Language of document : ECLI:EU:T:2022:853

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

21 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Suq tal-bijogass – Eżenzjonijiet fiskali li jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni – Deċiżjonijiet li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Ammissibbiltà – Assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali – Diffikultajiet serji – Artikolu 108(2) u (3) TFUE – Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020 – Kumulu ta’ għajnuna – Għajnuna mogħtija minn diversi Stati Membri – Bijogass importat – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Artikolu 110 TFUE”

Fil-Kawża T‑626/20,

Landwärme GmbH, stabbilita f’München (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Bonhage u M. Frank, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Blanck, A. Bouchagiar u P. Němečková, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn O. Simonsson, C. Meyer‑Seitz, A. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, H. Shev, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn R. da Silva Passos, President, V. Valančius, I. Reine, L. Truchot (Relatur) u M. Sampol Pucurull, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Landwärme GmbH, titlob l-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4489 final tad‑29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56125 (2020/N) – L-Isvezja – Prolongation and modification of SA.49893 (2018/N) – Tax exemption for non-food based biogas and bio-propane in heat generation (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 4489”), u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4487 final tad‑29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56908 (2020/N) – L-Isvezja – Prolongation and modification of biogas scheme for motor fuel in Sweden (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 4487” u, meħuda flimkien mad-Deċiżjoni 4489, id-“Deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż li tipproduċi l-bijometan fil-Ġermanja.

3        Fl‑1 ta’ April 2020, ir-Renju tal-Isvezja nnotifika lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, żewġ miżuri li permezz tagħhom xtaq jemenda u jestendi sal‑31 ta’ Diċembru 2030 żewġ skemi ta’ għajnuna, li l-ewwel applikazzjonijiet tagħhom kienu jmorru lura għall-2003 u għall-2007, li kienu diġà ġew awtorizzati diversi drabi mill-Kummissjoni u li kellhom jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2020. Dawn l-iskemi jikkonsistu fl-eżenzjoni tax-xiri ta’ ċerti gassijiet kombustibbli rinnovabbli (iktar ’il quddiem il-“bijogass”) mill-ħlas ta’ ċerti dazji tas-sisa li huma, għall-kuntrarju, dovuti max-xiri ta’ gassijiet fossili, bħall-gass naturali, intiżi għall-istess użu.

4        Fid‑29 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 4489, li sunt tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 245, p. 2), u d-Deċiżjoni 4487, li sunt tagħha huwa ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 260, p. 4).

5        Permezz tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni, wara l-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9) (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni preliminari”), u mingħajr ma fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE u msemmija fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni formali”), qieset li l-miżuri nnotifikati mir-Renju tal-Isvezja kienu jirrigwardaw għajnuna mill-Istat li setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

6        Għal dan il-għan, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-iskemi ta’ għajnuna msemmija fid-Deċiżjonijiet ikkontestati (iktar ’il quddiem l-“iskemi kontenzjużi”), li kienu jipprevedu eżenzjonijiet fiskali totali, kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, speċifikament bħala għajnuna għall-funzjonament (premessi 6, 31 u 32 tad-Deċiżjoni 4489 u premessi 35 u 50 tad-Deċiżjoni 4487).

7        Fit-tieni lok, il-Kummissjoni evalwat il-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014–2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida PAE”) (premessa 34 tad-Deċiżjoni 4489 u premessa 38 tad-Deċiżjoni 4487).

8        B’mod partikolari, l-ewwel, il-Kummissjoni qieset, qabelxejn, li l-iskemi kontenzjużi kellhom għan ta’ interess komuni, sa fejn dawn kienu jikkontribwixxu sabiex ir-Renju tal-Isvezja jkun jista’ jilħaq l-għanijiet li huwa kien stabbilixxa f’termini ta’ użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, sussegwentement, li dawn kienu neċessarji, minħabba li, mingħajr l-eżenzjonijiet fiskali totali previsti minnhom (iktar ’il quddiem l-“eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni”), il-bijogass kien ser jiswa iktar mill-gassijiet fossili u, fl-aħħar nett, li dawn kellhom effett ta’ inċentiv, sa fejn l-għoti ta’ dawn l-eżenzjonijiet kien jinkoraġġixxi l-użu u l-produzzjoni tal-bijogass (premessi 37 sa 40, 42, 43, 47 u 48 tad-Deċiżjoni 4489 u l-premessi 40, 44, 45 u 47 tad-Deċiżjoni 4487).

9        It-tieni, il-Kummissjoni eżaminat il-proporzjonalità tal-iskemi kontenzjużi u rrilevat b’mod partikolari li, fid-dawl tad-data pprovduta mill-Energimyndigheten (l-Aġenzija tal-Enerġija, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija Svediża tal-Enerġija”), minn naħa, seta’ jiġi eskluż li l-għajnuna mogħtija taħt dawn l-iskemi teċċedi l-ammont neċessarju sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż ogħla li l-produzzjoni tal-bijogass tinvolvi b’paragun mal-produzzjoni tal-gassijiet fossili u li b’hekk tagħti lok għal kumpens żejjed għall-ispejjeż ogħla (iktar ’il quddiem il-“kumpens żejjed”). Fil-fatt, minkejja l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bijogass baqgħu ogħla mill-prezz tas-suq għall-gassijiet fossili. Il-Kummissjoni rrilevat, min-naħa l-oħra, li kien improbabbli li fil-futur jingħata kumpens żejjed. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat li, skont l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Svediżi, minkejja li huwa possibbli li l-bijogass jibbenefika kemm mill-għajnuna prevista mill-iskemi kontenzjużi kif ukoll minn għajnuna oħra li tiffavorixxi l-produzzjoni tal-bijogass, il-kumulu ta’ dawn l-għajnuniet ma kienx jagħti lok għal kumpens żejjed. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni żiedet li dawn l-awtoritajiet kienu impenjaw ruħhom li jikkontrollaw l-iżviluppi tas-suq, sabiex jidentifikaw kull kumpens żejjed futur possibbli, u li jżommuha informata (premessi 17, 18, 20, 22, 28, 47, 49 sa 56 u 64 tad-Deċiżjoni 4489 u l-premessi 19 sa 24, 26, 27, 32, 50 sa 59 u 67 tad-Deċiżjoni 4487).

10      It-tielet, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm lok li jiġi applikat il-punt 116 tal-Linji Gwida PAE, li jipprovdi li “il-Kummissjoni tippreżumi l-adegwatezza tal-għajnuna u l-effetti limitati ta’ distorsjoni tal-għajnuna sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra kollha jkunu ntlaħqu”, li, fil-fehma tagħha, kien il-każ fil-każ tal-iskemi kontenzjużi (premessi 41 u 58 tad-Deċiżjoni 4489 u l-premessi 48 u 60 tad-Deċiżjoni 4487).

11      Ir-raba’, peress li s-sistemi kontenzjużi kienu jikkonsistu fl-għoti ta’ eżenzjonijiet fiskali, il-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni dwar jekk dawn kinux konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405). Hija kkunsidrat li dan kien il-każ, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li dawn l-eżenzjonijiet kienu applikabbli indipendentement mill-Istat Membru li minnu oriġina l-bijogass li kien jibbenefika minnhom (premessi 62 sa 66 tad-Deċiżjoni 4489 u l-premessi 64 sa 68 tad-Deċiżjoni 4487).

 It-talbiet talpartijiet

12      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

14      Ir-Renju tal-Isvezja, li intervjena insostenn tal-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Fiddritt

15      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq l-“illegalità tal-għajnuna”, it-tieni wieħed, fuq l-“abbuż tas-setgħa diskrezzjonali”, it-tielet wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, ir-raba’ wieħed, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

16      Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni permezz ta’ att separat abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni, minbarra li tikkontesta l-fondatezza tal-motivi invokati mir-rikorrenti, issostni li r-rikors huwa inammissibbli. Filwaqt li ma tipprovdi xejn fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li din ma għandhiex interess ġuridiku għall-annullament tad-Deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq lammissibiltà

17      Qabel ma jiġi eżaminat l-interess ġuridiku tar-rikorrenti, huwa opportun li tingħata tweġiba għall-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 45; tal‑24 ta’ Ottubru 1997, EISA vs Il‑Kummissjoni, T‑239/94, EU:T:1997:158, punt 27, u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 36 u 37), ta’ jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi kontra d-Deċiżjonijiet ikkontestati.

