Language of document : ECLI:EU:F:2013:31

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Marzu 2013 (*)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Rexissjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat — Motiv leġittimu”

Fil-Kawża F‑41/12,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu,

Séverine Scheefer, li kienet membru tal-persunal temporanju tal-Parlament Ewropew, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn R. Adam u P. Ketter, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn V. Montebello-Demogeot u M. Ecker, bħala aġenti,

konvenut,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, I. Boruta u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: J. Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-21 ta’ Marzu 2012, S. Scheefer essenzjalment titlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2011, li rrexxindiet il-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tiegħu għad-danni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprovdi:

“Proċedura oħra barra l-proċedura tal-kompetizzjoni tista’ tkun adottata mill-Awtorità tal-Ħatra għar-reklutaġġ ta’ l-uffiċjali għolja (Diretturi Ġenerali jew ekwivalenti fil-grad AD 16 jew AD 15, u Diretturi jew ekwivalenti fil-grad AD 15 jew AD 14) u, f’każijiet ta’ eċċezzjoni, ukoll għar-reklutaġġ għal posizzjonijiet li jeħtieġu kwalifiki speċjali.”

3        L-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jipprovdi dan li ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ l-impieg, ‘persunal temporanju’ tfisser:

a) [il-]persunal imqabbad biex jimla post li huwa nkluż fil-lista tal-postijiet imwaħħla mat-taqsima tal-budget rigward kull istituzzjoni u li l-awtoritajiet ta’ l-estimi kklassifikaw bħala temporanji;

[…]”

4        L-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi:

“Minbarra t-tmiem mal-mewt, l-impieg tal-persunal temporanju għandu jieqaf:

[…]

ċ) meta l-kuntratt huwa għal perjodu indefinit:

i) fl-aħħar tal-perjodu tan-notifika stipulat fil-kuntratt; it-tul tal-perjodu tan-notifika ma jkunx anqas minn xahar għal kull sena kompluta ta’ servizz, suġġett għal minimu ta’ tlett xhur u massimu ta’ għaxar xhur. Madankollu, il-perjodu tan-notifika m’għandux jibda għaddej matul il-vakanzi tal-maternità jew il-vakanzi għall-mard, sakemm it-tali vakanzi tal-mard ma jaqbiżx it-tliet xhur. Barra minn hekk, ikun sospiż matul il-maternità jew il-vakanzi għall-mard suġġett għal-limiti msemmija qabel;

[…]”

5        Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) implementat il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn l-organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”).

6        Skont il-klawżola 3 tal-ftehim qafas:

“Għall-iskop ta’ dan il-ftehim:

[…] il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss [ħaddiem għal żmien determinat]’ [ifisser] persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

[…]”

7        L-Artikolu 7(2) sa (4) tar-regoli interni dwar ir-reklutaġġ tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra stabbiliti mill-uffiċċju tal-Parlament fit-3 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“regoli interni”) jipprovdi:

“2. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-uffiċjali, l-istaff temporanju jiġi impjegat skond l-ordni tal-klassifika minn fost il-kandidati li jiġu short-listed wara li jsiru l-konkorsi miftuħa jew il-proċeduri ta’ reklutaġġ imsemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti [tal-Persunal].

3. Fin-nuqqas ta’ kandidati disponibbli, jiġi impjegat staff temporanju:

–        fil-każ ta’ l-istaff temporanju msemmi fl-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg, wara li ssir għażla minn kumitat ad hoc li jinkludi membru maħtur mill-Kumitat ta’ l-Istaff;

–        fil-każ ta’ l-istaff temporanju msemmi fl-Artikolu 2(b) tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg, wara li l-Kumitat Konġunt ikun tal-parir tiegħu.

4. Minkejja d-dispożizzjonijiet t’hawn fuq, l-istaff temporanju msemmi fl-Artikolu 2(a) tal-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg jista’ jiġi impjegat skond il-proċedura definita fil-paragrafu 3, it-tieni subinċiż ta’ dan l-artikolu jekk l-uniku skop tar-reklutaġġ ikun li jimtlew il-karigi temporanjament sa ma dawn il-karigi jimtlew skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, l-ewwel subinċiż ta’ dan lartikolu.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        B’kuntratt iffirmat rispettivament mill-Parlament u mir-rikorrenti fid-29 ta’ Marzu u fl-4 ta’ April 2006, il‑Parlament irrekluta lir-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju fuq il-bażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-perijodu mill-1 ta’ April 2006 sal-31 ta’ Marzu 2007 u assenjaha bħala tabiba fil-kabinett mediku tal-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

9        B’emendi tat-23 ta’ Frar 2007 u tas-26 ta’ Marzu 2008, il-kuntratt tar-rikorrenti ġie estiż tal-31 ta’ Marzu 2009.

10      Billi ġie mistoqsi mir-rikorrenti dwar il-possibbiltà li hija tkompli l-kollaborazzjoni tagħha mal-kabinett mediku tal-istituzzjoni taħt sistema ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament irrispondiha, fit-12 ta’ Frar 2009, li dik il-possibbiltà ma kinitx teżisti u kkonfermalha li l-kuntratt tagħha kien ser jintemm fil-31 ta’ Marzu 2009.

11      B’sentenza tat-13 ta’ April 2011, Scheefer vs Il-Parlament (F‑105/09, iktar ’il quddiem is-“sentenza Scheefer”) it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku annulla d-deċiżjoni fl-ittra tat-12 ta’ Frar 2009. F’din is-sentenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku effettivament iddeċieda li, fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-kuntratt tar-rikorrenti kellu jitqies li kien is-suġġett ta’ żewġ ċirkustanzi ta’ tiġdid, b’mod li t-tieni wieħed li sar fis-26 ta’ Marzu 2008 kellu jiġi kklassifikat fil-liġi bħala reklutaġġ għal żmien indeterminat unikament permezz tar-rieda tal-leġiżlatur, bil-konsegwenza li l-iskadenza tat-terminu ffissat f’din l-emenda ma setgħetx twassal għat-tmiem tal-impjieg tar-rikorrenti.

12      Fil-frattemp, fit-18 ta’ Ottubru 2007, il-Parlament kien ippubblika Avviż ta’ reklutaġġ Nru PE/95/S li ħabbar l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għażla fuq il-bażi ta’ kwalifiki u ta’ eżamijiet għar-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju amministratur mediku u biex titħejja lista ta’ kandidati kwalifikati komposta mill-aħjar erba’ kandidati (ĠU 2007 C 244 A, p. 5, iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ għażla PE/95/S”). Ir-rikorrenti applikat għall-kompetizzjoni msemmija, iżda l-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda, fit-28 ta’ Jannar 2008, minħabba li hija ma kellhiex l-esperjenza meħtieġa. Il-lista ta’ kandidati kwalifikati stabbilita wara din il-proċedura kienet ġiet deċiża fis-16 ta’ Mejju 2008 u żewġ tobba kienu ġew irreklutati, wieħed fl-1 ta’ Mejju 2009, l-ieħor fl-1 ta’ Ġunju ta’ wara.

13      Fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Parlament informa lir-rikorrenti li, wara s-sentenza Scheefer, il-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju kien ġie kklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat, b’mod li t-tmiem tax-xogħol tagħha fil-31 ta’ Marzu 2009 kien null, liema ħaġa fetħitilha d-dritt għall-ħlas tar-remunerazzjoni tagħha mill-1 ta’ April 2009, wara li jitnaqqas id-dħul ta’ sostituzzjoni msemmi f’dik is-sentenza li hija kienet irċeviet minn dik id-data.

14      B’ittra tal-14 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti infurmat, b’mod partikolari, lill-Parlament li hija kienet għad-dispożizzjoni tiegħu biex terġa’ tibda x-xogħol mill-iktar fis possibbli.

15      B’ittra tal-20 ta’ Ġunju 2011, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament għarraf lir-rikorrenti li l-Parlament kien irrexxinda l-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal għal żmien indeterminat għar-raġuni li “ir-reklutaġġ tagħha ma kienx iktar iġġustifikat minħabba l-fatt li issa huwa kellu lista ta’ persuni li għaddew […] li kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2) tar-regoli interni […] u li huwa kien mela l-pożizzjonijiet vakanti kollha ta’ tabib[-]konsulent assenjati fil-Lussemburgu fuq il-bażi ta’ din il-lista” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

16      Skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika għall-membri tal-persunal temporanji skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rikorrenti ressqet, fil-5 ta’ Awwissu 2011, ilment kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija li tinsab fl-ittra msemmija fil-punt preċedenti. L-awtorità kompetenti sabiex tikkonkludi l-kuntratti tar-reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“AKTK”) ċaħdet dan l-ilment bid-deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti talbet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat u, konsegwentement;

–        prinċipalment, jannulla d-deċiżjoni ta’ tkeċċija fl-ittra tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-20 ta’ Ġunju 2011, “bil-konsegwenzi kollha inklużi dawk finanzjarji li jirriżultaw”;

–        sa fejn hu meħtieġ, tannulla d-deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2011 li tiċħad l-ilment tagħha;

–        “għaldaqstant jiddeċiedi r-rijassenjazzjoni tagħha fi ħdan il-Parlament”;

–        sussidjarjament, jikkundanna lill-Parlament iħallasha, minn naħa, bħala kumpens għad-dannu materjali tagħha, is-somma ta’ EUR 288 000 “li jikkorrispondu għal 36 xahar salarju […] mingħajr preġudizzju għall-ammont eżatt li għandu jiġi kkalkolat meta jiġu kkunsidrati l-adattamenti neċessarji […] jew għal kull ammont ieħor li għandu jiġi deċiż mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ex æquo et bono jew skont l-esperti” u, min-naħa l-oħra, bħala kumpens għad-dannu morali li sofriet, is-somma ta’ EUR 15 000;

–        tikkundanna lill-Parlament ibati l-ispejjeż.

18      Il-Parlament jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament taċ-ċaħda tal-ilment u t-talbiet għall-finijiet tal-ordni

19      Ir-rikorrenti titlob, f’talbiet separati, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Diċembru 2011 li ċaħdet l-ilment tagħha.

20      Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni li ċaħdet ilment għandhom l-effett, fil-każ meta din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, li jġibu quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-att li fir-rigward tiegħu jkun sar l-ilment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, punt 8; sentenza Scheefer, punt 21). F’dan il-każ, iċ-ċaħda tal-ilment tal-21 ta’ Diċembru 2011 tikkonferma d-deċiżjoni inizjali li tinsab fl-ittra tal-20 ta’ Ġunju preċedenti li jiġi rexiss il-kuntratt għal żmien indeterminat tar-rikorrenti, filwaqt li ngħataw preċiżazzjonijiet addizzjonali fid-dawl ta’ dak l-ilment. F’każ bħal dan, hija l-legalità tad-deċiżjoni inizjali li ħolqot l-ilment li tiġi eżaminata filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tirriżulta minn qari flimkien tagħha u dik taċ-ċaħda tal-ilment. Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament taċ-ċaħda tal-ilment ma għandhomx kontenut awtonomu u r-rikors għandu jitqies bħala formalment intiż kontra d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tal-20 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), kif speċifikat bid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tal-21 ta’ Diċembru 2011 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, punt 31 u 32).

21      Ir-rikorrenti titlob, ukoll, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku “jiddeċiedi r-rijassenjazzjoni tagħha fi ħdan il-Parlament”.

