Language of document : ECLI:EU:T:2015:891

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

26 ta’ Novembru 2015 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Televiżjoni diġitali – Għajnuna għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati fi Spanja – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment kompatibbli u parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ impriża – Attività ekonomika – Vantaġġ – Servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali – Distorsjoni tal-kompetizzjoni – Artikolu 107(3)(ċ) TFUE – Dmir ta’ diliġenza – Terminu raġonevoli – Ċertezza legali – Ugwaljanza fit-trattament – Proporzjonalità – Sussidjarjetà – Dritt għall-informazzjoni”

Fil-Kawża T‑461/13,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Rubio González, abogado del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn É. Gippini Fournier, B. Stromsky u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni 2014/489/UE tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Ġunju 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 [(C 23/2010) (ex NN 36/2010, ex CP 163/2009)] implimentata mir-Renju ta’ Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati (’il barra minn Castilla-La-Mancha) (ĠU L 217, p. 52),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President tal-Awla, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Marzu 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Din il-kawża tirrigwarda miżuri implementati mill-awtoritajiet Spanjoli fil-kuntest tal-mogħdija mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali fi Spanja f’dak li jirrigwarda t-territorju Spanjol kollu, ħlief għall-komunità awtonoma ta’ Castille-La-Manche (Spanja). Din id-diġitalizzazzjoni, li tista’ titwettaq teknikament permezz ta’ pjattaformi terrestri, satellitari, bil-kejbil jew permezz tal-broadband fuq l-internet, tippermetti użu iktar effiċjenti tal-ispektrum tal-frekwenzi tar-radju. Fix-xandir diġitali, is-sinjal tat-televiżjoni jirreżisti aħjar għall-interferenzi u jista’ jkun akkumpanjat minn serje ta’ servizzi addizzjonali li jagħtu valur miżjud lill-programmazzjoni. Barra minn hekk, il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni jippermetti l-ksib tal-hekk imsejjaħ “dividend diġitali”, jiġifieri frekwenzi meħlusa, peress li t-teknoloġiji tat-televiżjoni diġitali jokkupaw spektrum ħafna iżgħar mit-teknoloġiji analoġiki. Huwa minħabba dawn il-vantaġġi li l-Kummissjoni Ewropea inkoraġġiet, sa mill-2002, id-diġitalizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

2        Ir-Renju ta’ Spanja stabbilixxa l-qafas leġiżlattiv għall-promozzjoni tal-proċess ta’ tranżizzjoni mix-xandir analoġiku għax-xandir diġitali, b’mod partikolari bil-promulgazzjoni tal-Ley 10/2005 de Medidas Urgentes para el Impulso de la Televisión Digital Terrestri, de Liberalización de la Televisión por Cable y de Fomento del Pluralismo (Liġi 10/2005 li tistabbilixxi miżuri urġenti għall-iżvilupp tat-televiżjoni diġitali terrestri, għal-liberalizzazzjoni televiżjoni bil-kejbil u għat-tħeġġiġ tal-pluraliżmu) tal-14 ta’ Ġunju 2005 (BOE Nru 142, tal-15 ta’ Ġunju 2005, p. 20562, iktar ’il quddiem il-“Liġi 10/2005”) u r-Real Decreto 944 /2005 por el que se aprueba el Plan técnico nacional de la televisión digital terrestri (Digriet Irjali 944/2005 li japprova l-programm tekniku nazzjonali favur it-televiżjoni diġitali terrestri) tad-29 ta’ Lulju 2005 (BOE Nru 181, tat-30 ta’ Lulju 2005, p. 27006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali 944/2005”). Dan id-digriet irjali impona fuq ix-xandara nazzjonali l-obbligu li jkopru 96 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur privat u 98 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur pubbliku fit-territorji rispettivi tagħhom.

3        Sabiex jamministraw il-mogħdija mit-televiżjoni analoġika għat-televiżjoni diġitali, l-awtoritajiet Spanjoli qasmu t-territorju Spanjol fi tliet żoni separati:

–        fiż-żona I, li tinkludi 96 % tal-popolazzjoni Spanjola u li tqieset kummerċjalment profittabbli, l-ispiża tal-mogħdija għad-diġitali ġiet sostnuta mix-xandara pubbliċi u privati;

–        fiż-żona II, li tinkludi reġjuni inqas urbani u mbegħda li jirrappreżentaw 2.5 % tal-popolazzjoni Spanjola, ix-xandara, fin-nuqqas ta’ interess kummerċjali, ma investewx fid-diġitalizzazzjoni, u dan wassal sabiex ikun hemm finanzjament pubbliku min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli;

–        fiż-żona III, li tiġbor fiha 1.5 % tal-popolazzjoni Spanjola, it-topografija teskludi t-trażmissjoni diġitali terrestri, b’tali mod li kellha tingħażel il-pjattaforma satellitari.

4        Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Settembru 2007, il-kabinett Spanjol adotta l-programm nazzjonali favur il-mogħdija għat-televiżjoni diġitali terrestri (iktar ’il quddiem it-“TNT”) li jimplementa l-programm tekniku nazzjonali previst fid-Digriet Irjali 944/2005. L-imsemmi proġett qasam it-territorju Spanjol f’90 proġett tekniku għall-mogħdija u stabbilixxa data limiti għat-tmiem tax-xandir analoġiku għal kull wieħed minn dawn il-proġetti. L-għan stabbilit f’dan il-programm kien li l-kopertura tal-popolazzjoni Spanjola bis-servizz TNT tilħaq livelli analogi għal dik tal-imsemmija popolazzjoni bit-televiżjoni analoġika fl-2007, jiġifieri iktar minn 98 % ta din il-popolazzjoni.

5        Peress li l-obbligi ta’ kopertura stabbiliti għat-TNT (ara l-punt 2 iktar ’il fuq) kienu jirriskjaw li jwasslu għal kopertura tal-popolazzjoni Spanjola iżgħar mill-kopertura tal-imsemmija popolazzjoni bix-xandir analoġiku li kienet teżisti qabel, kien neċessarju li tiġi ggarantita l-kopertura televiżiva fiż-żona II. Din il-kawża tirrigwarda biss il-finanzjament pubbliku mogħti mill-awtoritajiet Spanjoli insostenn tal-proċess ta’ diġitalizzazzjoni terrestri fl-imsemmija żona.

6        Fid-29 ta’ Frar 2008, il-ministeru Spanjol għall-industrija, it-turiżmu u l-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“MITC”) adotta deċiżjoni intiża sabiex ittejjeb l-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni u tistabbilixxi l-kriterji u t-tqassim tal-finanzjament tal-azzjonijiet favur l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni fil-kuntest ta’ pjan intitolat “Plan Avanza”. Il-baġit approvat abbażi ta’ din id-deċiżjoni ġie parzjalment allokat għad-diġitalizzazzjoni tat-televiżjoni fiż-żona II.

7        Bejn Lulju u Novembru 2008, id-diġitalizzazzjoni fiż-żona II tkompliet permezz ta’ diversi addenda għall-ftehimiet qafas tal-2006 fis-seħħ iffirmati mill-MITC u mill-komunitajiet awtonomi tar-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tal-Plan Avanza. Wara dawn l-addenda, il-MITC ittrasferixxa fondi lill-komunitajiet awtonomi, li impenjaw ruħhom li jkopru l-ispejjeż l-oħra marbuta mal-operazzjoni permezz tar-riżorsi baġitarji tagħhom stess.

8        Fis-17 ta’ Ottubru 2008, il-Kabinett Spanjol iddeċieda li jalloka fondi addizzjonali sabiex jestendi u jikkompleta l-kopertura tat-TNT fil-kuntest tal-proġetti ta’ mogħdija għad-diġitali li kellhom jiġu implementati matul l-ewwel semestru tal‑2009. Il-fondi ngħataw wara l-iffirmar ta’ ftehimiet qafas ġodda bejn il-MITC u l-komunitajiet awtonomi f’Diċembru 2008 dwar l-implementazzjoni tal-programm nazzjonali favur il-mogħdija għat-TNT. Fid-29 ta’ Mejju 2009, l-imsemmi kabinett approva l-kriterji ta’ tqassim tal-fondi allokati għall-finanzjament tal-inizjattivi favur il-mogħdija għat-TNT.

9        Wara l-iffirmar tal-addenda għall-ftehimiet qafas tal-2008 dwar l-estensjoni tal-kopertura tat-TNT u l-pubblikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet qafas u ta’ dawn l-addenda fil-Boletín oficial del Estado, il-komunitajiet awtonomi bdew il-proċess ta’ estensjoni. Għal dan il-għan huma organizzaw sejħiet għall-offerti jew fdaw l-organizzazzjoni ta’ dawn is-sejħiet f’idejn impriżi privati. F’ċerti każijiet, il-komunitajiet awtonomi talbu lill-kunsilli jinkarigaw ruħhom mill-estensjoni.

10      Bħala regola ġenerali, inħarġu żewġ tipi ta’ sejħiet għal offerti fi Spanja. L-ewwel nett, kien hemm is-sejħiet għal offerti għall-estensjoni tal-kopertura li kienu jimplikaw li l-offerent magħżul jingħata l-inkarigu li jipprovdi netwerk operattiv ta’ TNT. Għal dan il-għan, l-ipproġettar u t-tħaddim tan-netwerk, it-trasport tas-sinjal, it-tnedija tan-netwerk u l-provvista tat-tagħmir neċessarju kienu fost l-inkarigi li kellhom jitwettqu. Is-sejħiet għal offerti l-oħra kienu jirrigwardaw il-provvista ta’ tagħmir tat-telekomunikazzjoni.

11      Globalment, bejn is-sena 2008 u s-sena 2009, ġie pprelevat l-ammont totali ta’ EUR 163 miljun mill-baġit ċentrali, parzjalment f’self b’kundizzjonijiet preferenzjali mogħti mill-MITC lill-komunitajiet awtonomi, u madwar EUR 60 miljun li ġew ipprelevati mill-baġits tas-sittax-il komunità awtonoma kkonċernati ġew investiti għall-estensjoni tal-kopertura fiż-żona II. Barra minn hekk, il-kunsilli ffinanzjaw l-estensjoni sal-ammont ta’ madwar EUR 3.5 miljun.

12      Mis-sena 2009, it-tieni stadju wara l-estensjoni tat-TNT fiż-żona II kien jikkonsisti, għal ċerti komunitajiet awtonomi, fl-organizzazzjoni ta’ sejħiet għal offerti oħra jew fil-konklużjoni, mingħajr sejħiet għal offerti, tal-kuntratti ta’ tħaddim u ta’ manutenzjoni tat-tagħmir diġitalizzat u kkollokat matul l-estensjoni. L-ammont totali tal-fondi allokati permezz ta’ sejħiet għal offerti għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2009 u s-sena 2011 kien ta’ mill-inqas ta’ EUR 32.7 miljun.

13      Fit-18 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand operatur Ewropew tas-satelliti, jiġifieri SES Astra, li kien jirrigwarda skema ta’ għajnuna preżunta min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli favur il-mogħdija mit-televiżjoni analoġika għat-televiżjoni diġitali fiż-żona II. Skont l-imsemmi operatur, din il-miżura kienet tinvolvi għajnuna mhux innotifikata li ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn il-pjattaforma ta’ xandir terrestri u dik tax-xandir satellitari.

14      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Settembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-Renju ta’ Spanja bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fit-territorju Spanjol kollu, ħlief għall-komunità awtonoma ta’ Castille-La-Manche, reġjun li fir-rigward tiegħu nfetħet proċedura indipendenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, fl-14 ta’ Diċembru 2010, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 337, p. 17), il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

15      Wara li rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli u ta’ partijiet interessati oħra, il-Kummissjoni adottat, fid-19 ta’ Ġunju 2013, id-Deċiżjoni 2014/489/UE, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.28599 [(C 23/2010) (ex NN 36/2010, ex CP 163/2009)] implimentata mir-Renju ta’ Spanja għat-tnedija tat-televiżjoni diġitali terrestri f’żoni remoti u inqas urbanizzati (’il barra minn Castilla-La-Mancha) (ĠU L 217, p. 52, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li d-dispożittiv tagħha jipprovdi:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-operaturi tal-pjattaforma tat-televiżjoni terrestri għat-tnedija, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerk tat-televiżjoni diġitali terrestri fiż-Żona II u li ddaħħlet fis-seħħ b’mod illegali mi[r-Renju ta’] Spanja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE hija inkompatibbli mas-suq intern, għajr għall-għajnuna li ngħatat f’konformità mal-kriterju tan-newtralità teknoloġika.

Artikolu 2

Għajnuna L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxi ebda għajnuna jekk, fiż-żmien li tingħata, hija tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti mir-regolament li ġie adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 applikabbli fiż-żmien li tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3:

1.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]irkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mingħand l-operaturi tat-Televiżjoni Diġitali Terrestri, kemm jekk irċevew l-għajnuna direttament jew indirettament.

2.      Fuq is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jiddekorri l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew disponibbli għall-benefiċjarji sa meta jiġu rkuprati..

3.      L-imgħax għandu jiġi kkalkolat fuq bażi ta’ imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004..

4.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]ikkanċella l-pagamenti kollha pendenti tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

1.      L-irkupru tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.      [Ir-Renju ta’] Spanja għand[u] [j]iżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika tagħha.

3.      Spanja għandha tressaq l-informazzjoni li jmiss lill-Kummissjoni fi ħdan xahrejn min-notifika ta’ din id-Deċiżjoni:

a)      il-lista ta’ benefiċjarji li rċevew għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta minn kull wieħed minnhom taħt l-iskema, maqsuma skont il-kategoriji indikati fit-taqsima6.2 aktar ’il fuq;

b)      l-ammont totali (kapital u imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

[…]

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.”

16      Sabiex timmotiva d-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset li d-diversi strumenti adottati fuq livell ċentrali u l-ftehimiet li kienu ġew konklużi u emendati bejn l-MITC u l-komunitajiet awtonomi jikkostitwixxu l-bażi ta’ skema ta’ għajnuna għall-estensjoni tat-TNT fiż-żona II. Fil-prattika, il-komunitajiet awtonomi applikaw l-indikazzjonijiet tal-Gvern Spanjol dwar l-estensjoni tat-TNT (premessa 91 tal-imsemmija deċiżjoni).

17      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni kellha titqies għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Peress li l-imsemmija miżura ġiet iffinanzjata mill-baġit tal-Istat u mill-baġits ta’ ċerti komunitajiet awtonomi u kunsilli, din hija intervenzjoni permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Skont il-Kummissjoni, l-estensjoni tan-netwerks ta’ trażmissjoni tat-televiżjoni kienet attività ekonomika u ma kinitx taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika. L-operaturi tat-TNT huma l-benefiċjarji diretti tal-għajnuna, filwaqt li operaturi ta’ netwerk li pparteċipaw fis-sejħiet għal offerti relatati mal-estensjoni tal-kopertura huma l-benefiċjarji indiretti tal-għajnuna. Il-vantaġġ ta’ din il-miżura għal dawn l-aħħar operaturi huwa selettiv, għaliex tali miżura hija ta’ benefiċċju biss għas-settur tax-xandir u, f’dan is-settur, l-istess miżura tikkonċerna biss l-impriżi li joperaw fis-suq tal-pjattaforma terrestri. Skont id-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw, bħala l-aħjar u l-uniku eżempju, il-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco (Spanja) sabiex jinvokaw l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat skont il-kriterji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra, EU:C:2003:415). Madankollu, l-ewwel kriterju ta’ din is-sentenza, li jipprovdi li l-impriża benefiċjarja għandha tkun effettivament inkarigata mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u li jipprovdi li dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, ma kienx, skont il-Kummissjoni, issodisfatt. Barra minn hekk, fl-assenza ta’ garanzija tal-inqas spiża fl-interess ġenerali tal-imsemmija komunità awtonoma, ir-raba’ kriterju tal-imsemmija sentenza ma kienx issodisfatt. Skont il-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatt li l-pjattaformi ta’ xandir satellitari u terrestri kienu kompetituri, il-miżura intiża għat-tnedija, għat-tħaddim u għall-manutenzjoni tat-TNT fiż-żona II kienu jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ pjattaformi. Il-miżura inkwistjoni effettwat ukoll il-kummerċ fi ħdan l-Unjoni (premessi 94 sa 141 tal-imsemmija deċiżjoni).

18      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx titqies li hija għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, minkejja l-fatt li din il-miżura kienet intiża li tilħaq għan ta’ interess komuni tabilħaqq speċifiku u li hija kienet għarfet li kien hemm nuqqasijiet fis-suq. Skont il-Kummissjoni, ladarba l-imsemmija miżura ma kinitx tirrispetta l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, din il-miżura ma kinitx proporzjonali u ma kinitx tikkostitwixxi strument xieraq sabiex tiġi ggarantita l-kopertura tal-kanali FTA lir-residenti taż-żona II (premessi 148 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni qieset li, fl-assenza ta’ definizzjoni preċiża tat-tħaddim ta’ pjattaforma terrestri inkwantu servizz pubbliku, il-miżura inkwistjoni ma setgħetx tkun iġġustifikata abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE (premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni osservat li l-miżura inkwistjoni ma kinitx għajnuna eżistenti, għaliex l-imsemmija miżura kellha titqies li hija emenda li influwenzat is-sustanza nnifisha tal-iskema inizjali. L-awtoritajiet Spanjoli kellhom, għalhekk, jinnotifikaw din il-miżura (premessi 173 sa 175 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni speċifikat id-diversi każijiet li fihom l-awtoritajiet Spanjoli kellhom jirkupraw l-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji diretti u indiretti (premessi 179 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Awwissu 2013, ir-Renju ta’ Spanja ressaq din il-kawża.

23      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-Renju ta’ Spanja ressaq talba għal miżuri provviżorji li fiha essenzjalment talab li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz ta’ digriet tas-16 ta’ Ottubru 2013, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑461/13 R, EU:T:2013:545), din it-talba ġiet miċħuda u l-ispejjeż ġew irriżervati.

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Novembru 2013, l-Asociación española de televisiones digitales privadas, autonómicas y locales (Asodal) talbet tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ Spanja. Din it-talba ġiet miċħuda permezz tad-digriet tal-24 ta’ Frar 2014, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑461/13, EU:T:2014:109).

25      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

26      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi dokumenti. Il-Kummissjoni osservat din it-talba fit-terminu mogħti.

27      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Marzu 2015.

28      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

29      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

30      Insostenn tar-rikors, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, jirrigwarda l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-preżunta għajnuna inkwistjoni mas-suq intern. Dan huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 106(2) u fl-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. Permezz tat-tielet motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni ksur tar-regoli proċedurali. Ir-raba’ motiv, imqajjem sussidjarjament, jirrigwarda t-talba ta’ rkupru tal-għajnuna u huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà. Permezz tal-ħames motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, sussidjarjament, ksur tad-dritt fundamentali għall-informazzjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

31      Ir-Renju ta’ Spanja jakkuża lill-Kummissjoni bi ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn hija kkonstatat l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Huwa jsostni, l-ewwel nett, li l-entitajiet ikkonċernati ma jeżerċitaw l-ebda attività ekonomika, it-tieni nett, il-miżura inkwistjoni ma kinitx selettiva iżda kienet tikkostitwixxi servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali (iktar ’il quddiem “SIEĠ”) u, it-tielet nett, din il-miżura ma tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ attività ekonomika

32      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tħaddim tan-netwerk tat-TNT fiż-żona II mill-komunitajiet awtonomi, mill-impriżi pubbliċi u mill-kunsilli kien jikkonsisti fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ awtorità pubblika u ma kienx jikkostitwixxi attività ekonomika. L-uniku interess tagħhom kien li jirrispondu għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni rurali u mhux li jintervjenu fis-suq. Għalhekk dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala impriżi għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha previsti f’din id-dispożizzjoni jiġu ssodisfatti. L-ewwel nett, irid ikun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent irid ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu billi jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi. Ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2008, Ryanair vs Il-Kummissjoni, T‑196/04, Ġabra, EU:T:2008:585, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Din il-parti tirrigwarda b’mod iktar partikolari t-tielet wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, rekwiżit li jgħid li l‑interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jitqiesu vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, għandhom jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, Ġabra, EU:C:2010:481, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ impriża jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku tagħha u mill-mod ta’ kif hija ffinanzjata. Tikkostitwixxi attività ekonomika kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi f’suq partikolari (ara s-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et, C‑222/04, Ġabra, EU:C:2006:8, punti 107 u 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). In-natura ekonomika jew mhux ekonomika ta’ attività ma jiddependix fuq l-istatus privat jew pubbliku tal-entità li teżerċitaha, u lanqas fuq il-profitabbiltà ta’ din l-attività (ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il-Kummissjoni, C‑288/11 P, Ġabra, EU:C:2012:821, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Skont il-ġurisprudenza, l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1994, SAT Fluggesellschaft, C‑364/92, Ġabra, EU:C:1994:7, punti 30 u 31, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Pajjiżi l-Baxxi u NOS vs Il-Kummissjoni, T‑231/06 u T‑237/06, Ġabra, EU:T:2010:525, punt 93).

37      F’dak li jirrigwarda l-eventwali impatt tal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika fuq il-klassifikazzjoni ta’ persuna ġuridika bħala impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, għandu jiġi osservat li l-fatt li entità jkollha, għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma jipprekludix, waħdu, li din tiġi kklassifikata bħala impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għall-bqija tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha. Il-klassifikazzjoni bħala attività li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew bħala attività ekonomika għandha ssir separatament għal kull attività mwettqa minn entità partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, Ġabra, EU:C:2008:376, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk l-attività inkwistjoni kinitx taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, hekk kif jallega r-Renju ta’ Spanja, jew taħt l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

39      Preliminarjament, fir-rigward tad-definizzjoni tal-attività inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, l-attività inkwistjoni kienet tikkonsisti fit-tnedija, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerk tat-TNT fiż-żona II mill-komunitajiet awtonomi, mill-impriżi pubbliċi u mill-kunsilli. Sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza l-fatt li l-uniku interess tagħhom kien li jirrispondu għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni rurali peress li kien neċessarju li fl-imsemmija żona tiġi ggarantita l-kopertura televiżiv, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-għan tal-interventi mill-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex dawn ma jiġux ikklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jagħmilx distinzjoni skont l-għanijiet jew l-objettivi tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effett tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C‑487/06 P, Ġabra, EU:C:2008:757, punti 84 u 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni għalhekk ma wettqitx żball fir-rigward tad-definizzjoni tal-attività inkwistjoni.

40      Sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni ta’ jekk l-attività inkwistjoni, kif iddefinita fid-deċiżjoni kkontestata, kinitx taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika jew taħt l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi, għandu jiġi vverifikat jekk din l-attività, fid-dawl tan-natura tagħha, tal-għan tagħha u tar-regoli li għalihom hija suġġetta, hijiex marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika u jekk din għandhiex natura ekonomika li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli, C‑343/95, Ġabra, EU:C:1997:160, punti 16, 18 u 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, Ġabra, EU:C:2013:127, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Fil-premessi 97 sa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-attività inkwistjoni kienet tikkostitwixxi attività ekonomika l-istess bħal każijiet oħra li kienu jinvolvu l-ġestjoni ta’ infrastrutturi mill-awtoritajiet reġjonali. Hija ssostni li jkun hemm suq jekk, bħal f’dan il-każ, ikun hemm operaturi oħra li jkunu disposti li joffru s-servizz inkwistjoni jew li jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu dan. Hija kkunsidrat li t-tħaddim tan-netwerk tat-TNT ma kienx jaqa’ taħt il-prerogattivi tal-Istat u li dan ma kinitx attività li l-Istat biss seta’ jeżerċita. Is-servizzi inkwistjoni ma humiex dawk li ġeneralment jiġu eżerċitati minn awtorità pubblika u huma ta’ natura ekonomika, u dan huwa evidenzjat mill-fatt li hemm diversi impriżi li joperaw fis-suq fiż-żona I. Barra minn hekk, hija qieset li operatur satellitari Ewropew xtaq jipproponi dawn is-servizzi fiż-żona II fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti u li l-attività inkwistjoni kienet tikkonċerna biss it-trażmissjoni tal-kanali nazzjonali u reġjonali privati.

42      Fid-dawl tal-kriterji żviluppati fil-ġurisprudenza, iċċitata fil-punt 40 iktar ’il fuq, dwar il-kunċett ta’ impriża, dawn il-kunsiderazzjonijiet juru, suffiċjentement skont il-liġi, li l-attività inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tagħha, tal-għan tagħha u tar-regoli li għalihom hija suġġetta, ma hijiex marbuta mal-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, iżda għanda natura ekonomika. Ebda argument magħmul mir-Renju ta’ Spanja ma jippermetti li jintwera li l-Kummissjoni wettqet żball meta kklassifikat l-attività inkwistjoni bħala attività ekonomika.

43      Fil-fatt, l-ewwel nett, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-estensjoni tat-TNT twettqet minn impriżi pubbliċi li jaġixxu bħala “strument” tal-amministrazzjoni, għandu jiġi osservat li, f’dak li jirrigwarda l-eventwali applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn il-każ fejn l-Istat jaġixxi billi jeżerċita s-setgħa pubblika u l-każ fejn l-Istat jeżerċita attivitajiet ekonomiċi ta’ natura industrijali jew kummerċjali li jikkonsistu fl-offerta ta’ oġġetti jew servizzi fis-suq. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-Istat jaġixxix direttament permezz ta’ korp li jifforma parti mill-amministrazzjoni pubblika jew permezz ta’ entità li rċeviet mingħandu drittijiet speċjali jew esklużivi (ara s-sentenzi Diego Calì & Figli, punt 40 iktar ’il fuq, EU:C:1997:160, punti 16 u 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, Ġabra, EU:C:2012:449, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-fatt li attività tista’ tiġi eżerċitata minn impriża privata jikkostitwixxi indikazzjoni li tippermetti li l-attività inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika (sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2002, Aéroports de Paris vs Il-Kummissjoni, C‑82/01 P, Ġabra, EU:C:2002:617, punt 82).

44      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar l-assenza ta’ suq fir-rigward tas-servizz intiż li jiggarantixxi d-dritt ta’ kull individwu li jirċievi komunikazzjoni televiżiva, għandu jiġi osservat, hekk kif tikkonstata l-Kummissjoni fil-premessi 97 u 99 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien jeżisti suq għas-servizz ta’ tnedija tan-netwerk diġitali fi Spanja. Minn naħa, huwa paċifiku li operatur satellitari Ewropew xtaq jipproponi s-servizz inkwistjoni fiż-żona II fil-kuntest tas-sejħa għal offerti mibdija fl-2008 f’Cantabria (Spanja). Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ suq għat-tnedija tan-netwerk diġitali fi Spanja tirriżulta mill-fatt li, fiż-żona I, din l-attività kienet imwettqa minn impriżi privati.

45      It-tielet nett, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jenfasizza li l-impriżi inkwistjoni ma rċevew ebda korrispettiv ekonomiku għal din l-attività, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-kwistjoni ta’ jekk l-attività inkwistjoni kinitx ta’ natura ekonomika la tiddependi fuq il-fatt li investitur privat huwa lest li jeżerċitaha taħt l-istess kundizzjonijiet u lanqas fuq il-profitabbiltà ta’ din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2012:821, punt 50). Barra minn hekk, il-fatt li servizz jingħata mingħajr ħlas ma jipprekludix li attività tiġi kklassifikata bħala ekonomika (sentenza tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser, C‑41/90, Ġabra, EU:C:1991:161, punti 19 sa 23). Il-fatt li, hekk kif jiddikjara r-Renju ta’ Spanja, il-programmi ta’ azzjoni tal-komunitajiet awtonomi ma kienu jinvolvu ebda bdil fil-proprjetà taċ-ċentri ta’ trażmissjoni diġitalizzati, li baqgħu pubbliċi, ma għandu l-ebda rwol fil-klassifikazzjoni tal-attività inkwistjoni.

