Language of document : ECLI:EU:T:2020:217

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

28 ta’ Mejju 2020 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Attivitajiet ta’ telekomunikazzjonijiet bla fili – Suq tal-bejgħ bl-imnut tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli – Suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-aċċess u tal-oriġini ta’ telefonati fuq in-networks mobbli pubbliċi – Akkwist ta’ Telefónica Europe minn Hutchison – Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern – Suq oligopolistiku – Tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva – Effetti mhux ikkoordinati – Oneru tal-prova – Rekwiżiti ta’ prova – Partijiet tas-suq – Effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet – Analiżi kwantitattiva fuq il-pressjoni ’l fuq mistennija fuq il-prezzijiet – Kompetituri mill-qrib – Restrizzjoni kompetittiva qawwija – Mutur importanti tal-kompetizzjoni – Ftehimiet ta’ qsim tan-network – Grad ta’ konċentrazzjoni – Indiċi ta’ Herfindahl-Hirschmann – Żball ta’ liġi – Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑399/16,

CK Telecoms UK Investments Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn T. Wessely, O. Brouwer, avukati, A. Woods, M. Davis, I. Ditchfield, S. Prichard, J. Aitken, R. Romney, M. Dickson, K. Asakura, solicitors, u B. Kennelly, QC,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, G. Conte, M. Farley, J. Szczodrowski u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Jones, S. Brandon, S. Huijts, C. Blairs, M. Rahman, J. McInnes, M. Brown, B. Potterill, S. Cardell, C. Brannigan, S. Munday, C. Short u A. Dadley, aġenti, assistiti minn R. Williams u J. Morrison, barristers,

u minn

EE Ltd, stabbilita f’Hatfield (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn A. Lindsay, barrister, C. Chapman u J. Hulsmann, solicitors,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u li hija intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2016) 2796 final tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Mejju 2016 li tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq intern konċentrazzjoni relatata mal-akkwist ta’ Telefónica Europe plc minn Hutchison 3G UK Investments Ltd (il-Każ COMP/M.7612 – Hutchison 3G UK vs Telefónica UK),

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, E. Buttigieg, P. Nihoul, J. Svenningsen u U. Öberg (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑2 u tat‑3 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil‑11 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet komunikazzjoni, konformement mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), ta’ abbozz ta’ konċentrazzjoni li permezz tagħha CK Hutchison Holdings Ltd, permezz tas-sussidjarja indiretta tagħha Hutchison 3G UK Investments Ltd, li saret ir-rikorrenti, CK Telecoms UK Investments Ltd, takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tal-imsemmi regolament, il-kontroll esklużiv ta’ Telefónica Europe plc (iktar ’il quddiem “O2”).

2        Fiż-żmien tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem is-“suq tal-bejgħ bl-imnut”), kien hemm erba’ operaturi ta’ network mobbli: EE Ltd, li hija sussidjarja ta’ BT Group plc, akkwistata minn din tal-aħħar fl‑2016 (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, “BT/EE”), O2, Vodafone u Hutchison 3G UK Ltd (iktar ’il quddiem “Three”), sussidjarja indiretta ta’ CK Hutchison Holdings, fejn il-partijiet tas-suq f’termini ta’ abbonati kienu rispettivament ta’ madwar [bejn 30 u 40 %], [bejn 20 u 30 %], [bejn 10 u 20 %] u [bejn 10 u 20 %]. Il-konċentrazzjoni li hija s-suġġett ta’ din il-kawża (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni” jew it-“tranżazzjoni”) kienet tippermetti lill-entità li toriġina mill-konċentrazzjoni, li tgħaqqad lil Three u O2 (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien, il-“partijiet fil-konċentrazzjoni”), tirrappreżenta madwar [bejn 30 u 40 %] tas-suq tal-bejgħ bl-imnut u li ssir għalhekk l-attur prinċipali ta’ dan is-suq, qabel l-operatur storiku preċedenti BT/EE u Vodafone.

3        Minbarra dawn l-operaturi ta’ network mobbli, is-suq tal-bejgħ bl-imnut kellu wkoll diversi operaturi ta’ networks mobbli virtwali, bħal Tesco Mobile, Virgin Mobile u TalkTalk, li ma kinux is-sidien tan-networks li kienu jużaw sabiex jipprovdu servizzi mobbli lill-konsumaturi tar-Renju Unit u li għalhekk kienu kkonkludew ftehimiet ma’ operaturi ta’ network mobbli sabiex ikollhom aċċess għan-network tagħhom għal prezzijiet tal-bejgħ bl-ingrossa. Tesco Mobile hija miżmuma f’partijiet ugwali minn Tesco u O2. Is-suq tal-bejgħ bl-imnut kellu wkoll bejjiegħa mill-ġdid (iktar ’il quddiem, meqjusa flimkien mal-operaturi ta’ networks mobbli virtwali, l-“operaturi mhux ONM”) u l-bejjiegħa bl-imnut indipendenti, bħal Dixons.

4        Karatteristika ta’ dan is-suq kienet li BT/EE u Three, minn naħa, u Vodafone u O2, min-naħa l-oħra, kienu għaqqdu n-networks tagħhom permezz ta’ ftehimiet ta’ qsim tan-network. Dan kien jippermetti lil BT/EE u Three (il-ftehim MBNL, iktar ’il quddiem “MBNL”) u lil Vodafone u O2 (il-ftehim Beacon, iktar ’il quddiem “Beacon”) rispettivament biex jaqsmu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tan-networks tagħhom filwaqt li jibqgħu f’kompetizzjoni fil-livell tal-kummerċ bl-imnut.

5        Fit‑2 ta’ Ottubru 2015, ir-Renju Unit talab, permezz tal-Competition and Markets Authority (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq, ir-Renju Unit), li l-konċentrazzjoni tiġi riferuta lilu, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament Nru 139/2004. F’din it-talba, ir-Renju Unit jikkunsidra li l-konċentrazzjoni thedded li tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa tal-aċċess u tal-oriġini ta’ telefonati fuq in-networks mobbli pubbliċi fir-Renju Unit (iktar ’il quddiem is-“suq tal-bejgħ bl-ingrossa”). Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li huwa jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jittratta l-konċentrazzjoni.

