Language of document : ECLI:EU:T:2024:292

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla Estiża)

8 ta’ Mejju 2024 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta żarbun – Disinn Komunitarju preċedenti – Raġunijiet għal invalidità – Karattru individwali – Artikolu 25(1)(b) u Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002

Fil-Kawża T‑758/22,

Puma SE, stabbilita fi Herzogenaurach (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Schunke u P. Trieb, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO li kienet

Fujian Daocheng Electronic Commerce Co. Ltd, stabbilita fi Quanzhou (Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn F. Schalin (Relatur), President, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm, G. Steinfatt u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász-Tóth, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑18 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Puma SE, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑21 ta’ Settembru 2022 (Każ R 1876/2021-3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fl‑1 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn Komunitarju rreġistrat wara applikazzjoni ppreżentata minn Fujian Daocheng Electronic Commerce Co. Ltd fit‑23 ta’ Diċembru 2020 u li hija rrappreżentata fl-immaġini li ġejjin:

Image not found

3        Il-prodott li għalih huwa intiż li jiġi applikat id-disinn ikkontestat jaqa’ fil-klassi 02–04 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat-8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifika internazzjonali għad-disinni industrijali, kif emendat, u kien jikkorrispondi għad-deskrizzjoni segwenti: . “Xedd is-saqajn”.

4        Il-motiv invokat insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kien dak imsemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142), moqri flimkien mal-Artikoli 6(1) tal-istess regolament.

5        It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienet ibbażata fuq l-assenza ta’ karattru individwali tad-disinn ikkontestat, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-disinni preċedenti u tal-prodotti rrappreżentati li ġejjin:

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0005 (iktar ’il quddiem id-“D 1”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0006 (iktar ’il quddiem id-“D 2”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0003 (iktar ’il quddiem id-“D 3”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0002 (iktar ’il quddiem id-“D 4”):

Image not found

–        id-disinn preċedenti Nru 1286116–0001 (iktar ’il quddiem id-“D 5”):

Image not found

–        il-prodott “NRGY v2” tat-trade mark PUMA li jidher fil-katalgu “Run/Train/Fit A/W 2016” (iktar ’il quddiem id-“D 6”):

Image not found

–        il-prodott “Mega NRGY Knit” ippreżentat fil-katalgu “Run/Train/Fit A/W 2017” (iktar ’il quddiem id-“D 7”):

Image not found

6        Fl‑10 ta’ Settembru 2021, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat minħabba li dan tal-aħħar kellu karattru individwali.

7        Fit‑8 ta’ Novembru 2021, ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

8        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-appell. L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, essenzjalment, li d-disinni preċedenti D 1 sa D 7 kienu ġew żvelati lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002. It-tieni nett, fir-rigward tad-definizzjoni tal-utent avżat fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, huwa qies li dan kien persuna li tixtri abitwalment żraben u li turi livell ta’ attenzjoni relattivament għoli. It-tielet nett, fir-rigward tal-libertà ta’ kreazzjoni, huwa rrileva li d-disinjatur kellu grad għoli ta’ libertà f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ żraben u, b’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-istruttura, il-forma, il-materjal, il-kulur, id-disinni u l-elementi dekorattivi. Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-impressjoni globali, huwa qies li d-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 1 sa D 7 kienu jagħtu impressjoni globali differenti lill-utent avżat. Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkonkluda li ma kienx hemm lok li d-disinn ikkontestat jiġi ddikjarat invalidu skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament.

 It-talbiet tal-partijiet

9        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara l-invalidità tad-disinn ikkontestat;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż, inkluż l-ispejjeż tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

10      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż fil-każ li tinżamm seduta.

 Id-dritt

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti

11      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel kap tat-talbiet, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara d-disinn ikkontestat invalidu.

12      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, permezz ta’ din it-talba, ir-rikorrenti fformulat, skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament Nru 6/2002, talba għal bidla intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2018, Şölen Çikolata Gıda Sanayi ve Ticaret vs EUIPO – Zaharieva (Imballaġġ għall-kornets tal-ġelat), T‑794/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:70, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-mertu

13      Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, sa fejn, essenzjalment, il-Bord tal-Appell ma osservax il-portata tal-protezzjoni tad-disinni preċedenti u kkonkluda, b’mod żbaljat, li d-disinn ikkontestat għandu karattru individwali.

14      Bis-saħħa tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju jista’ jiġi ddikjarat invalidu jekk ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-imsemmi regolament, u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

15      Skont l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, disinn Komunitarju rreġistrat għandu jitqies li jkollu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li jħalli fuq utent informat tkun differenti mill-impressjoni ġenerali li titħalla fuq dan l-utent minn kull disinn li jkun ġie żvelat lill-pubbliku qabel id-data tal-preżentata tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni.

16      L-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn Komunitarju ssir, essenzjalment, minn eżami f’erba’ stadji. Dan l-eżami jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat, l-ewwel nett, is-settur tal-prodotti li fihom id-disinn huwa maħsub li jiġi inkorporat jew li għalihom huwa maħsub li jiġi applikat, it-tieni, l-utent avżat tal-imsemmija prodotti skont l-għan tagħhom u, b’riferiment għal dan l-utent avżat, il-grad ta’ konjizzjoni tal-arti preċedenti kif ukoll il-livell ta’ attenzjoni għax-xebh u għad-differenzi fit-tqabbil tad-disinni, it-tielet, il-grad ta’ libertà tad-disinjatur fl-iżvilupp tad-disinn, li l-influwenza tiegħu fuq il-karattru individwali hija sproporzjonata, u r-raba’, filwaqt li wieħed jieħu inkunsiderazzjoni dan kollu, ir-riżultat tal-paragun, dirett jew possibbli, tal-impressjonijiet globali prodotti fuq l-utent avżat mid-disinn ikkontestat u minn kull disinn preċedenti żvelat lill-pubbliku, meħud individwalment (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Visi/one vs EUIPO – EasyFix (Detentur tal-plakka għall-vetturi, T‑74/18, EU:T:2019:417, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell setax jikkunsidra, ġustament, li d-disinn ikkontestat kellu karattru individwali.

 Fuq l-iżvelar tad-disinni preċedenti, l-utent informat u l-grad ta’ libertà tad-disinjatur

18      Qabelxejn, fir-rigward tal-iżvelar tad-disinni preċedenti, il-Bord tal-Appell qies, essenzjalment, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minn naħa, mill-impressjonijiet tad-database tal-EUIPO “eSearch”, fir-rigward tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5, u, min-naħa l-oħra, mill-estratti tal-katalogi, fir-rigward tad-disinni preċedenti D 6 u D 7, kien jirriżulta li dawn kienu ġew żvelati b’mod suffiċjenti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-validità tad-disinn ikkontestat.

19      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien intiż li jiġi applikat għaż-żraben u li, konsegwentement, minħabba l-interess tiegħu għal dawn tal-aħħar, l-utent avżat juri livell relattivament għoli ta’ attenzjoni meta jużahom.

20      Fl-aħħar nett, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-grad ta’ libertà tad-disinjatur kien għoli sa fejn dan kien limitat biss sa fejn iż-żraben kellhom isegwu l-ergonomija tas-saqajn, ikunu robusti, jippermettu li tinżamm pożizzjoni stabbli u jkunu komdi u siguri għall-utent. Madankollu, id-disinjatur huwa liberu li jagħżel, b’mod partikolari, il-forma, il-materjal, il-kulur, id-disinni u l-elementi dekorattivi.

21      Għandhom jiġu kkonfermati dawn il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell, li jidhru eżatti fir-rigward tal-elementi li jinsabu fil-proċess tal-kawża u li, barra minn hekk, ma humiex ikkontestati mill-partijiet.

 Fuq l-elementi rilevanti tad-disinni inkwistjoni

22      Ir-rikorrenti ssostni li d-disinni preċedenti D 1 sa D 5 huma rreġistrati bl-indikazzjoni “suletti taż-żraben” u li r-rappreżentazzjoni grafika tal-bqija taż-żarbun, li tidher bit-tikek f’dawn id-disinni preċedenti, hija preżenti biss sabiex tindika lill-osservatur kif is-suletta ser tintrabat mal-bqija taż-żarbun. Konsegwentement, il-paragun tad-disinn ikkontestat mad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 jista’ jsir biss abbażi tas-suletti taż-żraben li huma l-element essenzjali tiegħu, għaliex, fin-nuqqas, il-protezzjoni ta’ dawn l-elementi titlef l-effetti tagħha.

23      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

24      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li, fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali tad-disinni inkwistjoni, il-virga tad-disinn ikkontestat, minn naħa, u l-elementi bit-tikek preżenti fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5, min-naħa l-oħra, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn iż-żewġ ilmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament sabiex jiġu ddeterminati l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali tad-disinni inkwistjoni.

–       Fuq l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-disinn ikkontestat

25      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, il-paragun tal-impressjoni globali prodotta minn disinni kunfliġġenti għandu jsir fid-dawl tad-dehra kollha ta’ kull wieħed minn dawn id-disinni (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari, C‑123/20, EU:C:2021:889, punt 46).

26      Madankollu, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti għandu jieħu bħala bażi l-karatteristiċi żvelati tad-disinn ikkontestat u għandu jirrigwarda biss il-karatteristiċi protetti ta’ dan id-disinn, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi, b’mod partikolari tekniċi, esklużi mill-protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Eternit vs EUIPO – Eternit Österreich (bord tal-kostruzzjoni), T‑193/20, EU:T:2021:782, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      F’dan ir-rigward, il-fatt li d-disinn preċedenti jidher li jiżvela elementi addizzjonali li jidher li ma humiex preżenti fid-disinn ikkontestat huwa irrilevanti għall-paragun tad-disinni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Haverkamp IP vs EUIPO – Sissel (Disinn ta’ superfiċje tal-bajja taċ-ċagħaq), T‑228/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:369, punt 38, u tal‑10 ta’ Novembru 2021, bord ta’ kostruzzjoni, T‑193/20, EU:T:2021:782, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Għalhekk, sabiex isir il-paragun bejn disinni kunfliġġenti, għandu jiġi ddeterminat liema huma l-elementi effettivament protetti mid-disinn ikkontestat u li għalhekk huma rilevanti f’dan ir-rigward (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Disinn ta’ superfiċje bajja taċ-ċagħaq, T‑228/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:369, punt 37).

29      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-disinn ikkontestat ġie rreġistrat bl-indikazzjoni “Xedd is-saqajn” u li dan jippreżenta perspettivi differenti ta’ disinn komplet ta’ żarbun, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq.

30      Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 28 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha effettivament protetti mid-disinn ikkontestat, li jirrappreżenta żarbuna sħiħa komposta kemm minn suletta kif ukoll minn virga ta’ żarbuna.

31      Il-paragun bejn id-disinni inkwistjoni għalhekk ma jistax sempliċement iqabbel biss id-dehra tas-suletta tad-disinn ikkontestat mas-suletta preżenti fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5, li hija l-unika parti protetta.

32      Ir-rikorrenti ssostni li tali soluzzjoni għandha l-konsegwenza li tikkontesta l-protezzjoni bħala disinn ta’ parti biss ta’ prodott. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tar-raġuni għal invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, kuntrarjament għal dik imsemmija fl-Artikolu 25(1)(e) tal-istess regolament jew kuntrarjament għal proċedimenti ta’ vjolazzjoni, ma jagħmilx parti minn loġika ta’ protezzjoni ta’ dritt preċedenti. Fil-fatt, ir-raġuni għall-invalidità msemmija fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002 tikkonsisti biss f’li jiġi ddeterminat jekk id-disinn ikkontestat jissodisfax il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni previsti fl-Artikoli 4 sa 9 tal-istess regolament.

33      Issa, it-teħid bħala bażi tal-karatteristiċi protetti tad-disinn preċedenti, kif tidher li tixtieq ir-rikorrenti, minflok dawk tad-disinn ikkontestat, iwassal sabiex jeskludi mill-paragun tal-elementi tad-disinn ikkontestat li huma protetti. Dan ikollu l-konsegwenza li ma jivverifikax jekk l-imsemmi disinn jissodisfax, fl-intier tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni, li għalhekk imur kontra l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002.

34      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li s-suletta hija l-element essenzjali ta’ żarbun, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex eskluż li, waqt il-paragun ta’ disinni, l-impressjoni globali prodotta minn kull wieħed minnhom tista’ tkun iddominata minn ċerti karatteristiċi tal-prodotti jew tal-partijiet tal-prodotti kkonċernati. Sabiex jiġi ddeterminat jekk karatteristika partikolari tiddomina prodott, jew parti minnu, huwa neċessarju li tiġi evalwata l-influwenza ftit jew wisq ċara li l-karatteristiċi differenti tal-prodott jew tal-parti inkwistjoni jeżerċitaw fuq id-dehra ta’ dan il-prodott jew ta’ din il-parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2013, Merlin et vs UASI – Dusyma (Logħob), T‑231/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:560, punt 36).

35      Issa, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-EUIPO, li r-rikorrenti ma indikatx għaliex is-suletta tidher li għandha titqies bħala l-element essenzjali ta’ żarbun, li jista’ waħdu jkun il-bażi tal-paragun. Barra minn hekk, jekk jitqies li, minn perspettiva purament teknika, dan huwa l-każ, din il-konstatazzjoni ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-protezzjoni ta’ disinn peress li, kuntrarjament għall-privattivi, hija biss id-dehra li hija protetta.

36      F’dan il-każ, ma hemmx raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li, minn perspettiva purament viżiva, is-suletta tikkostitwixxi għall-utent avżat karatteristika li hija predominanti meta mqabbla mal-bqija taż-żarbun. L-iktar l-iktar, is-suletta għandha importanza daqs il-virga fl-impressjoni viżiva ġenerali taż-żarbuna.

37      Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 34 iktar’ il fuq, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-impressjoni globali bejn id-disinni inkwistjoni tkun ddominata mid-dehra tas-suletti.

–       Fuq l-elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5

38      Il-linji gwida tal-EUIPO dwar l-eżami tal-applikazzjonijiet għal disinni Komunitarji rreġistrati, minkejja li ma għandhomx valur vinkolanti, jikkostitwixxu sors ta’ riferiment għall-prattika tal-EUIPO fil-qasam tad-disinn (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2022, Muschaweck vs EUIPO – CONZE (UM), T‑293/21, EU:T:2022:345, punt 38). F’dan ir-rigward, il-punt 5.4 tal-imsemmija direttivi, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fl‑31 ta’ Marzu 2023, jipprovdi dan li ġej:

“[L]-esklużjonijiet viżivi jindikaw li protezzjoni ma hijiex mitluba u li r-reġistrazzjoni ma ngħatatx għal ċerti elementi tad-disinn muri fir-rappreżentazzjoni. Għaldaqstant, huma jindikaw l-elementi li għalihom ma ġiet mitluba l-ebda protezzjoni. Dan jista’ jsir [b’mod partikolari,] billi jiġu esklużi permezz ta’ linji bit-tikek, ċċajpar jew dellijar ikkulurit il-karatteristiċi tad-disinn li għalihom ma hijiex mitluba protezzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

39      F’dan il-każ, id-disinni preċedenti D 1 sa D 5 huma rreġistrati bl-indikazzjoni ta’ prodott “suletti taż-żraben” u jirriproduċu, kif jirriżulta mill-punt 5 iktar ’il fuq, id-dehra ta’ suletta ta’ żarbun, bit-tikek, id-dehra ta’ virga taż-żarbuna. Għandu jiġi kkonstatat li l-ebda protezzjoni ma ġiet mitluba fir-rigward tal-virga, li jinsab bit-tikek.

40      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 26 iktar ’il fuq, il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti għandu jieħu bħala bażi l-karatteristiċi żvelati u protetti tad-disinn ikkontestat, li jinkludu d-dehra ta’ suletta u ta’ virga taż-żarbuna.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk id-dehra tal-virga taż-żarbun tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 tistax ukoll tittieħed inkunsiderazzjoni waqt il-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni kunfliġġenti, minkejja l-fatt li dawn ma humiex karatteristiċi li għalihom intalbet protezzjoni.

42      F’dan ir-rigward, mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, tidher li għandha tikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk teżistix differenza ċara bejn l-impressjoni globali li jipproduċi fuq utent avżat li jarah u dik prodotta fuqu mill-patrimonju tad-disinni (sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Davide Groppi vs EUIPO – Viabizzuno (Fanal tal-mejda), T‑187/20, EU:T:2021:363, punt 25).

43      Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv għall-invalidità msemmi fl-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 6 tal-istess regolament, id-disinn preċedenti għandu biss bħala funzjoni li jiżvela l-istat tal-arti preċedenti. Dan jikkorrispondi għall-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tal-preżentata tad-disinn ikkonċernat. Issa, l-appartenenza ta’ disinn preċedenti għall-imsemmi patrimonju tirriżulta biss mill-iżvelar tiegħu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2021, fanal tal-mejda, T‑187/20, EU:T:2021:363, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk elementi ta’ disinn preċedenti jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, ma hemmx lok li wieħed jiffoka fuq l-oġġett tal-protezzjoni ta’ dan id-disinn iżda biss fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi ġewx żvelati.

45      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jippreċiża li disinn għandu jitqies li jkun ġie żvelat lill-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat wara r‑reġistrazzjoni jew xorta oħra, jew eżibit, użat fil-kummerċ jew żvelat xorta oħra, qabel id-data indikata fl-Artikolu 6(1)(b), għajr meta dawn il-fatti ma kinux jistgħu jsiru raġjonevolment magħrufa, fil-kors normali tan-negozju, fl-ambjenti speċjalizzati fis-settur ikkonċernat, li jkunu qegħdin joperaw ġewwa l-Unjoni Ewropea.

46      Barra minn hekk, sabiex l-iżvelar lill-pubbliku ta’ disinn iwassal għall-iżvelar tal-elementi kollha tiegħu, huwa indispensabbli li dawn jidhru b’mod ċar u preċiż waqt dan l-iżvelar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Ferrari, C‑123/20, EU:C:2021:889, punti 38 u 39).

47      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kkontestatx li l-elementi mhux mitluba tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5, jiġifieri d-dehra ta’ virga ta’ żarbun bit-tikek, kienu wkoll ġew żvelati fl-istess ħin bħall-parti protetta tal-imsemmija disinni. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-elementi mhux mitluba tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 jidhru b’mod suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jipperċepixxu, mingħajr sforz ta’ interpretazzjoni, id-dehra ta’ virga ta’ żarbun u tad-diversi partijiet tiegħu bħal, b’mod partikolari, ir-rinforz, il-lazzijiet jew anki l-klakka.

48      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-elementi mhux mitluba tad-disinni preċedenti D 1 sa D 5 setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat.

 Fuq l-impressjoni globali

49      Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li d-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti għandhom l-istess karatteristiċi fil-livell tas-suletta u, min-naħa l-oħra, li l-karatteristiċi tas-suletta intermedjarja tad-disinn ikkontestat huma identiċi għal dawk tad-disinn preċedenti D 7.

50      Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li paragun tad-disinni kollha inkwistjoni huwa possibbli biss mad-disinni preċedenti D 6 sa D 7, li jagħtu l-istess impressjoni globali bħad-disinn ikkontestat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-istrixxa b’bażi orizzontali wiesgħa li ssir iktar fina fuq in-naħa u li tinsab fid-disinn preċedenti D 6, peress li din hija trade mark tal-Unjoni Ewropea. Bl-istess mod, ir-rikorrenti tikkontesta t-teħid inkunsiderazzjoni, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, tal-arranġament tal-lazzijiet fid-disinni inkwistjoni sa fejn dawn huma elementi li jistgħu jitneħħew.