 Fuq il-locus standi

18      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra att li ma jkunx indirizzat lilha biss jekk dan l-att ikun jikkonċernaha direttament u individwalment jew jekk ir-rikors ikun dirett kontra att regolatorju li jikkonċernaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni.

19      Issa, l-uniku destinatarju tad-Deċiżjonijiet ikkontestati huwa r-Renju tal-Isvezja, b’mod li hemm lok li jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà li għadhom kif issemmew.

20      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrenti hijiex direttament u individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjonijiet ikkontestati, għandu jitfakkar li, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, hija mhux biss tiddikjara l-miżuri inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern, iżda wkoll tirrifjuta, impliċitament, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fil-każ li l-Kummissjoni tikkonstata, fl-ambitu tal-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, li l-miżura nnotifikata tqajjem dubji jew diffikultajiet serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija tkun marbuta tadotta, abbażi tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-ġurisprudenza, il-kunċetti ta’ “dubji” u ta’ “diffikultajiet serji” jikkoinċidu (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2021, DEI vs Il‑Kummissjoni, T‑639/14 RENV, T‑352/15 u T‑740/17, taħt appell, EU:T:2021:604, punt 115; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 328, u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Kerkosand vs Il‑Kummissjoni, T‑745/17, EU:T:2020:400, punt 106).

22      Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589, deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra sabiex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat, li normalment ma jkunx iktar minn xahar.

23      Il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2015/1589 tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk jeżistux diffikultajiet serji dwar il‑kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq komuni. Sa fejn l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji għandha tagħti lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li fiha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati previsti fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjonijiet. Fil-fatt, il-benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament Nru 659/1999 jistgħu jiksbu l-osservanza ta’ dawn il-garanziji biss kemm-il darba jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id‑deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Il-kunċett ta’ “parti interessata” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 bħala “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”. Din id-dispożizzjoni tirriproduċi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-tweġibiet tal-partijiet għall-mistoqsijiet bil-miktub u bil-fomm tal-Qorti Ġenerali, il-benefiċjarji diretti tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni huma x-xerrejja tal-bijogass fl-Isvezja, li, skont dawn tal-aħħar, la jħallsu d-dazju tas-sisa fuq l-enerġija u lanqas id-dazju tas-sisa fuq id-dijossidu tal-karbonju previsti mil-leġiżlazzjoni Svediża. Madankollu, dawn l-eżenzjonijiet, anki jekk ma jaffettwawx l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bijogass, huma ta’ benefiċċju wkoll, għalkemm b’mod indirett, għall-produtturi u għall-importaturi tal-bijogass. Fil-fatt, dawn jistgħu jbigħu l-bijogass fl-Isvezja bi prezz finali li, peress li ma jinkludix dawn id-dazji tas-sisa, ikun inqas minn dak li bih kien jiġi mibjugħ il-bijogass fl-assenza ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Dawn jippermettu għalhekk li dan il-prodott jinbiegħ bi prezz li jista’ jikkompeti ma’ dak tal-gass naturali, minkejja l-fatt li l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ dan tal-aħħar huma normalment iktar baxxi minn dawk tal-bijogass.

26      Ir-rikorrenti, għalkemm tallega li ma tbigħx iktar il-bijogass fl-Isvezja minħabba prezzijiet iktar kompetittivi min-naħa ta’ produtturi Daniżi li jibbenefikaw minn kumpens żejjed, hija benefiċjarja indiretta potenzjali tal-għajnuna prevista mill-iskemi kontenzjużi, kif il-partijiet ikkonfermaw waqt is-seduta. Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li r-rikorrenti tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun eliġibbli għal din l-għajnuna. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li għajnuna simili ilha tingħata mir-Renju tal-Isvezja għal diversi snin u li r-rikorrenti, fil-passat, ibbenefikat minn din l-għajnuna, peress li hija biegħet il-bijogass tagħha fl-Isvezja fl-2013 u, fi kwantitajiet ikbar, fl-2014. Barra minn hekk, peress li hija tipprova tbigħ il-bijogass tagħha fl-Isvezja, iżda hija prekluża minħabba l-prezz mhux kompetittiv li hija obbligata titlob, ir-rikorrenti hija kompetitriċi tal-impriżi li, billi jbigħu l-bijogass tagħhom fl-Isvezja, huma benefiċjarji attwali ta’ din l-għajnuna. Konsegwentement, hija għandha l-kwalità ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 57). Iktar minn hekk, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, irrikonoxxiet li dan kien il-każ.

27      Madankollu, sabiex ikollha locus standi għall-annullament tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti għandha wkoll tfittex, permezz tar-rikors, li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali li hija kien ikollha li kieku l-Kummissjoni kienet fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, huwa jkun, essenzjalment, qed jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ġiet adottata mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u billi għamlet hekk, kisret id-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu l-konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors jew li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Konsegwentement, fir-rigward ta’ rikors li jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandhom, bħala prinċipju, jiġu eżaminati l-ilmenti u l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrent fil-kuntest tal-motivi invokati, sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk dawn jippermettux li jiġu identifikati diffikultajiet serji jew dubji li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kellha tiftaħ l-imsemmija proċedura. Fl-ambitu ta’ tali rikors, il-motivi li jikkontestaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna għandhom għalhekk jiġu evalwati mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tal-eżistenza ta’ diffikultà serja, mingħajr ħtieġa li dawn jiġu ddikjarati inammissibbli (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punti 45 sa 47 u 49 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punti 57 u 58).

30      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li rikorrent għandu d-dritt, sabiex juri l-ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu minħabba dubji li l-miżura kontenzjuża kellha tqajjem dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li jinvoka argumenti intiżi sabiex juru li l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern li waslet għaliha l-Kummissjoni kienet żbaljata, fatt li, a fortiori, huwa ta’ natura li jistabbilixxi li l-Kummissjoni missha kellha dubji fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tista’ teżamina l-argumenti fil-mertu mressqa minn din il-parti, sabiex tivverifika jekk dawn humiex ta’ natura li jsostnu l-motiv dedott mill-eżistenza ta’ dubji li jiġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2021, Achema u Lifosa vs Il‑Kummissjoni, T‑300/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:191, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tar-raba’ motiv tagħha (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti u l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk din stabbilixxietx l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jobbligaw lill-Kummissjoni tiftaħ l-imsemmija proċedura. Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li, permezz tar-rikors tagħha, hija b’mod partikolari lmentat li l-Kummissjoni ma tatx bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-fatt li, fid-dawl tal-informazzjoni li hija kienet għadditilha, din l-istituzzjoni ma setgħetx tinjora l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-kumulu possibbli tal-għajnuna mogħtija fl-Isvezja skont l-iskemi kontenzjużi u għajnuna oħra, mogħtija minn Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja lill-produtturi tal-bijogass (iktar ’il quddiem il-“kumulu kontenzjuż”), kienx jagħti lok għal kumpens żejjed għall-benefiċċju ta’ dawn il-produtturi meta dawn ibigħu l-bijogass fl-Isvezja (iktar ’il quddiem l-“ilment dwar il-kumulu kontenzjuż”).

32      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti għandha locus standi sa fejn hija tfittex li tikseb ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tagħha, billi ssostni, b’mod partikolari, l-ilment dwar il-kumulu kontenzjuż.

 Fuq l-interess ġuridiku

33      Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti, bħala benefiċjarja potenzjali tal-iskemi kontenzjużi, ma wrietx li hija għandha interess ġuridiku sabiex taġixxi kontra d-Deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, l-annullament tagħhom ma jistax ikollu l-effett li jawtorizza għajnuna li għandha portata iktar estiża minn dik tal-għajnuna prevista minn dawn l-iskemi. L-imsemmi annullament ma għandux effett fuq il-fatt li l-produtturi tal-bijogass li jibbenefikaw, fi Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja, minn għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass, jistgħu jbigħu l-bijogass tagħhom fl-Isvezja bi prezzijiet iktar vantaġġużi minn dawk proposti mir-rikorrenti, li ma tingħatax għajnuna simili mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Skont il-Kummissjoni, l-interess ġuridiku tar-rikorrenti ma jistax joriġina mill-fatt li hija għandha l-intenzjoni li tippreżentalha osservazzjonijiet, fil-każ li, wara l-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet, tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

34      Ir-rikorrenti tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonlinie et vs Il‑Kummissjoni, C‑133/12 P, EU:C:2014:105, punt 54, u tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 25).