6        Fl‑4 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2015) 8534 final, dwar l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 139/2004 fil-Każ M.7612 Hutchison 3G UK vs Telefónica UK, li permezz tagħha hija ċaħdet din it-talba għal rinviju. F’din id-deċiżjoni, hija invokat b’mod partikolari n-neċessità li jkun hemm koerenza u uniformità fl-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet fi Stati Membri differenti u l-esperjenza kunsiderevoli li hija kisbet fl-evalwazzjoni tal-konċentrazzjonijiet fis-swieq Ewropej tat-telekomunikazzjonijiet mobbli.

7        Fi tmiem l-ewwel fażi tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni kienet tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u, fit‑30 ta’ Ottubru 2015, hija ddeċidiet li tniedi l-proċedura prevista fl-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 139/2004.

8        Billi bbażat fuq it-tieni fażi tal-investigazzjoni, li kienet tikkompleta l-konklużjonijiet tal-ewwel fażi, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fl‑4 ta’ Frar 2016. Fis‑26 ta’ Frar 2016, ir-rikorrenti ressqet l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

9        Sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti ressqet l-ewwel sensiela ta’ impenji fit‑2 ta’ Marzu 2016.

10      Fuq talba tar-rikorrenti, saret seduta fis‑7 ta’ Marzu 2016.

11      Fil‑15 ta’ Marzu 2016, ir-rikorrenti ressqet impenji emendati (iktar ’il quddiem it-“tieni sensiela ta’ impenji”). Fit‑18 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni kkonsultat lill-atturi tas-suq dwar din it-tieni sensiela ta’ impenji. Din il-konsultazzjoni twettqet, l-ewwel nett, ma’ fornituri, attwali u potenzjali, ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit, fornituri ta’ servizzi ta’ infrastruttura fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet mobbli kif ukoll l-assoċjazzjonijiet MVNO Europe u iMVNOx u, it-tieni nett, mal-awtoritajiet nazzjonali tar-regolazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet, fosthom l-awtorità tar-regolazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem l-“Ofcom”). Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tar-Renju Unit, tal-Ġermanja u tal-Pajjiżi l-Baxxi esprimew il-perspettiva tagħhom dwar it-tieni sensiela ta’ impenji.

12      Fis‑17 u fit‑23 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni indirizzat lir-rikorrenti ittri li fihom hija pproduċiet provi ġodda li kienu jinsabu fil-fajl tagħha u li kienu mehmuża mal-konklużjonijiet preliminari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fid‑29 ta’ Marzu u fl‑4 ta’ April 2016 rispettivament, ir-rikorrenti ressqet osservazzjonijiet bil-miktub bi tweġiba għall-espożizzjonijiet tal-fatti tas‑17 u tat‑23 ta’ Marzu 2016.

13      Fis‑6 ta’ April 2016, wara l-konsultazzjoni mal-atturi tas-suq, ir-rikorrenti ssottomettiet sensiela ġdida ta’ impenji emendati.

14      Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet eżamina l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fis‑27 ta’ April 2016 u ħarġet opinjoni favorevoli.

15      Fil‑11 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 2796 final, li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern (il-Każ COMP/M.7612 – Hutchison 3G UK vs Telefónica UK) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

16      Sommarju tad-deċiżjoni kkontestata ġie ppubblikat fid‑29 ta’ Settembru 2016 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 357, p. 15).

II.    Id-deċiżjoni kkontestata

17      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddefinixxi żewġ swieq rilevanti: is-suq tal-bejgħ bl-imnut u s-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

18      Il-Kummissjoni żviluppat tliet teoriji tad-dannu, li kollha jibbażaw fuq l-eżistenza ta’ effetti msejħa “mhux ikkoordinati” f’suq oligopolistiku.

19      L-ewwel żewġ teoriji tad-dannu huma relatati mas-suq tal-bejgħ bl-imnut, filwaqt li t-tielet waħda hija relatata mas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

20      B’mod iktar partikolari, l-ewwel teorija tad-dannu hija relatata mal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut marbuta mal-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija. Essenzjalment, skont il-Kummissjoni, it-tnaqqis qawwi tal-kompetizzjoni li kien jirriżulta mill-konċentrazzjoni kien probabbilment iwassal għal żieda fil-prezzijiet tas-servizzi ta’ telefonija mobbli fir-Renju Unit u limitazzjoni tal-għażla għall-konsumaturi.

21      Skont it-tieni teorija tad-dannu, relatata mal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut marbuta mal-qsim tan-network, it-tranżazzjoni seta’ jkollha wkoll effett negattiv fuq il-kwalità tas-servizzi għall-konsumaturi tar-Renju Unit billi jiġi mfixkel l-iżvilupp tal-infrastruttura ta’ network mobbli fir-Renju Unit.

22      It-tielet teorija tad-dannu hija relatata mal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati marbuta mal-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa. F’dan is-suq, l-erba’ operaturi ta’ network mobbli jipprovdu servizzi ta’ hosting lill-operaturi mhux ONM li, min-naħa tagħhom, joffru servizzi ta’ bejgħ bl-imnut lill-abbonati. B’mod partikolari, l-akkwist mill-ġdid jirriskja, skont il-Kummissjoni, li jkollu effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi fuq is-suq tal-bejgħ bl-ingrossa li jirriżulta minn tnaqqis fin-numru ta’ operaturi ta’ network mobbli minn erbgħa għal tlieta, l-eliminazzjoni ta’ Three bħala mutur importanti tal-kompetizzjoni, it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi li fil-passat il-partijiet kienu jimponu fuq xulxin u tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq l-atturi li jifdal.

23      Fir-rigward taż-żieda fl-effikaċja allegata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni tqis li din la tista’ tiġi vverifikata, la speċifikata għall-konċentrazzjoni u lanqas tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.