51      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, kuntrarjament għal dak li kkonstata l-Bord tal-Appell, id-disinni preċedenti D 6 u D 7 jippreżentaw ukoll, bħad-disinn ikkontestat, ħolqa sabiex jinżammu l-lazzijiet fuq il-ganċ.

52      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell li tgħid li l-virga tad-disinn ikkontestat hija iktar iebsa u iktar imferrxa mill-virga iktar fina tad-disinni preċedenti D 6 u D 7. Dawn id-differenzi jidher li ma jirriżultawx mill-illustrazzjonijiet u ma jistgħux jagħtu lok għal impressjoni globali differenti.

53      L-EUIPO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

54      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni ġenerali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent informat, meta mqabbel ma kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju ta’ disinni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi mhux evidenti biżżejjed li jaffettwaw l-imsemmija impressjoni ġenerali, minkejja li jkunu juru dettalji insinjifikanti, iżda fir-rigward ta’ differenzi suffiċjentement evidenti biex joħolqu impressjonijiet ġenerali differenti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Antrax It vs EUIPO – Vasco Group (Termosifuni għal radjaturi), T‑828/14 u T‑829/14, EU:T:2017:87, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-paragun tal-impressjonijiet globali prodotti mid-disinni għandu jkun sintetiku u ma jistax ikun limitat għall-paragun analitiku ta’ elenkar ta’ xebh u ta’ differenzi (sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Roca Sanitario vs UASI – Villeroy & Boch (Vit b’liver wieħed), T‑334/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:817, punt 58).

56      Barra minn hekk, peress li l-elementi verbali u figurattivi li jinsabu fuq id-disinni inkwistjoni huma trade marks jew sinjali distintivi mwaħħla fuq il-prodott sabiex jindikaw l-oriġini tiegħu, li ma għandhomx funzjoni ornamentali jew dekorattiva u ma jikkostitwixxux karatteristiċi tal-prodott li jagħtu d-dehra tagħhom lill-prodotti kkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 3(a) u (b) tar-Regolament Nru 6/2002, dawn l-elementi huma irrilevanti fil-kuntest tal-paragun tal-impressjonijiet globali sabiex jiġi stabbilit il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Sanford vs EUIPO – Avery Zweckform (Tikketti), T‑443/20, EU:T:2021:767, punt 80).

57      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 31 u 48 iktar ’il fuq, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ rinunzja preżenti fid-disinni preċedenti D 1 sa D 5 peress li dawn ġew żvelati u jidhru b’mod ċar u preċiż u li l-paragun tad-disinni inkwistjoni ma jistax sempliċement, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, jipparaguna s-suletti bejniethom.

58      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 37 iktar ’il fuq, ma hemmx lok, għall-impressjoni globali bejn id-disinni inkwistjoni, li tingħata iktar importanza lil parti waħda jew l-oħra taż-żarbun b’mod partikolari.

–       Fuq il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 1 u D 2

Image not found

59      Il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinni inkwistjoni kienu jikkoinċidu biss bil-preżenza ta’ ħames pari anelli għal-lazzijiet u suletta minsuġa dejjem inqas ħoxna u li d-differenzi tagħhom kienu suffiċjenti sabiex jipproduċu impressjonijiet globali differenti fuq l-utent informat.

60      F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien differenti mid-disinni preċedenti D 1 u D 2, b’mod partikolari, bil-preżenza ta’ virga b’għonq baxx, għaksa mgħollija, ganċ prominenti, bokkla ta’ wara, ħolqa sabiex jinżammu l-lazzijiet fuq il-ganċ u dekorazzjoni f’degradazzjoni ta’ kulur li tmur l-iktar skur, fuq il-livell tal-ponta, l-iktar ċara, fuq il-livell tal-għarqub, b’diversi elementi ta’ forma oblonga fuq il-ġnub. Barra minn hekk, id-disinn ikkontestat jidher li fih lazzijiet trażversali li jidhru li jagħtuh aspett iktar sportiv minn dak tad-disinni preċedenti D 1 u D 2.

61      Il-Bord tal-Appell irrileva wkoll, fil-punti 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li, kuntrarjament għad-disinn ikkontestat, id-disinni preċedenti D 1 u D 2 kienu jippreżentaw żewġ strixxi distinti fil-livell tar-rinforz tal-għarqub u fuq il-livell tas-saqajn u li s-suletta kienet komposta biss minn saff wieħed, li ma kienx jaqbeż l-għarqub u li ma kienx jidher li kien iktar strett fil-livell tas-saqajn.

62      Il-konklużjonijiet preċedenti tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu approvati.

63      Ċertament, id-disinni inkwistjoni jistgħu jaqsmu ċerti karatteristiċi viżivi, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda t-tessut tas-suletta tad-disinn preċedenti D 1. Madankollu, id-disinn ikkontestat jiddistingwi ruħu prinċipalment mid-disinni preċedenti D 1 u D 2 minħabba d-dekorazzjoni tal-virga, minn għonq baxxa maqtugħa, bil-preżenza ta’ suletta ta’ użu, minn suletta ħoxna fuq il-livell tal-għarqub u li huwa raffinat dejjem iktar lejn il-ponta u, fl-aħħar nett, minn suletta intermedja, li taqbad fuq il-livell tal-għarqub, u li huwa kompost minn żewġ saffi b’linja saljenti bejn it-tnejn. Issa, dawn id-differenzi prinċipali huma suffiċjenti sabiex jagħtu lid-disinni inkwistjoni impressjoni globali distinta li ma taħrabx lil utent avżat li juri livell għoli ta’ attenzjoni.

64      L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni din l-analiżi.

65      Fil-fatt, ir-rikorrenti bbażat ruħha biss fuq paragun bejn is-suletti fid-disinni inkwistjoni billi sostniet li huma kellhom l-istess karatteristiċi fosthom, b’mod partikolari, suletta li kienet tiddependi ftit miż-żona tal-għarqub sal-ponta taż-żarbun fejn hija kienet tinfirex ftit lejn in-naħa ta’ fuq, superfiċje li għandha struttura paragunabbli għal dik tal-polistirene, moduli individwali differenti mqiegħda ħdejn xulxin ta’ kulur unit abjad, struttura li testendi b’mod uniformi fuq il-perspettiva laterali kollha tas-suletta u suletta li kienet ibbażata fuq suletta ta’ użu.

66      Madankollu, id-differenzi identifikati fil-punt 63 iktar ’il fuq huma iktar notevoli mill-karatteristiċi komuni identifikati mir-rikorrenti u huma suffiċjenti sabiex joħolqu impressjonijiet globali differenti bejn id-disinni inkwistjoni. Din il-konklużjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li, kuntrarjament għal dawk tar-rikorrenti, l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell ma humiex ibbażati biss fuq il-paragun tas-suletti u li il-vireg tad-disinni inkwistjoni jippreżentaw differenzi importanti li jippermettu li jiġu prodotti impressjonijiet globali differenti fuq l-utent avżat.

67      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell żbalja meta ħa inkunsiderazzjoni l-arranġament tal-lazzijiet fl-impressjoni globali prodotta mid-disinni inkwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali argument, anki jekk jitqies li huwa minnu, ma jistax jikkontesta l-konklużjonijiet preċedenti, peress li l-arranġament differenti tal-lazzijiet, bejn l-imsemmija disinni, jaffettwa biss b’mod dgħajjef l-impressjoni globali li tirriżulta minnhom.

–       Fuq il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 3 sa D 5

Image not found

68      Il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien differenti mid-disinni preċedenti inkwistjoni, b’mod partikolari, permezz ta’ dekorazzjoni fi degradazzjoni ta’ kulur li jmur l-iktar skur, fil-livell tal-ponta, l-iktar ċar, fil-livell tal-għarqub, b’diversi elementi ta’ forma oblonga fuq il-ġnub, bokkla ta’ wara, ħolqa sabiex jinżammu l-lazzijiet fuq il-ganċ u l-lazzijiet ċatti b’traversa ta’ lazzijiet. Barra minn hekk, id-disinn ikkontestat jidher li jippreżenta ċirkonferenza ta’ għaksa mgħollija u l-parti fuq il-livell tas-saqajn hija usa’ u eħxen milli fuq id-disinni preċedenti D 3 sa D 5.

69      Il-Bord tal-Appell irrileva wkoll, fl-istess punt, li, kuntrarjament għad-disinn ikkontestat, id-disinni preċedenti kienu jippreżentaw żewġ strixxi distinti fil-livell ta’ rinforz tal-għarqub u fuq il-livell tas-saqajn u li l-lazzijiet kienu jippreżentaw ġonta legali.

70      Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tas-suletta, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 40 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta suletta b’żewġ saffi distinti u qbiż sinjifikattiv fil-livell tal-għarqub u li huwa kien jintegra ruħu b’mod armonjuż mal-virga. Min-naħa l-oħra, is-suletti tad-disinni preċedenti D 3 sa D 5 huma komposti minn saff wieħed u l-qbiż tagħhom, fil-livell tal-għarqub, huwa inqas milli fid-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, is-suletta esterna tad-disinn ikkontestat tkopri l-bażi kollha tas-suletta u għandha tread li taqta’, filwaqt li s-suletta esterna tad-disinn preċedenti D 4 tidher li tkopri biss parti minnu u s-suletta esterna tad-disinn preċedenti D 3 tidher li għandha inqas treads. Id-disinn preċedenti D 5, min-naħa tiegħu, jidher li ma għandux suletta esterna bi treads.

71      Konsegwentement, il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impressjoni globali prodotta mid-disinn ikkontestat fuq l-utent avżat kienet differenti minn dawk prodotti mid-disinni preċedenti D 3 sa D 5.