22      Il-kap tat-talbiet imsemmija iktar ’il fuq għandu jitqies bħala intiż biex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jordna lill-amministrazzjoni li terġa’ timpjega lir-rikorrenti fis-servizzi tagħha fl-eżekuzzjoni ta’ annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma huwiex obbligat, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħti ordnijiet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, f’każ ta’ annullament ta’ att, l-istituzzjoni kkonċernata hija marbuta, abbażi tal-Artikolu 266 TFUE, li tadotta hija stess il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Mejju 2005, Castets vs Il-Kummissjoni, T‑398/03, Ġabra SP p. I‑A‑109 u II‑507, punt 19).

23      Għalhekk isegwi li t-talbiet għall-finijiet ta’ ordni huma inammissibbli.

 Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

24      Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi:

–        l-ewwel wieħed, dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dmir ta’ trasparenza;

–        it-tieni wieħed, dwar nuqqas ta’ bażi legali, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur “tal-Artikoli 2, 3, 8, 29 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg”, kif ukoll ta’ użu ħażin ta’ poter;

–        it-tielet wieħed, ta’ ksur tad-dmir ta’ premura, ta’ abbuż ta’ liġi, kif ukoll ta’ ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tal-eżekuzzjoni bil-bona fide tal-kuntratti.

 Fir-rigward tal-ewwel motiv, dwar il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dmir ta’ trasparenza

25      Ir-rikorrenti ssostni li kull deċiżjoni ta’ rexissjoni unilaterali ta’ kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju għandha tkun immotivata. Barra minn hekk, hija tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ngħatat wara s-sentenza Scheefer, ftit ta’ żmien wara l-ittra tal-Parlament tal-24 ta’ Mejju 2011 li kkonfermatilha li t-tmiem tal-impjieg tagħha fil-31 ta’ Marzu 2009 kien null u wara assigurazzjonijiet verbali li hija kienet ser terġa’ lura fil-pożizzjoni tagħha mingħajr dewmien. Fl-aħħar, hija tosserva li minkejja ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ, ħadd mill-awtoritajiet ma’ organizza xi laqgħa biex jispjegawlha t-tkeċċija tagħha.

26      F’kuntest bħal dan, il-motiv tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħid li r-reklutaġġ tagħha għal żmien indeterminat ma kienx iktar iġġustifikat peress li l-pożizzjonijiet vakanti kollha ta’ tabib fil-Lussemburgu kienu diġà mtlew minn persuni li għaddew mill-proċedura ta’ għażla PE/95/S li ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2) tar-regoli interni, kellu jkun suġġett għal spjegazzjonijiet iktar estiżi. Għalhekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament “baqa’ […] kompletament sieket […] fuq id-dettalji” ta’ dawn ir-reklutaġġi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda d-dati u l-forma tagħhom. Barra minn hekk, il-Parlament allegatament ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti “kellha (mill-31 ta’ Marzu 2008) kuntratt għal żmien indeterminat” u esperjenza biżżejjed biex tippretendi li tiġi rreklutata f’waħda mill-pożizzjonijiet inkwistjoni.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata hija fformulata kif ġej:

“[…] Skont l-Artikolu 7(2) tar-regoli interni […] il-membri tal-persunal temporanji skont l-Artikolu 2(a) tal-[Kondizzjonijiet tal-impjieg] huma rreklutati fost il-persuni li għaddew minn kompetizzjoni jew minn proċedura ta’ reklutaġġ stabbilita fl-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għandu jiġi nnutat li inti ġejt irreklutata, mill-1 ta’ April 2006, bħala membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, skont il-proċedura eċċezzjonali taħt il-paragrafu[4] ta’ dan l-istess artikolu [7 tar-regoli interni] biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persuni li għaddew minn kompetizzjoni jew minn proċeduri oħrajn ta’ reklutaġġ.

Imbagħad wara, il-Parlament organizza l-proċedura ta’ għażla […] PE/95/S […]. Għandu jiġi kkonstatat li inti ma kontx għaddejt minn din il-proċedura, għaliex il-kandidatura tiegħek ma kinitx ammissibbli minħabba l-fatt li dak iż-żmien ma kellekx l-esperjenza professjonali meħtieġa mill-Avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

Fil-punt 58, fl-aħħar tas-[sentenza Scheefer], it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku […] fakkar li kuntratt għal żmien indeterminat jista’ jiġi tterminat f’kull żmien għal raġuni leġittima sakemm jiġi osservat it-terminu tal-preavviż stabbilit fl-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Parlament qed jirrexxindi l-kuntratt tiegħek bħala membru tal-persunal għal żmien indeterminat għar-raġuni li r-reklutaġġ tiegħek ma għadux iġġustifikat fid-dawl tal-fatt li l-Parlament issa għandu lista ta’ persuni li għaddew li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2) tar-regoli interni […] u li huwa kien mela l-pożizzjonijiet vakanti kollha ta’ tabib[-]konsulent […] fil-Lussemburgu fuq il-bażi ta’ din il-lista.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

28      Motivazzjoni bħal dik tidher suffiċjenti, anki fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari li r-rikorrenti tippretendi li kienet fiha, għaliex tispjega b’mod ċar u preċiż ir-raġuni għar-rexxissjoni tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju tagħha.