24      Fl-aħħar taqsima tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-miżuri korrettivi proposti mir-rikorrenti fil-forma ta’ impenji. Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tieni sensiela ta’ impenji ma tħassarx il-problemi elenkati dwar il-kompetizzjoni u li t-tielet sensiela ta’ impenji, proposta fis‑6 ta’ April 2016, ma tħassarx kompletament il-problemi kkonstatati dwar il-kompetizzjoni u ma hijiex eżawrjenti u effikaċi fl-aspetti kollha.

25      Konsegwentement, il-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern.

III. Il-proċedura

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

27      Fir-rikors, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżura istruttorja intiża sabiex titlob lill-Kummissjoni tissottometti lill-Qorti Ġenerali ċerta informazzjoni tal-fajl tagħha meħtieġa għall-eżami tar-rikors mill-Qorti Ġenerali, iżda kunfidenzjali fil-konfront tar-rikorrenti, u li l-avukati jew il-konsulenti ekonomiċi esterni ta’ din tal-aħħar biss kellhom aċċess għaliha matul il-proċedura amministrattiva.

28      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Diċembru 2016, BT/EE u r-Renju Unit talbu sabiex jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

29      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2016 u fil‑5 ta’ Jannar 2017 rispettivament, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-talbiet għal intervent ta’ BT/EE u tar-Renju Unit.

30      Fil‑31 ta’ Jannar 2017, il-Kummissjoni pproduċiet ir-risposta.

31      Fir-risposta, il-Kummissjoni indikat li hija ma kellhiex oġġezzjonijiet biex tibgħat id-dokumenti li kienu s-suġġett tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżura istruttorja mressqa fir-rikors jekk kienu applikati miżuri xierqa f’termini ta’ kunfidenzjalità, konformement mal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

32      Fil‑31 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talbiet għal trattament kunfidenzjali u verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-rikors fil-konfront ta’ BT/EE, minn naħa, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra.

33      Permezz ta’ digrieti tas‑16 ta’ Marzu 2017, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta li BT/EE u r-Renju Unit jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u li tintbagħat verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kull att proċedurali nnotifikat lill-partijiet prinċipali, filwaqt li ġiet riżervata d-deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

34      Permezz ta’ digriet istruttorju tas‑16 ta’ Marzu 2017, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi d-dokumenti li kienu s-suġġett tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżura istruttorja mressqa fir-rikors. Il-Kummissjoni pproduċiet l-imsemmija dokumenti fit‑3 ta’ April 2017.

35      Fis‑17 ta’ Marzu 2017, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti tressaq verżjoni ġdida tat-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ BT/EE.

36      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Marzu 2017, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet li d-deċiżjoni dwar it-tieni sett ta’ noti kienet riżervata.

37      Fil‑31 ta’ Marzu 2017, ir-rikorrenti bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali verżjoni ġdida tat-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ BT/EE, kif ukoll talbiet għal trattament kunfidenzjali u verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar risposta fil-konfront ta’ BT/EE, minn naħa, u tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra.

38      Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

39      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ April 2017, ir-Renju Unit u BT/EE ressqu oġġezzjonijiet dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

40      Fis‑26 ta’ April 2017, saret laqgħa bejn il-partijiet, ir-rappreżentanti tagħhom u l-Imħallef Relatur, dwar il-kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità u dwar il-possibbiltà li jinġabru l-motivi u l-argumenti tal-partijiet prinċipali fil-kawża.

41      Fl‑10 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ippreżentat osservazzjonijiet dwar ir-rilevanza tad-dokumenti li kienu s-suġġett tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżura istruttorja mressqa fir-rikors. Il-Kummissjoni bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talba għal trattament kunfidenzjali u verżjoni mhux kunfidenzjali tal-imsemmija osservazzjonijiet fil-konfront ta’ BT/EE fil‑31 ta’ Mejju 2017.

42      Fis‑16 ta’ Mejju 2017, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jipproduċu ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub, filwaqt li stednithom iweġbuhom bil-miktub.

43      Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bħala tweġiba fit‑2 u fis‑16 ta’ Ġunju 2017 kif ukoll, bħala anness tar-replika u tal-kontroreplika, fl‑4 ta’ Lulju u fil‑31 ta’ Ottubru 2017 rispettivament. Ir-rikorrenti ressqet b’mod partikolari verżjoni riveduta tat-talbiet tagħha għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ BT/EE. BT/EE ma ressqitx oġġezzjonijiet dwar dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit. Barra minn hekk, ir-rikorrenti u r-Renju Unit indikaw li kienu kkonkludew ftehim li skontu r-rikorrenti kellha tittrażmetti l-verżjonijiet kunfidenzjali ta’ annessi differenti tal-proċess lir-Renju Unit. Il-partijiet prinċipali ressqu wkoll talbiet għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku.

44      Fl‑4 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali r-replika, akkumpanjata minn talba għal trattament kunfidenzjali u minn verżjoni mhux kunfidenzjali fil-konfront ta’ BT/EE kif ukoll minn talba għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku. Bħala anness tar-replika, ir-rikorrenti ssottomettiet, bħala tweġiba għal waħda mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑16 ta’ Mejju 2017, sunt finali ta’ provi, li jippreċiża r-rilevanza ta’ kull prova.

45      Fit‑28 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni bagħtet lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talba għal trattament kunfidenzjali u verżjoni mhux kunfidenzjali tar-replika fil-konfront ta’ BT/EE.

46      Fil‑31 ta’ Awwissu 2017, ir-Renju Unit u BT/EE pproduċew in-noti ta’ intervent rispettivi tagħhom.

47      Fit‑18 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni ressqet talba għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku dwar ir-replika.

48      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Settembru 2017, il-President tal-Ewwel Awla aċċetta li BT/EE, wara t-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa mill-Kummissjoni fil-konfront tagħha, tintbagħat verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kull att proċedurali nnotifikat lill-partijiet prinċipali, filwaqt li ġiet riżervata d-deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-imsemmija talbiet.

49      Fis‑6 ta’ Ottubru 2017, il-partijiet prinċipali ressqu talba għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku kif ukoll talba għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ BT/EE dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju Unit, akkumpanjati minn verżjonijiet mhux kunfidenzjali korrispondenti. BT/EE ma ressqitx oġġezzjonijiet dwar din it-talba għal trattament kunfidenzjali fit-terminu stabbilit.

