Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2014 – Alesa vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-99/14)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Alesa Srl (Chieti, l-Italja) (rappreżentant: N. Giampaolo, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

preliminarjament u b’mod kawtelatorju, tissospendi l-għoti, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-Kuntratt Nru DCI-ASIE/2013/329-453, f’isem ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, pajjiż benefiċjarju, lill-konsorzju mmexxi minn GIZ GmbH, ippubblikat fit-3 ta’ Diċembru 2013, għall-valur ta’ EUR 9 304 400.

fuq il-mertu, tilqa’ r-rikors għall-motivi esposti fih, u konsegwentement tannulla l-għoti, mill-Kummissjoni, tal-Kuntratt Nru DCI-ASIE/2013/329-453, f’isem ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, pajjiż benefiċjarju, lill-konsorzju mmexxi minn GIZ GmbH, ippubblikat fuq is-sit internet TED [(Tenders electronic Daily portal internet), verżjoni online tas-“Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea”, iddedikat għall-kuntratti pubbliċi Ewropej], fit-3 ta’ Diċembru 2013, għall-valur ta’ EUR 9 304 400.

fuq il-mertu, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea, abbażi tad-diversi motivi invokati fir-rikors, sabiex tħallas kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti f’isimha u f’isem il-konsorzju Sharewich, sa EUR 900 000 jew sas-somma li l-Qorti Ġenerali jidhrilha li hija xierqa u ġusta bħala kumpens.

tikkundanna l-Kummissjoni Ewropea tirrimborsa lir-rikorrenti l-ispejjeż sostnuti f’din il-kawża.

abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, tevalwa l-legalità jew l-illegalità kif ukoll l-applikabbiltà jew l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 266(1) tar-regoli ta’ applikazzjoni tar-regolament finanzjarju [Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012] u tal-Artikolu 2.4.13 tal-PRAG 2013 (gwida prattika 2013 għall-proċeduri kuntrattwali fil-kuntest tal-azzjonijiet esterni tal-UE) fil-konfront tar-regoli l-oħra fil-qasam ta’ amministrazzjoni u ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi sa fejn, wara l-annullament tal-proċedura mibdija, indipendentement mill-valur tal-kuntratt, u bil-kundizzjoni li dan jeċċedi l-limitu previst mid-dispożizzjoni fis-seħħ, l-awtorità kontraenti tista’ tibda proċedura ta’ negozjar dirett ma’ wieħed jew iktar mill-offerenti mingħajr ma tavża minn qabel lill-offerenti l-oħra esklużi min-negozjar dirett.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra l-proċedura għall-għoti tal-Kuntratt (Contract Award) Nru DCI-ASIE/2013/329-453 mill-Kummissjoni Ewropea lill-konsorzju mmexxi minn GIZ GmbH, fil-kuntest tal-proċedura mibdija permezz tal-Avviż pubbliku Nru 2012/S 223-366462, tal-20 ta’ Novembru 2012, dwar l-assistenza teknika lill-Ministeru għal-iżvilupp urban u taż-żoni rurali (MOHURD) tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għat-trasferiment tal-prattiki tajba Ewropej fil-qasam tal-politiki ta’ urbanizzazzjoni u ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (għall-proġett “Urbanizzazzjoni sostenibbli - Rabta bejn l-ibliet ekoloġiċi tal-Ewropa u taċ-Ċina”).

Ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi insostenn tar-rikors.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur u fuq żball ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, kif ukoll fuq eċċess ta’ poter fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u lid-delegazzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala awtorità kontraenti (Contracting Authority);

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur u fuq żball ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 2.4.13 tal-PRAG 2013, kif ukoll fuq eċċess ta’ poter fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u lid-delegazzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala awtorità kontraenti (Contracting Authority);

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq ksur u fuq żball ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tal-prinċipji ta’ trasparenza previst fl-Artikoli 15 u 298 TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 102(1) (prinċipji applikabbli għall-kuntratti pubbliċi) u fl-Artikolu 112(1) (prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, kif ukoll fuq eċċess ta’ poter fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u lid-delegazzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala awtorità kontraenti (Contracting Authority);

4.    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur u fuq żball ta’ applikazzjoni u ta’ interpretazzjoni tal-prinċipji gwida tal-Artikoli 2 tad-Direttiva 2004/18/KE u tar-referenzi leġiżlattivi l-oħra fil-qasam ta’ amministrazzjoni u ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi msemmija f’din id-direttiva, kif ukoll fuq eċċess ta’ poter fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni u lill-aġenziji u lid-delegazzjonijiet tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom bħala awtorità kontraenti (Contracting Authority).