46      Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-kunsiderazzjoni li l-Kummissjoni għamlet fil-premessa 99 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li t-tnedija tan-netwerk diġitali fiż-żona II mwettqa mill-komunitajiet awtonomi, mill-impriżi pubbliċi u mill-kunsilli kienet tirrigwarda biss it-trażmissjoni ta’ kanali nazzjonali u reġjonali privati, ma hijiex eżatta. Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li d-Digriet Irjali 944/2005 impona fuq ix-xandara nazzjonali l-obbligu li jkopru 96 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur privat u 98 % tal-popolazzjoni fil-każ tas-settur pubbliku fit-territorju rispettiv tagħhom (ara l-punt 2 iktar ’il fuq). Għalkemm huwa minnu li ż-żoni I u II kienu jinkludu 98.5 % tal-popolazzjoni Spanjola u li, għalhekk, l-obbligu impost fuq ix-xandara nazzjonali fil-każ tas-settur pubbliku li jkopru, fit-territorju rispettiv tagħhom, 98 % tal-popolazzjoni ma kienx jobligahom li jkopru ż-żona II kollha, xorta jibqa’ l-fatt li, għal-kważi ż-żona msemmija kollha, tali obbligu ta’ kopertura kien jiggarantixxi l-aċċess għall-kanali pubbliċi, sa fejn it-topografija taż-żona III kienet teskludi t-trażmissjoni diġitali terrestri (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

47      Għalhekk, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku u fuq l-eżistenza ta’ SIEĠ

48      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ta’ natura selettiva għaliex it-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u bit-televiżiv huwa SIEĠ skont il-leġiżlazzjoni Spanjola. Huwa jsostni li l-entitajiet inkwistjoni ma rċevew ebda vantaġġ ekonomiku fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għaliex il-kriterji imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), kienu ġew issodisfatti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqet ebda evalwazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet adottati minnha u li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ SIEĠ. Skont ir-Renju ta’ Spanja, it-TNT kienet l-iktar soluzzjoni effettiva għall-mogħdija mit-televiżjoni analoġika għat-televiżjoni diġitali fiż-żona II f’termini ta’ spiża fi Spanja, fatt li kien irriżulta minn studju ta’ Lulju 2007. Skont l-imsemmi studju, l-ispejjeż tas-soluzzjoni satellitari sabiex il-kopertura tal-popolazzjoni tgħaddi minn 96 % għal 100 % huma ikbar minn dawk tas-soluzzjoni terrestri. Il-Kummissjoni ma wettqitx analiżi fil-fond ta’ dan l-istudju u eżaminat biss il-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco.

49      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja jinvoka l-assenza tan-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni minħabba l-fatt li s-servizz ikkonċernat huwa, fl-opinjoni tiegħu, SIEĠ. Għandu jitfakkar li l-kwistjoni ta’ jekk is-servizz ikkonċernat huwiex SIEĠ tippreżenta kriterju li huwa indipendenti minn dak dwar in-natura selettiva ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, filwaqt li l-kwistjoni ta’ jekk is-servizz ikkonċernat jikkostitwixxix SIEĠ hija element rilevanti fir-rigward tal-kwistjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, in-natura selettiva ta’ miżura tirrigwarda r-rekwiżit li għajnuna mill-Istat għandha tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

50      Filwaqt li r-Renju ta’ Spanja bl-ebda mod ma sostna d-dikjarazzjoni tiegħu li tgħid li l-miżura inkwistjoni ma kinitx tiffavorixxi ċerti impriżi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-parti, huwa jsostni, essenzjalment, li l-miżura inkwistjoni ma kienet tagħti l-ebda vantaġġ ekonomiku lill-benefiċjarji tagħha, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fl-opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku billi qieset li l-erba’ kriterji stabbiliti fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

51      Għandu jitfakkar li, fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li, sa fejn intervent mill-Istat kellu jitqies kumpens li jirrappreżenta l-kontroparti għal servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li fil-verità dawn l-impriżi ma jibbenefikawx minn vantaġġ finanzjarju u li għalhekk l-imsemmi intervent ma kellux l-effett li jpoġġi lil dawn l-impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik ta’ impriżi kompetituri tagħhom, tali intervent ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu ssodisfatti, kumulattivament, erba’ kriterji (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 18 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punti 87 u 88).

52      Mill-premessi 114 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-ewwel u r-raba’ kriterji imposti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kinux issodisfatti f’dan il-każ.

–       Fuq l-ewwel kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar l-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku

53      Skont dan il-kriterju, l-impriża benefiċjarju għandha tkun effettivament inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punt 89).

54      Għandu jiġi osservat li fil-premessi 119 sa 126 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni qieset li l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) ma kienx issodisfatt.

55      Skont il-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata, il-liġi Spanjola ma tispeċifikax li t-tħaddim ta’ netwerk terrestri kien servizz pubbliku. Il-Ley 11/1998, General de Telecomunicaciones (Liġi Ġenerali 11/1998 dwar it-telekomunikazzjonijiet) tal-24 ta’ April 1998 (BOE Nru 99, tal-25 ta’ April 1998, p. 13909, iktar ’il quddiem il-“Liġi 11/1998”) tistabbilixxi li s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, inkluż it-tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv, huma SIEĠ, għalkemm ma għandhomx l-istatus ta’ servizzi pubbliċi, status li huwa rriżervat għal ftit servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari dawk relatati mad-difiża pubblika u l-protezzjoni ċivili kif ukoll it-tħaddim tan-netwerk telefoniku. Il-Ley 32/2003, General de Telecomunicaciones (Liġi Ġenerali 32/2003 dwar it-telekomunikazzjonijiet) tat-3 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 264, tal-4 ta’ Novembru 2003, p. 38890, iktar ’il quddiem il-“Liġi 32/2003” żammet l-istess definizzjoni. Is-servizzi li jitrażmettu għax-xandir televiżiv, jiġifieri t-trażmissjoni tas-sinjali permezz tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, huma meqjusa bħala servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u huma, bħala tali, SIEĠ li ma jikkostitwixxux servizz pubbliku.

56      Skont il-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Spanjola huma teknoloġikament newtrali. L-imsemmija liġi tiddefinixxi t-telekomunikazzjonijiet bħala t-tħaddim tan-netwerks u l-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-faċilitajiet assoċjati. It-telekomunikazzjonijiet huma t-trażmissjoni ta’ sinjali permezz ta’ kwalunkwe netwerk ta’ xandir u mhux biss permezz tan-netwerk terrestri. Barra minn hekk, din il-liġi tispeċifika li wieħed mill-għanijiet tagħha huwa li tinkoraġixxi, sa fejn possibbli, in-newtralità teknoloġika fil-leġiżlazzjoni.

57      Skont il-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata, għalkemm il-liġi fis-seħħ u applikabbli fiż-żmien tat-trasferiment tal-fondi kienet tiddefinixxi x-xandir pubbliku bħala servizz pubbliku, ma huwiex possibbli li din id-definizzjoni tiġi estiża għat-tħaddim ta’ pjattaforma ta’ appoġġ partikolari. Barra minn hekk, fejn jeżistu diversi pjattaformi ta’ trażmissjoni, ma jistax jitqies li pjattaforma waħda partikolari hija essenzjali għat-trażmissjoni tas-sinjali tax-xandir. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-liġi Spanjola tistabbilixxi li l-użu ta’ ċerta pjattaforma għat-trażmissjoni tas-sinjali ta’ xandir jikkostitwixxi servizz pubbliku, kien jikkostitwixxi żball manifest.

58      Barra minn hekk, fil-premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ċaħdet l-argument li jgħid li t-tħaddim tan-netwerks terrestri kien ġie ddefinit bħala servizz pubbliku fil-ftehimiet interistituzzjonali konklużi mal-Gvern tal-País Vasco, mal-assoċjazzjoni tal-kunsilli tal-País Vasco u mat-tliet Gvernijiet provinċjali tal-País Vasco.

59      Fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, billi għamlet riferiment għall-premessi 119 sa 122 ta’ din id-deċiżjoni, li la r-Renju ta’ Spanja u lanqas l-awtoritajiet tal-País Vasco ma kienu ddefinixxew bi preċiżjoni t-tħaddim ta’ pjattaforma terrestri inkwantu servizz pubbliku.

60      Għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-kunċett ta’ servizz pubbliku fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), il-partijiet ma jikkontestawx li dan jikkorrispondi għall-kunċett ta’ SIEĠ fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra, EU:T:2008:29, punt 162, u tas-16 ta’ Lulju 2014, Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il‑Kummissjoni, T‑309/12, EU:T:2014:676, punt 132).

61      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jqisu bħala SIEĠ u, konsegwentement, id-definizzjoni ta’ dawn is-servizzi minn Stat Membru tista’ tiġi kkontestata mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il‑Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra, EU:T:2005:218, punt 216; tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra, EU:T:2008:457, punt 101, u tas-6 ta’ Ottubru 2009, FAB vs Il-Kummissjoni, T‑8/06, EU:T:2009:386, punt 63). Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni armonizzata tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-Kummissjoni la hija awtorizzata tiddeċiedi dwar il-portata tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku fdati lill-operatur pubbliku, jiġifieri l-livell tal-ispejjeż marbuta ma dan is-servizz, la fuq kemm huma xierqa l-għażliet politiċi magħmula, f’dan ir-rigward, mill-awtoritajiet nazzjonali, u lanqas fuq l-effettività ekonomika tal-operatur pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, Ġabra, EU:T:1997:23, punt 108, u tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 vs Il‑Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, Ġabra, EU:T:2010:272, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali allegat mat-Trattati UE u FUE jirriżulta li l-valuri komuni tal-Unjoni fir-rigward tas-SIEĠ fis-sens tal-Artikolu 14 TFUE jinkludu b’mod partikolari r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummisjonaw u jorganizzaw is-SIEĠ b’mod li jissodisfa kemm jista’ jkun il-bżonnijiet tal-utenti.

62      Għaldaqstant, is-setgħa tal-Istat Membru li jiddefinixxi s-SIEĠ ma hijiex mingħajr limiti u ma tistax tiġi eżerċitata arbitrarjament biss sabiex settur partikolari jkun jista’ jevita l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, punt 60 iktar ’il fuq, EU:T:2008:29, punt 168). Sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat SIEĠ, is-servizz inkwistjoni għandu jkollu interess ekonomiku ġenerali li jkollu karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma dawk ta’ attivitajiet oħra tal-ħajja ekonomika (sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, Ġabra, EU:C:1991:464, punt 27, u tas-17 ta’ Lulju 1997, GT-Link, C‑242/95, Ġabra, EU:C:1997:376, punt 53).

63      Il-portata tal-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-definizzjoni minn Stat Membru ta’ servizz bħala SIEĠ jista’ jiġi kkontestat mill-Kummissjoni biss fil-każ ta’ żball manifest. Madankollu dan l-istħarriġ għandu jiżgura l-osservanza ta’ ċerti kriterji minimi li jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att tal-awtorità pubblika li jinkariga lill-operaturi inkwistjoni b’missjoni ta’ SIEĠ, kif ukoll in-natura universali u mandatorja ta’ din il-missjoni (ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni, T‑137/10, Ġabra, EU:T:2012:584, punti 100 u 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/842/KE, tat-28 ta’ Novembru 2005, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu [106(2) TFUE] rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 327M, 5.12.2008, p. 488), ir-responsabbiltà tat-tħaddim tas-SIEĠ għandha tkun fdata lill-impriża kkonċernata permezz ta’ atti uffiċjali wieħed jew iktar, fil-forma li tista’ tkun stabbilita minn kull Stat Membru, fejn dawn l-atti għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari n-natura u l-perijodu ta’ validità tal-obbligi ta’ servizz pubbliku u l-impriżi u t-territorju involuti.

64      F’dan il-każ, Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li s-servizz inkwistjoni ma kienx jikkostitwixxi SIEĠ fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Huwa jsostni li kien hemm nuqqas fis-suq minħabba l-fatt li x-xandara ma kinux lesti li jsostnu spejjeż addizzjonali għal estensjoni tan-netwerks fiż-żona II. Il-fatt li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni ma tistipulax espliċitament li s-servizz inkwistjoni huwa servizz pubbliku ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli twettaq evalwazzjoni tas-servizz inkwistjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet adottati minna u li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ SIEĠ, iktar u iktar peress li din il-liġi tikkwalifika s-servizz inkwistjoni bħala servizz ta’ importanza ġenerali. Matul is-seduta, ir-Renju ta’ Spanja speċifika li l-operaturi kkonċernati kienu ġew inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku permezz tal-atti kollha tal-awtoritajiet Spanjoli, u b’mod partikolari permezz tal-kuntratti pubbliċi konklużi bejn dawn tal-aħħar u l-imsemmija operaturi.

65      Dan l-argument ma jurix li l-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat, fil-premessi 119 sa 122 u 172 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-servizz inkwistjoni, jiġifieri t-tnedija, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerk tat-TNT fiż-żona II, ma kienx ġie ddefinit bi preċiżjoni bħala servizz pubbliku fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

66      Fil-fatt, ċertament, is-servizz ta’ tħaddim ta’ netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv ġie kklassifikat mill-Istat Spanjol bħala servizz ta’ importanza ġenerali, skont l-Artikolu 2 tal-Liġijiet 11/1998 u 32/2003, prodotti mill-Kummissjoni insegwitu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħhom.

67      Madankollu, mill-Artikolu 2 tal-Liġijiet 11/1998 u 32/2003 jirriżulta li din il-klassifikazzjoni tirrigwarda s-servizzi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi n-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv. Issa, is-sempliċi fatt li servizz huwa indikat bħala li huwa ta’ interess ġenerali fid-dritt nazzjonali ma jimplikax li kull operatur li jwettqu huwa inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku ddefiniti b’mod ċar fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415). Li kieku dan kien il-każ, is-servizzi kollha ta’ telekomunikazzjonijiet fi Spanja jkollhom in-natura ta’ SIEĠ fis-sens ta’ din is-sentenza, u dan bl-ebda mod ma jirriżulta minn dawn il-liġijiet. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tal-Liġi 32/2003 jistipula espliċitament li s-servizzi ta’ interess ġenerali fis-sens ta’ din il-liġi għandhom jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera. Issa, il-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala SIEĠ fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) teżiġi li r-responsabbiltà għall-ġestjoni tagħha tiġi fdata lil ċerti impriżi.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta eżaminat, fil-premessi 119 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415) kienx issodisfatt f’dak li jirrigwarda s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks terrestri u mhux f’dak li jirrigwarda s-servizz ta’ tħaddim tan-netwerks ta’ xandir bir-radju u televiżiv, kif isostnu r-rikorrenti. F’dan ir-rigward, mill-premessa 120 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 32/2003 huma kkaratterizzati min-newtralità teknoloġika tagħhom u li t-telekomunikazzjonijiet kienu t-trażmissjoni ta’ sinjali permezz ta’ kull netwerk ta’ xandir u mhux permezz tan-netwerk terrestri b’mod partikolari, fatt li ma ġiex ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja. Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet tal-liġi Spanjola, ma jistax jiġi deċiż li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat fil-premessi 119 u 122 ta’ din id-deċiżjoni li, fl-imsemmija liġi, it-tħaddim ta’ netwerk terrestri ma kienx iddefinit bħala servizz pubbliku fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

69      F’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-operaturi kkonċernati ġew inkarigati mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku permezz tal-atti kollha tal-awtoritajiet Spanjoli u b’mod partikolari permezz tal-kuntratti pubbliċi konklużi bejn dawn tal-aħħar u l-imsemmija operaturi, lanqas dan ma jista’ jiġi milqugħ.

