Language of document : ECLI:EU:T:2014:624





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) tal-10 ta’ Lulju 2014 — Moallem Insurance vs Il-Kunsill

(Kawża T‑182/13)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bil-għan li titwaqqaf il-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball ta’ evalwazzjoni”

1.                     Eċċezzjoni ta’ illegalità — Portata — Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita — Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata — Neċessità ta’ rabta legali bejn il-miżura kkontestata u l-att ġenerali kkontestat (Artikolu 277 TFUE) (ara l-punti 25, 26)

2.                     Unjoni Ewropea — Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Miżuri meħuda fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari — Portata tal-istħarriġ (Artikolu 275 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47) (ara l-punti 31, 32)

3.                     Dritt tal-Unjoni Ewropea — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu ta’ komunikazzjoni tal-provi ġodda li jinkriminaw — Portata (Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 1264/2012) (ara l-punti 34, 35, 43-45)

4.                     Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Obbligu li tiġi kkomunikata l-motivazzjoni lill-persuna interessata fl-istess waqt li jiġi adottat l-att li jikkawżalha preġudizzju, jew immedjatament wara — Limiti — Sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri jew twettiq tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom — Portata (ara l-punti 36-42)

5.                     Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament parzjali ta’ regolament u ta’ deċiżjoni li jikkonċernaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran — Dħul fis-seħħ tal-annullament ta’ dawn l-atti mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell jew miċ-ċaħda tiegħu (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 u l-Artikolu 266 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 60; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 1264/2012) (ara l-punti 54-60 u d-dispożittiv 3)

Suġġett

L-ewwel nett, talba għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 71), sa fejn din inkludiet isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU L 195, p. 39), u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 356, p. 55), sa fejn dan inkluda isem ir-rikorrenti fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), kif ukoll, it-tieni nett, talba intiża għall-ksib ta’ dikjarazzjoni ta’ inapplikabbiltà fir-rigward tar-rikorrenti tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2010/413 u tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 267/2012.

Dispożittiv

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, hija annullata sa fejn inkludiet l-isem ta’ Moallem Insurance Co. fil-lista li tinsab fl-Anness II tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK.

2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta’ Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huwa annullat sa fejn dan inkluda l-isem ta’ Moallem Insurance fil-lista li tinsab fl-Anness IX tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010.

3)

L-effetti tad-Deċiżjoni 2012/829 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1264/2012 jibqgħu fis-seħħ, f’dak li jikkonċerna lil Moallem Insurance, mid-dħul fis-seħħ tagħhom sad-data tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ appell stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew, jekk jiġi ppreżentat appell f’dan it-terminu, sa meta jiġi miċħud l-appell.

4)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, l-ispejjeż sostnuti minn Moallem Insurance.