliċitu għall-prevenzjoni ta’ taxxa doppja

50.      La l-premessi u lanqas id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 ma jirreferu b’mod espliċitu għat-taxxa doppja fuq l-elettriku.

51.      L-unika referenza għat-taxxa doppja fuq l-elettriku tinsab fil-proposta tal-Kummissjoni (22). Fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni tispjega li, fir-rigward tal-elettriku, hija “ipproponiet armonizzazzjoni abbażi tat-taxxa tal-output” minħabba li, b’mod partikolari, l-elettriku jista’ b’hekk “ikun ikkummerċjalizzat fi ħdan pajjiż jew bejn il-pajjiżi mingħajr ma jiġi ntaxxat u b’hekk tiġi evitata t-taxxa doppja fil-pajjiż fejn jiġi kkonsmat” (23). Sabiex tiġi evitata din it-taxxa doppja, il-proposta tal-Kummissjoni stabbilixxiet skema simili għal dik tad-Direttiva 2003/96. L-ewwel nett, din il-proposta tissuġġetta l-prodotti tal-enerġija użati bħala kombustibbli għas-sħana u għall-elettriku għal dazji tas-sisa (24). It-tieni nett, l-Artikolu 13(1)(b) ta’ din il-proposta jipprevedi l-eżenzjoni obbligatorja ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku (25).

2.      It-taxxa doppja hija permessa għal raġunijiet ambjentali

52.      Madankollu, tqum id-domanda dwar jekk id-Direttiva 2003/96 hijiex effettivament intiża li tipprevjeni it-taxxa doppja fuq l-elettriku.

53.      Fil-fatt, it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-eżenzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku, stabbilita fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri jistgħu, “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent”, jissuġġettaw dawn il-prodotti għat-taxxa. Fejn Stat Membru jeżerċita din l-għażla, dan jirriżulta fit-taxxa doppja fuq l-elettriku peress li, skont it-tielet sentenza tal-istess dispożizzjoni, it-taxxa imposta fuq prodotti tal-enerġija “ma għandhiex tiġi ikkonsidrata sabiex tissodisfa il-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku”.

54.      Tqum ukoll id-domanda dwar jekk l-intenzjoni tal-Kummissjoni kinitx li tiġi evitata t-taxxa doppja fuq l-elettriku. Fil-fatt, it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 huma identiċi għat-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1)(b) tal-proposta tal-Kummissjoni (26). Barra minn hekk, fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-proposta tagħha, il-Kummissjoni, wara li ddikjarat li l-armonizzazzjoni għandha tinkiseb abbażi tat-taxxa tal-output, madankollu tenfasizza li “t-taxxa tal-output ma tippermettix lill-Istati Membri japplikaw differenza diretta bejn il-livelli ta’ tassazzjoni skont il-kwalità ambjentali tal-kombustibbli użat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u li, konsegwentement, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati “iżidu taxxa tal-input (mhux armonizzata) supplimentari fil-każ ta’ kombustibbli ambjentalment oġġezzjonabbli” (27).

55.      Dan wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Kernkraftwerke Lippe-Ems, tiċħad l-argument li d-Direttiva 2003/96 tipprekludi l-impożizzjoni ta’ dazji tas-sisa fuq prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku u fuq l-elettriku prodott. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “[ma jistax] jiġi konkluż li jeżisti prinċipju li jipprekludi l-ġbir simultanju ta’ taxxa fuq il-konsum ta’ enerġija elettrika u ta’ taxxa li tolqot is-sorsi ta’ produzzjoni ta’ din l-enerġija. […] [Mill]-proposta [tal-Kummissjoni] ma jirriżultax li [t-taxxa tal-input u t-taxxa tal-output] jeskludu lil xulxin bi prinċipju, u l-[Kummissjoni] ammettiet li huma komplimentari billi rriżervat, f’din il-proposta, l-possibbiltà għall-Istati Membri li ‘jżidu taxxa supplementari għall-input (mhux armonizzata) fil-każ ta’ kombustibbli mhux mixtieqa mill-perspettiva tal-ambjent’” (28).

3.      Id-Direttiva 2003/96 hija intiża għall-evitar tat-taxxa doppja, bl-eċċezzjoni unika ta’ miżuri ambjentali

56.      Madankollu, inqis li d-Direttiva 2003/96 hija intiża għall-evitar tat-taxxa doppja fuq l-elettriku.

57.      Fil-fatt, kif spjegat fil-punt 43 iktar ’il fuq u kif argumentat mill-Kummissjoni (29), fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa tal-input stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, huwa għamel dan b’mod espliċitu. Hemm biss żewġ derogi espliċiti minn din l-eżenzjoni, jiġifieri t-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva.