70      Fil-fatt, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għall-fatt li l-programm nazzjonali favur il-mogħdija għat-TNT, adottat mill-Kabinett Spanjol fis-7 ta’ Settembru 2007, stabbilixxa bħala għan l-ilħuq ta’ kopertura tal-popolazzjoni Spanjola mis-servizz ta’ TNT analoga għall-kopertura tal-imsemmija popolazzjoni permezz tat-televiżjoni analoġika fl-2007, jiġifieri iktar minn 98 % ta’ din il-popolazzjoni (ara l-punt 4 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, permezz ta’ dan il-programm, l-ebda operatur ma ġie inkarigat mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.

71      Fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi konklużi bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-operaturi kkonċernati, huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, il-mandat li jagħti l-missjoni ta’ servizz pubbliku jista’ wkoll ikopri atti li jirriżultaw minn ftehim, sakemm dawn ikunu ġejjin mill-awtorità pubblika u jkunu mandatorji, a fortiori meta tali atti jikkonkretizzaw l-obbligi imposti mil-leġiżlazzjoni (ara s-sentenza CBI vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2012:584, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, f’dan il-każ, Ir-Renju ta’ Spanja ma pprovda ebda kuntratt insostenn tad-dikjarazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li servizz huwa s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku ma jagħtix lil dan is-servizz awtomatikament, u mingħajr ebda preċiżazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet kkonċernati, il-kwalità ta’ SIEĠ fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415).

72      F’dak li jirrigwarda l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni esposti fil-premessi 123 u 124 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li lanqas il-ftehimiet interistituzzjonali konklużi bejn il-Gvern tal-País Vasco, l-assoċjazzjoni tal-kunsilli tal-País Vasco u t-tliet Gvernijiet provinċjali tal-País Vasco ma jiddefinixxu t-tħaddim tan-netwerk terrestri bħala servizz pubbliku, dawn ma ġewx ikkontestati mir-Renju ta’ Spanja.

73      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Spanjoli fl-ebda mument ma kienu f’pożizzjoni li jiddeterminaw liema obbligi ta’ servizz pubbliku kienu ġew fdati f’idejn l-operaturi tan-netwerks tat-TNT, kemm jekk mil-liġi Spanjola, kemm jekk mill-ftehimiet ta’ tħaddim, u lanqas ma pproduċew prova ta’ dan.

74      Fl-aħħar nett, mill-premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, il-fatt li t-tħaddim ta’ pjattaforma ta’ appoġġ partikolari, f’dan il-każ it-tħaddim tal-pjattaforma terrestri, jiġi ddefinit bħala servizz pubbliku kien ikun jikkostitwixxi żball manifest tal-awtoritajiet Spanjoli, u dan minħabba li ladarba jeżistu diversi pjattaformi ta’ trażmissjoni, ma jkunx possibbli li jitqies li waħda minnhom hija b’mod partikolari essenzjali għat-trażmissjoni tas-sinjali ta’ xandir (ara l-punt 57 iktar ’il fuq), fatt li ma ġiex ikkontestat mir-Renju ta’ Spanja.

75      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li, fl-assenza ta’ definizzjoni ċara tas-servizz ta’ tħaddim ta’ netwerk terrestri bħala servizz pubbliku, l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), ma kienx issodisfatt.

76      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-argumenti l-oħra mqajma mir-Renju ta’ Spanja.

77      Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni b’mod żbaljat illimitat ruħha li teżamina esklużivament il-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni, fil-premessi 119 u 120 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Liġijiet 11/1998 u 32/2003 li l-validità tagħhom ma hijiex limitata għall-imsemmija komunità awtonoma. Min-naħa l-oħra, mill-premessa 114 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, skont l-awtoritajiet Spanjoli, kienu l-komunitajiet awtonomi li kellhom jinvokaw l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat b’mod konformi mas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), u li, bħala l-aħjar u l-uniku eżempju, l-imsemmija awtoritajiet ippreżentaw l-imsemmi każ. Skont din il-premessa, l-ebda komunità awtonoma oħra ma ppreżentat argument li jista’ juri li t-tħaddim tan-netwerk terrestri kien servizz pubbliku. Ir-Renju ta’ Spanja ma jistax għalhekk jikkritika lill-Kummissjoni talli ffokat l-eżami tagħha fuq il-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta adottatha (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra, EU:C:2008:224, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, sa fejn il-Kummissjoni ma wettqet ebda evalwazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet adottati minnha u li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ SIEĠ, hija ma osservatx il-paragrafu 47 tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, C 8, p. 4). Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li fl-imsemmi paragrafu l-Kummissjoni speċifikat li l-impriżi li jassumu l-ġestjoni ta’ SIEĠ kienu impriżi inkarigati b’missjoni partikolari u li, bħala regola ġenerali, missjoni ta’ servizz pubbliku partikolari timplika l-provvista ta’ servizz li operatur, jekk iqis biss l-interess kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumihx bl-istess mod jew taħt l-istess kundizzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżistenza ta’ SIEĠ minħabba l-assenza ta’ nuqqas ta’ suq, iżda kkonstatat li s-servizz inkwistjoni ma kienx iddefinit b’mod ċar bħala servizz pubbliku fis-sens tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415). Ir-rekwiżit li jgħid li l-missjoni ta’ SIEĠ għandha tiġi ddefinita mill-Istat Membru sabiex jiġi ssodisfatt l-ewwel kriterju ta’ din is-sentenza huwa wkoll indikat f’dan il-paragrafu. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ suq hija insuffiċjenti sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ SIEĠ.

–       Fuq ir-raba’ kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar il-garanzija ta’ inqas spiża għall-kollettività

79      Skont dan il-kriterju, meta l-għażla tal-impriża li għandha tiġi inkarigata mill-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, f’każ konkret, ma ssirx fil-kuntest ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li tippermetti li jintgħażel il-kandidat li jista’ jipprovdi dawn is-servizzi bl-inqas spiża għall-kollettività, il-livell tal-kumpens neċessarju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħammra b’mod xieraq sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, kienet tinkorri sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul relatat magħhom kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq, EU:C:2003:415, punt 93).

80      Fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li, fid-dawl tal-fatt li ma kienet saret l-ebda sejħa għal offerti, l-awtoritajiet tal-País Vasco kienu qed isostnu li dan il-kriterju kien issodisfatt, għaliex l-impriża pubblika tal-Gvern tal-País Vasco u li kienet tipprovdi s-servizzi ta’ trażmissjoni u ta’ kopertura ta’ xandir bir-radju u televiżiv, kienet impriża amministrata tajjeb u mgħammra b’mod xieraq biex twettaq l-obbligi meħtieġa. Billi bbażaw ruħhom fuq studju li jipparaguna l-ispejjeż, li ma ġiex ikkomunikat lilha, l-awtoritajiet tal-País Vasco qiesu li l-infrastruttura satellitari kienet tkun tinvolvi spiża ikbar mill-modernizzazzjoni tan-netwerk terrestri tal-impriża pubblika inkwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li, sabiex il-kriterju inkwistjoni jiġi ssodisfatt, paragun mat-teknoloġija satellitari ma huwiex biżżejjed sabiex juri li din l-impriża pubblika kienet impriża effikaċi, peress li anki operaturi terrestri oħra setgħu jipprovdu dan is-servizz b’inqas spiża. Għalhekk hija ddeċidiet li r-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), ma kienx issodisfatt fil-każ tal-komunità awtonoma tal-País Vasco.

81      Ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment jillimita ruħu li jsostni li, b’paragun mal-pjattaforma satellitari, il-pjattaforma terrestri kienet l-iktar soluzzjoni effikaċi f’termini ta’ spejjeż, għaliex l-infrastruttura kienet diġà teżisti għat-televiżjoni terrestri analoġika, u dan intwera fi studju bid-data ta’ Lulju 2007. Għalhekk huwa ma jikkontestax il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li paragun mat-teknoloġija satellitari ma hijiex biżżejjed biex turi li l-impriża pubblika inkwistjoni fil-País Vasco kienet impriża effikaċi, peress li anki operaturi terrestri oħra setgħu jipprovdu s-servizz ikkonċernat b’inqas spiża.

82      Konsegwentement, Ir-Renju ta’ Spanja ma weriex li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonstatat li r-rekwiżiti tar-raba’ kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), ma kinux issodisfatti.

83      F’kull każ, peress li l-kriterji imposti mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), huma kumulattivi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li wieħed biss minn dawn il-kriterji ma kienx issodisfatt sabiex tkun tista’ ġustament tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku.

84      Għalhekk, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

85      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball fl-analiżi tagħha tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni meta qieset, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjattaformi terrestri u satellitari kienu joperaw fl-istess suq. Huwa jsostni, minn naħa, li s-servizzi ta’ televiżjoni diġitali satellitari huma servizzi bi ħlas, filwaqt li l-aċċess għas-servizzi tat-TNT huwa bla ħlas. Min-naħa l-oħra, il-Comisión del mercado de la telecomunicaciones (il-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet Spanjola) iddeċidiet, fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Frar 2006, li kien hemm lok li mis-suq tas-servizz ta’ mezzi ta’ xandir ta’ televiżjoni b’sinjali terrestri jiġi eskluż is-servizzi ta’ mezzi ta’ xandir ta’ sinjali tat-televiżjoni u tar-radju bis-satellita. Barra minn hekk, fiż-żona II, ma hemmx kompetizzjoni, peress li din ma toffri l-ebda attrazzjoni għall-operaturi tan-netwerk.

86      Għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-pjattaformi terrestri u satellitari kienu preżenti fl-istess suq. Hija sostniet din il-konklużjoni, fil-premessi 131 sa 137 tal-imsemmija deċiżjoni, billi semmiet seba’ elementi differenti. Fl-aħħar nett, fil-premessa 138 ta’ din id-deċiżjoni, hija ddeċidiet li, fid-dawl tal-fatt li l-pjattaformi ta’ xandir satellitari u terrestri kienu kompetituri, il-miżura intiża għat-tnedija, għat-tħaddim u għall-manutenzjoni tat-TNT fiż-żona II kienet tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ pjattaformi. Hija ssostni li pjattaformi oħra, b’mod partikolari t-televiżjoni bl-internet huma żvantaġġati bil-miżura inkwistjoni.

87      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkonfutati mill-argumenti tar-Renju ta’ Spanja.

88      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tistabbilixxi effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda hija obbligata biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra, EU:C:2005:774, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, Ġabra, EU:C:2011:368, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, Ġabra, EU:C:2013:288, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla mal-pożizzjoni ta’ impriżi oħra kompetituri tagħha fil-kummerċ fl-Unjoni, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala affettwati (ara s-sentenzi Unicredito Italiano, punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:2005:774, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Libert et, punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:2013:288, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-fatt li l-pjattaformi terrestri u satellitari ma kinux joperaw fl-istess suq huwa pprovat mill-fatt li s-servizzi ta’ televiżjoni diġitali satellitari huma servizzi bi ħlas, filwaqt li l-aċċess għas-servizzi tat-TNT huwa bla ħlas, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tiddikjara l-Kummissjoni, fuq il-livell teknoloġiku, iż-żewġ pjattaformi jistgħu jservu bħala mezz għal offerti ta’ televiżjoni bla ħlas jew bi ħlas. Barra minn hekk, il-proprjetarji ta’ liċenzji ta’ trażmissjoni bit-TNT fi Spanja setgħu jittrażmetti kanali bi ħlas u l-offerta tat-TNT Spanjola tista’ tinkludi kemm kanali bi ħlas kif ukoll kanali bla ħlas. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

91      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tal-Comisión del mercado de la telecomunicaciones invokati mir-Renju ta’ Spanja, dawn ma jistgħux jikkonfutaw il-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, Ir-Renju ta’ Spanja la speċifika l-każ li fih din il-kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet tagħha u lanqas ir-raġunijiet li għalihom hija ddeċidiet, f’dan il-każ, li l-pjattaformi terrestri u satellitari ma kinux joperaw fl-istess suq.

92      It-tielet nett, anki l-argument dwar l-assenza ta’ kompetizzjoni fiż-żona II għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni fl-imsemmija żona hija b’mod partikolari evidenzjata mill-fatt li operatur ta’ pjattaforma satellitari pparteċipa f’sejħa għal offerti għall-estensjoni tal-kopertura ta’ televiżjoni diġitali f’Cantabria, hekk kif osservat il-Kummissjoni fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, diġà ġie deċiż li kienet teżisti kompetizzjoni bejn il-pjattaformi terrestri u satellitari (sentenzi FAB vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, EU:T:2009:386, punt 55, u tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il‑Kummissjoni, T‑177/07, Ġabra, EU:T:2010:233, punt 97).

93      Konsegwentement, it-tielet parti ta’ dan il-motiv u għalhekk il-motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat sussidjarjament fuq ksur tal-Artikolu 106(2) u tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE

94      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, sussidjarjament, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 106(2) u l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. F’dan ir-rigward, huwa jiddikjara li l-Kummissjoni invertiet l-oneru tal-prova, sa fejn hija ma wrietx b’mod ċar li l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika kien inkiser. Fl-opinjoni tiegħu, il-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-metodu ta’ estrapolazzjoni li hija kienet użat sabiex tiddeċiedi li l-parti l-kbira tas-sejħiet għal offerti ma kinitx teknoloġikament newtrali. Il-Kummissjoni lanqas ma ġġustifikat il-metodoloġija statistika applikata b’tali mod li ma huwiex possibbli li jsir magħruf għal liema sejħiet għal offerti speċifiċi hija qed tagħmel riferiment fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 tad-deċiżjoni kkontestata. Il-kampjun magħżul mill-Kummissjoni ma huwiex rappreżentattiv. Skont ir-Renju ta’ Spanja, it-teknika ta’ estrapolazzjoni ntużat b’mod arbitrarju, b’abbuż tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Kummissjoni kellha.