29      B’mod partikolari, ir-rikorrenti tilmenta inutilment li l-Parlament ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kellha kuntratt għal żmien indeterminat u esperjenza professjonali suffiċjenti biex tkun tista’ tokkupa waħda mill-pożizzjonijiet vakanti ta’ tabib. Fil-fatt, il-Parlament enfasizza, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fiċ-ċaħda tal-ilment, li r-rikorrenti kienet ġiet irreklutata b’mod eċċezzjonali biex tagħmel tajjeb għal pożizzjoni vakanti għal tobba u n-nuqqas ta’ kandidati li jistgħu jiġu rreklutati skont ir-regoli interni. Huwa semma wkoll li kien preċiżament għalhekk li organizza proċedura ta’ għażla PE/95/S biex jimla din il-pożizzjoni vakanti u li r-rikorrenti ma kinitx għaddiet minn din il-proċedura billi l-kandidatura tagħha kienet tqieset inammissibbli. Issa għandu jitfakkar li l-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuna kkonċernata li tkun taf bir-raġunijiet għaliex ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u għall-qorti kompetenti biex ikollha f’idejha elementi suffiċjenti biex tagħmel l-istħarriġ tagħha [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, punt 46 ; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, punt 55; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ April 2011, Safariland vs UASI – DEF-TEC Defense Technology (FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR), T‑262/09, punt 92]. Għaldaqstant, billi l-Parlament ma jistax jinjora l-proċedura ta’ għażla msemmija fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-kunsiderazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata huma biżżejjed fihom innifishom billi jeskludu b’mod indirett, iżda madankollu ċert, il-possibbiltà li l-impjieg tar-rikorrenti għal waħda mill-pożizzjonijiet inkwistjoni jsir permanenti, tkun xi tkun in-natura tal-kuntratt tagħha u tal-esperjenza professjonali tagħha.

30      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax titqies li fiha lakuni għaliex “il-Parlament baqa’ […] kompletament sieket […] fuq id-dettalji tar-reklutaġġ” ta’ tobba f’pożizzjonijiet vakanti, partikolarment għal dak li jirrigwarda d-dati eżatti ta’ dan ir-reklutaġġ u l-forma tagħhom. Kif indikat ir-rikorrenti stess, dawn huma biss punti ta’ dettall. Għaldaqstant, il-Parlament ma kienx obbligat li jsemmihom fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, motivazzjoni hija suffiċjenti meta din tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni, b’mod li l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata li tagħti l-motivi għall-motivi tagħha (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-19 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il-Kummissjoni, F-80/10, punt 117). Barra minn hekk, il-Parlament enfasizza fiċ-ċaħda tal-ilment li “l-postijiet kollha ta’ tabib[-]konsulent ilhom mimilijin mill-1 ta’ Ġunju 2009”.

31      Barra minn dan, għandu jitfakkar li, fir-rigward ta’ allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, din tista’ tiġi koperta bi spjegazzjonijiet ipprovduti matul il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Issa f’dan il-każ, il-Parlament ippreċiża fir-risposta tiegħu, li l-ewwel tabib kien ġie rreklutat fl-1 ta’ Mejju 2009 u t-tieni fl-1 ta’ Ġunju ta’ wara fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, ir-rikorrenti rrilevat hija stess, matul is-seduta, li l-motivi kollha allegatament neqsin jidhru f’din ir-risposta.

32      Finalment, ir-rikorrenti tilmenta inutilment ukoll li l-Parlament ma kienx tkellem magħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ċertament, il-ġurisprudenza hija stabbilita f’dan is-sens li l-obbligu li jissemmew il-motivi ta’ att li joħloq preġudizzju jiġi rrispettat meta l-persuna kkonċernata tkun debitament ġiet informata b’dawn il-motivi f’laqgħat mas-superjuri tagħha (sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 79). Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha biss bħala għan li tidentifika ċirkustanza li tinnewtralizza difett ta’ motivazzjoni, iżda ma teħtieġx, kif jidher li tissuġġerixxi r-rikorrenti, diskussjoni minn qabel mal-awtoritajiet skont l-obbligu ta’ motivazzjoni jew tad-dmir ta’ trasparenza meta, bħal f’dan il-każ, l-att tat-tkeċċija huwa mmotivat biżżejjed.

33      Għaldaqstant l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ ksur tal-Artikoli 2, 3, 8, 29 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll fuq użu ħażin ta’ poter.

34      Mit-titolu u mill-argumenti dwar it-tieni motiv jirriżulta li dan jista’ jinqasam fi tliet partijiet li għandhom jiġu eżaminati wara xulxin. Barra minn hekk, jirriżulta mill-istess argumenti li r-referenza għall-Artikolu 29 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg hija manifestament riżultat ta’ żball, għaliex dan assolutament ma għandux x’jaqsam mal-kawża billi jirrigwarda allowances tat-twelid u peress li r-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument speċifiku dwar dan. Għalhekk, għandu jitqies li hija minflok tinvoka l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn l-Artikolu 7 tar-regoli interni jirreferi għalih.

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali

35      Ir-rikorrenti tqis li l-Parlament ma setax juża “raġuni ‘ekonomika’” li l-pożizzjonijiet kollha ta’ tabib kienu mtlew, għaliex dan il-motiv la huwa previst mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u lanqas mill-kuntratt tagħha bħala motiv leġittimu ta’ rexissjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47(ċ) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jagħti lill-“AKTK” setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex tirrexxindi l-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, punt 162, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Lulju 2011, Longinidis vs Cedefop, T‑283/08 P, punt 84).

37      F’din il-perspettiva, u b’risposta għall-argument tal-Parlament li jgħid li l-Artikolu 7(4) tar-regoli interni tiegħu jipprekludih milli jikkonkludi kuntratt għal żmien indeterminat, meta jkun iggarantixxa l-kontinwità tas-servizz żgurat mill-kabinett mediku tal-Lussemburgu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fis-sentenza Scheefer, li dan l-artikolu “ma jippreskrivix l-użu ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, peress li sitwazzjoni provviżorja tista’, bħal f’dan il-każ, tissussisti matul perijodu ta’ żmien indefinibbli u peress li tali kuntratt bl-ebda mod ma joffri lill-benefiċjarju tiegħu l-istabbilità ta’ nomina bħala uffiċjal, għaliex dan jista’ jintemm għal motiv leġittimu u permezz ta’ avviż bil-quddiem, b’mod konformi mal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg” (sentenza Scheefer, punt 56).

38      Fir-rigward tal-punt jekk, f’dan il-każ, iċ-ċirkustanza li l-pożizzjonijiet kollha vakanti ta’ tabib rigward il-kabinett mediku tal-Parlament fil-Lussemburgu kienu mtlew, setgħetx tikkostitwixxi motiv leġittimu ta’ tkeċċija, għandu jitfakkar li membru tal-persunal, bħar-rikorrenti, irreklutat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ikun hekk biex “jimla post li huwa nkluż fil-lista tal-postijiet imwaħħla mat-taqsima tal-budget rigward kull istituzzjoni u li l-awtoritajiet ta’ l-estimi kklassifikaw bħala temporanji”.

39      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq ir-“raġuni ‘ekonomika’”, kif tiddeskrivih ir-rikorrenti, jiġifieri n-nuqqas ta’ pożizzjoni vakanti fil-lista tal-postijiet annessa mal-baġit tal-istituzzjoni, jikkostitwixxi motiv leġittimu li fid-dawl tiegħu il-Parlament seta’ jadotta d-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi tal-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

40      Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq żball ta’ dritt li jirriżulta minn ksur tal-Artikoli 2, 3, 8 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal

41      Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni u bi żball ta’ dritt billi hija kisret l-Artikoli 2, 3, 8 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont hi, il-Parlament ipprova jevadi l-Kondizzjonijiet tal-impjieg billi ssuġġettaha illegalment għal diversi kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien definit u, skont il-massima li tgħid li ħadd ma jista’ jinvoka l-ħażen tiegħu stess (nemo auditur propriam turpitudinem allegans), ma jistax jibbaża ruħu fuq din il-manuvra biex jiġġustifika d-deċiżjoni kkontestata. Għal iktar preċiżjoni, il-motiv dwar l-indisponibbiltà ta’ pożizzjonijiet ta’ tabib li tiġġustifika t-tkeċċija tagħha ma setax jiġi evalwat billi jiġu injorati ċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti u partikolarment tal-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata fis-sentenza Scheefer li l-kuntratt tagħha ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat kien ġie ttrasformat f’kuntratt għal żmien indeterminat, u dan b’effett mill-“31 ta’ Marzu 2008”. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Parlament irrispetta l-Kondizzjonijiet tal-impjieg kien jikkonkludi minn dik id-data kuntratt għal żmien indeterminat u mbagħad kien jagħtiha pożizzjoni vakanti ta’ tabib. Fuq kollox, din il-ħatra kienet tiġi kkonfermata fl-interess tas-servizz fid-dawl tal-esperjenza akkwistata mir-rikorrenti fi ħdan l-istituzzjoni. Fl-aħħar nett, l-argument li jidher fiċ-ċaħda tal-ilment li jgħid li r-rikorrenti ma kinitx tniżżlet fil-lista tal-persuni li għaddew fil-proċedura ta’ għażla PE/95/S, b’mod li ma kienx possibbli li r-reklutaġġ tagħha jsir permanenti, huwa inammissibbli, għaliex ġie ppreżentat għall-ewwel darba wara d-deċiżjoni kkontestata. L-argument huwa żbaljat ukoll billi f’dan il-każ ma għandux jiġi ssanzjonat il-fatt li hija ma kinitx imniżżla fil-lista ta’ persuni li għaddew fil-proċedura ta’ għażla PE/95/S, iżda ċ-ċirkustanza li l-Parlament invoka l-indisponibbiltà tal-pożizzjonijiet kollha ta’ tabib relatati mal-kabinett mediku tal-Lussemburgu billi ħalla barra li din l-indisponibbiltà kienet ġiet ipprovokata mill-ħażen tiegħu stess.

42      Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li meta kkonstata, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-“reklutaġġ [tar-rikorrenti] ma [kienx] iktar iġġustifikat fid-dawl tal-fatt li […] issa għandu lista ta’ persuni li għaddew li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(2) tar-regoli interni […] u li huwa kien mela l-pożizzjonijiet vakanti kollha ta’ tabib[-]konsulent […] fil-Lussemburgu fuq il-bażi ta’ din il-lista” [traduzzjoni mhux uffiċjali], il-Parlament ma invokax il-“ħażen tiegħu” iżda bbaża ruħu fuq fatt oġġettiv, indipendenti mill-illegalità li wettaq meta ma ġeddidx, b’emenda tas-26 ta’ Marzu 2008, il-kuntratt tar-rikorrenti ħlief għal żmien determinat.

43      Barra minn hekk, il-motiv li l-Parlament kien fl-impossibbiltà li jżomm lir-rikorrenti fil-pożizzjoni tagħha għaliex hija ma kinitx għaddiet mill-proċedura ta’ għażla PE/95/S, billi l-kandidatura tagħha ma ġietx ikkunsidrata minħabba li ma kellhiex esperjenza professjonali biżżejjed, la huwa inammissibbli u lanqas żbaljat.

44      Dan il-motiv ma huwiex inammissibbli għaliex, fis-sistema ta’ rimedji stabbilita mill-Artikoli 90 sa 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirreferi għalihom l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, u fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża mwaqqfa minn dawn l-artikoli, l-amministrazzjoni tista’ tasal biex tikkompleta, kif ukoll temenda, meta jkun hemm ċaħda tal-ilment, il-motivi li fuq il-bażi tagħhom hija kienet adottat l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, punti 55 sa 60; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-13 ta’ April 2011, Chaouch vs Il-Kummissjoni, F‑30/09, punt 35).