50      Fl‑20 ta’ Ottubru 2017, BT/EE kkonfermat li ma kellhiex oġġezzjonijiet dwar it-talbiet għal trattament kunfidenzjali tar-replika mressqa mill-partijiet prinċipali.

51      Fil‑31 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni pproduċiet il-kontroreplika. Bħala anness tal-kontroreplika, il-Kummissjoni ssottomettiet, bħala tweġiba għal waħda mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑16 ta’ Mejju 2017, sunt finali ta’ provi, li jippreċiża r-rilevanza ta’ kull prova.

52      Fit‑28 ta’ Novembru 2017, il-partijiet prinċipali ressqu talba konġunta għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku kif ukoll talba konġunta għal trattament kunfidenzjali fil-konfront ta’ BT/EE dwar il-kontroreplika, akkumpanjati minn verżjonijiet mhux kunfidenzjali korrispondenti. BT/EE ma ressqitx oġġezzjonijiet dwar din it-talba għal trattament kunfidenzjali fit-terminu stabbilit.

53      Fil‑31 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent ta’ BT/EE u tar-Renju Unit. Il-Kummissjoni indikat li ma kellhiex osservazzjonijiet dwar l-imsemmija noti. Fl‑14 ta’ Diċembru 2017, il-partijiet prinċipali bagħtu lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali talba għal trattament kunfidenzjali u verżjoni mhux kunfidenzjali konġunti, fil-konfront ta’ BT/EE, tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-noti ta’ intervent ta’ BT/EE u tar-Renju Unit kif ukoll talba konġunta għall-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku. BT/EE ma ressqitx oġġezzjonijiet dwar dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

54      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑9 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ressqet talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq iż-żamma ta’ seduta fit-terminu stabbilit.

55      Fis‑17 ta’ April u fil‑25 ta’ Lulju 2018, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom bil-miktub.

56      Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bħala tweġiba fl‑1, fit‑2 u fit‑18 ta’ Mejju, fil‑25 ta’ Ġunju, fit‑13 ta’ Lulju u fit‑8 u fit‑13 ta’ Awwissu 2018. Ir-rikorrenti, BT/EE u r-Renju Unit ipprovdew b’mod partikolari impenji ta’ kunfidenzjalità ffirmati mir-rappreżentanti tagħhom, filwaqt li ġew innotifikati lilhom d-dokumenti li kienu s-suġġett tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżura istruttorja mressqa fir-rikors. Ir-rikorrenti ppreżentat ukoll osservazzjonijiet dwar l-imsemmija dokumenti. Sussegwentement, il-partijiet prinċipali ressqu talba għal trattament kunfidenzjali u verżjonijiet mhux kunfidenzjali konġunti, fil-konfront ta’ BT/EE, tar-Renju Unit u tal-pubbliku, ta’ dawn l-osservazzjonijiet. BT/EE u r-Renju Unit ma xtaqux jippreżentaw osservazzjonijiet dwar l-imsemmija dokumenti.

57      Il-Kummissjoni ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar id-dokumenti li kienu s-suġġett tat-talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ miżura istruttorja mressqa fir-rikors fit‑23 ta’ Novembru 2018. Sussegwentement, il-partijiet prinċipali ressqu talba għal trattament kunfidenzjali u verżjonijiet mhux kunfidenzjali konġunti, fil-konfront ta’ BT/EE, tar-Renju Unit u tal-pubbliku, ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

58      Fl‑14 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti bagħtet ittra lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali dwar l-organizzazzjoni ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-Kummissjoni ressqet l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-ittra fit‑8 ta’ Frar 2019.

59      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑15 ta’ Frar 2019, il-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet prinċipali jipproduċu verżjonijiet mhux kunfidenzjali konġunti, fil-konfront ta’ BT/EE u tal-pubbliku, tar-rapport għas-seduta. Il-partijiet prinċipali pproduċew l-imsemmija verżjonijiet fl‑1 ta’ Marzu 2019.

60      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fl‑1 ta’ Marzu 2019.

61      Permezz ta’ digriet istruttorju tad‑19 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti. Il-Kummissjoni pproduċiet l-imsemmija dokumenti fit‑2 ta’ April 2019.

62      Permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tad‑19 ta’ Marzu 2019, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, filwaqt li stednithom iweġbuhom bil-miktub. Il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bħala tweġiba fl‑10 ta’ April 2019. Il-partijiet prinċipali ressqu talba għal trattament kunfidenzjali u verżjonijiet mhux kunfidenzjali konġunti, fil-konfront ta’ BT/EE u tal-pubbliku, tal-osservazzjonijiet tagħhom.

63      Fit‑22 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti bagħtet ittra lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li titlob li s-seduta għas-sottomissjonijiet orali ssir parzjalment bil-magħluq. Il-Kummissjoni, BT/EE u r-Renju Unit ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-ittra fit‑2, fit‑3 u fl‑4 ta’ April 2019 rispettivament.

64      Fil‑15 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar is-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

65      Fl‑24 ta’ April 2019, ir-rikorrenti bagħtet ittra lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali dwar l-organizzazzjoni ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali. BT/EE ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija ittra fit‑30 ta’ April 2019.

66      Wara s-seduta tat‑2 u tat‑3 ta’ Mejju 2019, ir-rikorrenti bagħtet ittra lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl‑10 ta’ Mejju 2019, li kien fiha tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula matul is-seduta. Il-partijiet prinċipali ressqu talba għal trattament kunfidenzjali u ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali verżjonijiet mhux kunfidenzjali konġunti, fil-konfront ta’ BT/EE u tal-pubbliku, ta’ din l-ittra.

67      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fis‑27 ta’ Ġunju 2019.

IV.    It-talbiet tal-partijiet

68      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati ma’ kull intervent.

69      Il-Kummissjoni, sostnuta minn BT/EE u r-Renju Unit, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

V.      Id-dritt

A.      Fuq il-kuntest ġuridiku

70      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tressaq argumenti fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, fuq il-kuntest ġuridiku applikabbli wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 u fuq l-oneru tal-prova u r-rekwiżiti ta’ prova li għandha l-Kummissjoni, meta hija għandha tagħti prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, konformement mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

71      Sa fejn dawn l-argumenti huma rilevanti għall-eżami tal-motivi u l-argumenti kollha żviluppati mill-partijiet, hemm lok li din l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi eżaminata qabel l-eżami tal-motivi u l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa xieraq ukoll li jitfakkru xi prinċipji li jikkonċernaw l-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.      Fuq l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet

72      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li ż-żieda tal-Qorti Ġenerali mal-Qorti tal-Ġustizzja u l-istabbiliment ta’ grad doppju ta’ ġurisdizzjoni minn naħa, kienu intiżi sabiex titjieb il-protezzjoni ġudizzjarja tal-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari għar-rikorsi li jeħtieġu eżami fil-fond ta’ fatti kumplessi, u, min-naħa l-oħra, kellhom l-għan li jżommu l-kwalità u l-effikaċja tal-istħarriġ ġudizzjarju fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, billi jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċentra l-attività tagħha fuq il-kompitu essenzjali tagħha, jiġifieri dak li tiżgura l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, EU:C:1998:608, punt 41).

73      Fl-istruttura tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, fejn il-Qorti Ġenerali hija inkarigata tistabbilixxi l-fatti u twettaq eżami materjali tat-tilwima, il-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda abbażi tar-Regolament Nru 139/2004 li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fil-fond tagħhom, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti u fid-dawl tal-elementi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar.

74      Ir-rikors għal annullament joffri kuntest proċedurali partikolarment xieraq għall-eżami fil-fond u kontradittorju ta’ kwistjonijiet fattwali kif ukoll legali, b’mod partikolari f’oqsma kumplessi bħal dak tad-dritt tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mit-tielet premessa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/591/ECSC, KEE, Euratom tal‑24 ta’ Ottubru 1988 li tistabblixxi l-Qorti ta’ Prim Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 181) (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Georgsmarienhütte et, C‑135/16, EU:C:2018:582, punt 19).

75      Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi b’mod partikolari tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004 u tikkostitwixxi att ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament għal konċentrazzjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità ta’ tali deċiżjoni, għandha tillimita ruħha għall-analiżi tal-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata, jiġifieri għandha teżamina, fid-dawl tal-motivi u l-argumenti invokati mir-rikorrenti, il-mod kif id-dritt ġie applikat għall-fatti u tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effetti tal-konċentrazzjoni nnotifikata fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 53).

76      Issa, kif iddeċidiet repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ fejn isiru evalwazzjonijiet kumplessi mill-Kummissjoni, il-qorti tal-Unjoni mhux biss għandha tivverifika li l-provi invokati jkunu fattwalment korretti, affidabbli u konsistenti, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk din hijiex kapaċi tissostanzja l-konklużjonijiet milħuqa (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39; ara wkoll, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2.      Fuq il-portata tal-emenda magħmula mir-Regolament Nru 139/2004

77      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet limitu ta’ intervent tant baxx fid-deċiżjoni kkontestata li r-rekwiżit ta’ tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva kien imċaħħad minn kull sustanza. L-applikazzjoni tal-kriterju ġuridiku adottat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, ibbażat fuq il-Linji ta’ gwida tagħha fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 5, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), jippermettilha tostakola kull konċentrazzjoni orizzontali f’suq oligopolistiku.

78      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti stiednet lill-Qorti Ġenerali tikkjarifika l-kriterji applikabbli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva”, meta la jkun hemm pożizzjoni dominanti u lanqas koordinazzjoni bejn il-partijiet f’suq oligopolistiku.

79      Skont ir-rikorrenti, l-emenda tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, intiża sabiex tinkludi l-każijiet ta’ effetti mhux ikkoordinati fuq is-swieq oligopolistiċi, ma naqsitx il-limitu ta’ intervent tal-Kummissjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet.

80      Il-Kummissjoni targumenta li, għalkemm il-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004 ma tippermettix li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fuq il-bażi tal-istruttura oligopolistika tas-suq, hija madankollu tindika li, għalkemm ma tista’ tinsilet jew ma nsiltet l-ebda konklużjoni f’dan il-każ, abbażi ta’ tali struttura, l-oligopolji jistħoqqilhom attenzjoni partikolari.

81      Il-Qorti Ġenerali tfakkar, f’dan ir-rigward, li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31), li issa ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 139/2004, stabbilixxa l-prinċipju li skontu l-konċentrazzjonijiet ta’ dimensjoni Komunitarja li joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti li jkollhom bħala konsegwenza li kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu tiġi mfixkla b’mod sinjifikattiv għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern, u dan tikkonfermah il-premessa 24 tar-Regolament Nru 139/2004.

82      Il-premessa 26 tar-Regolament Nru 139/2004 tippreċiża li b’mod ġenerali tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jirriżulta mill-ħolqien jew mit-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti u tistabbilixxi li, “[d]an ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-prinċipju li konċentrazzjoni b’dimensjoni Komunitarja li tfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien ta’ jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq komuni. Dan bil-għan li tkun preservata l-gwida li tista’ tittieħed minn deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Ewropej u minn deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tar-Regolament […] Nru 4064/89 filwaqt li tinżamm konsistenza ma’ l-istandards ta’ ħsara fil-kompetizzjoni li kienu applikati mill-Kummissjoni u mill-qrati tal-Komunità fir-rigward tal-kompatibilità ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni”.

83      Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li ssostitwixxa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, issa jipprovdi li konċentrazzjoni li ħa tkun ta’ tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew minħabba t-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, għandha tkun iddikjarata bħala inkompatibbli mas-suq intern.

84      Minn dan jirriżulta li l-prova tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, f’ċerti każijiet tista’ tikkorrispondi għall-prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma tfisser li, mil-lat ġuridiku, it-tieni kriterju huwa l-istess bħall-ewwel kriterju, iżda biss li mill-istess analiżi fattwali ta’ suq speċifiku jista’ jirriżulta li ż-żewġ kriterji huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2005, EDP vs Il‑Kummissjoni, T‑87/05, EU:T:2005:333, punt 49).

85      Il-Qorti tal-Unjoni, sal-lum, ma interpretatx espressament ir-Regolament Nru 4064/89 jew ir-Regolament Nru 139/2004 fir-rigward tal-kompatibbiltà mas-suq intern tal-konċentrazzjonijiet li jagħtu lok għal effetti mhux ikkoordinati fuq suq oligopolistiku.

86      Mix-xogħol preparatorju u mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 (ara, b’mod partikolari, l-avverbju “b’mod partikolari”) jirriżulta li din id-dispożizzjoni ġiet adottata sabiex jitwettqu t-tliet għanijiet segwenti.

87      Fl-ewwel lok, dan kien jinvolvi estensjoni, fil-livell materjali, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll billi l-Kummissjoni tkun tista’ tifhem, fil-kuntest speċifiku ta’ swieq oligopolistiċi, konċentrazzjonijiet li jfixklu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva anki jekk dawn ma jippermettux lill-impriżi kkonċernati joħolqu jew isaħħu pożizzjoni dominanti individwali jew kollettiva.

88      Fit-tieni lok, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 kien intiż sabiex jippreżerva u anki jsaħħaħ il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti billi jirrikonoxxi r-rwol li għandu dan il-kunċett fis-sistema fformata fi ħdan l-Unjoni mid-dritt tal-kompetizzjoni kif interpretat mill-qorti tal-Unjoni, li huwa li jippermetti lill-awtoritajiet jintervjenu, f’kuntest ikkaratterizzat mil-libertà ta’ intrapriża, meta dawn jaffaċċjaw konċentrazzjonijiet li, jekk jitwettqu, jippermettu lil attur wieħed jew iktar jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u jeliminaw il-kompetizzjoni kollha jew parti minnha fis-suq ikkunsidrat, mingħajr il-biża’ mir-reazzjoni tal-kompetituri u tal-konsumaturi.

89      Fit-tielet lok, din id-dispożizzjoni kienet intiża sabiex iżżid iċ-ċertezza legali u sabiex tagħmel iktar trasparenti u iktar prevedibbli l-analiżi tal-konċentrazzjonijiet mill-Kummissjoni.

90      Sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tipprojbixxi, f’ċerti ċirkustanzi, fi swieq oligopolistiċi, konċentrazzjonijiet li, għalkemm ma jagħtux lok għall-ħolqien jew għat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti individwali jew kollettiva, jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq b’mod komparabbli ma’ dak attribwibbli għal tali pożizzjonijiet, billi tagħti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni setgħa li tippermettilha tiddetermina, hija stess, il-parametri tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, tiffissa l-prezzijiet minflok taċċettahom.

91      Madankollu, peress li l-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004 ma ġewx ippreċiżati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, hemm lok li dan tal-aħħar jiġi interpretat fid-dawl tal-għanijiet tiegħu.

92      L-Artikolu 3(3) TUE jippreċiża li l-Unjoni tistabbilixxi suq intern, li, konformement mal-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 309), li, skont l-Artikolu 51 TUE, għandu l-istess valur bħat-Trattati, jinkludi sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta.

93      Issa, ir-Regolament Nru 139/2004 huwa, bħall-Artikoli 101 u 102 TFUE, fost numru ta’ regoli tal-kompetizzjoni li, bħal dawk imsemmija fl‑Artikolu 3(1)(b) TFUE, huma meħtieġa għall‑funzjonament tal-imsemmi suq intern. Fil-fatt, tali regoli għandhom preċiżament l-għan li jiġi evitat li l-kompetizzjoni tiġi distorta b’detriment tal-interess ġenerali, tal-impriżi individwali u tal‑konsumaturi, u għalhekk jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat il-benesseri fl-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 20 sa 22, u tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 238).

94      B’mod partikolari, skont ġurisprudenza li issa hija stabbilita sew, ir-Regolament Nru 139/2004 huwa intiż sabiex jiżgura li r-ristrutturazzjonijiet tal-impriżi ma jwasslux għal dannu fit-tul għall-kompetizzjoni. Skont il-premessi 5, 6 u 8 tar-Regolament Nru 139/2004, id-dritt tal-Unjoni għandu jinkludi dispożizzjonijiet applikabbli għall-konċentrazzjonijiet li jistgħu jfixklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern f’parti sostanzjali minnu u li jippermettu kontroll effettiv tal-konċentrazzjonijiet kollha skont l-effett tagħhom fuq l-istruttura tal-kompetizzjoni fl-Unjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2017, Austria Asphalt, C‑248/16, EU:C:2017:643, punt 21, u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Ernst & Young, C‑633/16, EU:C:2018:371, punt 41).

95      B’mod iktar partikolari, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004 tindika li, “konċentrazzjonijiet li jinvolvu t-tneħħija ta’ kontrolli kompetittivi importanti li l-partijiet li jingħaqdu [il-partijiet fil-konċentrazzjoni] kienu jeżerċitaw fuq xulxin u li jinvolvu wkoll tnaqqis fil-pressjoni maħluqa mill-kompetizzjoni fuq il-kompetituri li jifdal, jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, joħolqu tfixkil sostanzjali għal kompetizzjoni effettiva. Dan jista’ jiġri anki meta ma jkunx hemm riskju ta’ kordinazzjoni bejn il-membri ta’ l-oligopolija”.

96      Għalhekk, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-premessa 25 tiegħu, li tipprevedi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-effetti mhux ikkoordinati li jirriżultaw minn konċentrazzjoni, f’ċerti ċirkustanzi, ikun jista’ jkollhom bħala konsegwenza tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva: il-konċentrazzjoni għandha timplika, minn naħa, “[i]t-tneħħija ta’ kontrolli kompetittivi importanti li l-partijiet li jingħaqdu [il-partijiet fil-konċentrazzjoni] kienu jeżerċitaw fuq xulxin” u, min-naħa l-oħra, “tnaqqis fil-pressjoni maħluqa mill-kompetizzjoni fuq il-kompetituri li jifdal”.

97      Minn dan isegwi li l-uniku effett ta’ tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra ma huwiex, bħala prinċipju, suffiċjenti, waħdu, sabiex juri tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fil-kuntest ta’ teorija tad-dannu bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati.

98      Huwa b’mod partikolari fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ppreċiżat li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha fuq il-kunċetti ta’ “effetti mingħajr kordinazzjoni”, ta’ “prossimità tal-kompetizzjoni”, ta’ “tnaqqis fil-pressjoni maħluqa mill-kompetizzjoni fuq il-kompetituri li jifdal” u ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” li ma jinsabux fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, iżda biss fil-premessa 25 tiegħu u fil-linji gwida.

99      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta mil-linji gwida u l-komunikazzjonijiet li hija tadotta fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sa fejn dawn ma jiddevjawx mir-regoli tat-Trattat u tar-Regolament Nru 139/2004 (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Barra minn hekk, għalkemm il-prassi segwita mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha jew il-kontenut tal-linji gwida jistgħu jikkostitwixxu bażi ta’ referenza utli u mingħajr dubju jippreżentaw interess f’dan il-każ, dawn ma jistgħux, waħedhom, jiggwidaw l-analiżi tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-linji gwida tal-Kummissjoni, l-istess bħall-prassi preċedenti tagħha, ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jorbtu lill-qorti tal-Unjoni, li hija biss għandha ġurisdizzjoni għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 19 TUE, peress li b’mod partikolari dawn il-linji gwida jsemmu biss il-mod kif il-Kummissjoni, bħala awtorità amministrattiva, tinterpreta l-leġiżlazzjoni rilevanti u, meta taġixxi bħala awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tapplika, b’mod partikolari minn perspettiva ekonomika, ir-Regolament Nru 139/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2002, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 52; tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Electrabel u Dunamenti Erőmű vs Il‑Kummissjoni, C‑357/14 P, EU:C:2015:642, punt 68; u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Crédit mutuel Arkéa vs BĊE, T‑712/15, EU:T:2017:900, punt 75).

101    Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma għandhomx il-konsegwenza li l-Qorti Ġenerali ma tistax, fil-kuntest tal-missjoni tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tadotta l-gwidi u l-evalwazzjonijiet ekonomiċi jew ġuridiċi li jinsabu fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jew fil-linji gwida tagħha.

102    Kif tenfasizza l-Kummissjoni, fil-punt 24 tal-linji gwida, dwar l-effetti mhux ikkoordinati, konċentrazzjoni tista’ tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva f’suq billi telimina pressjonijiet kompetittivi sinjifikattivi fuq bejjiegħ wieħed jew iktar, li s-setgħa fis-suq tagħhom tkun konsegwentement miżjuda. L-iktar effett dirett tal-konċentrazzjoni huwa l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. Pereżempju, jekk, qabel il-konċentrazzjoni, waħda mill-partijiet żiedet il-prezzijiet tagħha, hija tkun tilfet parti mill-bejgħ tagħha favur il-parti l-oħra għall-konċentrazzjoni. Issa, il-konċentrazzjoni tħassar din ir-restrizzjoni partikolari.

103    L-impriżi preżenti fl-istess suq li ma humiex partijiet fil-konċentrazzjoni jistgħu wkoll jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, minħabba li ż-żieda fil-prezzijiet tal-partijiet tista’ tidderieġi parti mid-domanda lejn impriżi rivali, li, min-naħa tagħhom, jistgħu jsibu li jkun ta’ profitt li jżidu l-prezzijiet tagħhom. It-tnaqqis ta’ dawn ir-restrizzjonijiet kompetittivi jistgħu jwasslu għal żieda sinjifikattiva fil-prezzijiet tas-suq inkwistjoni.

104    Kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-punt 28 tal-linji gwida, dwar il-każ li fih il-partijiet fil-konċentrazzjoni huma “[k]ompetituri fil-qrib jew viċini”, il-fatt li r-rivalità bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienet sors ta’ kompetizzjoni sinjifikattiva fis-suq jikkostitwixxi fattur prinċipali f’din l-analiżi.

105    Huwa fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004 li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikorrenti dwar it-tliet teoriji tad-dannu żviluppati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

3.      Fuq l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet

106    Bi tħejjija għas-seduta u matul is-seduta, il-partijiet ġew mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova u dwar ir-rekwiżit ta’ prova quddiem il-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet u f’dan il-każ.

107    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, sabiex tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha turi, konformement mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, li l-implimentazzjoni tal-konċentrazzjoni nnotifikata tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, b’mod partikolari minħabba l-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 26).

108    Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, għandu jitfakkar li l-analiżi prospettiva neċessarja f’dan il-qasam tikkonsisti f’eżami ta’ kif tali konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat u l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-swieq affettwati. Dan it-tip ta’ analiżi jeħtieġ li ssir previżjoni tad-diversi katini ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema fosthom huma l-iktar probabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il‑Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 32).

109    Kif enfasizzat ġustament ir-rikorrenti, ir-rekwiżit ta’ prova applikabbli għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fuq suq oligopolistiku ma huwiex sostanzjalment differenti minn dak applikabbli għall-finijiet li jiġu stabbiliti effetti kkoordinati. Jekk dan ma kienx il-każ, il-Kummissjoni tirriskja li tikklassifika l-fatti b’mod li tibbenefika mis-sistema l-iktar favorevoli fil-qasam tal-provi quddiem il-Qorti Ġenerali.

110    Hemm lok li jitfakkar li l-kumplessità intrinsika ta’ teorija waħda jew iktar tad-dannu mressqa insostenn ta’ tfixkil sinjifikattiv wieħed jew iktar għal kompetizzjoni effettiva mressqa fir-rigward ta’ konċentrazzjoni tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tad-diversi konsegwenzi ta’ din il-konċentrazzjoni, sabiex tiġi identifikata dik li hija l-iktar probabbli, iżda tali kumplessità, ma għandhiex, fiha nnifisha, influwenza fuq il-livell ta’ prova meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 51).