58.      It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) tad-Direttiva 2003/96 jawtorizza lill-Istati Membri jeżentaw mit-taxxa l-elettriku prodott minn produtturi żgħar, “jekk kemm-il darba huma jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni ta’ dik l-elettriku”. Għalhekk, fir-rigward ta’ produtturi żgħar tal-elettriku, it-taxxa tal-input hija permessa iżda t-taxxa doppja ma hijiex.

59.      Konsegwentement, it-taxxa doppja fuq l-elettriku hija permessa biss “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent”, skont it-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Ma hijiex permessa għal raġunijiet oħra. Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri “jistgħu” jissuġġettaw prodotti tal-enerġija għat-taxxa tal-input. Ma humiex meħtieġa li jagħmlu dan. Barra minn hekk, fl-impożizzjoni tat-taxxi tal-input, l-Istati Membri ma humiex marbuta “jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla [fid-Direttiva 2003/96]”. Għalhekk, it-taxxi tal-input imposti skont it-tieni sentenza tal-Artikolu (14)(1)(a) ta’ din id-direttiva jistgħu jirriżultaw f’taxxa doppja limitata.

60.      Hemm lok li nenfasizza wkoll li, fl-1999, il-Parlament Ewropew emenda l-proposta tal-Kummissjoni sabiex l-Artikolu 13, li ppreveda l-eżenzjoni obbligatorja, b’mod partikolari, ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku, tneħħa, filwaqt li, skont l-Artikolu 9 ta’ din il-proposta, l-elettriku kien għadu suġġett għal livell minimu ta’ taxxa. Barra minn hekk, il-Parlament emenda din l-aħħar dispożizzjoni sabiex l-Istati Membri kienu meħtieġa jintroduċu taxxa supplimentari bbażata fuq il-kontenut tal-karbonju tal-kombustibbli użati sabiex jiġi prodott l-elettriku (30). Madankollu, dawn l-emendi, li kellhom jirriżultaw f’taxxa doppja fuq l-elettriku, ma ġewx inkorporati fl-aħħar verżjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (jiġifieri, l-Artikoli 10 u 14 tad-Direttiva 2003/96).

61.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li, waqt ix-xogħol preparatorju, il-Presidenza tal-Kunsill enfasizzat li r-“regola ġenerali” kienet dik tat-taxxa tal-output, u mhux dik tat-taxxa tal-input, fuq l-elettriku (31).

62.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, id-Direttiva 2003/96 hija intiża għall-evitar tat-taxxa doppja fuq l-elettriku, bl-eċċezzjoni unika ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri għal raġunijiet ta’ politika ambjentali.

63.      Konsegwentement, inqis li, fejn prodotti tal-enerġija jintużaw għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija, il-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata sabiex jiġi prodott l-elettriku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, li kieku din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal din il-porzjon tal-prodotti, l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni kien ikun suġġett għal taxxa doppja, li d-Direttiva 2003/96 hija intiża tevita. Fl-opinjoni tiegħi, l-issuġġettar għat-taxxa ta’ dik il-porzjon tal-prodotti ftit li xejn jidher li huwa miżura meħuda “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent” skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 peress li l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni jirriżulta fl-ekonomizzar tal-enerġija u f’inqas emissjonijiet ta’ gassijiet serra, meta mqabbla mal-elettriku prodott minn metodi konvenzjonali (32). Fir-rigward tal-porzjon tal-prodotti tal-enerġija li hija użata sabiex tiġġenera s-sħana, din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-setgħa ta’ eżenzjoni kkonferita lill-Istati Membri mill-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96.

64.      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kernkraftwerke Lippe-Ems (33). Fil-fatt, is-sitwazzjoni fis-sentenza Kernkraftwerke Lipp-Ems kienet speċifika ħafna u hija differenti minn dik tal-każ inkwistjoni. Fis-sentenza Kernkraftwerke Lippe-Ems, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet twieġeb jekk l-eżenzjoni obbligatorja stabbilita fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 tapplikax għal kombustibbli nukleari. Minkejja li, kif mitlub minn din id-dispożizzjoni, dan il-kombustibbli huwa “użat biex jipproduċ[i] elettriku”, dan ma huwiex elenkat fost il-“prodotti ta’ enerġija” li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96, tapplika għalihom din id-direttiva (34). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li kombustibbli nukleari ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u li, konsegwentement, l-eżenzjoni obbligatorja ma tapplikax. Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument imressaq mill-kumpannija li tħaddem impjant tal-enerġija nukleari li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandu japplika “b’analoġija” għal kombustibbli nukleari użat sabiex jiġi prodott l-elettriku peress li jgħid li l-għan tad-direttiva kien l-evitat tat-taxxa doppja fuq l-elettriku. Fil-fatt, ma hemm ebda dubju li, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja applikat l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għal kombustibbli nukleari użat sabiex jiġi prodott l-elettriku, kienet testendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva bi ksur tal-Artikolu 2(1) tal-istess direttiva (35). Għall-kuntrarju, f’dan il-każ, il-gass naturali huwa “prodott ta’ enerġija” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96 (36). Għalhekk, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva għall-porzjon ta’ gass naturali użata sabiex jiġi prodott l-elettriku mill-koġenerazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