45      Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament kien diġà fakkar lir-rikorrenti li hija kienet ġiet irreklutata “skont proċedura eċċezzjonali” stabbilita fl-Artikolu 7 tar-regoli interni biex “jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persuni li għaddew ta’ kompetizzjoni jew ta’ proċeduri oħrajn ta’ reklutaġġ”, u li hija ma kinitx għaddiet mill-proċedura ta’ għażla PE/95/S organizzata biex jimtlew il-pożizzjonijiet vakanti ta’ tabib. F’dan il-kuntest, l-AKTK, fiċ-ċaħda tal-ilment, ħadet ħsieb biss li tispeċifika iktar dan il-fatt billi enfasizzat li “f’dawn iċ-ċirkustanzi, ħlief jekk wieħed ma jridx jikser il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament fost il-kandidati, kien ikun impossibbli għall-Parlament li jirreklutaha”.

46      Dan il-motiv ma huwiex żbaljat, għaliex jirriżulta effettivament mill-Artikolu 7(2) u (3) tar-regoli interni li l-membri tal-persunal temporanji rreklutati skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jistgħux jiġu rreklutati b’mod permanenti, fin-nuqqas ta’ persuni li għaddew minn kompetizzjoni, ħlief wara eżami ta’ għażla. Issa, għandu jiġi kkunsidrat li l-proċedura ta’ reklutaġġ inkwistjoni, għalkemm mhux stabbilita mill-Kondizzjonijiet ta’ impjieg, hija parti integrali mill-formalitajiet li l-Parlament għandu jirrispetta, bħala prinċipal jew prinċipal futur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Jannar 1992, Speybrouck vs Il-Parlament, T‑45/90, punt 68). Din il-proċedura hija imposta iktar u iktar fuq il-Parlament peress li dan għandu jirrispetta l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati fil-proċedura ta’ għażla PE/95/S, speċjalment fil-konfront ta’ persuni li għaddew minn din il-proċedura li, bis-suċċess tagħhom, riedu jokkupaw l-impjiegi vakanti ta’ tobba fil-kabinett mediku tal-Lussemburgu. Barra minn hekk, minkejja l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt tar-rikorrenti f’kuntratt għal żmien indeterminat li saret mis-26 ta’ Marzu 2008 skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-Parlament, li kien uża l-proċedura ta’ għażla PE/95/S mit-18 ta’ Ottubru 2007, kien, fil-prinċipju, obbligat li jirrekluta minn fost il-persuni li għaddew mill-proċedura ta’ għażla PE/95/S mhux biss it-tabib, irreklutat fl-1 ta’ Mejju 2009, biex jimla l-ewwel post vakanti, iżda wkoll it-tabib irreklutat fl-1 ta’ Ġunju ta’ wara biex jirrispondi għat-tieni post vakanti. Fil-fatt, għalkemm il-proċedura ta’ għażla msemmija iktar ’il fuq kienet ġiet organizzata “għar-reklutaġġ ta’ membru tal-persunal temporanju amministratur […] mediku”, l-avviż li ħabbar dik il-proċedura stabbilixxa wkoll il-kostituzzjoni ta’ lista ta’ kandidati kwalifikati komposta mill-aħjar erba’ kandidati.

47      Isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li ma kinitx tniżżlet fil-lista ta’ persuni li għaddew mill-proċedura ta’ għażla PE/95/S u li ma tistax tippretendi li tiġi rreklutata skont l-Artikolu 7(2) jew l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(3) tar-regoli interni f’waħda mill-pożizzjonijiet li jridu jimtlew, jikkostitwixxi element determinanti li l-Parlament ma setax jinjora, u dan indipendentement mill-iżball passat tiegħu dwar il-klassifikazzjoni tal-kuntratt tal-persuna kkonċernata sa mis-26 ta’ Marzu 2008.

48      Barra minn hekk, huwa ammess li istituzzjoni tista’ tirrexxindi l-kuntratt għal żmien indeterminat ta’ membru tal-persunal temporanju għar-raġuni li, bħal f’dan il-każ, ma jkunx tniżżel fil-lista tal-persuni li għaddew minn kompetizzjoni jew ta’ prova oħra ta’ għażla (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2002, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑70/00, punt 44).

49      L-argumenti mressqa fis-seduta mir-rikorrenti ma jistgħux validament ipoġġu fid-dubju l-konstatazzjonijiet preċedenti.

50      Fil-fatt, għalkemm huwa veru li r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg jieħdu preċedenza fuq ir-regoli interni, l-Artikolu 7 ta’ dawn tal-aħħar ma jikser l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tagħhom meta jistabbilixxi li l-membri tal-persunal temporanji għandhom ikunu rreklutati fost il-persuni li għaddew minn kompetizzjoni jew minn proċeduri ta’ għażla u li ma jistax jiġi impjegat bħala membru tal-persunal temporanju kandidat li ma jkunx issodisfa dawn il-formalitajiet ħlief taħt deroga u provviżorjament.

51      Madankollu, ir-rikorrenti tosserva li hija kienet ġiet impjegata b’kuntratt għal żmien indeterminat skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg wara l-emenda tas-26 ta’ Marzu 2008, f’mument meta kien diġà magħruf, mit-28 ta’ Jannar preċedenti, li hija ma setgħetx tipparteċipa fil-proċedura ta’ għażla PE/95/S. Filwaqt li sostniet, f’dan il-kuntest, li l-kuntratti għal żmien indeterminat jiggarantixxu lill-benefiċjarju tagħhom ċerta stabbilità fl-impjieg u li, bis-saħħa tal-klawżola 3 tal-ftehim qafas, il-kuntratti għal żmien determinat għandhom, għall-kuntrarju, bħala għan li jimlew impjiegi partikolarment fl-istennija li jseħħ każ speċifiku, ir-rikorrenti ssostni li l-kuntratt għal żmien indeterminat li hija kienet tgawdi ma setax kellu bħala għan li hija tieħu provviżorjament impjieg ta’ tabib u li ma kienx iktar possibbli li fil-konfront tagħha jitqajmu kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ stabbiliti mill-Artikolu 7 tar-regoli interni.

52      Jingħad sew li, skont il-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas, it-tul ta’ kuntratt jista’ jiġi ddeterminat mhux biss billi “tintlaħaq data preċiża” iżda wkoll meta “jseħħ każ partikolari” (ara s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-15 ta’ Settembru 2011, Bennett et vs UASI, F‑102/09, punt 85). Jingħad sew ukoll li r-reklutaġġ ta’ persuni li għaddew mill-proċedura ta’ għażla PE/95/S kien jikkostitwixxi “każ speċifiku” li, fl-istennija tiegħu, kien jiġġustifika l-konklużjoni, mhux ta’ diversi kuntratti għal żmien determinat li kull wieħed minnhom fih data ta’ skadenza preċiża, iżda kuntratt wieħed għal żmien determinat li t-terminu tiegħu jkun ġie kkostitwiti b’dan ir-reklutaġġ. Kif tfakkar fil-punt 37 iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ukoll diġà qajjem din il-possibbiltà fil-punt 56 tas-sentenza tiegħu Scheefer.

53      Xorta jibqa’ l-fatt li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-emenda tas-26 ta’ Marzu 2008 f’kuntratt għal żmien indeterminat li tissanzjona, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-fatt, għall-Parlament, li kien ikkonkluda mar-rikorrenti kuntratti suċċessivi għal żmien determinat affettwati b’data ta’ skadenza preċiża b’daqshekk ma ċaħħduhx mill-possibbiltà li jittermina dan il-kuntratt fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-użu ta’ kuntratti għal żmien indeterminat ma joffrix lill-benefiċjarji tagħhom l-istabbiltà ta’ ħatra bħala uffiċjal.

54      Iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti sabet ruħha taħt kuntratt għal żmien indeterminat mis-26 ta’ Marzu 2008 ma kienx b’daqshekk jiggarantilha li ma titkeċċiex wara r-reklutaġġ ta’ persuni li għaddew mill-proċedura ta’ għażla PE/95/S, li f’dik id-data kien jeżisti element importanti ta’ inċertezza minħabba l-fatt li l-lista ta’ kandidati kwalifikati kienet għadha ma ġietx deċiża kif ukoll minħabba ċ-ċirkustanza, imqajma waqt is-seduta mill-Parlament, li ma kienx ċert li t-tobba li kienu ser jiġu ddikjarati li għaddew minn dik il-proċedura ta’ għażla kienu ser jaċċettaw definittivament pożizzjoni li tfisser l-abbandun tal-prattika privata tagħhom.

55      Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, dwar abbuż ta’ poter

56      Ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament uża l-poter tiegħu mogħti skont l-Artikolu 47(ċ)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg sabiex jevadi d-diffikultajiet li nħolqu mill-pjan li implementa biex ma jingħatalhiex, fl-2008, kuntratt għal żmien indeterminat.

57      Din it-tielet parti ma jistax ikollha suċċess billi r-rikorrenti ma ġġibx provi, oġġettivi, preċiżi u konkordanti dwar il-fatt li l-Parlament allegatament applika ħażin l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg

58      Barra minn hekk, fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza ġie spjegat li, indipendentement mill-iżball fil-passat tiegħu, il-Parlament ma setax jinjora l-Artikolu 7 tar-regoli interni tiegħu u l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx tniżżlet fil-lista ta’ kandidati kwalifikati skont il-proċedura ta’ għażla PE/95/S.

59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi konkluż li t-tieni aggravju kollu kemm hu għandu jiġi miċħud.

 Fir-rigward tat-tieni motiv, dwar ksur tad-dmir ta’ premura, tal-abbuż ta’ liġi kif ukoll ta’ ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u tal-eżekuzzjoni bil-bona fide tal-kuntratti

60      Ir-rikorrenti ssostni li l-Parlament ma ħa inkunsiderazzjoni la l-interess tagħha u lanqas dak tas-servizz. Għalhekk, il-Parlament ma pprovax isib soluzzjoni bi ftehim magħha. Mingħajr lanqas ma biss semagħha, huwa invoka, fid-deċiżjoni kkontestata, l-pjan li għalih it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien diġà ssanzjonah fis-sentenza Scheefer. Issa, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, l-awtorità għandha l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tiegħu. Barra minn hekk, kieku l-Parlament irrispetta l-Kondizzjonijiet tal-impjieg u kkonkluda flimkien mar-rikorrenti kuntratt għal żmien indeterminat, kien ikun fl-interess tiegħu stess li jżommha fl-impjieg tagħha, għaliex hija ma kinitx naqset u kienet, għall-kuntrarju, akkwistat ċerta esperjenza fi ħdan il-kabinett mediku tal-Parlament fil-Lussemburgu. Meta invoka motiv ibbażat fuq żball tiegħu stess mingħajr ma pprova jsib soluzzjoni legalment ammissibbli kemm għalih kif ukoll għaliha, il-Parlament, skont hi, applika ħażin ukoll il-prinċipju ta’ eżekuzzjoni bil-bona fide tal-kuntratti u wettaq abbuż ta’ liġi.

61      Madankollu, ġie deċiż li l-fatt li kandidat jeżerċita bħala membru tal-persunal temporanju funzjonijiet ta’ natura simili għal dawk li tkun ġiet organizzata għalihom kompetizzjoni ma jipprekludix lill-istituzzjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun weħlet minn dik il-kompetizzjoni sabiex tittermina l-kuntratt tagħha (ara s-sentenza Hoyer vs Il-Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 47). F’din il-perspettiva, hemm lok li jiġi aċċettat ukoll li ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kienet teżerċita l-funzjonijiet ta’ tabib abbażi ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat, iżda provviżorjament, fl-istennija tar-riżultati tal-proċedura ta’ għażla PE/95/S ma kinitx tipprekludi lill-Parlament milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija ma kinitx tidher fil-lista ta’ kandidati kwalifikati ta’ dik il-proċedura ta’ għażla biex jiġi rexiss il-kuntratt tagħha għar-raġuni li l-impjiegi kollha vakanti ta’ tabib issa kienu mtlew minn persuni li għaddew minn din il-proċedura ta’ għażla.

