Language of document : ECLI:EU:C:2014:135

Kawża C‑456/12

O.
vs

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

u

Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel
vs
B.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 21(1) TFUE — Dritt ta’ moviment liberu u dritt ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Benefiċjarji — Dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru li dan iċ-ċittadin għandu n-nazzjonalità tiegħu — Ritorn taċ-ċittadin tal-Unjoni f’dan l-Istat Membru wara residenzi qosra fi Stat Membru ieħor”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Marzu 2014

1.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Benefiċjarji — Membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li huma ċittadini ta’ Stat terz u li jirrisjedu fl-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin — Esklużjoni

(Artikolu 21 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 1(a), 2, punt 2 u 3(1))

2.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni — Dritt ta’ residenza derivat tal-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz — Kundizzjonijiet — Residenza effettiva ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ residenza skont l-Artikoli 7 u 16 tad-Direttiva 2004/38 — Applikazzjoni b’analoġija tal-kundizzjonijiet għall-għoti previsti minn din id-direttiva

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 6(1), 7(1) u (2) u 16(1) u (2))

3.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Direttiva 2004/38 — Benefiċjarji — Membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat terz, wara r-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu — Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38, Artikoli 7(1) u (2), u 16)

4.        Ċittadinanza tal-Unjoni — Dispożizzjonijiet tat-Trattat — Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri — Ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu wara li jkun irrisjeda fi Stat Membru ieħor fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni — Dritt ta’ residenza derivat tal-membri tal-familja tiegħu, ċittadini ta’ Stat terz — Kwalità ta’ membru tal-familja matul tal-inqas parti mir-residenza fl-Istat Membru ospitanti — Assenza — Esklużjoni tad-dritt derivat

(Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 2004/38, Artikolu 2, punt 2, 6(1), 7(2) u 16(2))

1.        L-Artikolu 21(1) TFUE u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, ma jagħtu l-ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini tal-Istati terzi iżda biss drittijiet derivati mill-eżerċizzju tal-moviment liberu minn ċittadin tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, minn naħa, minn interpretazzjoni litterali ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tipprovdi dritt ta’ residenza derivat favur ċittadini ta’ Stati terzi, membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni biss, meta dan tal-aħħar jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu.

Min-naħa l-oħra, skont l-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, għalkemm huwa minnu li din għandha l-għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament lil kull ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-għan tagħha jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-imsemmija direttiva ma għandhiex l-għan li tikkonferixxi dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu.

(ara l-punti 36, 39, 41, 43)

2.        L-Artikolu 21(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn ċittadin tal-Unjoni jkun żviluppa jew ikkonsolida ħajja tal-familja ma’ ċittadin ta’ Stat terz meta rrisjeda effettivament, skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) jew 16(1) u (2) tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu, id-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva japplikaw b’analoġija meta l-imsemmi ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura, flimkien mal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat, fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat liċ-ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja tal-imsemmi ċittadin tal-Unjoni, fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan tal-aħħar, bħala regola, ma għandhomx ikunu iktar stretti minn dawk previsti mill-imsemmija direttiva għall-għoti ta’ dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi joqgħod fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu.

Fil-fatt, minn naħa, l-għoti, meta ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, ta’ dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, li dan tal-aħħar kien joqgħod miegħu, fis-sempliċi kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, skont u b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, huwa intiż sabiex jiġi eliminat l-istess tip ta’ ostakolu għall-ħruġ mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu billi tiġi ggarantita lill-imsemmi ċittadin il-possibbiltà li jkompli, f’dan l-aħħar Stat Membru, il-ħajja tal-familja li kien żviluppa jew ikkonsolida fl-Istat Membru ospitanti.

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-għoti, fil-mument tar-ritorn ta’ tali ċittadin, ta’ dritt ta’ residenza derivat lil ċittadin ta’ Stat terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, anki jekk id-Direttiva 2004/38 ma tkoprix tali każ fejn iċ-ċittadin jerġa’ lura, l-applikazzjoni tagħha b’analoġija hija ġġustifikata mill-fatt li kemm fil-każ ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirritorna fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu kemm fil-każ fejn dan iċ-ċittadin sempliċement irrisjeda fi Stat Membru ieħor differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu, huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-persuna ta’ riferiment sabiex ċittadin ta’ Stat terz jkun jista’ jingħata dritt ta’ residenza derivat.

F’dan il-kuntest, ostakolu għall-ħruġ mill-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-Unjoni, li jirriżulta mir-rifjut li jingħata, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, dritt ta’ residenza derivat lill-membri tal-familja tal-imsemmi ċittadin ta’ Stat terz, jinħoloq biss meta r-residenza taċ-ċittadin fl-Istat Membru ospitanti tkun ikkaratterizzata minn biżżejjed effettività sabiex tippermettilu jiżviluppa jew jikkonsolida ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru. Għalhekk, hija biss residenza fl-Istat Membru ospitanti skont u b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva li tixhed, bħala regola, l-istabbiliment, u għalhekk in-natura effettiva tar-residenza, taċ-ċittadin tal-Unjoni f’dan l-aħħar Stat Membru u hija ta’ natura li tmur flimkien mal-iżvilupp jew il-konsolidazzjoni ta’ ħajja tal-familja f’dan l-Istat Membru, li jagħti lok, meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat tan-nazzjonalità tiegħu, għal dritt ta’ residenza derivat, abbażi tal-Artikolu 21(1) TFUE, liċ-ċittadin ta’ Stat terz li miegħu l-imsemmi ċittadin għex ħajja tal-familja fl-Istat Membru ospitanti.

(ara l-punti 49, 50-53, 56, 61 u d-dispożittiv)

3.        Hija biss residenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 7 jew 16 tad-Direttiva 2004/38, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, li hija tali li tagħti lok għal dritt ta’ residenza derivat għal membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat terz, meta dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu. F’dan ir-rigward, residenza għal żmien qasir, bħal tmiem il-ġimgħa jew vaganzi li wieħed iqatta’ fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità taċ-ċittadin, anki jekk ikkunsidrati flimkien, taqa’ taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 u ma tissodisfax l-imsemmija kundizzjonijiet.

(ara l-punt 59)

4.        Ċittadin ta’ Stat terz, li ma kellux, tal-inqas matul parti mir-residenza fl-Istat Membru ospitanti, il-kwalità ta’ membru tal-familja, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, ma setax jibbenefika f’dan l-Istat Membru minn dritt ta’ residenza derivat skont l-Artikoli  (2) jew 16(2) tad-Direttiva 2004/38. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan iċ-ċittadin ta’ Stat terz lanqas ma jista’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 21(1) TFUE sabiex jikseb dritt ta’ residenza derivat meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jerġa’ lura fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu.

(ara l-punt 63)