Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Marzu 2013 - Pesquerias Riveirenses et vs Il-Kunsill

(Kawża T-180/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Pesquerias Riveirenses, SL (Ribeira, Spanja); Pesquerias Campo de Marte, SL (Ribeira); Pesquera Anpajo, SL (Ribeira); Arrastreros del Barbanza, SA (Ribeira); Martínez Pardavila e Hijos, SL (Ribeira); Lijo Pesca, SL (Ribeira); Frigoríficos Hermanos Vidal, SA (Ribeira); Pesquera Boteira, SL (Ribeira); Francisco Mariño Mos y Otros, CB (Ribeira); Juan Antonio Pérez Vidal y Hermano, CB (Ribeira); Marina Nalda, SL (Ribeira); Portillo y Otros, SL (Ribeira); Vidiña Pesca, SL (Ribeira); Pesca Hermo, SL (Ribeira); Pescados Oubiña Perez, SL (Ribeira); Manuel Pena Graña (Ribeira); Campo Eder, SL (Ribeira); Pesquera Laga, SL (Ribeira); Pesquera Jalisco, SL (Ribeira); Pesquera Jopitos, SL (Ribeira); u Pesca-Julimar, SL (Ribeira) (rappreżentant: J. Tojeiro Sierto, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 40/2013, tal-21 ta' Jannar 2013, sa fejn jikkunsidra flimkien il-komponenti tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-istokk tal-istokkafixx fil-Grigal tal-Atlantiku sabiex tiġi stabbilita t-TAC (qabda totali ammissibbli) tal-istokkafixx irrikonoxxuta fl-Annessi IA u IB (paġni 84 u 103, rispettivament; ĠU L 23, 25.01.2013, p. 54).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 39 TFUE.

Ir-rikorrenti jsostnu f'dan ir-rigward li l-Artikolu 39 TFUE jirrikonoxxi, bħala wieħed mill-għanijiet tal-politika agrikola tas-sajd komuni, il-ġestjoni razzjonali tar-riżorsi, u li r-regolament ikkontestat jikser din id-dispożizzjoni, sa fejn, billi ma jagħmilx distinzjoni bejn il-komponent tat-Tramuntana u dak tan-Nofsinhar tal-istokk tal-istokkafixx fit-Tramuntana tal-Atlantiku, dan ma jikkorrispondix ma' dak li għandu jiġi rrikonoxxut bħala ġestjoni razzjonali tar-riżorsi. Ir-rikorrenti ma jiċħdux li s-sitwazzjoni tal-komponent tat-Tramuntana teħtieġ miżuri restrittivi ta' ġestjoni tas-sajd, iżda dan ma huwiex il-każ tal-komponent tan-Nofsinhar, fejn l-ispeċi tiegħu ma humiex qegħdin jiġu eċċessivament maqbuda. Billi jagħmel dan, ir-regolament ikkontestat jikser ukoll il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, li jeħtieġ, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2001, u tal-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' New York tal-2005.

Ir-rikorrenti jsostnu f'dan ir-rigward li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd, jirrikonoxxi l-kriterju ta' kawtela bħala kriterju li għandu jiggwida l-adozzjoni ta' miżuri ta' konservazjzoni u ta' sfruttar tar-riżorsi tas-sajd; u li prinċipju identiku jirregola l-Artikolu 6 tal-"Ftehim fuq l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Liġi tal-Baħar, tal-10 ta' Diċembru 1982, dwar il-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta' ħażniet ta' ħut li jpassu f'żona limitata (straddling) u ħażniet ta' ħut li jpassu ħafna (highly migratory)" (New York, 1995, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 4, p. 5), li l-Unjoni Ewropea, u l-Istati Membri tagħha ta' dak iż-żmien, aderixxew magħha fid-19 ta' Diċembru 2003, u li daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Jannar 2004. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-ġestjoni tal-istokk tal-istokkafixx fil-Grigal tal-Atlantiku mir-regolament ikkontestat, sa fejn ma tagħmilx distinzjoni bejn il-komponent tat-Tramuntanta u dak tan-Nofisinshar tal-istokk, timponi tnaqqis ta' qbid fuq il-komponent tant drastiku u indiskriminatorju li toħloq "riskju" li tkun meħtieġa l-applikazzjoni tal-kriterju ta' kawtela.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

Ir-rikorrenti jsostnu f'dan ir-rigward li l-ġestjoni tal-istokk tal-istokkafixx fil-Grigal tal-Atlantiku min-naħa tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2013 (regolament tal-Kunsill ikkontestat), sa fejn ma tagħmilx distinzjoni bejn il-komponent tat-Tramuntanta u dak tan-Nofinshar, timponi fuq il-kompenent tan-Nofsinhar miżuri trawmatiċi (tnaqqis tat-TAC) li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ikrupru tal-istokk tal-istokkafixx fil-Grigal tal-Atlantiku) u li, għaldaqstant, din tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________