Language of document :

Rettifika għall-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali fil-Kawża T-86/17

(“Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea” C 104 tat-3 ta’ April 2017, p. 61)

L-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali fil-Kawża T-86/17, Le Pen vs Il-Parlament għandu jaqra kif ġej:

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Frar 2017 – Le Pen vs Il-Parlament

(Kawża T-86/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Marion Le Pen (Saint-Cloud, Franza) (rappreżentanti: M. Ceccaldi u J.-P. Le Moigne, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

tannulla d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2016 mogħtija skont id-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament Ewropew 2009/C 159/01, tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, “dwar miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew” kif emendata, li tikkonstata kreditu fir-rigward tar-rikorrenti ta’ ammont ta’ EUR 298 497.87 għall-ammonti mħallsa debitament fil-kuntest tal-assistenza parlamentari u li ssostni l-irkupru tagħhom u li timponi fuq l-uffiċjal ikkonċernat li jkun ta l-awtorizzazzjoni, b’kollaborazzjoni mal-kontabilist tal-Istituzzjoni, li jsir dan l-irkupru skont l-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Artikoli 66, 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;

tannulla n-nota ta’ debitu Nru 2016-1560, tas-6 ta’ Diċembru 2016, li tinforma lir-rikorrenti li ġie kkonstatat kreditu ta’ EUR 298 497.87 fil-konfront tagħha insegwitu għad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2016, għall-irkupru tas-somom indebitament imħallsa għall-assistenza parlamentari, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 68 tal-Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Artikoli 66, 78, 79 u 80 tar-Regolament Finanzjarju;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-kawża;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew tħallas lil M. Le Pen, bħala rimbors għall-ispejjeż li jistgħu jinġabru, is-somma ta’ EUR 50 000.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tnax-il motiv.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-awtur tal-att ma għandux kompetenza. Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) hija ta’ kompetenza tal-Bureau tal-Parlament Ewropew u li l-firmatarju tad-deċiżjoni ma għandu l-ebda delega sabiex jagħmel dan.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni li biha hija vvizzjata d-deċiżjoni kkontestata, peress li dan ir-rekwiżit huwa previst mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali safejn id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda r-rapport ta’ investigazzjoni mmexxi mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (“OLAF”) u magħluq fis-26 ta’ Lulju 2016, li ma ġiex ikkomunikat lir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għalhekk ma ġietx mismugħa u ma setatx targumenta b’mod validu l-motivi tad-difiża tagħha peress li s-Segretarju Ġenerali kien irrifjuta li jikkomunikalha liema dokumenti kienu l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ eżami personali tal-fajl mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew. Skont ir-rikorrenti, dan tal-aħħar illimita ruħu jadotta r-rapport tal-OLAF u qatt ma pproċeda personalment sabiex jeżamina s-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-ineżistenza tal-fatti insostenn tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tan-nota ta’ debitu relatata magħha (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), peress li l-fatti invokati ma kinux eżatti.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-inverżjoni tal-oneru tal-prova. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li hija ma kellhiex għalfejn tipproduċi l-prova tal-ħidma tal-assistent parlamentari tagħha, iżda li għall-kuntrarju kien għall-awtoritajiet kompetenti li jipprovaw mod ieħor.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, safejn is-somma kkontestata lir-rikorrenti ma hijiex immotivata la fid-dettall u lanqas fil-metodu ta’ kalkolu u peress li tassumi li l-assistent parlamentari qatt ma ħadem għar-rikorrenti.

It-tmien motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter, peress li l-atti kkontestati ġew adottati bil-għan li jċaħħdu lir-rikorrenti, deputat tal-Parlament Ewropew, mill-mezzi sabiex teżerċita l-mandat tagħha.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter. Ir-rikorrenti tikkunsidra li s-Segretarju Ġenerali, sabiex jevita li jkun mġiegħel jgħaddilha r-rapport tal-OLAF li kien fil-pussess tiegħu, kien ittrażmetta b’mod illegali t-talba għall-komunikazzjoni ta’ dan ir-rapport lill-OLAF li ma wettqitx il-komunikazzjoni tiegħu.

L-għaxar motiv ibbażat fuq trattament diskriminatorju u fuq l-eżistenza ta’ fumus persecutionis, peress li s-sitwazzjoni f’din il-kawża tirrigwarda esklużivament lir-rikorrenti u l-partit tagħha.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq preġudizzju għall-indipendenza ta’ membru parlamentari u l-konsegwenzi tal-assenza ta’ mandat li jorbot. L-atti kkontestati mingħajr ebda dubju għandhom l-għan li jfixklu l-libertà tal-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tar-rikorrenti billi jċaħduha mill-mezzi finanzjarji neċessarji sabiex twettaq il-missjoni tagħha. Barra minn hekk, il-membru parlamentari ma tistax tirċievi istruzzjonijiet mis-Segretarju Ġenerali dwar kif għandha teżerċita l-mandat tagħha, taħt it-theddida ta’ sanzjonijiet finanzjarji.

It-tnax-il motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-OLAF, peress li dan l-organu ma joffri l-ebda garanzija ta’ imparzjalità u ta’ integrità u peress li jiddependi mill-Kummissjoni Ewropea.