95      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li fil-premessa 172 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ċaħdet il-ġustifikazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni billi qieset li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux iddefinixxew bi preċiżjoni t-tħaddim ta’ pjattaforma terrestri bħala servizz pubbliku. F’dan ir-rigward il-Kummissjoni għamlet riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-ewwel kriterju tas-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar l-assenza ta’ definizzjoni ta’ SIEĠ.

96      Peress li l-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar l-eżistenza ta’ SIEĠ diġà ġie miċħud u peress li dan l-Istat Membru ma ppreżenta l-ebda argument supplimentari fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 106(2) TFUE.

97      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-derogi mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, stipulat fl-Artikolu 107(1) TFUE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑277/00, Ġabra, EU:C:2004:238, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni, C‑67/09 P, Ġabra, EU:C:2010:607, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. L-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni kif ukoll għall-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti użati u tal-assenza ta’ żball ta’ liġi, ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑351/98, Ġabra, EU:C:2002:530, punt 74, u tad-29 ta’ April 2004, l-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑372/97, Ġabra, EU:C:2004:234, punt 83).

99      Għandu wkoll jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni ruħha milli tistħarreġ l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tat tad-data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-kooerenza tagħhom iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu d-deċiżjonijiet adottati abbażi tagħhom. Madankollu, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-każijiet fejn istituzzjoni Komunitarja jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza ta’ ċerti garanziji proċedurali huwa ta’ importanza fundamentali. Skont il-ġurisprudenza fost dawn il-garanziji hemm l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, Ġabra, EU:C:2007:698, punti 56 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni għandha tmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli biex tagħmel dan (ara s-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑559/12 P, Ġabra, EU:C:2014:217, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jirrendu improbabbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti użati fid-deċiżjoni (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra, EU:T:1996:195, punt 59, u FAB vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, EU:T:2009:386, punt 78).

101    F’dan il-każ, mill-premessi 148 sa 171 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx titqies kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, għaliex, fl-opinjoni tagħha, il-miżura inkwistjoni ma kinitx tosserva l-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, ma kinitx proporzjonali u ma kinitx tikkostitwixxi strument xieraq sabiex tiġi ggarantita l-kopertura tal-kanali FTA lir-residenti taż-żona II. F’dan ir-rigward, fil-premessa 155 tal-imsemmija deċiżjoni, hija kkonstatat li l-parti l-kbira tas-sejħiet għal offerti ma kinitx teknoloġikament newtrali, peress li dawn kienu jagħmlu riferiment għat-teknoloġija terrestri u għat-TNT. F’dan il-kuntest, hija għamlet riferiment għad-deskrizzjoni tal-għajnuna inkwistjoni li tinsab fil-premessi 23 sa 36 ta’ din id-deċiżjoni.

102    Fil-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li fil-maġġoranza tas-sejħiet għall-offerti, l-awtoritajiet organizzattivi jagħmlu espliċitament riferiment, fid-definizzjoni nnifisha tas-suġġett tas-sejħa għal offerti, jew impliċitament, fid-deskrizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew tat-tagħmir li għandu jiġi ffinanzjat, għat-teknoloġija terrestri u għat-TNT. Fil-ftit każijiet fejn tissemma espliċitament it-teknoloġija satellitarja, dawn jirrigwardaw id-dixxijiet tas-satellita għar-riċeviment tas-sinjal tas-satellita installati fuq it-torrijiet fuq l-art jew għat-tagħmir għall-aċċess għat-televiżjoni diġitali fiż-żona III. Skont il-Kummissjoni huma ftit ħafna dawk is-sejħiet għal offerti intiżi għall-estensjoni li kienu teknoloġikament newtrali u li ma kinux jeskludu teknoloġiji oħrajn għajr it-TNT.

103    F’dan ir-rigward, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li, mill-516-il sejħa għal offerti magħmula mir-reġjuni kollha, ħlief għall-komunità awtonoma ta’ Castille-La-Manche, hija kienet analizzat 82, fosthom 17 marbuta mal-estensjoni u 65 marbuta mal-provvista. Kienu biss disa’ minn fosthom li ġew meqjusa teknoloġikament newtrali, jiġifieri tliet sejħiet għal offerti għall-estensjoni f’Castilla y León (Spanja) u sitt sejħiet għal offerti għall-provvista, fosthom ħamsa fil-Gżejjer Kanarji (Spanja) u waħda f’Cantabria.

104    Meta ddeċidiet, abbażi ta’ dan il-kampjun, li l-miżura inkwistjoni kienet ivvizzjata minn nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, il-Kummissjoni la wettqet żball manifest u lanqas ma invertiet l-oneru tal-prova fir-rigward tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju. Hija ma kinitx obbligata tipprovdi iktar dettalji f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, hija tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk din l-iskema hijiex xierqa sabiex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet imfittxa mill-Artikolu 107(3) TFUE. Għalhekk, f’deċiżjoni dwar tali skema, hija ma hijiex obbligata li twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra, EU:C:2002:143, punti 89 u 91; Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il‑Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:2011:368, punt 63, u tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, Ġabra, EU:C:2013:387, punt 114).

105    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-Kummissjoni ma kellhiex tillimita ruħha li tanalizza kampjun ta’ sejħiet għal offerti, iżda kellha tidentifika s-sejħiet għal offerti kollha kkonċernati fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod ġenerali u astratt fuq skema ta’ għajnuna mill-Istat, li hija tiddikjara inkompatibbli mas-suq intern u tordna l-irkupru tal-ammonti rċevuti abbażi ta’ din l-iskema, huwa l-Istat Membru li għandu jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata minn tali operazzjoni ta’ rkupru (sentenza Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, punt 88 iktar ’il fuq, EU:C:2011:368, punt 64).

106    Anqas l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-kampjun ma kienx suffiċjentement sinjifikattiv minħabba l-fatt li, mit-82 il-sejħa għal offerti analizzati mill-Kummissjoni, 65 kienu sejħiet għal offerti għal provvista li ma humiex affettwati mid-deċiżjoni kkontestata, ma jista’ jiġi milqugħ. Fil-fatt, f’dan il-każ is-17-il sejħa għal offerti għall-estensjoni tan-netwerk analizzati mill-Kummissjoni jirrappreżentaw, f’kull każ, kampjun suffiċjentement sinjifikattiv fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-proċedura amministrattiva kienet tikkonċerna sittax-il komunità awtonoma fi Spanja.

107    Fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-metodu ta’ estrapolazzjoni użat sabiex tasal għad-deċiżjoni li l-parti l-kbira tas-sejħiet għal offerti ma kinux teknoloġikament newtrali, għandu jiġi osservat, bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, li l-Kummissjoni ma wettqitx estrapolazzjoni meta qieset li l-irregolaritajiet ikkonstatati permezz tal-kampjun kienu jirriproduċu ruħhom fi Spanja kollha. Il-Kummissjoni llimitat ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u ġustament ma ddeċidietx li, fid-dawl tal-fatt li s-sejħiet għal offerti analizzati ma kinux jirrispettaw il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, is-sejħiet għal offerti kollha relatati mat-tħaddim tan-netwerk tat-TNT ma kinux josservaw dan il-prinċipju, u dan huwa b’mod partikolari rifless fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 u l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-Renju ta’ Spanja għandu jirkupra biss, mingħand l-operaturi tat-TNT, l-għajnuna li ngħatat f’nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3)(a) tal-imsemmija deċiżjoni, ir-Renju ta’ Spanja huwa obbligat li jikkomunika lill-Kummissjoni l-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna abbażi tal-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u l-ammont totali ta’ għajnuna rċevuta minn kull wieħed minnhom, b’mod konformi mal-imsemmija skema, maqsuma skont il-kategoriji indikati fil-punt 6.2 tal-istess deċiżjoni.

108    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-Renju ta’ Spanja li kellu, sabiex jaqdi d-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jipproduċi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu li din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga mitluba minnu kienu ssodisfatti (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra, EU:T:2005:219, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata), ma ppruvax li, apparti d-disa’ sejħiet għal offerti li l-Kummissjoni qieset li kienu teknoloġikament newtrali, sejħiet għal offerti oħra kienu jissodisfaw ukoll dan il-kriterju. Il-Kummissjoni pprovdiet, fil-premessi 182 sa 197 tad-deċiżjoni kkontestata, elementi li jippermettu li s-sejħiet għal offerti jiġu kklassifikati bħala teknoloġikament newtrali. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja ma pproduċiex provi suffiċjenti sabiex jirrendu improbabbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni.

109    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, fl-ittra tad-9 ta’ Diċembru 2013 li hija bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli matul il-fażi ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni ma ammettietx li kienet qieset b’mod żbaljat li sitt sejħiet għal offerti kienu newtrali. Fil-fatt, fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni sempliċiment speċifikat li s-sejħiet għal offerti relatati mal-provvista ta’ tagħmir ma kinux suġġetti għall-obbligu ta’ rkupru, u dan jirriżulta wkoll mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija fid-dawl tal-premessi 110, 111 u 185 ta’ din id-deċiżjoni.

110    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li l-Kummissjoni ma indikatx bi preċiżjoni t-82 sejħa għal offerti li hija kienet analizzat, huwa essenzjalment isostni li kien hemm ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni awtriċi tal-att, b’mod li, minn naħa, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità u, min-naħa l-oħra, li l-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u biex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tiegħu u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw il-kwistjoni. (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra, EU:C:1998:154, punt 63, u tat-3 ta’ Marzu 2010, Freistaat Sachsen et vs Il‑Kummissjoni, T‑102/07 u T‑120/07, Ġabra, EU:T:2010:62, punt 180). F’dan il-każ, sa fejn l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew id-data kollha dwar is-sejħiet għal offerti inkwistjoni u sa fejn fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni speċifikat il-kriterji li jippermettu li s-sejħiet għal offerti kkonċernati jiġu kklassifikati teknoloġikament newtrali, il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kienet ċara biżżejjed sabiex tippermetti li r-Renju ta’ Spanja jifhem ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżura adottata u li l-qorti tal-Unjoni twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità.

111    Għalhekk, l-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar allegat ksur tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE għandu jiġi miċħud.

112    Konsegwentement, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali

113    Ir-Renju ta’ Spanja jallega li l-Kummissjoni kisret regoli proċedurali sa fejn, l-ewwel nett, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li huwa kien ipproduċa, it-tieni nett, l-istruttorja tal-proċedura amministrattiva ma kinitx koerenti, it-tielet nett, kien hemm dewmien eċċessiv u bidliet tal-persuna inkarigata mill-istruttorja matul din il-proċedura u, ir-raba’ nett, kien hemm nuqqas ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità fil-kuntest tal-istruttorja kollha matul il-proċedura ta’ investigazzjoni.

114    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument u ssostni li, peress li r-Renju ta’ Spanja ma semma ebda dispożizzjoni proċedurali li ġiet miksura, dan il-motiv huwa inammissibbli.

115    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tat-2 ta’ Mejju 1991, ir-rikors għandu jinkludi sunt tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed li tippermetti li l-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u li l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi dwar ir-rikors. Għandu jitfakkar ukoll li rikorrent ma huwiex obbligat li jindika espliċitament il-liġi speċifika li fuqha huwa bbażat l-ilment tiegħu, sakemm l-argument tiegħu jkun suffiċjentement ċar li jippermetti li l-parti l-oħra u l-qorti tal-Unjoni jkunu jistgħu jidentifikaw din il-liġi mingħajr diffikultà [ara s-sentenza tal-20 ta’ Frar 2013, Caventa vs UASI – Anson’s Herrenhaus (BERG), T‑224/11, EU:T:2013:81, punti 14 u 15 u l-ġurisprudenza ċċitata].

116    F’dan il-każ, l-argument tar-Renju ta’ Spanja jissodisfa dawn ir-rekwiżiti u huwa għalhekk ammissibbli. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li fl-argument tiegħu r-Renju ta’ Spanja għamel diversi drabi riferiment għall-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. Min-naħa l-oħra, l-ilmenti dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ punti ta’ fatt, dwar l-assenza ta’ koerenza, dwar it-tul eċċessiv tal-proċedura u dwar l-assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità jirrigwardaw, essenzjalment, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Għalhekk, mir-rikors jirriżulta suffiċjentement skont il-liġi li r-Renju ta’ Spanja jallega ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba mwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami li hija wettqet tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija ġurisprudenza stabbilita sew li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju teżiġi li l-Kummissjoni twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-miżura inkwistjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2009, Holland Malt vs Il-Kummissjoni, T‑369/06, Ġabra, EU:T:2009:319, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi

117    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi kollha dwar il-paragun tal-ispejjeż marbuta mal-pjattaformi terrestri u satellitari.

118    L-ewwel nett, Ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li l-Kummissjoni naqset, mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni valida f’dan ir-rigward, milli tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata r-rapport dwar l-ispejjeż ta’ riferiment tal-proċess ta’ universalizzazzjoni tat-TNT fi Spanja redatt f’Lulju 2007 mill-awtoritajiet Spanjoli, rapport li jesponi ex ante l-effiċjenza ikbar tat-TNT meta mqabbel mal-pjattaforma satellitari.

119    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, mill-premessi 52 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni r-rapport imsemmi fil-punt 118 iktar ’il fuq. Il-premessa 52 tal-imsemmija deċiżjoni tinkludi s-sunt ta’ dan ir-rapport redatt mill-awtoritajiet Spanjoli. Fil-premessa 156 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eżaminat l-imsemmi rapport. F’dan ir-rigward, hija indikat li r-rapport inkwistjoni ma kienx prova suffiċjenti tas-superjorità tal-pjattaforma terrestri meta mqabbla mal-pjattaforma satellitari. Hija ssostni li r-rapport inkwistjoni kien jikkonkludi, bil-kontra ta’ dan, li l-għażla ta’ soluzzjoni teknoloġika partikolari għall-estensjoni tal-kopertura kellha tiġi analizzata reġjun b’reġjun, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti topografiċi u demografiċi speċifiċi għall kull wieħed minnhom. Hija qieset li għalhekk l-istess rapport kien iktar jenfasizza n-neċessità li tiġi organizzata sejħa għal offerti newtrali mill-perspettiva teknoloġika sabiex tiġi ddeterminata l-iktar pjattaforma xierqa.

120    Għandu jiġi osservat li mill-punt 6 tar-rapport, imsemmi fil-punt 118 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli kienu qed janalizzaw żewġ xenarji possibbli, jiġifieri l-estensjoni tal-kopertura tal-popolazzjoni minn 98 % għal 100 % u l-estensjoni tal-kopertura tal-popolazzjoni minn 96 % għal 100 %. L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ xenarji ma kien jikkorrispondi għall-estensjoni tal-kopertura tal-popolazzjoni minn 96 % għal 98.5 %. Barra minn hekk, skont il-konklużjonijiet tal-imsemmi rapport relatati ma dawn iż-żewġ xenarji, kien probabbli li l-iktar soluzzjoni finali xierqa tkun dik li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni taż-żewġ alternattivi, jiġifieri l-pjattaformi terrestri u satellitari, fejn soluzzjoni jew oħra tingħażel skont il-każ abbażi tal-kundizzjonijiet u taċ-ċirkustanzi tal-lokalizzazzjoni fiżika tal-popolazzjoni li fir-rigward tagħha kellha tiġi estiża l-kopertura. Ikun impossibbli li tiġi prevista l-proporzjoni li fiha kull alternattiva għandha tikkontribwixxi għas-soluzzjoni finali jekk qabel ma jitwettaqx studju fid-dettall skont kull komunità awtonoma li jieħu inkunsiderazzjoni l-orografija tal-art, it-tqassim territorjali tal-popolazzjoni u s-sitwazzjoni eżistenti tan-netwerk ta’ xandir bit-televiżjoni. Għalhekk, hekk kif tiddikjara l-Kummissjoni, ir-rapport inkwistjoni bl-ebda mod ma jikkonkludi favur it-teknoloġija terrestri fil-kuntest taż-żona II. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni ma qisitx li dan ir-rapport ma kienx tfassal minn espert indipendenti.

121    It-tieni nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li l-Kummissjoni ma ordnatx li ssir analiżi separata dwar l-ispejjeż tad-diversi soluzzjonijiet, bil-kontra ta’ dak li kienet ħabbret. Fil-fatt, Ir-Renju ta’ Spanja ma weriex li l-Kummissjoni kienet impenjat ruħha li twettaq analiżi separata, fatt li din tal-aħħar barra minn hekk tikkuntesta. Bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, l-ittra tal-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli tas-27 ta’ Mejju 2011 ma tinkludi l-ebda impenn tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

122    It-tielet nett, Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonferma l-analiżi tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, analiżi li kienet madankollu twettqet ex post. Il-komunità awtonoma tal-País Vasco kienet bagħtet l-istima individwali tagħha tal-ispejjeż b’risposta għat-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2012. Minn din l-istima kien jirriżulta li l-ispiża tas-soluzzjoni TNT kienet iżgħar. Barra minn hekk, il-komunitajiet awtonomi ta’ Andalucía (Spanja), ta’ Galicia (Spanja) u tal-País Vasco kienu bagħtu lill-Kummissjoni kopja tal-preżentazzjoni magħmula mill-imsemmi operatur li kienet tindika l-ispiża tas-soluzzjoni satellitari. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, skont l-evalwazzjoni ta’ dawn il-komunitajiet awtonomi, l-offerti ta’ dan l-operatur kellhom jinvolvu spejjeż ikbar minn dawk tas-soluzzjoni terrestri. Il-Kummissjoni allegatament ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-elementi fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, billi ffavorixxiet l-analiżi prodotta mill-istess operatur, hija kienet ħatja ta’ parzjalità.

123    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, iċ-ċaħda tal-kalkoli ppreżentati minn uħud mill-komunitajiet awtonomi matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni ma hijiex ibbażata fuq l-analiżi tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq. Fil-fatt, mill-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet dawn il-kalkoli minħabba l-fatt li, minbarra l-inċertezza dwar id-data tagħhom, ebda wieħed minnhom ma kellu livell ta’ dettall u ta’ solidità suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-għażla tat-teknoloġija terrestri għall-estensjoni tal-kopertura. Barra minn hekk, ebda wieħed minn dawn il-kalkoli ma twettaq minn espert indipendenti.

124    Fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet l-analiżi tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, bid-data ta’ Novembru 2008, kif jirriżulta mill-premessa 67 tal-imsemmija deċiżjoni, sabiex tenfasizza kuntradizzjonijiet li jeżistu fl-analiżi ppreżentat minn operatur ta’ infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks, meta mqabbla mal-imsemmija analiżi. Madankollu, hija bl-ebda mod ma kkonfermat ir-riżultati ta’ din l-aħħar analiżi. Hija sempliċement ċaħdet l-utilità tal-ispejjeż ippreżentati mill-imsemmi operatur minħabba l-fatt li dawn kienu tal-2010 u għalhekk posterjuri għall-miżuri inkwistjoni.

125    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kalkoli ppreżentati minn uħud mill-komunitajiet awtonomi u li hija bl-ebda mod ma ffavorixxiet l-analiżi tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, dan l-argument tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud.

126    Ir-raba’ nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni żbaljatament ma ħaditx inkunsiderazzjoni rapport komparattiv tal-ispejjeż ta’ riċezzjoni għall-utenti tas-soluzzjonijiet TNT u satellitari, imwettaq minn kumpannija ta’ konsulenza u datat 20 ta’ Settembru 2012, li jgħid li l-ispejjeż tal-pjattaforma satellitari huma 7.7 darbiet għola minn dawk tal-pjattaforma TNT.

127    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, minn naħa, ir-rapport imsemmi fil-punt 126 iktar ’il fuq, li kien intbagħat lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ fajl ieħor itrattat minn din tal-aħħar, iqabbel l-ispejjeż marbuta mal-adattament tat-tagħmir ta’ riċezzjoni tat-televiżjoni f’kull abitazzjoni għall-popolazzjoni Spanjola kollha, u mhux għaż-żona II biss, wara l-liberazzjoni tad-dividend diġitali. Min-naħa l-oħra, dan ir-rapport iqabbel l-ispejjeż billi jibbaża ruħu fuq is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-2012. Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma jipproduċi l-ebda element li jippermetti li jitqies li kalkoli dwar l-imsemmija sitwazzjoni kellhom ikunu rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-miżuri inkwistjoni sa mill-2008 u, skont il-ġurisprudenza, il-kwistjoni ta’ jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għandha tiġi solvuta fid-dawl tas-sitwazzjoni li kienet teżisti meta ttieħdet din il-miżura (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni, T‑267/08 u T‑279/08, Ġabra, EU:T:2011:209, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq assenza ta’ koerenza fl-istruttorja tal-proċedura amministrattiva

129    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta inizjalment illimitat ruħha li teżamina l-miżuri tal-MITC. Kien biss iktar tard li l-Kummissjoni integrat l-analiżi iktar iddettaljata tal-miżuri adottati mill-komunitajiet awtonomi mal-analiżi tagħha. Il-proċess ta’ estensjoni ta’ kopertura kien seħħ f’kuntest newtrali, kif ikkonfermat il-Kummissjoni f’ittra tas-17 ta’ April 2009. Skont ir-Renju ta’ Spanja jista’ jkun li, matul dan il-proċess, sejħa għal offerti jew oħra ma kinitx newtrali. Madankollu, il-Kummissjoni tippreżupponi l-assenza ta’ newtralità fir-rigward tal-proċess kollu, fejn tissuspetta li s-sejħiet għal offerti kollha ma kinux newtrali, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor. L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ngħalqet b’mod prematur peress li l-imsemmija deċiżjoni timponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jikkompletaha u li jeżamina każ b’każ is-sejħiet għal offerti kollha. Prova f’dan ir-rigward hija l-kontradizzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sejħa għal offerti mnedija mill-Gvern ta’ Cantabria. Filwaqt li l-Kummissjoni qieset li ħafna mis-sejħiet għal offerti ma kinux teknoloġikament newtrali, hija ddeċidiet li s-sejħa għal offerti mnedija mill-imsemmi Gvern kienet teknoloġikament newtrali, li madankollu ma huwiex il-każ.

130    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.

131    Fil-fatt, l-ewwel nett, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni bdiet l-analiżi tagħha abbażi tal-miżuri tal-MITC, Ir-Renju ta’ Spanja jammetti espliċitament li l-Kummissjoni eżaminat ukoll, fil-kuntest tal-proċedura quddiemha, il-miżuri ppreżentati mill-komunitajiet awtonomi.

132    Sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jsostni li kien hemm inkoerenza f’dan ir-rigward bejn id-deċiżjoni ta’ ftuħ u d-deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), id-deċiżjoni ta’ ftuħ tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, tinkludi evalwazzjoni preliminari mill-Kummissjoni tal-miżura proposta intiża li tiddetermina jekk din għandhiex in-natura ta’ għajnuna u tesponi r-raġunijiet li jwassluha tiddubita mill-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, l-analiżi tal-Kummissjoni hija neċessarjament ta’ natura preliminari. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura (ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2009, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni, T‑273/06 u T‑297/06, Ġabra, EU:T:2009:233, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Novembru 2009, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑427/04 u T‑17/05, Ġabra, EU:T:2009:474, punt 148 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fażi ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE hija intiża li tippermetti li l-Kummissjoni jkollha informazzjoni sħiħa dwar il-fatti kollha tal-kawża (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 110 iktar ’il fuq, EU:C:1998:154, punt 38). Minn dan isegwi li l-fatt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma tagħmilx riferiment għal ċerti elementi ma jfissirx li jista’ jitqies li l-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni kienet inkoerenti. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ il-Kummissjoni mkien ma qieset li l-Gvern Spanjol kien impona fuq il-komunitajiet awtonomi l-obbligu li jiddiġitalizzaw ix-xandiriet permezz tat-teknoloġija terrestri.

133    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-ittra tal-Kummissjoni tas-17 ta’ April 2009, ir-Renju ta’ Spanja ma jipprovdi ebda raġuni għalfejn il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata li teżamina l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, wara li rċeviet ilment fit-18 ta’ Mejju 2009.

134    It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni għalqet b’mod prematur il-proċedura u ħalliet f’idejn ir-Renju ta’ Spanja biex jeżamina kull sejħa għal offerti, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-iskema inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni, jekk din l-iskema hijiex xierqa għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 107(3) TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali skema, ma hijiex marbuta twettaq analiżi tal-għajnuna mogħtija f’kull każ individwali abbażi ta’ tali skema. Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi vverifikata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata (ara l-punt 104 iktar ’il fuq).

135    F’dak li jirrigwarda, f’dan ir-rigward, is-sejħa għal offerti mnedija f’Cantabria, għalkemm huwa minnu li din is-sejħa kienet titlob il-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti relatati mat-trażmissjoni u mar-riċezzjoni tat-televiżjoni bis-satellita. Madankollu, il-fatt li operaturi ta’ pjattaformi terrestri u satellitari, fosthom operatur satellitari Ewropew, kienu pparteċipaw għal din is-sejħa għal offerti jikkontradiċi l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li din is-sejħa għall-offerti ma kinitx teknoloġikament newtrali.

136    Konsegwentement, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura u fuq il-bidliet tal-persuna inkarigata mill-istruttorja

137    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni kien eċċessiv. Fl-opinjoni tiegħu, skont it-termini abitwali, il-Kummissjoni kellha ttemm din il-proċedura qabel Marzu 2012. Dan id-dewmien huwa dovut għall-bidliet li kien hemm fi ħdan it-team tal-Kummissjoni inkarigat mill-istruttorja ta’ dan il-każ.

138    Għandu jiġi kkonstatat li fil-każ fejn l-iskema kontenzjuża ma tkunx ġiet innotifikata, bħal f’dan il-każ, mill-formulazzjoni tal-Artikoli 4(5) u 7(6) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta mingħajr ebda dubju li dawn ma humiex applikabbli. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi espliċitament li, fil-każ ta’ eventwali għajnuna illegali, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta mit-termini stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(5) u fl-Artikolu 7(6) tal-istess regolament. Din il-konklużjoni hija wkoll ikkonfermata mill-ġurisprudenza li tgħid li, fil-każ fejn l-iskema kontenzjuża ma tkunx ġiet innotifikata, il-Kummissjoni ma hijiex suġġetta għar-regola tat-terminu ta’ eżami ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-regolament inkwistjoni (ara s-sentenza HGA et vs Il-Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:C:2013:387, punti 74 u 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Għandu madankollu jitfakkar li l-Kummissjoni hija obbligata li taġixxi f’terminu raġonevoli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat u li ma hijiex awtorizzata tippersisti fin-nuqqas ta’ azzjoni matul il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni. Għandu jingħad ukoll li n-natura raġonevoli tat-tul tal-proċedura għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, bħalma huma l-kumplessità tal-kawża u l-aġir tal-partijiet (ara s-sentenza HGA et vs Il‑Kummissjoni, punt 104 iktar ’il fuq, EU:C:2013:387, punti 81 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    L-ewwel nett, il-fażi ta’ eżami preliminari, jiġifieri dik ta’ bejn ir-riċezzjoni tal-ilment li informa lill-Kummissjoni bl-eżistenza ta’ allegata għajnuna, fit-18 ta’ Mejju 2009, u l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fid-29 ta’ Settembru 2010, damet ftit iktar minn sitt xhur. Dan it-terminu ma jistax jitqies eċċessiv f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża preżenti li kienu kkaratterizzati, b’mod partikolari, mill-involviment tal-awtoritajiet Spanjoli fuq livell ċentrali, reġjonali u tal-kunsilli u miż-żmien neċessarju sabiex tiġi prodotta informazzjoni addizzjonali, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ.

141    It-tieni nett, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, jiġifieri dik ta’ bejn il-ftuħ tal-imsemmija proċedura, fid-29 ta’ Settembru 2010, u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-19 ta’ Ġunju 2013, damet ftit inqas minn 33 xahar. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessa 4 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli talbu lill-Kummissjoni testendi t-terminu mogħti lilhom sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Barra minn hekk, mill-premessi 4 u 5 tal-istess deċiżjoni jirriżulta li, minbarra l-kummenti tal-Gvern Spanjol, il-Kummissjoni rċeviet ħafna kummenti mill-komunitajiet awtonomi u mingħand impriżi kkonċernati. Il-kummenti ta’ dawn tal-aħħar kienu jeħtieġu risposta min-naħa tal-awtoritajiet Spanjoli. Mill-premessi 6 u 7 tal-istess deċiżjoni jirriżulta li nżammew diversi laqgħat bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Spanjoli u l-impriżi kkonċernati, li l-partijiet kollha kkonċernati minn jeddhom ipprovdew informazzjoni u li madankollu l-Kummissjoni kellha tibgħat talba għall-informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet Spanjoli li rrispondew biss wara estensjoni tat-terminu inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-kumplessità tal-qasam inkwistjoni, anki jekk jitqies li kien hemm bidliet fi ħdan it-team tal-Kummissjoni inkarigat mill-istruttorja ta’ dan il-każ, it-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kienx irraġonevoli [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Portovesme vs Il-Kummissjoni, T‑291/11, Ġabra (Estratti), taħt appell, EU:T:2014:896, punti 74 sa 76].

142    Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità

143    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni ma aġixxietx b’mod oġġettiv u imparzjali matul il-proċedura amministrattiva. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni kummenti tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq li ma kienu relatati ma ebda talba għall-informazzjoni. Uħud mill-kummenti tiegħu ġew ikkomunikati b’dewmien kbir lill-awtoritajiet Spanjoli. It-tieni nett, filwaqt li l-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, hija aċċettat it-talba tal-imsemmi operatur li ma xtaqx li l-kummenti tiegħu jkunu żvelati lil terzi. Għal din ir-raġuni l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux f’pożizzjoni li jibagħtu l-kummenti ta’ dan l-operatur lil terzi involuti. It-tielet nett, fil-premessi 158, 162 sa 164 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-argumenti tal-istess operatur kienu validi, mingħajr ma eżaminathom jew mingħajr ma qabblithom mal-kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli.

144    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni kummenti prodotti spontanjament mill-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq u li damet ma bagħtet il-kummenti magħmula minn dan l-operatur lill-awtoritajiet Spanjoli, għandu jiġi osservat, minn naħa, li mill-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-awtoritajiet Spanjoli ttrażmettew ukoll, min jeddhom, informazzjoni lill-Kummissjoni li din tal-aħħar ħadet inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, eventwali dewmien fit-trażmissjoni tad-dokumenti ma jistax, waħdu u mingħajr elementi addizzjonali, isostni l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud.

145    Fit-tieni lok, l-argument dwar l-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tat-talba tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq li xtaq li l-kummenti tiegħu ma jiġux żvelati lil terzi ma jurix l-assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni. Fil-fatt, din tal-aħħar hija obbligata, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 659/1999, li ma tiżvelax l-informazzjoni koperta mis-sigriet professjonali li hija tkun ġabret abbażi tal-imsemmi regolament (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il-Kummissjoni, T‑88/09, Ġabra, EU:T:2011:641, punt 43). Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma jiddikjarax li ma rċeviex id-dokumenti kollha rilevanti sabiex jiddefendi ruħu.

146    Fit-tielet lok, fil-kuntest tal-argument tiegħu li jgħid li l-Kummissjoni qieset li l-argumenti tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq kienu validi, mingħajr ma eżaminathom u mingħajr ma qabblithom mal-kummenti tal-awtoritajiet Spanjoli, ir-Renju ta’ Spanja jagħmel riferiment għall-premessi 158, 162 sa 164 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata.

147    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li fiha l-Kummissjoni evalwat l-analiżijiet dwar l-ispejjeż ippreżentati minn operatur ta’ infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks. F’dan ir-rigward, hija qieset li, irrispettivament mill-fatt li dawn l-analiżijiet setgħu jitqiesu suffiċjentement indipendenti u affidabbli, il-fatt li dawn huma posterjuri għall-miżuri inkwistjoni jipprekludi li dawn jintużaw bħala ġustifikazzjoni tal-fatt li l-Gvern Spanjol ma kienx qies opportun li jorganizza sejħa għal offerti newtrali mill-perspettiva teknoloġika. Hija żiedet tgħid li l-istimi tal-ispejjeż ippreżentati mill-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, li kienu juru li t-teknoloġija satellitari kienet iktar profitabbli, kienu jikkontradixxu r-riżultati tal-imsemmija studji.

148    Kif diġà ġie kkonstatat (ara l-punt 124 iktar ’il fuq), mill-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ċaħdet l-analiżijiet ippreżentati minn operatur ta’ infrastrutturi tat-telekomunikazzjonijiet u fornitur ta’ tagħmir tan-netwerks, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-indipendenza u l-affidabbiltà tagħhom, minħabba li dawn kienu posterjuri għall-miżuri inkwistjoni u kkontradetti mill-istimi tal-ispejjeż ippreżentati mill-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq. Bil-kontra ta’ dak li jallegaw l-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni ma ffavorixxietx l-analiżi ppreżentata minn dan l-aħħar operatur meta mqabbla ma dawk ippreżentati mill-imsemmi operatur. Hija pjuttost illimitat ruħha li tippreżenta l-kontenut tal-analiżi ta’ dan l-operatur li kienet tgħid li t-teknoloġija satellitari kienet iktar profittabbli u dan jikkontradixxi r-riżultati tal-analiżijiet ippreżentati minn dan l-operatur. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-fatt li mill-premessa 154 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-għażla ta’ teknoloġija partikolari setgħet tkun aċċettata li kieku kienet iġġustifikata mill-konklużjonijiet ta’ analiżi preliminari li tistabbilixxi li, f’termini ta’ kwalità u ta’ spejjeż, kien possibbli li tingħażel biss soluzzjoni teknoloġika waħda. Bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni għalhekk ma qisitx li l-analiżi tal-istess operatur kienet valida jew li kienet turi li s-soluzzjoni satellitari kienet aħjar. L-għan tagħha kien li teżamina jekk, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, il-miżuri inkwistjoni setgħux ikunu ġġustifikati minn analiżi preliminari li tagħżel soluzzjoni teknoloġika waħda. Għalhekk, il-premessa 158 ta’ din id-deċiżjoni ma tippermettix li tiġi konkluża assenza ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità min-naħa tal-Kummissjoni.

149    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata, Ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li l-Kummissjoni aċċettat l-istimi tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq dwar in-numru ta’ kanali reġjonali, minflok ma ħadet inkunsiderazzjoni d-data uffiċjali pprovduta mill-komunitajiet awtonomi. Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni sempliċement indikat li, skont l-imsemmi operatur, in-numru ta’ 1 380 kanali reġjonali ssuġġerit mill-awtoritajiet Spanjoli kien eżaġerat ħafna. Min-naħa l-oħra, hija ma kkonstatatx li n-numru ta’ kanali reġjonali stmati minn dan l-operatur, jiġifieri 415 skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna 93 tal-imsemmija deċiżjoni, kien eżatt. Billi qieset, f’din il-premessa, li l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux sostnew l-argument tagħhom li jgħid li t-teknoloġija satellitari ma kinitx mgħammra biex ixxandar numru kbir ta’ kanali reġjonali, hija sempliċement applikat ir-regola dwar l-oneru tal-prova esposta fil-premessa 154 ta’ din id-deċiżjoni li minnha jirriżulta li kien ir-Renju ta’ Spanja li kellu jistabbilixxi li, f’termini ta’ kwalità u ta’ spiża, kien biss possibbli li tingħażel soluzzjoni teknoloġika waħda.

150    It-tielet nett, fir-rigward tal-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni qablet mal-argument tal-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq, li jgħid li s-soluzzjoni satellitari kienet irħas mit-TNT, meta qieset li, minħabba l-assenza ta’ sejħa għal offerti fuq livell nazzjonali, l-ammont tal-għajnuna kien ġie miżjud. Barra minn hekk, billi qieset, fl-istess premessa, li l-Gvern Spanjol seta’ jħeġġeġ lill-komunitajiet awtonomi jieħdu inkunsiderazzjoni fis-sejħiet għal offerti tagħhom l-eventwali ekonomiji, il-Kummissjoni qieset li dawn il-komunitajiet awtonomi messhom nedew sejħiet għal offerti speċifikament adatti għat-teknoloġija satellitari.

151    Dan l-argument ma jurix li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligu tagħha ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, mill-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li s-soluzzjoni satellitari kienet irħas mit-TNT. Fl-imsemmija premessa, il-Kummissjoni eżaminat il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni u għamlet riferiment għal ċerti aspetti speċifiċi tas-soluzzjoni satellitari, li l-awtoritajiet Spanjoli setgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedu liema kienet l-aħjar soluzzjoni teknoloġika f’termini ta’ kwalità u ta’ spejjeż. Għalhekk, hija enfasizzat l-eventwali tnaqqis fil-prezz li kien jinkiseb bis-soluzzjoni satellitari li kieku tnediet sejħa għal offerti fuq livell nazzjonali. Bl-istess mod, hija ssuġġeriet il-possibbiltà li l-Gvern Spanjol iħeġġeġ lill-komunitajiet awtonomi jniedu sejħiet għal offerti filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni eventwali ekonomiji li jistgħu jitwettqu permezz ta’ ċerti pjattaformi. Billi enfasizzat dawn id-diversi elementi, hija bl-ebda mod ma ffavorixxiet is-soluzzjoni satellitari.

152    Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-premessi 162 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata, Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni żbaljatament qablet mal-argumenti li l-operatur imsemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq għamel fir-rigward tal-inklużjoni tal-ispejjeż marbuta mad-dividend diġitali u tal-frekwenzi tat-telefonija mobbli tar-raba’ ġenerazzjoni LTE. L-awtoritajiet Spanjoli ma setgħux jipprevedu l-eżistenza ta’ dawn l-ispejjeż fl-istadju tal-pjanifikazzjoni tal-mogħdija mit-televiżjoni terrestri analoġika għat-TNT. Il-Kummissjoni evalwat in-natura xierqa ta’ miżuri implementati fl-2009 u fl-2010 billi bbażat ruħha fuq avvenimenti le seħħew fl-2011 u fl-2012.

153    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-premessi 162 u 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li n-natura xierqa tas-soluzzjoni terrestri ser tkompli tiġi kkontestata minħabba l-ispejjeż marbuta mad-dividend diġitali u fil-ġejjieni ser tiġi kkontestata minħabba l-ispejjeż marbuta mal-frekwenzi tat-telefonija mobbli tar-raba’ ġenerazzjoni. Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kunsiderazzjonijiet saru wara li l-Kummissjoni ddeċidiet, fil-premessa 159 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-miżura inkwistjoni ma tistax titqies xierqa. Peress li l-punti ta’ fatt li wasslu lill-Kummissjoni tagħmel riferiment għall dawn l-ispejjeż futuri ma kinux ikkontestati mir-Renju ta’ Spanja, ma jistax jiġi deċiż li l-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligu ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità fl-imsemmija premessi.

154    Għaldaqstant, ir-raba’ lment u, konsegwentement, it-tielet motiv fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat sussidjarjament fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà, fir-rigward tat-talba għall-irkupru tal-għajnuna

155    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni sussidjarjament, billi jagħmel riferiment għall-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalità u ta’ sussidjarjetà.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

156    Ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara, l-ewwel nett, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, għaliex huwa sab ruħu kkonfrontat b’diffikultajiet serji biex jikkalkula l-ammont preċiż tas-sommom li għandhom jitħallsu lura. Huwa jqis li għandu qabel kollox jiddetermina jekk kull waħda mill-516-il sejħiet għal offerti organizzati mir-reġjuni kinitx teknoloġikament newtrali. Barra minn hekk, peress li kull komunità awtonoma implementat il-programmi ta’ azzjoni individwali tagħha, huwa diffiċli li jiġu ddeterminati s-sommom li ma għandhomx jiġu rrimborsati, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi għal provvisti u l-għajnuna de minimis. Barra minn hekk, jeżistu kuntratti mħallta għal provvista u għal servizzi li fir-rigward tagħhom ikun neċessarju li tiġi ddeterminata n-natura prinċipali u kuntratti li jirrigwardaw esklużivament il-manutenzjoni li jistgħu jiġu assimilati għall-kategorija ta’ kuntratti għal provvisti. Huwa wkoll neċessarju li jkollu data speċifika dwar is-sommom imħallsa fil-komunitajiet awtonomi. L-imsemmija deċiżjoni la tiddefinixxi l-benefiċjarji kkonċernati u lanqas l-ammonti li għandhom jitħallsu lura. It-tieni nett, Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li peress li din id-deċiżjoni tinkludi d-deċiżjoni ta’ ftuħ din tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. It-tielet nett, huwa jsostni li l-prinċipju ta’ ċertezza legali nkiser minħabba l-fatt li l-Kummissjoni għaddietlu l-oneru li jipprova l-parti tal-għajnuna li ma għandiex titħallas lura peress li din hija, inkwantu għajnuna de minimis, kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/1998, tas-7 ta’ Mejju 1998, dwar l-applikazzjoni [tal-Artikoli 107 u 108 TFUE] għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312).

157    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jidderieġu ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li huma parti mis-sistema ġuridika tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, Ġabra, EU:C:2011:811, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    Għandu jiġi osservat li Stat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu taw għajnuna bi ksur tar-regoli proċedurali previsti fl-Artikolu 108 TFUE ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex jeżonera ruħu mill-obbligu li jadotta l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna (sentenza tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/92 sa C‑280/92, Ġabra, EU:C:1994:325, punt 76).

159    F’dan il-każ, Ir-Renju ta’ Spanja ma jagħmel l-ebda argument li jista’ jippermetti deroga minn din ir-regola.

160    L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata assenza ta’ indikazzjoni ddettaljata dwar it-tqassim tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, għandu jitfakkar li, meta hemm inkwistjoni l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw skemi ta’ għajnuna, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna, li għandhom jivverifikaw is-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata, peress li dawn l-awtoritajiet jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw l-ammonti preċiżi li għandhom jitħallsu lura. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu ħsieb li jikkalkolaw l-ammont preċiż tas-somom li għandhom jiġu rkuprati (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑184/11, Ġabra, EU:C:2014:316, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tirrikjedi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tistabbilixxi l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura. Fil-fatt, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun tinkludi informazzjoni li tippermetti li d-destinatarju tagħha jiddetermina dan l-ammont huwa stess, mingħajr wisq diffikultà (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, Ġabra, EU:C:2005:287, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, peress li s-sejħiet għal offerti ġew ikklassifikati fil-premessi 183 sa 188 tad-deċiżjoni kkontestata u peress li l-Kummissjoni stabbiliet diversi kategoriji ta’ benefiċjarji tal-għajnuna fil-premessi 189 sa 197 tal-istess deċiżjoni, ebda element ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja ma jippermetti li jitqies li dan l-Istat Membru jista’ jiltaqa’ ma diffikultajiet eċċessivi sabiex jiddetermina l-ammont li għandu jitħallas lura.