36      L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu jkun reali u attwali u ma jistax jikkonċerna sitwazzjoni futura u ipotetika. Dan l-interess għandu, fid-dawl tal-iskop tar-rikors, jeżisti fil-mument tal-preżentata tiegħu, taħt piena ta’ inammissibbiltà, u għandu jippersisti sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja, taħt piena ta’ konstatazzjoni li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il‑Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punti 56 u 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Huwa r-rikorrent li għandu jġib il-prova tal-interess ġuridiku tiegħu, li jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali u ewlenija għal kull azzjoni ġudizzjarja (ara s-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Andechser Molkerei Scheitz vs Il‑Kummissjoni, C‑682/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:356, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ April 2005, Sniace vs Il‑Kummissjoni, T‑141/03, EU:T:2005:129, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija benefiċjarja indiretta potenzjali tal-għajnuna prevista mill-iskemi kontenzjużi (ara l-punti 25 u 26 iktar ’il fuq).

39      Madankollu, is-sempliċi fatt li d-Deċiżjonijiet ikkontestati jiddikjaraw l-iskemi kontenzjużi kompatibbli mas-suq intern u għalhekk ma jikkawżawx preġudizzju, bħala prinċipju, lil impriża li tista’ tibbenefika minnhom ma jeżentax lill-qorti tal-Unjoni milli teżamina jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi ta’ din l-impriża (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2019, Abaco Energy et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:206, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, il-fatt li r-rikorrenti hija benefiċjarja potenzjali tal-għajnuna prevista mill-iskemi kontenzjużi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li hija ma għandhiex interess ġuridiku sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjonijiet ikkontestati.

40      Ir-rikorrenti twieġeb li l-iskemi kontenzjużi jaġixxu bħala “katalizzatur” li jsaħħaħ l-effetti ta’ esklużjoni mis-suq li jirriżultaw mill-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass mogħtija minn Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja. Dawn l-iskemi joperaw l-effett antikompetittiv tagħhom stess, sa fejn, sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, il-produtturi tal-bijogass li jibbenefikaw mill-imsemmija għajnuna fl-Istati Membri tagħhom iżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Isvezja u b’hekk jeżerċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet mitluba mill-produtturi l-oħra tal-bijogass, li ma jibbenefikawx minn għajnuna simili. L-annullament tad-deċiżjonijiet li jawtorizzaw dawn l-iskemi jelimina dan il-“katalizzatur” u b’hekk jagħti benefiċċju lir-rikorrenti.

41      Konsegwentement, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors u tannulla d-Deċiżjonijiet ikkontestati permezz ta’ sentenza li tikkonstata li l-motivi u l-argumenti invokati mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-ilment dwar il-kumulu kontenzjuż, jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji injorati mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tkun obbligata, sabiex tiġi eżegwita s-sentenza mogħtija b’dan il-mod, li tadotta deċiżjonijiet skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, li jkollhom il-kontenut previst fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. Ir-rikorrenti, bħala “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament (ara l-punti 24 u 26 iktar ’il fuq), ikollha l-possibbiltà li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha wara li tkun analizzat dawn id-deċiżjonijiet. B’hekk hija tkun tista’ teżerċita d-drittijiet proċedurali tagħha b’mod ferm iktar sinjifikattiv u informat milli matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 52). B’mod partikolari, jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-Deċiżjonijiet ikkontestati minħabba l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż, ir-rikorrenti tkun tista’, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali wara dan l-annullament, tippreżenta lill-Kummissjoni osservazzjonijiet dwar il-bidliet li għandhom isiru lill-iskemi kontenzjużi sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku għall-annullament tad-Deċiżjonijiet ikkontestati.

43      L-interess ġuridiku tar-rikorrenti ma huwiex imqiegħed f’dubju mill-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni (digrieti tad‑9 ta’ Lulju 2007, wheyco vs Il‑Kummissjoni, T‑6/06, mhux ippubblikat, EU:T:2007:202, punt 104, u tal‑25 ta’ Marzu 2019, Abaco Energy et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:206, punt 83). Skont din il-ġurisprudenza, l-interess ġuridiku ta’ impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat awtorizzata mill-Kummissjoni mingħajr ma tkun tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jistax jirriżulta mill-fatt li hija kellha l-intenzjoni, fil-każ tal-ftuħ ta’ din il-proċedura, li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

44      Fil-fatt, ir-rikorrenti hija biss benefiċjarja potenzjali tal-għajnuna prevista mill-iskemi kontenzjużi, peress li hija ma għadhiex f’pożizzjoni li tbigħ bijogass fl-Isvezja. F’dan ir-rigward, hija tallega li din ma hijiex għażla kummerċjali min-naħa tagħha, iżda l-konsegwenza tal-kundizzjonijiet li issa jipprevalu f’dan is-suq. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tagħha hija differenti minn dik tar-rikorrenti fil-kawżi li taw lok għad-digrieti invokati mill-Kummissjoni, li kienu benefiċjarji attwali tal-għajnuna awtorizzata mid-deċiżjonijiet imsemmija fir-rikorsi tagħhom.

45      L-interess ġuridiku tar-rikorrenti lanqas ma huwa mqiegħed f’dubju mid-deċiżjonijiet iċċitati fil-punt 43 iktar ’il fuq, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti ma setax joriġina mill-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Fil-fatt, f’dawk il-kawżi, ir-rikorrenti, filwaqt li kienu jibbenefikaw minn għajnuna ddikjarata kompatibbli mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, fittxew, permezz tar-rikorsi tagħhom, li jiksbu l-annullament tagħhom sabiex il-Kummissjoni sussegwentement tawtorizza għajnuna b’kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tad‑9 ta’ Lulju 2007, wheyco vs Il‑Kummissjoni, T‑6/06, mhux ippubblikat, EU:T:2007:202, punt 102, u tal‑25 ta’ Marzu 2019, Abaco Energy et vs Il‑Kummissjoni, T‑186/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:206, punt 82).

46      F’dan il-każ, ir-rikorrenti, permezz tar-rikors tagħha, ma tipprovax tikseb li tiġi awtorizzata għajnuna li għandha kamp ta’ applikazzjoni iktar estiż minn dak tal-għajnuna prevista mill-iskemi kontenzjużi. Għall-kuntrarju, fil-każ, fil-fatt, li l-Kummissjoni, fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni formali li hija tibda wara l-eventwali annullament tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, tqis li l-kumpens żejjed li minnu jistgħu jibbenefikaw ċerti produtturi tal-bijogass mhux stabbiliti fl-Isvezja jirrendi l-iskemi kontenzjużi inkompatibbli mas-suq intern, il-modifika tagħhom tkun intiża sabiex tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u mhux sabiex testendih.

47      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 39 iktar ’il fuq, fil-punt 42 tad-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2019, Abaco Energy et vs Il‑Kummissjoni (T‑186/18, mhux ippubblikat, EU:T:2019:206), il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna ma huwiex neċessarjament nieqes minn interess ġuridiku sabiex jaġixxi kontra d-deċiżjoni li tiddikjara din l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern.

48      Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti huwa stabbilit u li r-rikors tagħha huwa ammissibbli, tal-inqas sa fejn, permezz tiegħu, hija ssostni l-ilment dwar il-kumulu kontenzjuż.

49      Qabel ma jiġi eżaminat il-mertu ta’ dan l-ilment, hemm madankollu lok li tingħata deċiżjoni fuq l-argument tal-Kummissjoni bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li r-rikorrenti ma qajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Linji Gwida PAE, li fid-dawl tagħhom, b’mod partikolari tal-punt 116 tagħhom, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi (ara l-punt 10 iktar ’il fuq).

 Fuq largument talKummissjoni bbażat fuq ilħtieġa li jiġi osservat ilpunt 116 talLinji Gwida PAE

50      Skont il-Kummissjoni, il-Linji Gwida PAE ma jippermettu li jiġi attribwit ebda rwol lill-kumulu kontenzjuż għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi. B’hekk, peress li ma invokatx l-illegalità tal-Linji Gwida PAE, ir-rikorrenti ma tistax tikkontesta, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi kumulu fid-Deċiżjonijiet ikkontestati.

51      Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni, bl-adozzjoni ta’ linji gwida li jinkludu regoli ta’ kondotta u bit-tħabbir permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom li hija kienet ser tapplikahom minn dak il-mument għall-każijiet koperti minnhom, tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, bħala prinċipju, tinjora dawn ir-regoli mingħajr ma tkun fi ksur, skont il-każ, tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dawk ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 69, u tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 143).

52      Il-punt 116 tal-Linji Gwida PAE jipprovdi li “il-Kummissjoni tippreżumi l-adegwatezza tal-għajnuna u l-effetti limitati ta’ distorsjoni tal-għajnuna sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra kollha jkunu ntlaħqu”. Madankollu, dan il-punt ma jippreċiżax liema huma l-“kundizzjonijiet l-oħra” li għalihom isir riferiment.

53      F’dan ir-rigward, kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, għandu jiġi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet l-oħra li jsir riferiment għalihom fil-punt 116 tal-Linji Gwida PAE huma, f’dan il-każ, dawk li jinsabu fil-punt 131 ta’ dawn il-linji gwida u li l-istħarriġ tal-osservanza tagħhom jinkludi dak tal-proporzjonalità tal-għajnuna, imsemmija fil-punti 69 u 70 ta’ dawn il-linji gwida.

54      Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-punt 116 tal-Linji Gwida PAE jaqa’ taħt il-Kapitolu 3 tagħhom, iddedikat għall-“kompatibbiltà tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) [TFUE]”.

55      Fi ħdan il-Kapitolu 3, it-Taqsima 3.1 tistabbilixxi l-“prinċipji komuni tal-valutazzjoni” u telenka, fil-punt 27, il-kriterji kumulattivi li miżura ta’ għajnuna għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. Fost dawn il-kriterji hemm, kif jirriżulta mill-punt 27(e) ta’ dawn il-linji gwida, il-proporzjonalità tal-għajnuna, jiġifieri l-limitazzjoni tagħha għall-minimu neċessarju.

56      It-Taqsima 3.2 tal-Linji Gwida PAE, iddedikata għad-“dispożizzjonijiet ġenerali ta’ kompatibilità”, tinkludi preċiżazzjonijiet dwar kull wieħed mill-kriterji previsti fil-punt 27 ta’ dawn il-linji gwida.

57      B’mod partikolari, it-Taqsima 3.2.5 tal-Linji Gwida PAE tirrigwarda l‑“proporzjonalità tal-għajnuna”. Fi ħdan din it-taqsima jidhru l-punti 69 u 70, li jipprovdi li “għajnuna […] tkun meqjusa bħala proporzjonata jekk l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju jkun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex jinkiseb […] l-objettiv […] fil-mira” u, [b]ħala prinċipju ġenerali, l-għajnuna titqies li tkun limitata għall-minimu neċessarju jekk l-għajnuna tikkorrispondi għall-kost nett ekstraneċessarju biex jintlaħaq l-objettiv, imqabbel max-xenarju kontrafattwali fin-nuqqas tal-għajnuna”.

58      Minn dan isegwi li, fost il-“kundizzjonijiet l-oħra” msemmija fil-punt 116 tal-Linji Gwida PAE hemm dik dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna. Din il-kundizzjoni għandha rabta mill-qrib ma’ dik dwar l-assenza ta’ kumpens żejjed. Barra minn hekk, mingħajr ma jissemma espressament, dan il-kunċett tal-aħħar jissemma b’mod partikolari fil-punt 131 tal-imsemmija linji gwida, li huwa fformulat kif ġej:

“Għal enerġija minn sorsi rinnovabbli oħra għajr l-elettriku, l-għajnuna operatorja se titqies kompatibbli mas-suq intern jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)      l-għajnuna għal kull unità ta’ enerġija ma tiżboqx id-differenza bejn it-total tal-kostijiet livellati tal-produzzjoni tal-enerġija (‘LCOE’) mit-teknoloġija partikolari in kwistjoni u l-prezz tas-suq tal-forma tal-enerġija kkonċernata;

(b)      l-LCOE tista’ tinkludi rendiment normali fuq il-kapital. L-għajnuna għall-investiment hija mnaqqsa mit-total tal-investiment fl-ammont fil-kalkolu tal-LCOE;

(c)      il-kostijiet tal-produzzjoni huma aġġornati regolarment, mill-inqas kull sena; u

(d)      l-għajnuna tingħata biss sakemm l-impjant ikun żvalutat għal kollox skont ir-regoli normali ta’ kontabbiltà sabiex jiġi evitat li l-għajnuna operatorja bbażata fuq l-LCOE taqbeż id-deprezzament tal-investiment.”

59      Għandu jiġi enfasizzat li dan il-punt 131 ġie riprodott fil-premessa 50 ta’ kull waħda mid-Deċiżjonijiet ikkontestati, biż-żieda, bejn parenteżi, tal-preċiżazzjoni “no overcompensation” (ebda kumpens żejjed), wara d-definizzjoni tal-kundizzjoni prevista fl-imsemmi punt (a).

60      Għandu jiġi kkonstatat li l-Linji Gwida PAE ma jispeċifikawx li l-kumpens żejjed biss li għandu jiġi evitat sabiex għajnuna tkun proporzjonata huwa dak li jista’ jirriżulta mill-kumulu ta’ għajnuna li toriġina mill-istess Stat Membru. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex raġun meta ssostni li l-Linji Gwida PAE jipprekluduha milli teżamina l-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni mas-suq intern.

61      Konsegwentement, il-punt 116 tal-Linji Gwida PAE ma jeżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu li tfittex jekk il-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż, invokat mir-rikorrenti, kienx iqajjem diffikultajiet serji, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-iskemi kontenzjużi. Il-fatt li r-rikorrenti ma qajmet ebda eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni huwa għalhekk irrilevanti għal dan il-każ.

62      Għaldaqstant, hemm lok li dan l-argument tal-Kummissjoni jiġi miċħud u li tiġi eżaminata l-fondatezza tal-ilment dwar il-kumulu kontenzjuż.

 Fuq ilfondatezza talilment dwar ilkumulu kontenzjuż

63      Wara li tfakkru l-prinċipji relatati mal-istħarriġ ġudizzjarju dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, għandhom jiġu eżaminati l-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ kellha f’dan il-każ, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji relatati mal-kumpens żejjed u, fl-aħħar nett, l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni u tar-Renju tal-Isvezja li skontha huwa eskluż li l-iskemi kontenzjużi jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni għajnuna mogħtija minn Stati Membri oħra, minħabba li dan it-teħid inkunsiderazzjoni jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew l-Artikolu 110 TFUE.

 Fuq listħarriġ ġudizzjarju dwar leżistenza ta’ diffikultajiet serji

64      Skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 2015/1589, tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, kellhiex oġġettivament tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq intern, peress li, jekk jeżistu, tali dubji għandhom jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu huwa kkonfermat mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, li skontu l-Kummissjoni hija marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali meta l-miżura inkwistjoni tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, mingħajr ma għandha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punti 113 u 185 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digriet tal‑25 ta’ Ġunju 2019, Fred Olsen vs Naviera Armas, C‑319/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:542, punt 30; u s-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 57).

65      Il-prova tal-eżistenza ta’ dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna inkwistjoni, li għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kif ukoll fil-kontenut tagħha, għandha tiġi prodotta minn min jitlob l-annullament ta’ din id-deċiżjoni, abbażi ta’ sensiela ta’ indizji konkordanti (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata)

66      B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni waqt il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari tikkostitwixxi indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tal-miżura inkwistjoni, li l-preżenza tagħhom tobbligaha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      Barra minn hekk, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet meħuda fi tmiem il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni mhux biss abbażi tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha fil-mument meta adottatha, iżda wkoll abbażi ta’ informazzjoni li hija seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 42 u l-ġurisprudenzza ċċitata).

68      Issa, l-informazzjoni li l-Kummissjoni “seta’ kellha għad-dispożizzjoni tagħha” tinkludi dik li kienet tidher rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 64 iktar ’il fuq u dik li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni tagħha matul il-proċedura amministrattiva (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata tmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali sabiex ikollha, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-legalità ta’ deċiżjoni li ma tinfetaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minħabba l-assenza ta’ diffikultajiet serji ma jistax ikun limitat għat-tfittxija tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni mingħajr ma tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tista’ tiġi annullata, minħabba li tkun nieqsa l-investigazzjoni kontradittorja u approfondita prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, anki jekk ma jkunx stabbilit li l-evalwazzjonijiet li jkunu saru fil-mertu mill-Kummissjoni kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2020, První novinová společnost vs Il‑Kummissjoni, T‑316/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:489, punti 88, 90 u 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali ma huwiex għalhekk ristrett (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, a&o hostel u hotel Berlin vs Il‑Kummissjoni, T‑578/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:437, punt 66).

 Fuq lelementi li lKummissjoni kellha jew seta’ kellha f’dan ilkaż

71      Għandu jiġi rrilevat li, bħala anness għall-ittra tagħha lill-Kummissjoni tat‑18 ta’ Ottubru 2019, li kienet tirrigwarda prinċipalment l-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass mogħtija mir-Renju tad-Danimarka, ir-rikorrenti pproduċiet studju li kien jenfasizza li s-suq ġeografiku tal-bijogass kien issa transnazzjonali u kien jinkludi tal-inqas lid-Danimarka, l-Isvezja, il-Ġermanja u r-Renju Unit. Dan l-istudju kompla billi indika li l-bijogass seta’ jiġi sostnut kemm permezz ta’ għajnuna għall-produzzjoni tiegħu kif ukoll permezz ta’ miżuri ta’ inċentiv fir-rigward tad-domanda, bħal eżenzjonijiet fiskali. Ġie ppreċiżat li, għalkemm dawn id-diversi forom ta’ sostenn setgħu jeżistu flimkien fi Stat Membru wieħed, ma kienx permess li dawn jiġu akkumulati fuq livell nazzjonali. B’hekk, skont dan l-istudju, fil-Ġermanja, l-enerġija ġġenerata mill-bijogass li kienet ibbenefikat minn għajnuna għall-produzzjoni ma setgħetx tibbenefika mill-għajnuna l-oħra prevista għall-bejgħ ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, l-imsemmi studju ppreċiża li kumulu seta’ jseħħ u jagħti lok għal “sussidju doppju” jew għal “għajnuna eċċessiva”, meta l-għajnuna għall-produzzjoni u l-eżenzjonijiet fiskali jkunu ġejjin minn Stati Membri differenti. Dan l-istudju kien jindika wkoll li s-sovrapożizzjoni bejn l-iskemi ta’ għajnuna adottati minn Stati Membri differenti setgħu jikkawżaw kumpens żejjed u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-eżempju mogħti dwar dan is-suġġett kien jirrigwarda preċiżament l-għajnuna Daniża u dik Svediża.

72      Bl-istess mod, fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni tad‑19 ta’ Ġunju 2020, li kienet tirrigwarda l-għajnuna Daniża, ir-rikorrenti madankollu enfasizzat ir-rabta bejn din l-għajnuna u l-eżenzjonijiet fiskali mogħtija mill-Isvezja. Hija rreferiet speċifikament għad-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni kienet approvat l-iskemi ta’ għajnuna Svediżi li ġew estiżi, b’adattamenti minuri, permezz tad-Deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, l-istudju anness ma’ din l-ittra kien jinkludi elementi simili għal dawk li jinsabu fl-istudju msemmi fil-punt 71 iktar ’il fuq.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, informazzjoni dwar l-effetti possibbli ta’ kumulu tal-eżenzjonijiet fiskali mogħtija mir-Renju tal-Isvezja u ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass mogħtija minn Stati Membri oħra, b’mod partikolari mir-Renju tad-Danimarka.

74      Barra minn hekk, kif ikkonferma r-Renju tal-Isvezja, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass kienet tibbenefika minn għajnuna mogħtija mir-Renju tad-Danimarka kien ta’ għarfien pubbliku. Iktar minn hekk, ir-Renju tal-Isvezja jammetti li, f’digriet governattiv tal‑31 ta’ Mejju 2018, prodott mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, ġie rrilevat li l-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass mogħtija mir-Renju tad-Danimarka, meta din kienet magħquda mal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, setgħet tagħti lok għal deterjorament tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni tal-bijogass fl-Isvezja. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta minn żewġ rapporti annessi mar-rikors u kif ikkonfermat il-Kummissjoni fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, minn Ottubru 2018, ir-Renju tal-Isvezja ta lill-produtturi tal-bijogass stabbiliti fit-territorju tiegħu għajnuna għall-produzzjoni minħabba l-fatt li produtturi stabbiliti fi Stati Membri oħra setgħu jibbenefikaw mill-kumulu kontenzjuż.

75      Għalhekk, waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kellha informazzjoni dwar il-kumulu kontenzjuż.

76      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li r-rikorrenti ma ppreżentatx ilment, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, sabiex turi li hija ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar il-kumulu kontenzjuż.

77      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 2015/1589 huwa fformulat kif ġej:

“2.      Kull parti interessata tista’ tippreżenta lment biex tinforma lill-Kummissjoni dwar xi għajnuna allegatament kontra l-liġi jew allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Għal dak il-għan, il-parti interessata għandha timla formola li tkun ġiet stabbilita f’dispożizzjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 33 u għandha tipprovdi kull informazzjoni obbligatorja mitluba fiha.

Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-parti interessata ma tikkonformax mal-formola obbligatorja tal-ilmenti jew li l-fatti u l-punti tal-liġi mressqa mill-parti interessata ma jipprovdux biżżejjed raġunijiet biex juru, fuq il-bażi ta’ eżami prima facie, li hemm għajnuna kontra l-liġi jew użu ħażin ta’ għajnuna, għandha tinforma lill-parti interessata u tistedinha tagħmel il-kummenti tagħha f’perjodu stabbilit li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. Jekk il-parti interessata tonqos milli tesponi l-fehmiet tiegħu fil-perjodu stabbilit, l-ilment jitiqies li jkun ġie irtirat. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat meta lment jitqies li jkun ġie rtirat.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tad-deċiżjoni dwar każ li jikkonċerna s-suġġett tal-ilment lil min ikun ilmenta.”

78      B’hekk, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 jirrigwarda għajnuna li, jew hija preżunta “illegali”, fis-sens tal-Artikolu 1(f) ta’ dan ir-regolament, sa fejn din tkun ġiet implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, li skontu kull miżura ta’ għajnuna proposta għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implimentata qabel id-deċiżjoni finali tagħha, jew hija preżunta li ġiet “applikata b’mod abbużiv”, fis-sens tal-Artikolu 1(g) tal-imsemmi regolament, sa fejn tkun ġiet użata mill-benefiċjarji bi ksur tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddikjaratha kompatibbli mas-suq intern.

79      Huwa biss fir-rigward ta’ dawn l-istudji, kif iddefiniti fl-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589, li l-Artikolu 24(2) tal-istess regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1) tiegħu, jagħti lil parti interessata d-dritt li tagħti bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, billi tibgħat lill-Kummissjoni, fil-forma ta’ formularju speċifiku, ilment li jinkludi informazzjoni dwar tali għajnuna, li din hija obbligata tinvestiga fl-ambitu ta’ proċedura li tipprevedi ċerti drittijiet għal-lanjant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, Marinvest u Porting vs Il‑Kummissjoni, T‑728/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:325, punti 38 sa 40; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 37).