65.      Lanqas il-konklużjoni tiegħi fil-punt 62 iktar ’il fuq ma tista’ titqiegħed f’dubju bil-fatt li l-Artikolu 13(1)(b) tal-proposta tal-Kummissjoni, li ppreveda l-eżenzjoni obbligatorja ta’ “prodotti ta’ enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana ġġenerata waqt il-produzzjoni tiegħu” (37) [traduzzjoni mhux uffiċjali], ġie emendat sabiex l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96 japplika biss għal “prodotti ta’ enerġija użati biex jipproduċu elettriku”. Fil-fatt, l-intenzjoni tal-Kummissjoni, kif spjegata fl-espożizzjoni tal-motivi marbuta mal-proposta tagħha, kienet li tintroduċi armonizzazzjoni abbażi tat-taxxa tal-output fuq l-elettriku, sabiex tiġi evitata taxxa doppja (38). Ma hemm xejn li jindika fl-espożizzjoni tal-motivi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tillimita l-armonizzazzjoni abbażi tat-taxxa tal-output fuq l-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni.

66.      Fl-aħħar nett, hemm lok li nsemmi li l-Parlament, li f’Settembru 2003 ġie kkonsultat għat-tieni darba dwar l-abbozz tad-direttiva (39), emenda l-Artikolu 15(1) tiegħu sabiex jipprevedi eżenzjoni obbligatorja minflok setgħa ta’ eżenzjoni (40). Id-Direttiva 2003/96 ġiet adottata mingħajr din l-emenda. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan ma joħloqx dubji fil-konklużjoni tiegħi fil-punt 62 iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Parlament, f’Settembru 2003, ma emendax l-eżenzjoni obbligatorja ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tal-abbozz tad-direttiva (41). Għalhekk, l-emenda tal-Artikolu 15(1)(ċ) tal-abbozz ta’ direttiva setgħet tirriżulta biss fl-eżenzjoni obbligatorja tal-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex tiġi ġġenerata s-sħana. Il-fatt li din l-emenda ma ġietx inkorporata ifisser biss li l-Istati Membri għandhom is-setgħa, mhux l-obbligu, li jeżentaw dik il-porzjon tal-prodotti. It-tieni nett, nenfasizza li, wara l-adozzjoni ta’ din l-emenda mill-Parlament, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni stqarr, f’laqgħa tal-Kunsillieri Fiskali u l-Attachés mir-Rappreżentanzi Permanenti, li “ma huwiex irrakkomandat li l-abbozz ta’ [d]irettiva jiġi emendat f’dan l-istadju” u “il-Kummissjoni tista’ żżomm kont tal-proposti għal kwalunkwe emenda tad-[d]irettiva” (42). Dan jissuġġerixxi li – almenu fir-rigward tal-Kummissjoni – ma ngħatat ebda kunsiderazzjoni lill-kontenut ta’ din l-emenda, u ma ġietx inkorporata l-iktar minħabba t-tempistika tagħha.

67.      Madankollu, jekk jitqies li d-Direttiva 2003/96 ma hijiex intiża għall-evitar tat-taxxa doppja fuq l-elettriku, l-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva xorta japplika, fil-fehma tiegħi, għall-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku mill-koġenerazzjoni. Fil-fatt, dan kien jilħaq l-għanijiet l-oħra ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-protezzjoni tal-ambjent.

C.      L-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 14(1)(a) u tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 tkun tikkontribwixxi għall-funzjonament tajj tas-suq intern u għall-protezzjoni tal-ambjent

68.      Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2003/96 huwa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jitnaqqsu d-differenzi fil-livelli nazzjonali tat-tassazzjoni u li tinżamm il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi tal-Unjoni. Dan jirriżulta mill-premessi 2 sa 5 ta’ din id-direttiva, li jistabbilixxu li differenzi sostanzjali fil-livelli ta’ tassazzjoni applikati mill-Istati Membri jistgħu jkunu ta’ detriment għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li livelli minimi ta’ tassazzjoni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jkunu jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Dan ġie rrikonoxxut ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja (43).

69.      Li kieku l-prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku mill-koġenerazzjoni kellhom jaqgħu esklużivament fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96, filwaqt li l-istess prodotti, li kieku użati sabiex jiġi prodott l-elettriku b’metodi konvenzjonali, kellhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva, dan kien jiżvantaġġa l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni meta mqabbla ma’ installazzjonijiet konvenzjonali. Fil-fatt, dawn l-installazzjonijiet tal-aħħar kienu jkunu suġġetti għall-eżenzjoni obbligatorja stabbilita fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, filwaqt li l-ewwel installazzjonijiet kienu jkunu eżentati biss kieku l-Istat Membru kkonċernat eżerċita s-setgħa kkonferita mill-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva. Kif argumentat mill-Kummissjoni, dan ma kienx ikun konsistenti mal-premessa 24 tad-Direttiva 2003/96, li tistabbilixxi li s-setgħa ta’ eżenzjoni mogħtija lill-Istati Membri ma għandhiex, b’mod partikolari, “[t]irriżulta fi tfixkil tal-kompetizzjoni”. Li kieku l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 kellu japplika biss għal prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku mill-koġenerazzjoni, u li kieku l-Istati Membri kkonċernati ma jeżerċitawx l-għażla li jeżentaw kompletament mit-taxxa dawn il-prodotti, dan kien iwassal sabiex tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni u installazzjonijiet konvenzjonali.

70.      Ir-raġunament hawn fuq huwa konsistenti mal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Jan de Nul. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa li jiġu eżentati żjut minerali użati għan-navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni, prevista fl-Artikolu 8(1)(b) tad-Direttiva 92/81 (44), “ma jistax ħlief ikollha karattru residwu” fis-sens li hija applikabbli biss fejn l-eżenzjoni obbligatorja ta’ żjut minerali użati bħala karburant għall-finijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 8(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, ma tapplikax (45). Fil-fatt, bastimenti tal-baħar, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja (46), jistgħu jinnavigaw ukoll f’ċerti passaġġi fuq l-ilma interni lejn ċerti portijiet li, minkejja li ma jinsabux mal-kosta, huma portijiet tal-baħar (47). Għalhekk, li kieku bastimenti tal-baħar kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja meta joperaw f’passaġġi fuq l-ilma interni lejn portijiet tal-baħar, dawn kienu jkunu żvantaġġati meta mqabbla ma’ bastimenti tal-baħar li joperaw biss f’portijiet kostali. Dan kien joħloq riskju ta’ devjazzjoni tat-traffiku lil hinn mill-portijiet tal-baħar. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-setgħa ta’ eżenzjoni prevista fl-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva 92/81 tapplika biss għal navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni sakemm din in-navigazzjoni tiġi eżerċitata f’ibħra lil hinn minn dawk li fihom tista’ titwettaq navigazzjoni marittima.

71.      Id-Direttiva 2003/96 għandha wkoll għan ieħor, jiġifieri, it-titjib tal-protezzjoni ambjentali. Mill-premessi 6, 7 u 12 ta’ din id-direttiva jirriżulta li r-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali jridu jiġu integrati fid-definizzjoni tal-politika dwar l-enerġija. Dan ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (48).

72.      Li kieku l-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex tipproduċi l-elettriku mill-koġenerazzjoni kellha taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, dan kien jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent. Fil-fatt, il-koġenerazzjoni, għall-kuntrarju ta’ metodi konvenzjonali ta’ produzzjoni tal-elettriku, tippermetti l-ekonomizzar tal-enerġija. F’dan ir-rigward, waqt ix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2003/96, il-Presidenza tal-Kunsill qieset li l-“ġenerazzjoni tal-elettriku minn impjant tal-enerġija normalment ikollha effiċjenza ta’ konverżjoni ta’ bejn 25 % u 50 [%], fejn 50 [%] hija rata għolja ħafna”, filwaqt li, għall-elettriku prodott mill-koġenerazzjoni, “l-effiċjenza tal-konverżjoni tipikament tiżdied għal livell ġenerali ta’ bejn 60 sa 80 [%]” (49).

73.      Kif issemma iktar ’il fuq, li kieku l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 japplika għall-porzjon tal-enerġija prodotta użata sabiex jiġi prodott l-elettriku, dan ma jċaħħadx lill-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva mill-effett utli tiegħu. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tapplika għall-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata għall-ġenerazzjoni tas-sħana.

74.      L-argument invokat mill-Gvern Franċiż li jgħid li fil-prattika huwa estremament diffiċli li tiġi iżolata il-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku, għandu jiġi miċħud (50). Fil-fatt, fis-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni spjegaw li tassazzjoni separata hija possibbli. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproponiet il-kalkolu tal-kwantità minima ta’ gass naturali meħtieġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn installazzjoni li tipproduċi biss l-elettriku (għall-kuntrarju ta’ installazzjoni ta’ koġenerazzjoni) u li tuża l-aqwa u l-iktar teknoloġija ekonomikament ġustifikabbli li hemm disponibbli. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-kwantità minima għandha, fejn jintuża l-gass naturali għal ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, titqies bħala l-porzjon tal-gass naturali allokat għall-produzzjoni tal-elettriku (51). Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, enfasizzat li diversi Stati Membri żviluppaw metodu sabiex jikkalkolaw il-porzjon taxxabbli tal-prodotti tal-enerġija. Skont il-Kummissjoni, sal-lum il-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex tiġġenera s-sħana hija suġġetta għat-taxxa skont id-dritt Franċiż (52). B’mod simili, fil-Belġju, hija biss il-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku li hija eżentata mit-taxxa (53). Il-Kummissjoni sostniet ukoll li huwa irrilevanti li jiġu applikati metodi differenti mill-Istati Membri sabiex jiġi kkalkolat il-porzjon taxxabbli tal-prodotti tal-enerġija użata għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija. Fil-fatt, id-Direttiva 2003/96 ma tipprovdi xejn dwar din il-kwistjoni.

