Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 taʼ Marzu 2013 – Moallem Insurance vs Il-Kunsill

(Kawża T-182/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Moallem Insurance Co. (Teheran, l-Iran) (rappreżentant: D. Luff, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-punt 18 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 71);

tannulla l-punt 18 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 55);

tiddikjara l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010 1 u l-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat-23 ta’ Marzu 2012 2 bħala mhux applikabbli fir-rigward tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti għal dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka disa’ motivi.

L-ewwel motiv, li jallega li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina mill-ġdid kemm il-punt 21, Taqsima B tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK u l-punt 21, Taqsima B tal-Anness VIII tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010, kif ukoll id-deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2010 u l-kompatibilità tagħhom mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew.

It-tieni motiv, li jallega li r-raġuni speċifika għall-elenkar ta’ Moallem hija żbaljata u r-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK (kif sussegwentement emendat bl-Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/35/PESK tat-23 ta’ Jannar 2012, Artikolu 1(8) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/635/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2012 u l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK tal-21 ta’ Diċembru 2012), u r-rekwiżiti tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 (kif sussegwentement emendat bl-Artikolu 1(11) tar-Regolament tal-Kunsill 1263/2012 tal-21 ta’ Diċembru 2012) ma ġewx sodisfatti.

It-tielet motiv, li jallega li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK tal-21 ta’ Diċembru 2012, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012 ma humiex motivati b’mod suffiċjenti. Huma jiksru d-drittijiet ta’ difiża ta’ Moallem u d-dritt tagħha għal smigħ xieraq peress li l-Kunsill qatt ma’ rrisponda l-ittra ta’ Moallem tas-6 ta’ Frar 2013 u Moallem ma ingħatatx aċċess għall-fajl tal-Kunsill.

Ir-raba’ motiv, li jallega li l-Kunsill kiser l-Artikoli 24(3) u 24(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u l-Artikoli 46(3) u 46(4) tar-Regolament tal-Kunsill 267/2012. L-Artikoli 24(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u 46(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 jeħtieġu li l-Kunsill jikkomunika u jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, u l-Artikoli 24(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u 46(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 jipprovdu għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni meta jiġu ppreżentati l-osservazzjonijiet.Il-ħames motiv, li jallega li l-Kunsill, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ Moallem, kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.Is-sitt motiv, li jallega li l-Kunsill, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ Moallem, kiser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.Is-seba’ motiv, li jallega li l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u l-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, ma għandhomx japplikaw għal Moallem sa fejn jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 5(4) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE).It-tmien motiv, li jallega li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, kif emendat sussegwentement, li fuq il-bażi tiegħu ġie adottat l-Anness ikkontestat tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, jikser l-Artikolu 215(2) u (3) TFUE bħala l-bażi legali tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 40 TUE.Id-disa’ motiv, li jallega li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 ġew adottati bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni.