Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2017 – Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-612/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Google Inc. (Mountain View, California, l-Istati Uniti) u Alphabet Inc. (Mountain View) (rappreżentanti: T. Graf, R. Snelders u C. Thomas, avukati, K. Fountoukakos-Kyriakakos, Solicitor, R. O’Donoghue u D. Piccinin, Barristers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Ġunju 2017, dwar proċeduri taħt l-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (AT.39741 - Google Search (Shopping));

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-rikorrenti u l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fil-konstatazzjoni li Google iffavorixxiet servizz ta’ paragun ta’ xiri ta’ billi wriet riżultati ta’ prodotti rraggruppati (Product Universals).

Ir-rikorrenti sostniet li d-deċiżjoni kkontestata tiżnatura l-fatti. Skont ir-rikorrenti, Google nediet riżultati ta’ prodotti rraggruppati sabiex ittejjeb il-kwalità, u mhux sabiex ikun hemm iktar traffiku għas-servizz ta’ paragun tax-xiri ta’ Google.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fil-konstatazzjoni li t-trattament differenti ta’ riżultati tal-prodott u riżultati ġeneriċi jinvolvi favoritiżmu, meta ma hemm l-ebda diskriminazzjoni.

Ir-rikorrenti finalment isostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-istandard legali għall-evalwazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet ta’ Google sabiex turi Product Universals.

It-tieni motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fil-konstatazzjoni li Google iffavorixxiet servizz ta’ paragun ta’ xiri billi wriet reklami tal-prodotti rraggruppati (Shopping Units).

Ir-rikorrenti sostniet li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta kkonstatat li t-trattament differenti ta’ reklami tal-prodotti rraggruppati u riżultati peneriċi b’xejn jinvolvi favoritiżmu, meta ma hemmx diskriminazzjoni;

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta kkonstatat li reklami tal-prodotti f’Shoppoing Units jibbenefikaw servizz ta’ paragun tax-xiri ta’ Google;

Ir-rikorrenti jsostnu finalment li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-istandard legali sabiex jiġu evalwati l-ġustifikazzjonijiet oġġettivi ta’ Google sabiex jintwerew Shopping Units.

It-tielet motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta tikkonsatata li l-allegat aġir abbużiv żvija it-traffiku ta’ tiftix ta’ Google.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-allegat aġir abbużiv naqqas it-traffiku ta’ tiftix ta’ Google lil aggregaturi.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata ma turix li l-allegat aġir abbużiv żied it-traffiku lis-servizz ta’ paragun ta’ xiri ta’ Google;

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta kkonstatat li l-allegat aġir abbużiv jista’ jkollu effetti antikompetittivi.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata minħabba li tispekula dwar effetti antikompetittivi potenzjali mingħajr ma teżamina l-iżviluppi attwali tas-suq.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni kif xieraq ir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata mill-pjattaformi merkantili.

Ir-rikorrenti finalment jsostnu li anki jekk l-analiżi kompetittiva tista’ tkun limitata għall-aggregaturi, id-deċiżjoni kkontestata tonqos milli turi effetti antikompetittivi.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta tittratta titjib fil-kwalità li jikkostitwixxi kompetizzjoni fil-mertu bħala abbużiv.

Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tikkaratterizza b’mod żbaljat it-tijib fil-prodott ta’ Google f’tiftix ġenerali bħala saħħa abbużiva;

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata titlob li Google tipprovdi aċċess lill-aggregaturi għat-titjib tal-prodotti tagħha, mingħajr ma tissodisfa l-kundizzjonijiet legali rikjesti.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata meta timponi multa.

Ir-rikorrenti jsostnu li multa ma tkunx meħtieġa minħabba li l-Kummissjoni ressqet teorija ġdida, għażlet il-każ għal impenji, u preċedentement ċaħdet ir-rimedju.

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata fil-kalkolu tal-multa.

____________