75.      Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi, fejn jintużaw prodotti tal-enerġija għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, il-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata sabiex jiġi prodott l-elettriku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, filwaqt li l-porzjon użata sabiex tiġġenera s-sħana taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

76.      F’din il-kawża, Sucrerie de Toury ġiet imċaħħda l-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali u, wara l‑31 ta’ Diċembru 2006, fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 266 quinquies ta’ dan il-kodiċi, għall-gass naturali li nxtara bejn l‑1 ta’ Jannar 2006 u l‑25 ta’ Diċembru 2007.

77.      Fis-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjarat li r-raġuni li għaliha ċċaħħdet mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali hija li din l-eżenzjoni tista’ tingħata biss għal ħames snin dekorribbli mill-operat tal-installazzjoni tal-koġenerazzjoni. Peress li l-installazzjoni tal-koġenerazzjoni ta’ Sucrerie de Toury bdiet topera fl-1996, kienet qadima wisq sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni meta l-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali daħal fis-seħħ (54).

78.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina għalfejn Sucrerie de Toury ġiet imċaħħda l-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fil-leġiżlazzjoni Franċiża. Fil-fehma tiegħi, jekk ir-raġuni hija li hemm limitu fuq l-eżenzjoni ta’ ħames snin b’effett mill-operat tal-installazzjoni ta’ koġenerazzjoni, din ftit li xejn tkun konsistenti man-natura inkundizzjonata tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 (55).

79.      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari għandha tkun li, fejn jintużaw prodotti tal-enerġija għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija, l-Artikolu 14(1)(a) u l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 għandhom jiġu applikati konġuntament. Il-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-ewwel dispożizzjoni, filwaqt li l-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata għall-ġenerazzjoni tas-sħana taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar dispożizzjoni.

IV.    Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

Fejn jintużaw prodotti tal-enerġija għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ enerġija, l-Artikolu 14(1)(a) u l-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandhom jiġu applikati konġuntament. Il-porzjon tal-prodotti tal-enerġija użata sabiex jiġi prodott l-elettriku taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-ewwel dispożizzjoni, filwaqt li l-porzjon ta’ dawn il-prodotti użata għall-ġenerazzjoni tas-sħana taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar dispożizzjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).


3      Ara l-Artikolu 2(30) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012 L 315, p. 1).


4      Ara l-premessa 22 u l-Artikoli 7 sa 9 tad-Direttiva 2003/96.


5      Ara l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96.


6      Għall-finijiet ta’ semplifikazzjoni, is-setgħa mogħtija lill-Istati Membri bl-Artikolu 15(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/96 li “japlikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew tnaqqis kollu jew parti minnu fil-livell ta’ tassazzjoni” ser isir riferiment għaliha iktar ’l isfel bħala s-setgħa tagħhom “li jeżentaw”.


7      Ara l-premessa 16 tad-Direttiva 2003/96.


8      Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja f’żewġ okkażjonijiet ikkonstatat li r-Repubblika Franċiża kienet kisret l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2003/96. L-ewwel nett, hija kkonstatat li r-Repubblika Franċiża kienet naqset milli tadotta kwalunkwe miżura għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑388/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:207). It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Repubblika Franċiża kienet naqset milli tadatta s-sistema tagħha ta’ tassazzjoni tal-elettriku skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 sal‑1 ta’ Jannar 2009, kif meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(10) ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑164/11, mhux ippubblikata, EU:C:2012:665).


9      Ġie emendat biss il-paragrafu 3 tal-Artikolu 266 quinquies tal-Kodiċi Doganali. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma ġiex emendat.


10      Bħal Électricité de France.


11      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.


12      Skont is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014 tal-cour administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes, Franza), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali targumenta li “it-telf li ġarrbet jikkorrispondi għall-ammont tat-[taxxa nazzjonali] mogħti mill-fornituri tagħha għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2006 sal‑25 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri, EUR 98 768”.


13      Proposta tal-Kummissjonitat‑12 ta’ Marzu 1997 għal Direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u tal-elettriku (COM(97) 30 final).


14      L-Artikolu 14(1) tal-proposta tal-Kummissjoni jipprovdi li “[b]la ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet,, jew tnaqqis totali jew parzjali,, tal-livell ta’ tassazzjoni għal: […] (e) sħana ġġenerata waqt il-produzzjoni tal-elettriku; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda).