80      Skont il-ġurisprudenza, meta jkun tressaq tali lment, il-Kummissjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun marbuta tinvestigah billi tmur lil hinn mill-eżami biss tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt miġjuba għall-konoxxenza tagħha mil-lanjant. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija obbligata, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, li tipproċedi b’investigazzjoni diliġenti u imparzjali tal-ilment, li jista’ jirrendi neċessarju li l-Kummissjoni teżamina elementi li ma jkunux ġew espressament invokati mil-lanjant (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2018, Naviera Armas vs Il‑Kummissjoni, T‑108/16, EU:T:2018:145, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Issa, din il-kawża ma tirrigwardax l-għajnuna jew il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589, iżda għajnuna li ġiet debitament innotifikata lill-Kummissjoni mir-Renju tal-Isvezja u li l-applikazzjoni tagħha skont id-Deċiżjonijiet ikkontestati ma hijiex ikkontestata f’dan il-każ.

82      Konsegwentement, peress li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589 ma huwiex applikabbli, il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq hija irrilevanti f’dan il-każ.

83      Madankollu, il-Kummissjoni kienet obbligata, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 67 sa 69 iktar ’il fuq, li tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-elementi li hija kellha jew seta’ jkollha, li ma humiex limitati għal dawk li kienu ġew ippreżentati f’ilment fis-sens tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 2015/1589.

84      Barra minn hekk, minkejja li ma huwiex l-oneru tal-Kummissjoni li tfittex, fuq inizjattiva tagħha stess u fl-assenza ta’ kull indizju f’dan is-sens, l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha rabta mal-każ adita bih, anki jekk tali informazzjoni tkun tinsab fil-qasam pubbliku (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), f’dan il-każ, ir-rikorrenti kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni elementi dwar l-effetti tal-kumulu bejn l-eżenzjonijiet fiskali mogħtija mir-Renju tal-Isvezja u l-għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass mogħtija minn Stati Membri oħra, b’mod partikolari mir-Renju tad-Danimarka.

85      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, meta eżaminat l-iskemi kontenzjużi, kellha informazzjoni dwar l-effetti li jistgħu jirriżultaw mill-kumulu kontenzjuż. Barra minn hekk, il-Kummissjoni seta’ jkollha, kieku qieset dan neċessarju, elementi addizzjonali li hija setgħet titlob lir-rikorrenti tipprovdilha.

86      Madankollu, hekk kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, għandu jiġi vverifikat jekk l-elementi, li jinsabu fl-ittri tar-rikorrenti u fl-istudji annessi magħhom, kinux rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern. Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-elementi, dwar eventwali kumpens żejjed, setgħux juru l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fid-determinazzjoni ta’ tali kompatibbiltà. Fil-fatt, huwa biss fil-każ affermattiv li għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il-Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 85).

 Fuq leżistenza ta’ diffikultajiet serji dwar ilkumpens żejjed

87      Mill-kunsiderazzjonijiet prinċipali tad-Deċiżjonijiet ikkontestati dwar il-kumpens żejjed, miġbura fil-qosor fil-punt 9 iktar ’il fuq, jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, kien neċessarju, sabiex l-iskemi kontenzjużi jkunu jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern, li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni ma jagħtux lok għal kumpens żejjed.

88      Madankollu, id-Deċiżjonijiet ikkontestati ma jippreċiżawx jekk il-kumpens żejjed previst jirriżultax biss minn kumulu eventwali tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni ma’ għajnuna oħra mogħtija mir-Renju tal-Isvezja jew jistax jirriżulta wkoll mill-kumulu kontenzjuż.

89      Il-Kummissjoni spjegat li, waqt l-eżami tal-kumpens żejjed, hija llimitat ruħha li tistudja l-eventwali kumulu tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni ma’ miżuri oħra ta’ għajnuna adottati mir-Renju tal-Isvezja. Fil-fehma tagħha, it-teħid inkunsiderazzjoni addizzjonali ta’ eventwali għajnuna mogħtija fi Stat Membru ieħor la huwa previst mil-Linji Gwida PAE u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk jeżistix kumpens żejjed favur il-benefiċjarji tal-imsemmija eżenzjonijiet.

90      Ir-Renju tal-Isvezja, min-naħa tiegħu, invoka l-fatt li r-rapporti tal-Aġenzija Svediża tal-Enerġija, li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex teskludi, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, jieħdu inkunsiderazzjoni indirettament l-għajnuna mogħtija mir-Renju tad-Danimarka. Madankollu, hija ppreċiżat, bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali, li l-istħarriġ tal-assenza ta’ kumpens żejjed imwettaq mill-Aġenzija Svediża tal-Enerġija kien isir fuq livell nazzjonali u li ma kienx jeżisti obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-għajnuna għall-produzzjoni eventwalment mogħtija minn Stati Membri oħra li minnha seta’ jibbenefika l-bijogass importat fl-Isvezja.

91      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġu adottati d-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni eżaminat biss il-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu ta’ diversi għajnuniet mogħtija mir-Renju tal-Isvezja. B’dan il-mod, il-Kummissjoni eskludiet li l-kumulu kontenzjuż jista’ jqajjem diffikultajiet serji fid-determinazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern, li huwa biss permezz tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali li dan seta’ jiġi ċċarat. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk din l-esklużjoni hijiex iġġustifikata.

92      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE:

“Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

93      Skont l-Artikolu 107(3) TFUE:

“It-tipi ta’ għajnuna li ġejjin jistgħu jkunu kunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern:

[…]

c)      għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.”

94      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, qabel ma tiddeċiedi jekk għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c), hija obbligata teżamina l-effetti tagħha fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, tadotta deċiżjonijiet ibbażati fuq din id-dispożizzjoni wara l-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tikkonkludi, mingħajr ma din il-kwistjoni tqajjem diffikultajiet serji, li l-għajnuna kkonċernata ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

95      Fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, adottati skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament 2015/1589, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li hija ma kellhiex tqajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskemi kontenzjużi, li kienu jikkostitwixxu l-estensjoni ta’ skemi diġà kkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

96      Madankollu, il-Kummissjoni, anki biss abbażi tal-informazzjoni pprovduta lilha mir-rikorrenti (ara l-punti 71 sa 73 iktar ’il fuq), ma setgħetx ma tkunx taf bil-fatt li l-importazzjonijiet fl-Isvezja ta’ bijogass prodott fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari fid-Danimarka, kienu żdiedu b’mod sinjifikattiv matul is-snin ta’ qabel in-notifika tal-iskemi kontenzjużi, għad-detriment tal-bijogass minn Stati Membri oħra, minħabba l-eżistenza tal-kumulu kontenzjuż.

97      Konsegwentement, anki jekk l-iskemi kontenzjużi ma kienx fihom emendi fundamentali li jaffettwaw l-iskemi li kienu fis-seħħ fl-Isvezja għal diversi snin, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern, l-effett tal-kumulu kontenzjuż fuq l-importanza dejjem tikber tal-importazzjonijiet ġejjin minn ċerti Stati Membri.

98      Ċertament, il-Kummissjoni ma injoratx dawn l-elementi, peress li hija insistiet fuq in-neċessità li l-iskemi kontenzjużi japplikaw bl-istess mod għall-bijogass prodott fl-Isvezja u għall-bijogass importat. Madankollu, l-eżami tagħha tal-eżistenza ta’ kumpens żejjed eventwali kien limitat għad-dimensjoni nazzjonali tiegħu, kif ġie rrilevat fil-punt 89 iktar ’il fuq.

99      Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 66 iktar ’il fuq, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari fir-rigward tal-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż hija indizju tal-eżistenza ta’ diffikultajiet serji. Kif jirriżulta mill-punti 55 sa 59 iktar ’il fuq, minn naħa, għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jekk din ma tosservax il-kundizzjoni dwar il-proporzjonalità. Min-naħa l-oħra, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-kwistjoni tal-assenza ta’ kumpens żejjed hija marbuta mill-qrib ma’ dik tal-proporzjonalità tal-iskemi kontenzjużi. Konsegwentement, il-fatt li l-Kummissjoni analizzat l-assenza ta’ kumpens żejjed b’mod insuffiċjenti u inkomplet, sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kumulu kontenzjuż, jista’ jkun biżżejjed, f’dan il-każ, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji.

