Language of document : ECLI:EU:C:2016:725

Kawża C‑631/15

Carlos Álvarez Santirso

vs

Consejería de Educación, Cultura y Deporte del Principado de Asturias

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo nº 1 de Oviedo)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 1999/70/KE– Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Tagħlim mhux universitarju – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Għoti ta’ remunerazzjoni addizzjonali – Kundizzjoni – Ksib ta’ riżultat pożittiv matul proċess ta’ evalwazzjoni – Għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti – Esklużjoni – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-21 ta’ Settembru 2016

1.        Domandi preliminari – Risposta li tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza – Applikazzjoni tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura

(Artikolu 267 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 99)

2.        Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Kamp ta’ applikazzjoni – Għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżoli 2(1) u 3(1))

3.        Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Kundizzjonijiet ta’ impjieg – Kunċett – Parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u benefiċċju ta’ inċentiv finanzjarju, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva – Inklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 4(1))

4.        Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u l-benefiċċju ta’ inċentiv finanzjarju, f’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, għall-għalliema impjegati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali stabbiliti biss, bl-esklużjoni ta’ dawk impjegati b’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat bħala membri tal-persunal mhux permanenti – Assenza ta’ raġunijiet oġġettivi – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, Klawżola 4(1))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 25, 26)

2.        Id-Direttiva 1999/70/KE, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP u l-ftehim qafas li jinsab fl-Anness ta’ din id-direttiva japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi rremunerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom Ir-rekwiżiti msemmija fl-imsemmi ftehim qafas għandhom għaldaqstant japplikaw għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u l-entitajiet l-oħra tas-settur pubbliku.

Minn dan isegwi li għalliem impjegat bħala membru tal-persunal mhux permanenti f’ċentri tat-tagħlim pubbliku ta’ komunità awtonoma ta’ Stat Membru jaqa’ taħt id-Direttiva 1999/70 u l-imsemmi ftehim qafas.

(ara l-punti 27-29)

3.        Fil-qasam tal-politika soċjali, il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, huwa dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah.

F’dan ir-rigward, l-allowances li jingħataw kull tliet snin ta’ servizz, l-allowances li jingħataw kull sitt snin għall-kontinwazzjoni tat-taħriġ kif ukoll ir-regoli dwar il-perijodi ta’ servizz li għandu jkun twettaq sabiex wieħed ikun jista’ jiġi kklassifikat f’kategorija ta’ remunerazzjoni superjuri jew dwar il-kalkolu tal-perijodi ta’ servizz meħtieġa sabiex wieħed isirlu rapport annwali, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg, fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

Minn dan isegwi li l-parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta minnu, f’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, għandhom ukoll jitqiesu bħala kundizzjonijiet tal-impjieg fis-sens tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Fil-fatt, minn naħa, il-kundizzjoni ta’ ħames snin ta’ servizz meħtieġa sabiex wieħed ikun jista’ jipparteċipa għall-pjan ta’ evalwazzjoni tissodisfa l-kriterju deċiżiv imfakkar iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-kisba ta’ evalwazzjoni pożittiva waqt il-pjan ta’ evalwazzjoni ma għandha ebda riperkussjoni fuq is-sistema ta’ promozzjoni jew ta’ progress professjonali, iżda hija tirriżulta esklużivament f’remunerazzjoni addizzjonali. Issa, parti mir-remunerazzjoni taħt il-forma ta’ inċentiv finanzjarju għandha, bħala kundizzjoni tal-impjieg, tingħata lil ħaddiem għal żmien determinat bl-istess mod bħalma tingħata lil ħaddiem għal żmien indeterminat. Interpretazzjoni tal-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ kundizzjonijiet tal-impjieg id-dritt ta’ parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta, fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, tkun tfisser li jitnaqqas, minkejja l-objettiv imfittex minn din id-dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjonijiet.

(ara l-punti 34-39)

4.        Il-Klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni għal raġunijiet oġġettivi, il-parteċipazzjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem u l-inċentiv finanzjarju li jirriżulta minnu, f’każ ta’ evalwazzjoni pożittiva, għall-għalliema impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat bħala uffiċjali stabbiliti biss, bl-esklużjoni ta’ dawk impjegati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat bħala membri tal-persunal mhux permanenti.

F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-objettiv imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ikunu ġew konklużi u minn karatteristiċi inerenti għalihom jew, skont il-każ, mit-tfittxija ta’ objettiv leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru.

Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom, huma jistgħu, fil-prinċipju, mingħajr la jmorru kontra d-Direttiva 1999/70 u lanqas il-ftehim qafas, jipprevedu kundizzjonijiet ta’ anzjanità sabiex wieħed ikollu aċċess għal ċertu impjieg, jirrestrinġu l-aċċess għal promozzjoni interna għall-uffiċjali stabbilit biss u jitlobu li l-imsemmija uffiċjali jipprovaw li għandhom esperjenza professjonali li tikkorrispondi għall-grad immedjatament inferjuri għal dak li huwa s-suġġett tal-proċedura ta’ selezzjoni. Madankollu, minkejja dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha sseħħ b’mod trasparenti u b’mod li tista’ tiġi kkontrollata sabiex tiġi prekluża kwalunkwe esklużjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat fuq is-sempliċi bażi tat-tul tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom jew l-esperjenza professjonali tagħhom.

Meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni, tali trattament differenzjat jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi dwar l-impjieg li din il-proċedura għandha l-għan li timla u li huma estranji għat-tul determinat tar-relazzjoni tax-xogħol li torbot lill-uffiċjal temporanju mal-persuna li timpjegah, dan jista’ jkun iġġustifikat b’mod validu fis-sens tal-Klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, kundizzjoni ġenerali u astratta li tipprovdi li l-perijodu ta’ anzjanità ta’ ħames snin ma jistax jitwettaq ħlief bħala uffiċjal stabbilit biss, mingħajr la jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura partikolari tal-kompiti li dawn tal-aħħar għandhom iwettqu u lanqas il-karatteristiċi inerenti għalihom, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza dwar il-Klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Dan huwa iktar il-każ meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-ammissjoni għall-pjan ta’ evalwazzjoni tal-post ta’ għalliem kif ukoll il-benefiċju ta’ remunerazzjoni addizzjonali fil-każ ta’ evalwazzjoni pożittiva biss għall-għalliema impjegati bħala uffiċjali stabbiliti li għamlu ħames snin fis-servizz, minkejja li l-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti jissodisfaw eżattament l-istess kriterji ta’ ammissjoni, iżda huma esklużi mill-benefiċċju tal-vantaġġi.

(ara l-punti 51, 53-56, 58, 60 u d-dispożittiv)