15      Sentenzi tal‑1 ta’ April 2004, Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, C‑389/02, EU:C:2004:214, punt 19; tal‑1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 22; tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Systeme Helmholz, C‑79/10, EU:C:2011:797, punt 19; tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft, C‑250/10, EU:C:2011:862, punt 19 u tat‑13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C‑151/16, EU:C:2017:537, punt 24.


16      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 35.


17      Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li “[skont] il-cour [administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes)], ir-regola speċjali prevista fl-Artikolu 15 [tad-Directive 2003/96] tidderoga mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 14 [ta’ din id-direttiva]” (enfasi miżjuda).


18      Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li “l-interpretazzjoni sostnuta mill-cour [administrative d’appel de Nantes (il-Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Nantes)], li tgħid li r-regola speċjali prevista fl-Artikolu 15 [tad-Direttiva 2003/96] tidderoga mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 14 [ta’ din id-direttiva], tista’ tkun ibbażata fuq id-diċitura tal-Artikolu 15, li ma jirriżervax b’mod espliċitu l-applikazzjoni tal-Artikolu 14 għall-proporzjon ta’ gass użat għall-ġenerazzjoni tal-elettriku” (enfasi miżjuda).


19      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, “l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti hija perfettament konsistenti mal-loġika tal-eżenzjoni ta’ prodotti tal-enerġija użati sabiex jiġi prodott l-elettriku, li hija li l-elettriku ma jiġix suġġett darbtejn għal dazji tas-sisa: it-[taxxa nazzjonali] imposta fuq il-gass użat sabiex jiġi prodott l-elettriku, u sussegwentement it-taxxa nazzjonali fuq il-konsum finali tal-elettriku”.


20      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż, “peress li l-konsum tal-elettriku huwa minnu nnifsu suġġett għat-taxxa, tqies li l-prodotti tal-enerġija li kienu intiżi sabiex jintużaw għall-produzzjoni tal-enerġija ma jkunux suġġetti għal taxxa separata. B’hekk, it-taxxa doppja fuq l-elettriku tiġi evitata”.


21      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, “wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva [2003/96] huwa l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ ‘taxxa unika’ fuq l-elettriku. […] L-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva [2003/96] jeżiġi li l-Istati Membri jeżentaw mit-taxxa prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku. Dan sabiex tiġi evitata taxxa doppja, li tirriżulta mill-ġbir, fl-istess waqt, ta’ taxxa fuq l-enerġija prodotta u taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija użati sabiex tiġi prodotta l-enerġija.”


22      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 iktar ’il fuq.


23      Ara p. 5 tal-proposta tal-Kummissjoni (enfasi miżjuda).


24      Ara s-sitt inċiż tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 9 tal-proposta tal-Kummissjoni.


25      Artikolu 13(1) tal-proposta tal-Kummissjoni jaqra kif ġej: “[m]inbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali kif stabbiliti fid-Direttiva 92/12/KEE fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabbli, u bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni taħt kundizzjonijiet li għandhom jistabbilixxu sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u sabiex jipprevjenu l-evażjoni, l-evitar u l-abbuż: […] (b) prodotti tal-enerġija użati għall-produzzjoni tal-elettriku u sħana li hija ġġenerata waqt il-produzzjoni tiegħu. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika ambjentali, jissuġġettaw dawn il-prodotti għat-taxxa mingħajr ma josservaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif stabbiliti f’din id-Direttiva. F’tali każ, it-tassazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tal-livell minimu ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku kif stabbilit fl-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


26      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq.


27      Ara p. 5 tal-proposta tal-Kummissjoni (enfasi miżjuda).


28      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punt 51.


29      Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, “Id-Direttiva [2003/96] tipprevedi żewġ derogi mill-eżenzjoni obbligatorja. L-ewwel nett, l-Artikolu 14(1)(a) […]. Sussegwentement, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) […]. Għaldaqstant, meta l-leġiżlatur awtorizza deroga minn dan l-obbligu ta’ eżenzjoni, huwa għamel dan b’mod espliċitu.”


30      Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tat‑13 ta’ April 1999 li tinkorpora l-opinjoni tal-Parlament dwar il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar ir-Riforma fl-Istruttura tal-Komunità għat-Tassazzjoni ta’ Prodotti tal-Enerġija (COM(97)0030 ‐ C4‑0155/97 ‐ 97/0111(CNS)) (ĠU 1999 C 219, p. 91). Ara l-Emendi 21 u 24.