100    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-każ li, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja, ikun eskluż li l-iskemi kontenzjużi jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni għajnuna mogħtija minn Stati Membri oħra, għar-raġuni li dan it-teħid inkunsiderazzjoni jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew l-Artikolu 110 TFUE, il-kwistjoni tal-kumpens żejjed li tista’ tirriżulta mill-kumulu kontenzjuż ma tkunx tagħti lok għal diffikultajiet serji.

101    Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jekk il-proċedura prevista fl-Artikoli 107 u 108 TFUE tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat mar-rekwiżiti tas-suq intern, mill-istruttura ġenerali tat-Trattati jirriżulta li din il-proċedura ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jew dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw it-taxxi interni, fosthom l-Artikolu 110 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ April 2002, Nygård, C‑234/99, EU:C:2002:244, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, T‑359/04, EU:T:2010:366, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, għajnuna ma tistax tiġi stabbilita jew awtorizzata taħt forma ta’ diskriminazzjoni fiskali, min-naħa ta’ Stat Membru, fir-rigward ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, T‑359/04, EU:T:2010:366, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq ilprinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

102    Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jew ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattamenti ma jkunux oġġettivament iġġustifikati (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, IPPT PAN vs Il‑Kummissjoni u REA, T‑805/16, mhux ippubblikata, EU:T:2019:496, punt 216 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Settembru 2012, Koninklijke BAM Groep vs Il‑Kummissjoni, T‑355/06, mhux ippubblikata, EU:T:2012:486, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    In-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-miżura statali li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħthom taqa’ l-miżura statali inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Il‑Lussemburgu vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑176/09, EU:C:2011:290, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li hija żgurat ruħha li l-iskemi kontenzjużi kienu josservaw il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, sa fejn hija kisbet mir-Renju tal-Isvezja l-garanzija li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni japplikaw indipendentement mill-oriġini tal-bijogass mibjugħ fl-Isvezja, kemm jekk dan ikun il-bijogass prodott f’dan l-Istat Membru kif ukoll il-bijogass prodott fi Stati Membri oħra u importat fl-Isvezja.

105    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għan tal-iskemi kontenzjużi, il-bejgħ tal-bijogass li l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tiegħu jkunu ġew ikkumpensati ma jikkostitwixxix sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-bejgħ ta’ bijogass li l-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni tiegħu jkunu għadhom ma ġewx ikkumpensati.

106    Fil-fatt, kif jirriżulta mid-Deċiżjonijiet ikkontestati (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni huma intiżi sabiex jagħmlu l-bijogass kompetittiv meta mqabbla mal-gassijiet fossili, minkejja l-fatt li l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-ewwel huma ogħla minn dawk tat-tieni.

107    Issa, jekk l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bijogass, ogħla minn dawk tal-gass fossili, diġà ġew ikkumpensati b’għajnuna mogħtija mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu seħħet il-produzzjoni tiegħu, l-għoti tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni lill-bijogass importat fl-Isvezja jitlef l-iskop tiegħu.

108    Mid-Deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta li l-Kummissjoni tammetti l-eżistenza ta’ differenza bejn il-bejgħ tal-bijogass li l-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni tiegħu jkunu ġew ikkumpensati u l-bejgħ tal-bijogass li l-ispejjeż addizzjonali tal-produzzjoni tiegħu jkunu għadhom ma ġewx ikkumpensati. Fil-fatt, fir-rigward tal-bijogass prodott fl-Isvezja, hija żgurat ruħha li ma kienx jeżisti kumpens żejjed wara l-kumulu tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni ma’ għajnuna oħra mogħtija mill-awtoritajiet Svediżi għall-produzzjoni tal-bijogass f’dan l-Istat Membru. Madankollu, id-differenza bejn is-sitwazzjoni li fiha l-bijogass li l-ispejjeż addizzjonali tiegħu jkunu diġà ġew ikkumpensati u dik li fiha l-ispejjeż addizzjonali tal-bijogass ma jkunux diġà ġew ikkumpensati teżisti anki meta dan il-kumpens jirriżulta minn għajnuna mogħtija minn Stati Membri oħra minbarra r-Renju tal-Isvezja.

109    Konsegwentement, ħlief fil-każ ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, iż-żewġ okkorrenzi ta’ bejgħ imsemmija fil-punt 105 iktar ’il fuq ma jistgħux jiġu ttrattati bl-istess mod, fis-sens li dawn jibbenefikaw mill-istess eżenzjoni fiskali, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-bijogass mibjugħ fl-Isvezja ġiex prodott fit-territorju nazzjonali jew ġiex importat.

110    Issa, fid-Deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu inkwistjoni. B’dan il-mod, hija ma applikatx il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-“sitwazzjonijiet” li għandhom, skont dan il-prinċipju, jiġu pparagunati. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 64 u 66 iktar ’il fuq u skont il-kunsiderazzjonijiet ifformulati fil-punt 99 iktar ’il fuq, dan il-fatt juri l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li jagħtu lok għall-obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

111    Barra minn hekk, anki jekk jitqies li, kif issostni l-Kummissjoni, huwa impossibbli, mill-perspettiva fattwali, li jiġu eżaminati s-sovrapożizzjonijiet bejn l-iskemi ta’ għajnuna previsti fi Stat Membru u dawk fis-seħħ fi Stati Membri oħra, għandu jiġi rrilevat li, kif ammettiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jikkonstatawx din l-impossibbiltà. A fortiori, huma ma jikklassifikawx din bħala ġustifikazzjoni oġġettiva.

112    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-osservanza neċessarja tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma tippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-effett tal-kumulu kontenzjuż fuq il-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern.

 Fuq lArtikolu 110 TFUE

113    Kif ġie rrilevat fil-punt 100 iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif isostnu l-Kummissjoni u r-Renju tal-Isvezja, l-Artikolu 110 TFUE jipprekludix li l-iskemi kontenzjużi jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni għajnuna mogħtija minn Stati Membri oħra.

114    Skont l-Artikolu 110 TFUE:

“Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.

Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra.”

115    Skont il-ġurisprudenza, fl-ewwel lok, mill-Artikolu 110 TFUE jirriżulta li d-differenzi fil-qasam tat-tassazzjoni interna huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni biss jekk dawn ifittxu għanijiet kompatibbli, huma wkoll, ma’ dan id-dritt u jekk il-modalitajiet tagħhom ikunu ta’ natura li jevitaw kull forma ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stati Membri oħra, jew ta’ protezzjoni favur produzzjonijiet nazzjonali kompetituri. Għalhekk, fl-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, id-dritt tal-Unjoni ma jirristrenġix, fl-istat attwali tal-evoluzzjoni tiegħu, il-libertà ta’ kull Stat Membru li jistabbilixxi sistema ta’ tassazzjoni ddifferenzjata għal ċerti prodotti, anki simili fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE, skont kriterji oġġettivi, bħan-natura tal-materja prima użata jew il-proċessi ta’ produzzjoni applikati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu, C‑213/96, EU:C:1998:155, punt 30, u tal‑14 ta’ April 2021, Achema u Lifosa vs Il‑Kummissjoni, T‑300/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:191, punt 220).

116    Fit-tieni lok, il-leġittimità ta’ ċerti eżenzjonijiet jew ta’ ċertu tnaqqis fiskali, b’mod partikolari meta jkollhom bħala għan li jippermettu ż-żamma ta’ produzzjonijiet jew ta’ impriżi li, mingħajr dawn il-vantaġġi ta’ natura fiskali, ma jkunux iktar profittabbli minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Istati Membri li jużaw dawn il-possibbiltajiet jestendu l-benefiċċju, b’mod nondiskriminatorju u mhux protettiv, għall-prodotti importati li jinsabu fl-istess kundizzjonijiet, fl-osservanza tal-Artikolu 110 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2010, British Aggregates et vs Il‑Kummissjoni, T‑359/04, EU:T:2010:366, punti 93 sa 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    It-tielet, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 110 TFUE jkunu ssodisfatti meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tkun tippermetti li tiġi applikata, fir-rigward ta’ oġġett li joriġina minn Stat Membru ieħor, sistema fiskali li tista’ titqies li tikkostitwixxi l-ekwivalenti tas-sistema applikata għal dan l-oġġett meta dan jiġi prodott fl-ewwel Stat Membru (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ottubru 1980, Schneider-Import, 26/80, EU:C:1980:257, punti 10 u 15).