161    It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix il-benefiċjarji kkonċernati, għandu jiġi kkonstatat li, moqrija flimkien mal-premessi 100 sa 112 ta’ din id-deċiżjoni, il-premessa 182 tal-imsemmija deċiżjoni tipprovdi biżżejjed indikazzjonijiet li jistgħu jippermettu lir-Renju ta’ Spanja jiddetermina l-benefiċjarji tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, skont il-premessa msemmija l-aħħar, l-operaturi ta’ pjattaforma huma benefiċjarji diretti meta dawn jirċievu direttament il-fondi intiżi għat-titjib u għall-estensjoni tan-netwerks tagħhom jew għat-tħaddim u għall-manutenzjoni. Barra minn hekk, meta għajnuna titħallas lil impriżi pubbliċi li sussegwentement jorganizzaw sejħiet għal offerti għall-estensjoni tal-kopertura, huwa meqjus li l-operatur tal-pjattaforma magħżula huwa l-benefiċjarju indirett. Peress li r-Renju ta’ Spanja ma pprovdiex elementi li jippermettu li jitqies li, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jidhru fid-deċiżjoni kkontestata, hemm diffikultajiet eċċessivi biex huwa jiddetermina l-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud.

162    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, jekk l-awtoritajiet Spanjoli jkollhom dubji serji f’dan ir-rigward huma jistgħu, bħal kull Stat Membru li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas lura, jiltaqa’ ma diffikultajiet imprevisti, jissottomettu dawn il-problemi għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, sabiex dawn jingħelbu skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u f’osservanza sħiħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat relatati mal-għajnuna (sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2002, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, Ġabra, EU:C:2002:363, punt 92, u Il‑Kummissjoni vs Spanja, punt 160 iktar ’il fuq, EU:C:2014:316, punt 66). Jekk ikun hemm deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna, diffikultajiet eventwali, proċedurali jew ta’ natura oħra, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħha ma għandhomx jinfluwenzaw il-legalità tagħha (ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2009, KG Holding et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/07 sa T‑83/07, Ġabra, EU:T:2009:237, punt 200 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li fi Spanja s-sitwazzjoni hija kkumplikata minħabba d-diversi programmi mnedija mill-komunitajiet awtonomi, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, meta ssib ruħha quddiem skema ta’ għajnuna, bħal dik f’din il-kawża, ma hijiex ġeneralment fil-pożizzjoni, u lanqas ma hija obbligata, li tidentifika b’mod preċiż l-ammont tal-għajnuna li kull wieħed mill-benefiċjarji individwali rċieva. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull wieħed mill-benefiċjarji ta’ skema ta’ għajnuna jistgħu jiġu evalwati biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna [ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra, EU:T:2006:137, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata].

164    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li l-Kummissjoni poġġiet fuq ir-Renju ta’ Spanja l-oneru li jipprova l-parti tal-għajnuna li ma għandiex titħallas lura, għaliex kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 994/1998, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi li fihom miżura tista’ titqies għajnuna de minimis huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE] dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 654). Huwa l-Istat Membru li, fil-fażi ta’ rkupru, għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja li tippermetti li jiġi ddeterminat f’liema każijiet l-irkupru ma seħħx għaliex kienu ssodisfati r-rekwiżiti tal-għajnuna de minimis.

165    Il-ħames nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-Renju ta’ Spanja li fih isostni b’mod ġenerali, mingħajr ma jipprovdi ebda preċiżazzjoni f’dan ir-rigward, li l-fatt li l-Kummissjoni integrat id-deċiżjoni ta’ ftuħ fid-deċiżjoni kkontestata jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, huwa minnu li fil-premessa 41 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat li d-deċiżjoni ta’ ftuħ kienet tifforma parti integrali minnha. Madankollu, għalkemm huwa minnu li l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, li hija ta’ natura preliminari, fid-deċiżjoni kkontestata donnha diffiċilment tista’ tiġi rrikonċiljata man-natura definittiva tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma tinkludi ebda kunsiderazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni.

166    Konsegwentement, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

167    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li jekk, skont l-Artikolu 3(4) tad-deċiżjoni kkontestata, il-pagamenti fis-seħħ jiġu annullati, ma jkunx possibbli li l-operaturi tan-netwerk jintalbu jkomplu t-tħaddim u l-manutenzjoni tan-netwerk fiż-żona II, u dan iwassal għall-interruzzjoni tas-sinjal tat-televiżjoni fl-imsemmija żona. Din l-interruzzjoni għandha taffettwa b’mod partikolari gruppi sfavoreġġati, bħal dawk komposti mill-persuni anzjani u minn persuni bi dħul baxx, u dan jippreġudika l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-aċċess għal kanali tat-televiżjoni permezz ta’ netwerks oħra ma huwiex possibbli għal dawn il-persuni minħabba l-ispejjeż tal-investimenti neċessarji.

168    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, ħlief jekk tali trattament ikun oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, C‑550/07 P, Ġabra, EU:C:2010:512, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

169    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kisritx dan il-prinċipju. Fil-fatt, billi qieset li l-għajnuna mogħtija lill-operaturi tal-pjattaforma tat-televiżjoni terrestri għat-tnedija, il-manutenzjoni u t-tħaddim tan-netwerk tat-TNT fiż-żona II, eżegwita illegalment, kienet inkompatibbli mas-suq intern, ħlief għall-għajnuna li ngħatat skont il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, u billi talbet l-irkupru ta’ din l-għajnuna, abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, hija la ttrattat sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti u lanqas ma trattat sitwazzjonijiet differenti bl-istess mod.

170    F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-istat tad-dritt, li jistabbilixxi li ħadd ma jista’ jinvoka, għal benefiċċju tiegħu stess, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, Ġabra, EU:C:2011:719, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, kif tiddikjara l-Kummissjoni, li ebda element ippreżentat mir-Renju ta’ Spanja ma jippermetti li jintwera li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni u l-annullament tal-pagamenti fis-seħħ, twassal għal interruzzjoni effettiva tas-servizz tat-TNT fiż-żona II kollha u b’dan il-mod iċċaħħad lill-abitanti kkonċernati mill-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tagħhom għall-informazzjoni bit-televiżjoni. Ir-Renju ta’ Spanja ma pprovdiex biżżejjed preċiżazzjonijiet dwar in-numru, l-identità, l-istatus u s-setgħa finanzjarja tad-diversi operaturi ta’ pjattaformi terrestri tat-televiżjoni kkonċernati mill-miżuri ta’ rkupru u ta’ annullament inkwistjoni u ma qiesx li kien neċessarju li jiddeskrivi, bħala eżempju u biex jelabora, la s-sitwazzjoni ta’ operatur wieħed u lanqas l-ammont li għandu jiġi rrimborsat jew li għandu jkun neċessarju għaż-żamma tas-servizzi ta’ ġestjoni u ta’ manutenzjoni taċ-ċentri ta’ trażmissjoni kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja li għandu jkun hemm interruzzjoni tas-servizz tat-televiżjoni fiż-żona II fil-każ ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala suppożizzjonijiet mhux ipprovati.

172    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax l-obbligu ta’ kopertura ta’ kważi ż-żona II kollha f’dak li jirrigwarda l-kanali pubbliċi (ara l-punt 46 iktar ’il fuq) u li huwa r-Renju ta’ Spanja li għandu jorganizza l-estensjoni tan-netwerk tat-televiżjoni diġitali skont id-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

173    Għalhekk, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

174    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità kemm minħabba l-fatt li din twassal għall-interruzzjoni tas-sinjal tat-televiżjoni fiż-żona II kif ukoll minħabba l-assenza ta’ interess tal-operaturi ta’ teknoloġiji oħra li jipparteċipaw għal sejħiet għal offerti. Fl-opinjoni tiegħu din l-assenza ta’ interess hija dovuta, f’dak li jirrigwarda s-sejħiet għal offerti meqjusa mhux teknoloġikament newtrali mill-Kummissjoni, għall-vantaġġ dgħajjef li jirriżulta mil-limitazzjoni territorjali. Din il-limitazzjoni tirriżulta mit-tqassim ta’ kompetenzi bejn id-diversi livelli tal-amministrazzjoni Spanjola. L-assenza ta’ interess dehret ukoll fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti teknoloġikament newtrali fil-Gżejjer Kanarji, li fil-kuntest tagħhom ma saret l-ebda offerta min-naħa ta’ operaturi satellitari. Konsegwentement, bil-ħlas lura tal-għajnuna, il-benefiċjarji ma jitilfux il-vantaġġ li minnu bbenefikaw fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom, peress li huwa kważi ċert li huma kienu jiksbu dan il-vantaġġ anki li kieku kienu l-offerenti magħżula fil-kuntest ta’ sejħiet għal offerti newtrali. Għalhekk, l-assenza ta’ ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni ma jagħti lok għall-ebda dannu għall-operaturi ta’ pjattaformi oħra minbarra t-TNT.

175    Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, fejn huwa sottointiż li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tingħażel l-inqas waħda oneruża (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra, EU:C:1984:183, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Diputación Foral de Álava et, T‑230/01 sa T‑232/01 u T‑267/01 sa T‑269/01, EU:T:2009:316, punt 376 u l-ġurisprudenza ċċitata).

176    Skont il-ġurisprudenza, l-eliminazzjoni ta’ għajnuna illegali permezz tal-irkupru hija l-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità tagħha, b’tali mod li l-irkupru ta’ din l-għajnuna, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid l-istatus quo ante, ma jistax, bħala prinċipju, jitqies li huwa miżura sproporzjonata meta mqabbel mal-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, C‑471/09 P sa C‑473/09 P, EU:C:2011:521, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

177    F’dan il-każ, Ir-Renju ta’ Spanja ma jressaq ebda argument li jippermetti deroga minn din ir-regola.

178    Fil-fatt, l-ewwel nett, sa fejn ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li d-deċiżjoni kkontestata twassal għal interruzzjoni tas-sinjal tat-televiżjoni fiż-żona II, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument diġà ġie miċħud (ara l-punti 171 u 172 iktar ’il fuq). Fil-kuntest ta’ din il-parti, għandu jingħad ukoll li l-imsemmija deċiżjoni ma tobbligax lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-mezzi kollha mogħtija u lanqas li jannulla l-pagamenti kollha f’dan ir-rigward, iżda li dan l-Istat membru għandu biss jirkupra l-għajnuna inkwistjoni u jannulla l-pagamenti kollha inkwistjoni, sa fejn il-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika ma ġiex osservat u l-miżura inkwistjoni ma tistax titqies li hija għajnuna de minimis.

179    It-tieni nett, fir-rigward tal-argument li jgħid li, minħabba l-assenza ta’ interess min-naħa tal-operaturi ta’ pjattaformi oħra għajr it-TNT li jipparteċipaw għal sejħiet għal offerti fiż-żona II, il-benefiċjarji ma jitilfux il-vantaġġ tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, anki skont ir-Renju ta’ Spanja, tali konsegwenza ma hijiex ċerta u hija sempliċement ipoteżi.

180    Għalhekk, it-tielet parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

181    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ sussidjarjetà meta ppruvat timponi mudell awdjoviżiv speċifiku fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, din il-kwistjoni taqa’ taħt id-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

182    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, peress li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, suġġetta għall-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni, ma jistax ikun li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ sussidjarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, EU:C:2012:821, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l-Artikolu 5(3) TUE, dan il-prinċipju japplika biss fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

183    Ir-raba’ parti ta’ dan il-motiv kif ukoll, konsegwentement, dan il-motiv kollu kemm hu għandhom għalhekk jiġu miċħuda.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat sussidjarjament fuq ksur tad-dritt fundamentali għall-informazzjoni fir-rigward tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna

184    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, sussidjarjament, li l-annullament tal-pagamenti kollha fis-seħħ tal-iskema ta’ preżunta għajnuna inkwistjoni ċċaħħad lill-1.2 miljuni ta’ abitanti minn kull possibbiltà ta’ aċċess għal kanal tat-televiżjoni u jipprekludihom milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni, previst fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-ksur ta’ dan id-dritt la huwa ġġustifikat u lanqas ma huwa proporzjonali.

185    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata twassal għall-interruzzjoni tas-sinjal tat-televiżjoni fiż-żona II, diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tieni parti tar-raba’ motiv (ara l-punti 171 u 172 iktar ’il fuq). Għalhekk, billi ordnat l-annullament tal-pagamenti kollha, permezz tal-Artikolu 3(4) tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kisritx id-dritt għall-informazzjoni previst fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali.

186    Minn dan isegwi li l-ħames motiv u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

187    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż relatati mal-proċedura prinċipali u mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Novembru 2015.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ attivitŕ ekonomika

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ vantaġġ ekonomiku u fuq l-eżistenza ta’ SIEĠ

– Fuq l-ewwel kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar l-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku

– Fuq ir-raba’ kriterju impost mis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 17 iktar ’il fuq (EU:C:2003:415), dwar il-garanzija ta’ inqas spiża għall-kollettivitŕ

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni

Fuq it-tieni motiv, ibbażat sussidjarjament fuq ksur tal-Artikolu 106(2) u tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tar-regoli proċedurali

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq assenza ta’ koerenza fl-istruttorja tal-proċedura amministrattiva

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura u fuq il-bidliet tal-persuna inkarigata mill-istruttorja

Fuq ir-raba’ lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ oġġettivitŕ u ta’ imparzjalitŕ

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat sussidjarjament fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ proporzjonalitŕ u ta’ sussidjarjetŕ, fir-rigward tat-talba għall-irkupru tal-għajnuna

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalitŕ

Fuq ir-raba’ parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetŕ

Fuq il-ħames motiv, ibbażat sussidjarjament fuq ksur tad-dritt fundamentali għall-informazzjoni fir-rigward tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.