72      Il-konklużjonijiet preċedenti tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu approvati.

73      Ċertament, id-disinni inkwistjoni jistgħu jaqsmu ċerti karatteristiċi viżivi. Madankollu, id-disinn ikkontestat jiddistingwi ruħu prinċipalment mid-disinni preċedenti D 3 sa D 5 minħabba d-dekorazzjoni tal-virga, minn għonq baxx maqtugħ, minn suletta ħoxna fil-livell tal-għarqub u li jiġi rfinat dejjem iktar lejn il-ponta u, fl-aħħar nett, minn suletta intermedjarja komposta minn żewġ saffi b’linja saljenti bejn it-tnejn. Issa, dawn id-differenzi prinċipali huma suffiċjenti sabiex jagħtu lid-disinni inkwistjoni impressjoni globali distinta li ma taħrabx lil utent avżat li juri livell għoli ta’ attenzjoni.

74      L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni din l-analiżi.

75      Fil-fatt, il-karatteristiċi komuni tad-disinni inkwistjoni li huma enfasizzati mir-rikorrenti, kif riprodotti mutatis mutandis fil-punt 65 iktar ’il fuq, ma jippermettux li tiġi kkontrobilanċjata l-impressjoni globali differenti tal-imsemmija disinni. Din il-konklużjoni hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell ma humiex ibbażati biss fuq il-paragun tas-suletti u li l-vireg tad-disinni inkwistjoni jippreżentaw differenzi importanti li jippermettu li jiġu prodotti impressjonijiet globali differenti fuq l-utent avżat.

76      Barra minn hekk, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 67 iktar ’il fuq, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-arranġament tal-lazzijiet fl-imsemmija disinni ma jistax jikkontesta l-konstatazzjoni tal-impressjoni globali differenti li joħloq id-disinn ikkontestat meta mqabbel mad-disinni preċedenti D 3 sa D 5.

–       Fuq il-paragun bejn id-disinn ikkontestat u d-disinni preċedenti D 6 u D 7

Image not found

77      Fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li d-disinni inkwistjoni kellhom differenzi fil-livell tal-virga. B’mod partikolari, huwa rrileva li d-disinn preċedenti D 6 kellu strixxa b’bażi orizzontali wiesgħa li saret linja iktar fina fuq in-naħa u li d-disinn preċedenti D 7 kellu triangolu b’kuntrast fuq in-naħa tiegħu ffurmat mill-parti ta’ quddiem tal-virga u mdawwar b’diversi linji paralleli. Min-naħa l-oħra, id-disinn ikkontestat jidher li jippreżenta degradazzjoni ta’ kulur li tmur l-iktar skura, fil-livell tal-ponta, l-iktar ċara, fil-livell tat-għarqub, b’diversi elementi ta’ forma oblonga fuq il-ġnub u element verbali preżenti fuq il-ganċ.

78      Fir-rigward tal-konfigurazzjoni tal-virga, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kellu ħames pari anelli, lazzijiet ċatti li jinkroċjaw u bokkla intiża sabiex iżżomm il-lazzijiet fuq l-ilsien taż-żarbun. Min-naħa l-oħra, huwa rrileva li d-disinni preċedenti D 6 u D 7 kellhom biss tliet pari anelli u bokkli ta’ ġaġġa differenti, sa fejn strixxa ħoxna kienet preżenti fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ilsien fid-disinn preċedenti D 6 u sa fejn ma kien hemm ebda bokkla fid-disinn preċedenti D 7, u li dawn kienu jinkludu wkoll bokkla fil-quċċata tal-ilsien. Barra minn hekk, il-virga tad-disinn ikkontestat tidher li tkun iktar ħoxna u iktar ikkurvat mill-virga iktar fina u iktar ippuntata tad-disinni preċedenti D 6 u D 7.

79      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-parti ta’ isfel tas-suletta, il-Bord tal-Appell ikkonstata, fil-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta motiv speċifiku kompost minn tebgħat rettangolari b’kuntrast, filwaqt li d-disinni preċedenti D 6 u D 7 kellhom, rispettivament, ċertu numru ta’ strixxi u ta’ linji u disinn imxerred ta’ tebgħat trijangolari b’kuntrast. Il-Bord tal-Appell għalhekk qies li, minħabba dawn il-motivi, id-disinn ikkontestat kellu treads prominenti fil-livell tas-suletta esterna, filwaqt li d-disinn preċedenti D 7 kien jidher li kellu treads iżgħar u iktar lixxi u li d-disinn preċedenti D 6 ma kellu ebda tread.

80      Il-Bord tal-Appell għalhekk ikkonkluda, fil-punt 45 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien jipproduċi impressjoni globali differenti fuq l-utent avżat.