118    Minn dan isegwi li, meta l-bejgħ, fi Stat Membru, ta’ prodotti nazzjonali jew importati simili, ma jkunx profittabbli fl-assenza ta’ vantaġġi ta’ natura fiskali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 110 TFUE jipprekludi li prodotti importati jkunu suġġetti għal diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, meta mqabbla mal-prodotti nazzjonali, sa fejn dawn ikunu suġġetti għal tassazzjoni ogħla minn dik applikata għal dawn il-prodotti tal-aħħar. Għall-kuntrarju, trattament fiskali ddifferenzjat huwa kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni meta dan it-trattament ikun ir-riżultat ta’ kriterji oġġettivi u jkun jippermetti li tiġi evitata kull forma ta’ diskriminazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn Stati Membri oħra.

119    Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għal dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li dan jippreżenta partikolarità, b’paragun mas-sitwazzjonijiet imsemmija mill-ġurisprudenza, dwar il-fatt li l-bijogass kollu mibjugħ fl-Isvezja, kemm jekk ikun ġie prodott f’dan l-Istat Membru kif ukoll jekk ikun ġie importat hemmhekk, jibbenefika mill-istess eżenzjonijiet fiskali. Barra minn hekk, fir-rigward tal-bijogass importat, dawn l-eżenzjonijiet, li huma totali, jingħataw mingħajr ma ssir distinzjoni skont jekk l-Istat Membru li fih ġie prodott dan il-bijogass ikunx ta jew le għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass.

120    Għal raġunijiet marbuta mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni żgurat ruħha li l-bijogass prodott fl-Isvezja ma kienx jibbenefika minn kumpens żejjed (ara l-punt 108 iktar ’il fuq). Konsegwentement, hija ma tistax issostni li l-bijogass importat minn Stati Membri oħra huwa s-suġġett ta’ diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 110 TFUE jekk dan kien jibbenefika mill-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni bil-kundizzjoni biss li jiġi eskluż kull kumpens żejjed konsekuttiv għall-kumulu ta’ dawn l-eżenzjonijiet u ta’ eventwali għajnuna mogħtija minn Stati Membri oħra lill-produtturi ta’ dan il-bijogass, qabel ma jiġi esportat lejn l-Isvezja. Fil-fatt, din il-kundizzjoni, li hija marbuta mal-assenza ta’ kumpens żejjed, hija analoga għal dik meħtieġa għall-bijogass prodott fl-Isvezja.

121    Ċertament, sabiex jiġi evitat kull kumpens żejjed, il-bijogass importat minn ċerti Stati Membri jista’ għalhekk jiġi suġġett, fl-Isvezja, għal taxxa interna li, peress li ma tipprevedix eżenzjonijiet fiskali jew tipprevedi eżenzjonijiet inqas sinjifikattivi minn dawk inkwistjoni, tkun ogħla minn dik imposta fuq il-bijogass prodott fl-Isvezja. Madankollu, dan ir-riżultat ma huwiex neċessarjament diskriminatorju. Fil-fatt, fir-rigward ta’ din il-kategorija tal-aħħar tal-bijogass, il-Kummissjoni żgurat li teskludi, qabel ma tikkunsidra li l-iskemi kontenzjużi kienu kompatibbli mas-suq intern, li l-kumulu ta’ għajnuna ta’ natura fiskali u ta’ għajnuna għall-produzzjoni jagħti lok għal kumpens żejjed.

122    Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ kumpens żejjed tista’ titqies bħala kriterju oġġettiv li jippermetti li jiġu applikati l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni biss għall-bijogass, domestiku jew importat, li l-ispejjeż addizzjonali ta’ produzzjoni tiegħu meta mqabbla mal-gassijiet fossili ma jkunux diġà ġew ikkumpensati minn għajnuna oħra, indipendentement mill-Istat Membru li jkun ta din l-għajnuna l-oħra u bla ħsara għall-possibbiltà li tiġi aġġustata r-rata tal-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni skont l-importanza ta’ din l-għajnuna l-oħra. Din id-distinzjoni, ibbażata fuq kriterju oġġettiv, hija ta’ natura li tevita d-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-kumpens diġà mogħti lill-bijogass importat minn ċerti Stati Membri.

123    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, sistema ta’ tassazzjoni jkollha effett diskriminatorju u protettiv kontra l-Artikolu 110 TFUE meta twassal sabiex tibdel ix-xiri ta’ prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra bix-xiri tal-prodotti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 1990, Il‑Kummisjoni vs Il‑Greċja, C‑132/88, EU:C:1990:165, punti 18 u 19).

124    Huwa paċifiku li dan ma huwiex il-każ fil-każ tal-iskemi kontenzjużi. Fir-realtà, fin-nuqqas ta’ miżuri meħuda sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż, l-iskemi kontenzjużi joħolqu diskriminazzjoni fil-konfront tal-bijogass prodott fl-Isvezja favur il-bijogass prodott fi Stati Membri oħra li jagħtu għajnuna għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijogass. Dan ir-riżultat ma jistax jitqies li huwa impost mill-obbligu tal-iskemi kontenzjużi li josservaw l-Artikolu 110 TFUE, li l-għan tiegħu huwa dak li jipprekludi li Stat Membru jiffavorixxi l-produzzjoni tiegħu għad-detriment ta’ dawk tal-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dan l-artikolu ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni fejn Stat Membru jagħti lill-prodotti li huwa jimporta minn ċerti Stati Membri trattament fiskali iktar favorevoli minn dak li huwa jagħti lil prodotti simili li huwa jimporta minn Stati Membri oħra.

125    Għandu jiġi rrilevat li, fil-partijiet tad-Deċiżjonijiet ikkontestati li jittrattaw l-osservanza tad-dritt fiskali tal-Unjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkonstatat li l-iskemi kontenzjużi ma kinux jagħtu lok għal kumpens żejjed u li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni kienu applikabbli indipendentement mill-oriġini tal-bijogass. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li kienu jeżistu diffikultajiet serji f’dan ir-rigward, filwaqt li l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 115 sa 124 iktar ’il fuq juru li tali diffikultajiet kienu jeżistu u kellhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

126    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-osservanza neċessarja tal-Artikolu 110 TFUE lanqas ma kienet tippermetti li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-effett tal-kumulu kontenzjuż fuq il-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern.

 Konklużjonijiet fuq lilment dwar ilkumulu kontenzjuż

127    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti wriet, billi bbażat ruħha fuq elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ jkollha waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet ikkontestati, li l-analiżi tal-kompatibbiltà tal-iskemi kontenzjużi mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE kienet tippreżenta diffikultajiet serji marbuta mal-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-Artikolu 110 TFUE. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni kellha teżamina l-imsemmija diffikultajiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minflok ma tadotta d-Deċiżjonijiet ikkontestati fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari.

128    Sa fejn dawn id-diffikultajiet serji jirrigwardaw prinċipju u dispożizzjoni li jaqgħu taħt id-dritt primarju, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Renju tal-Isvezja dwar il-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kumpens żejjed li jista’ jirriżulta mill-kumulu kontenzjuż imur kontra diversi atti tad-dritt sekondarju, li minnhom tirriżulta projbizzjoni li jiġu ffissati rati ta’ tassazzjoni differenti fuq prodotti li joriġinaw minn Stati Membri differenti.

129    Konsegwentement, l-ilment dwar il-kumulu kontenzjuż għandu jintlaqa’ u d-Deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti.

 Fuq lispejjeż

130    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

131    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Ir-Renju tal-Isvezja għandu għalhekk ibati l-ispejjeż tiegħu stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4489 final tad29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56125 (2020/N) – L-Isvezja – Prolongation and modification of SA.49893 (2018/N) – Tax exemption for non-food based biogas and bio-propane in heat generation, hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 4487 final tad29 ta’ Ġunju 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56908 (2020/N) – L-Isvezja – Prolongation and modification of biogas scheme for motor fuel in Sweden, hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti minn Landwärme GmbH.

4)      Ir-Renju tal-Isvezja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

Da Silva Passos

Valančius

Reine

Truchot

 

      Sampol Pucurull

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.