Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2013 – Sharif University of Technology vs Il-Kunsill

(Kawża T-181/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sharif University of Technology (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: M. Happold, Barrister)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK tal-21 ta’ Diċembru 2012 1 , l-Anness II għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 2 , l-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012 tal-21 ta’ Diċembru 2012 3 u l-Anness IX għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 4 , sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK u r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012 ġew adottati bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħha. Il-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni peress li l-motivazzjonijiet mogħtija minnu huma insuffiċjenti għar-rikorrenti sabiex din tifhem il-bażi li fuqha hija ġiet suġġetta għal miżuri restrittivi. Il-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti minħabba li naqas milli jagħti aċċess lir-rikorrenti għall-fajl tal-Kunsill dwarha u minħabba li dan in-nuqqqas kellu l-konsegwenza li ma kienx possibbli għar-rikorrenti li tesprimi l-opinjoni tagħha dwar il-provi prodotti sabiex jiġu ġġustifikati l-miżuri imposti fuqha. In-nuqqasijiet tal-Kunsill li jimmotiva id-deċiżjoni tiegħu u li jipprovdi aċċess għall-fajl tiegħu lir-rikorrenti kisru wkoll id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni min-naħa tiegħu ta’ miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti. Ir-rikorrenti tiċħad l-allegazzjonijiet magħmula kontriha u tistieden lill-Kunsill jipproduċi provi ddettaljati tal-fatti allegati.It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-miżuri restrittivi imposti fuqha jiksru d-dritt tagħha għal proprjetà u huma sproporzjonati. L-inklużjoni tar-rikorrenti ma saritx taħt il-kundizzjonijiet stipulati mil-liġi. Barra minn hekk, il-Kunsill naqas kompletament milli jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma hijiex impriża kummerċjali, iżda istitut għal edukazzjoni ogħla, kif ukoll l-effetti konsegwenti tal-inklużjoni tagħha mhux biss fuqha iżda wkoll fuq l-istudenti, il-fakultà u l-kollaboraturi tagħha.

____________

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p.71) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010,

dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 55) Regol