31      Ara l-paragrafu 2 tan-nota tal-Presidenza tal-Kunsill tal‑20 ta’ April 2001, li jipprovdi li “maġġoranza kbira ta’ […] Stati Membri kienu favur it-taxxa tal-output (konsum) bħala l-prinċipju ġenerali f’direttiva dwar it-taxxa fuq l-enerġija. […] Dawn l-Istati Membri li kienu favur taxxa tal-output għarrfu l-bżonn li jagħtu lill-Istati Membri mħajra l-possibbiltà li jissuġġettaw għal taxxa tal-input ukoll kombustibbli użati għall-produzzjoni tal-elettriku” (Dokument tal-Kunsill 8085/01) (enfasi miżjuda). Ara wkoll il-paragrafu 2.3.4 tal-proposta ta’ kompromess abbozzata mill-Presidenza tal-Kunsill fl‑24 ta’ April 2002, li tistabbilixxi li “[t]axxa tal-output (konsum) għandha tkun ir-regola ġenerali fit-taxxa fuq l-elettriku. Madankollu, dan l-approċċ għandu jkun assoċjat mal-għażla għall-Istati Membri li japplikaw, b’mod supplimentari, taxxa tal-input abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fir-rigward tal-varji kombustibbli użati sabiex jiġġeneraw l-elettriku” (Dokument tal-Kunsill 7814/1/02 REV 1) (enfasi miżjuda). Fl-aħħar nett, ara l-paragrafu 7.3 tar-Rapport ta’ Progress tal-Presidenza tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2002 jistabbilixxi li “[b]ħala prinċipju ġenerali, l-output tal-elettriku ser jiġi ntaxxat. Barra minn hekk, l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan, jistgħu jintaxxaw l-inputs użati sabiex jiġġeneraw l-elettriku, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Dokument tal-Kunsill 10195/02) (enfasi miżjuda). Dawn id-dokumenti huma disponibbli fuq is-sit web tar-reġistru pubbliku tal-Kunsill fl-indirizz li ġej: https://register.consilium.europa.eu/.


32      Fi kwalunkwe każ, qiegħed ninnota li l-Gvern Franċiż ma argumentax li, fejn prodotti tal-enerġija jintużaw għall-ġenerazzjoni konġunta ta’ sħana u ta’ elettriku, l-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali u l-paragrafu 3 tal-Artikolu 266 quinquies ta’ dan il-kodiċi jissuġġettaw dawn il-prodotti għat-taxxa “għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent” skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96.


33      Ara l-punt 55 iktar ’il fuq.


34      Il-kombustibbli nukleari inkwistjoni kien magħmul minn isotopi speċifiċi ta’ plutonju u ta’ uranju. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:51, punt 42.


35      Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems, C‑5/14, EU:C:2015:354, punti 47, 48, 50 u 51.


36      Fil-fatt, l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96 jirreferi għal prodotti “li huma deskritti taħt Kodiċi NM […] 2704 sa 2715”, u Kodiċi NM 2711 11 00 u 2711 21 00 li jikkorrispondu għal gass naturali. Il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (“Kodiċi NM”) huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 2 p. 382). Ara l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2003/96.


37      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq.


38      Ara l-punt 51 iktar ’il fuq.


39      Ara d-Dokument tal-Kunsill 8084/03, tat‑3 ta’ April 2003 (l-“abbozz tad-direttiva”). Dan id-dokument huwa disponibbli fuq is-sit internet tar-reġistru pubbliku tal-Kunsill (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 iktar ’il fuq). Kif spjegat iktar ’il quddiem, l-Artikolu 15(1) tal-abbozz tad-direttiva huwa identiku għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2003/96.


40      Ara l-Emenda 10 tar-Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal‑24 ta’ Settembru 2003 dwar l-abbozz ta’ Direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Komunità għat-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija u tal-elettriku (8084/2003 – C5‑0192/2003 – 1997/0111(CNS)) (ĠU 2004 C 77E, p. 246).


41      Artikolu 14(1) tal-abbozz tad-direttiva huwa identiku għall-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96.


42      Ara d-Dokument tal-Kunsill 13258/03 tas‑7 ta’ Ottubru 2003 (enfasi miżjuda). Dan id-dokument huwa disponibbli fuq is-sit internet tar-reġistru pubbliku tal-Kunsill (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 iktar ’il fuq).


43      Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C‑151/16, EU:C:2017:537, punt 37; u konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-Kawżi magħquda Kronos Titan, C‑43/13 u C‑44/13, EU:C:2013:839, punt 40. Ara wkoll, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU 1992 L 316, p. 12), li tħassret u ġiet issostitwita mid-Direttiva 2003/96, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑240/01, EU:C:2004:251, punt 39; u tal‑1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 28.