81      Il-konklużjonijiet preċedenti tal-Bord tal-Appell għandhom jiġu approvati.

82      Ċertament, id-disinni inkwistjoni jistgħu jaqsmu ċerti karatteristiċi viżivi, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda t-tissut tas-suletta tad-disinn preċedenti D 6. Madankollu, id-disinn ikkontestat jiddistingwi ruħu prinċipalment mid-disinn preċedenti D 6, permezz tal-preżenza ta’ suletta ta’ użu, permezz tad-dekorazzjoni tal-virga, permezz ta’ kullar baxx maqtugħ, minħabba l-assenza ta’ ganċ prominenti u, fl-aħħar nett, permezz ta’ suletta intermedja, li tiżborda fuq il-livell tal-għarqub u komposta minn żewġ saffi b’linja saljenti bejn it-tnejn. Fir-rigward tad-disinn preċedenti D 7, id-disinn ikkontestat jiddistingwi ruħu prinċipalment minħabba d-dekorazzjoni tal-virga, permezz ta’ ganċ baxx, permezz tal-preżenza ta’ anelli u, fl-aħħar nett, permezz ta’ kullar maqtugħ inqas profond. Issa, dawn id-differenzi prinċipali huma suffiċjenti sabiex jagħtu lid-disinni inkwistjoni impressjoni globali distinta li ma taħrabx lil utent avżat li juri livell għoli ta’ attenzjoni.

83      L-argumenti tar-rikorrenti ma jippermettux li tiddaħħal inkwistjoni din l-analiżi.

84      Fil-fatt, il-karatteristiċi komuni tad-disinni inkwistjoni li huma enfasizzati mir-rikorrenti, kif riprodotti mutatis mutandis fil-punt 65 iktar ’il fuq, ma jippermettux li tiġi kkontrobilanċjata l-impressjoni globali differenti prodotta mill-imsemmija disinni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti sostniet ukoll li s-suletta ta’ użu tad-disinn ikkontestat kellha l-istess karatteristiċi bħas-suletta ta’ użu tad-disinn preċedenti D 7, peress li dawn kellhom it-tnejn li huma disinni bojod żgħar fuq il-parti ta’ quddiem u fuq il-parti ta’ wara tas-suletta. Madankollu, għalkemm huwa minnu li impressjoni ta’ déjà-vu tista’ tirriżulta mill-paragun tal-parti ta’ isfel taż-żarbun, għandu jiġi kkonstatat li din l-impressjoni hija kkumpensata mid-differenzi eżistenti bejn id-disinni inkwistjoni kif imsemmija fil-punt 82 iktar ’il fuq.

85      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta ħa inkunsiderazzjoni “strixxa b’bażi orizzontali wiesgħa li [kellha] linja iktar fina” u li tikkorrispondi għal trade mark tal-Unjoni Ewropea, peress li dan is-sinjal figurattiv jikkontribwixxi ħafna, b’mod partikolari minħabba d-daqs tiegħu, għad-dehra tad-disinn preċedenti D 6 u, b’mod iktar partikolari, għall-ornamenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2021, Tikketti, T‑443/20, EU:T:2021:767, punt 80).

86      Ir-rikorrenti kkontestat ukoll il-fatt li l-Bord tal-Appell kien qies li d-disinni preċedenti D 6 u D 7 ma kinux jippreżentaw bokkla sabiex jinżammu l-lazzijiet fuq il-ganċ. Issa, fir-rigward tad-disinn preċedenti D 6, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell irrileva, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fir-rigward tal-bokkla tal-gaġġa, id-disinn kellu strixxa ħoxna fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ganċ. Fir-rigward tad-disinn preċedenti D 7, il-Bord tal-Appell indika li dan ma jidhirx li għandu bokkla. Issa, anki jekk għandu jiġi osservat, bħalma tagħmel ir-rikorrenti, li tali bokkla hija tassew preżenti fuq id-disinn preċedenti D 7, din hija differenti ħafna minn dik preżenti fuq id-disinn ikkontestat. L-assenza tagħha ta’ teħid inkunsiderazzjoni għalhekk ma tistax tikkontesta l-konstatazzjoni ta’ impressjoni globali differenti prodotta mid-disinn ikkontestat f’għajnejn l-utent avżat.

87      Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstata, fil-punt 43 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kien jippreżenta virga iktar ħoxna u iktar ikkurvata mill-virga tad-disinni preċedenti D 6 u D 7. Fil-fatt, il-virga tagħhom tidher li hija itwal u ċċattjata iktar minn dik tad-disinn ikkontestat. Barra minn hekk, tali karatteristiċi jirriżultaw b’mod suffiċjenti mid-disinni inkwistjoni u jikkontribwixxu għall-impressjoni globali differenti tagħhom.

88      Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li d-disinn ikkontestat kien jipproduċi impressjoni globali differenti minn dik prodotta mid-disinni preċedenti D 1 sa D 7.

89      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mid-disinni preċedenti invokati mir-rikorrenti ma jipproduċi l-istess impressjoni globali bħal dik prodotta mid-disinn ikkontestat u li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata minn ebda motiv ta’ annullament jew ta’ bidla.

90      Għaldaqstant, l-uniku motiv invokat mir-rikorrenti u, għaldaqstant, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

91      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

92      Peress li saret seduta u peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EUIPO.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Puma SE hija kkundannata għall-ispejjeż.

Schalin

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Steinfatt

 

      Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.