62      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 7 tar-regoli interni għandu bħala għan li jorganizza r-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanji għas-servizzi tal-Parlament filwaqt li jissuġġetta r-reklutaġġ permanenti tagħhom għal proċedura ta’ għażla fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u li, kif intqal iktar ’il fuq, il-Parlament kien, fil-prinċipju, marbut b’din id-dispożizzjoni, kif ukoll bil-fatt li r-rikorrenti ma kinitx imniżżla fil-lista ta’ kandidati kwalifikati tal-proċedura ta’ għażla PE/95/S. Għaldaqstant, anki kieku l-Parlament kien ta lir-rikorrenti kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju għal żmien indeterminat mis-26 ta’ Marzu 2008, ma setax jagħtiha pożizzjoni ta’ tabib vakanti mingħajr ma jikser l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kandidati f’din il-proċedura ta’ għażla għad-detriment, b’mod partikolari, tal-persuni li kienu għaddew minnha.

63      Barra minn hekk, il-Parlament isostni li qabel ma keċċa lir-rikorrenti, huwa kien, skont id-dmir ta’ premura, eżamina jekk hija setgħetx tiġi rijassenjata f’impjieg ieħor ta’ tabib fi ħdan il-kabinett mediku, iżda rijassenjazzjoni bħal dik irriżultat impossibbli minħabba l-kwalifiki speċifiċi tagħha. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti qed tippretendi biss li effettivament iżżomm l-impjieg tagħha ta’ tabib fi ħdan il-kabinett mediku tal-Lussemburgu.

64      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Parlament ma pprovax isib soluzzjoni magħha u keċċiha mingħajr lanqas biss ma semagħha, li effettivament huwa l-każ.

65      Din l-aħħar kritika tidher li taqbel mal-ilment dwar il-ksur tad-dmir ta’ premura li għadha kif ngħatat risposta għalih.

66      Jekk wieħed jassumi li r-rikorrenti riedet, madankollu, tqajjem ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi l-Parlament allegatament naqas milli jippermettilha li tesponi l-fehma tagħha, għandu jitfakkar li d-dritt li wieħed jinstema’ ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni adottata ħlief jekk il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti fin-nuqqas ta’ ksur ta’ dan id-dritt (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1996, Ohja vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, punt 67; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Jannar 2000, Mehibas Dordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, punt 47, u tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, punt 39; sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta’ Marzu 2011, De Nicola vs BEI, F‑59/09, punt 182, li hija suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑264/11 P). Issa, f’din il-kawża, fid-dawl tal-Artikolu 7 tar-regoli interni u tal-obbligu li tiġi osservata l-ugwaljanza fost il-kandidati fil-proċedura ta’ għażla PE/95/S, inkunsiderazzjoni tal-fatt li r-rikorrenti ma tidhirx fil-lista ta’ kandidati kwalifikati stabbilita fl-aħħar ta’ din il-proċedura u inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-AKTK kienet marbuta bin-numru ta’ postijiet li kellhom jimtlew, ma jidhirx li setgħet tittieħed deċiżjoni differenti mid-deċiżjoni kkontestata kieku r-rikorrenti tpoġġiet f’pożizzjoni li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha.

67      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li t-tielet motiv huwa infondat u għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kull motiv fondat, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għal annullament.

 Fuq it-talbiet biex it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiddeċiedi fuq il-konsegwenzi kollha, inklużi finanzjarji, li jirriżultaw mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u fuq it-talbiet għall-ħlas ta’ danni u interessi

68      Fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ir-rikorrenti titolbu li jpoġġiha fis-sitwazzjoni li kellha tkun tagħha f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li tibqa’ impjegata fi ħdan il-kabinett mediku tal-Parlament fil-Lussemburgu.

69      Fil-każ li jkun impossibbli li tiġi ordnata l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha, ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkundanna lill-Parlament iħallasha s-somma ta’ EUR 288 000 li jirrappreżentaw 36 xahar ta’ salarju, bħala danni u interessi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti titlob il-kundanna tal-Parlament biex iħallasha s-somma ta’ EUR 15 000 bħala kumpens għad-dannu morali tagħha. Dan il-preġudizzju jirriżulta mill-mod ftit li xejn rispettuż li bih ġew ittrattati d-drittijiet soċjali tagħha, tas-sentiment li ġiet imqarrqa fir-rigward tal-prospetti tal-karriera tagħha u l-fatt li kellha tippreżenta t-tieni proċedura biex issostni d-drittijiet tagħha.

70      Dawn it-talbiet huma parti mill-estensjoni tat-talbiet għal annullament u għandhom jiġu miċħuda minħabba ċ-ċaħda ta’ dawn tal-aħħar.

71      Jekk wieħed jassumi li, biex jiġi ġġustifikat il-kumpens għal dannu morali, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq aġir mhux deċiżjonali tal-Parlament, jiġifieri li huwa allegatament qarraq biha fuq il-prospetti tal-karriera u l-mod ftit li xejn rispettuż li bih suppost ġew ittrattati d-drittijiet soċjali tagħha, irid neċessarjament jiġi kkonstatat li t-talbiet għall-kumpens huma inammissibbli billi ma ġewx ippreċeduti b’talba bbażata fuq l-Artikolu 46 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u fuq l-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq l-ispejjeż

72      Skont l-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu Tmienja tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

73      Mill-motivi msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu l-Parlament talab espressament li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      S. Scheefer għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Parlament Ewropew.

Van Raepenbusch

Boruta

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Marzu 2013.

W. Hakenberg

 

       S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.