Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ottubru 2009 - New Yorker SHK Jeans vs UASI Vallis K - Vallis A (FISHBONE)

(Kawża T-415/09)

Lingwa tal-preżentata tar-rikors: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: New Yorker SHK Jeans GmbH (Braunschweig, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Gaul, T. Golda, S. Kirschstein-Freund u V. Spitz, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell: Vallis K - Vallis A & Co. OE (Ateni, il-Greċja)

Talbiet tar-rikorrenti

tbiddel id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-30 ta' Lulju 2009, fil-Każ R 1051/2008-1; tiddikjara li r-rikors huwa ġustifikat u li l-oppożizzjoni hija miċħuda għall-prodotti fil-klassi 25;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tat-30 ta' Lulju 2009, fil-Każ R 1051/2008-1, sa fejn l-appell ġie miċħud u ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għall-prodotti fil-klassi 25 ġiet ikkonfermata;

tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti.

Trade mark Komunitarja kkonċernata: Trade mark verbali "FISHBONE" għal prodotti fil-klassijiet 18 u 25.

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Il-parti l-oħra quddiem il-Bord tal-Appell.

Trade mark jew sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Griega "FISHBONE BEACHWEAR" għal prodotti fil-klassi 25; is-sinjal preċedenti "Fishbone" (verbali u figurattiv) użat fil-kummerċ fil-Greċja għall-"ħwejjeġ b'mod ġenerali, żraben u xedd ir-ras".

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: Oppożizzjoni milqugħa.

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: Appell milqugħ parzjalment u miċħud għall-kumplament.

Motivi invokati: Ksur tal-Artikoli 43(2) u 74(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 42(2) u 76(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, kif ukoll tar-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 1 billi l-Bord tal-Appell ikkonkluda b'mod żbaljat li seta' jieħu inkunsiderazzjoni l-katalogi ppreżentati fil-15 ta' Jannar 2007; ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2009) billi l-Bord tal-Appell ma ġġustifikax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-katalogi ppreżentati fil-15 ta' Jannar 2007; ksur tal-Artikolu 43(2) u (5) kif ukoll tal-Artikolu 15(1) u (2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (li saru l-Artikolu 42(2) u (5), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) u t-tieni subparagrafu tal-punt a tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2009) billi l-Bord tal-Appell iddikjara b'mod żbaljat li ntwera l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata; ksur tal-Aritkolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2009) billi l-Bord tal-Appell ikkunsidra b'mod żbaljat li kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks ikkonċernati.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta' Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, ĠU L 303, p. 1