44      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 iktar ’il fuq. L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81 jipprevedi li “minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali stabbiliti fid-Direttiva 92/12/KEE fuq użijiet eżenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa, u bla ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tal-[Unjoni], l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti segwenti mid-dazju tas-sisa armonizzat, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta u ekwivoka ta’ dawn l-eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni tal-evażjoni, tal-evitar jew tal-abbuż: […] (ċ) iż-żjut minerali pprovduti bil-għan li jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni f’ibħra [tal-Unjoni] (inkluż is-sajd), għajr dgħajjes privati użati għad-divertiment. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 8(2) tal-istess direttiva jistabbilixxi li “bla ħsara għal dispożizzjonijiet [tal-Unjoni] oħra, l-Istati Membri jistgħu japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis totali jew parzjali tar-rata tad-dazju fuq iż-żjut minerali li jkunu użati taħt kontroll fiskali: […] (b) għan-navigazzjoni fil-passaġġi fuq l-ilma interni, għajr dgħajjes privati użati għad-divertiment; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


45      Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 31.


46      Ir-raġuni li għalija l-bastimenti tal-baħar jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu (8)(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81 hija li t-terminu “ibħra [tal-Unjoni]” irid jinftiehem fis-sens li jinkludi l-ibħra kollha li fihom normalment tiġi pprattikata navigazzjoni marittima għal skopijiet kummerċjali (sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2007 Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 26).


47      Il-vjaġġ inkwistjoni fis-sentenza Jan de Nul twettaq fl-Elbe, f’żona bejn Cuxhaven (fejn l-Elbe tmiss mal-Baħar tat-Tramuntana) u Hamburg (port tal-baħar minkejja li ma jinsabx mal-kosta). Din iż-żona tikkorrispondi għall-estwarju tal-Elbe u hija kkunsidrata bħala passaġġ fuq l-ilma intern. Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, EU:C:2007:126, punt 7; u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Jan De Nul,C‑391/05, EU:C:2006:791, punt 78.


48      Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2017, Hüttenwerke Krupp Mannesmann, C‑465/15, EU:C:2017:640, punt 26. Ara wkoll konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża X, C‑426/12, EU:C:2014:446, punt 40; u tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:174, punt 82.


49      Nota tal-Presidenza tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ġunju 2002, il-punt 2 (Dokument tal-Kunsill 10360/02). Dan id-dokument jiddefinixxi l-“effiċjenza tal-konverżjoni” bħala “il-proporzjon bejn il-kwantità ta’ enerġija primarja użata sabiex tiġi prodotta t-tieni forma ta’ enerġija u l-kwantità ta’ enerġija sekondarja effettivament prodotta”. Dan id-dokument huwa disponibbli fuq is-sit internet tar-reġistru pubbliku tal-Kunsill (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 31 iktar ’il fuq).


50      Fis-seduta, il-Gvern Franċiż argumenta li dan il-kalkolu jista’ jkun biss teoretiku peress li l-istess prodotti tal-enerġija jintużaw sabiex simultanjament jiġġeneraw is-sħana u l-enerġija. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż enfasizza li parti sinjifikattiva ta’ dawn il-prodotti (sa massimu ta’ 40 %) la tintuża sabiex tipproduċi l-elettriku u lanqas sabiex tipproduċi s-sħana iżda sempliċement tintilef fil-proċess, u li dan il-kalkolu ma jippermettix li dan it-telf jittieħed inkunsiderazzjoni.


51      Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-metodu huwa bbażat fuq id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ kogenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern ta’ l-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 3, p. 3), u fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-valuri armonizzati ta’ referenza għall-effiċjenza għal produzzjoni separata ta’ elettriċità u ta’ sħana bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2008 L 338M, p. 898).


52      Fis-seduta, il-Kummissjoni kkwotat il-paragrafu 95 tal-istruzzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-Kontijiet Pubbliċi tat‑13 ta’ April 2016 fir-rigward tat-taxxa nazzjonali (Bulletin officiel des douanes Nru 7106, tat‑13 ta’ April 2016).


53      Fis-seduta, il-Kummissjoni kkwotat it-tielet paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Digriet Irjali tat‑2 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-kontribuzzjoni federali għall-finanzjament ta’ ċerti obbligi tas-servizz pubbliku u l-ispejjeż marbuta mar-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ tas-suq tal-gass naturali (Moniteur belge, tal‑25 ta’ April 2014, p. 34863).


54      Madankollu, ir-rappreżentant tal-Gvern Franċiż wieġeb billi qal li l-Artikolu 266 quinquies A tal-Kodiċi Doganali daħal fis-seħħ fl-1993. Għalhekk, skont il-Gvern Franċiż, ir-raġuni li għaliha Sucrerie de Toury ġiet imċaħħda l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni kienet li hija applikat għal din l-eżenzjoni wara li kien skada t-terminu. Fil-fatt, Sucrerie de Toury kellha tapplika għall-eżenzjoni, fi żmien tliet snin mill-operat tal-unità ta’ koġenerazzjoni tagħha, allegatament fl-1996. Kien biss fl-2010 li hija applikat.


55      Fil-fatt, il-“kundizzjonijiet” imsemmija fis-sentenza introduttorja tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96 għandhom l-għan uniku li “jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi [tal]-eżenzjonijiet [stabbiliti minn din id-dispożizzjoni] u sabiex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż”.