111    Madankollu, iktar ma l-analiżi tkun prospettiva u x-xejriet ta’ kawża u effett ikunu inċerti u diffiċli biex jiġu stabbiliti jew identifikati, iktar tkun importanti l-kwalità tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li huwa neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 44). Fi kliem ieħor, iktar ma teorija tad-dannu mressqa insostenn ta’ tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva mressqa fir-rigward ta’ konċentrazzjoni tkun kumplessa jew inċerta, jew tirriżulta minn relazzjoni ta’ kawża u effett diffiċli li tiġi stabbilita, iktar għandha tkun stretta l-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-eżami konkret tal-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

112    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-analiżi prospettiva meħtieġa fil-kuntest ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet trid issir b’attenzjoni kbira, billi din ma tinvolvix l-eżami ta’ avvenimenti fl-imgħoddi, li dwarhom spiss ikun hemm disponibbli bosta elementi ta’ prova li jippermettu li wieħed jifhem il-kawżi tagħhom, u lanqas ta’ avvenimenti kurrenti, iżda teħtieġ li jiġu mbassra avvenimenti li ser iseħħu fil-ġejjieni, fuq bażi ta’ probabbiltà pjuttost qawwija, jekk ma tiġix adottata deċiżjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjoni ppjanata jew li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 42).

113    Din l-analiżi teħtieġ, fl-ewwel lok, evalwazzjoni tal-aġir futur li, skont il-Kummissjoni, ser jiġi adottat mill-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni u l-operaturi l-oħra wara l-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punt 464), permezz tal-evalwazzjoni tal-evoluzzjoni ekonomika attribwibbli għall-operazzjoni inkwistjoni li għandha l-ikbar probabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 51).

114    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni tista’ tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq intern biss jekk it-tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jkun konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni. Tali tfixkil, li jirriżulta mid-deċiżjonijiet futuri tal-entità li tirriżulta mill-amalgamazzjoni, tista’ tiġi kkunsidrata bħala konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni, jekk dan l-aġir futur isir possibbli u ekonomikament razzjonali permezz tal-bidla fil-karatteristiċi u fl-istruttura tas-suq ikkawżata mill-konċentrazzjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2013, Cisco Systems u Messagenet vs Il‑Kummissjoni, T‑79/12, EU:T:2013:635, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115    Din l-evalwazzjoni hija kkompletata, fit-tieni lok, minn evalwazzjoni, permezz ta’ analiżi prospettiva tas-suq ta’ referenza, tal-kwistjoni dwar jekk dan l-aġir futur iwassalx probabbilment għal sitwazzjoni fejn kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni tiġi mfixkla b’mod sinjifikattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 59).

116    Huwa għalhekk fid-dawl tal-evoluzzjoni ekonomika attribwibbli għall-konċentrazzjoni inkwistjoni fejn il-probabbiltà tagħha tkun l-iktar qawwija li l-Kummissjoni għandha, fi stadju suċċessiv, turi li l-imsemmija konċentrazzjoni probabbilment u b’mod sinjifikattiv tfixkel il-kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑210/01, EU:T:2005:456, punt 364).

117    Peress li t-tieni fażi tal-analiżi li għandha ssir mill-Kummissjoni hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni bbażata fuq ipoteżijiet, ma jistax jintalab li tiġi prodotta l-prova li x-xenarji u t-teoriji tad-dannu kkunsidrati fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni inevitabbilment ser iseħħu. Madankollu, dawn ix-xenarji u t-teoriji tad-dannu għandhom jidhru suffiċjentement realistiċi u plawżibbli, u għalhekk ma jistgħux ikunu possibbli biss minn perspettiva teoretika, fid-dawl ta’ analiżi tal-fatturi rilevanti kollha.

118    Fil-kuntest ta’ analiżi ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva li l-eżistenza tagħha tirriżulta minn sensiela ta’ provi u indizji, u li hija bbażata fuq diversi teoriji tad-dannu, il-Kummissjoni hija marbuta tipproduċi provi suffiċjenti sabiex turi bi probabbiltà serja l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv wara l-konċentrazzjoni. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ prova applikabbli f’dan il-każ huwa, konsegwentement, iktar strett minn dak li permezz tiegħu tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jkun “iktar probabbli milli improbabbli”, fuq il-bażi ta’ “bbilanċjar tal-probabbiltajiet”, kif issostni l-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, din hija inqas stretta minn dik ibbażata fuq l-“assenza ta’ dubju raġonevoli” (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2004:318, punti 72 sa 77, u tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2013:766, punti 34 u 35; ara, a contrario, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2007:790, punti 209 sa 211).

119    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tar-rikors u b’mod partikolari t-tliet teoriji tad-dannu żviluppati mill-Kummissjoni.

4.      Fuq il-motivazzjoni

120    Il-Qorti Ġenerali tinnota li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, tieħu pożizzjoni fuq l-elementi u l-argumenti kollha invokati quddiemha, inklużi dawk li b’mod ċar huma sekondarji għall-evalwazzjoni li għandha tagħti, u dan sabiex tiddistingwi l-essenzjali mill-aċċessorju.

121    Min-naħa l-oħra, hija għandha tesponi b’mod ċar u fil-qosor il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi determinanti, kif ukoll il-motivi u l-provi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet. Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika, u ma jkollhiex b’mod partikolari kontradizzjoni interna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, EU:C:2008:392, punt 169).

122    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Qorti Ġenerali, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali twettaq espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u individwali l-motivi u l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Evropaïki Dynamiki vs EMSA, C‑252/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:512, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    Fil-fatt, għall-finijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju u sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiddeċiedi dwar rikors, mingħajr ma jkollha neċessarjament tieħu deċiżjoni dwar il-motivi u l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet.

B.      Sunt tal-motivi u tal-istruttura tar-rikors

124    Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi. Hija tikkontesta suċċessivament it-tliet teoriji tad-dannu żviluppati fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-impenji li hija ħadet sabiex issolvi l-problemi mqajma minn din l-istituzzjoni.

125    L-ewwel u r-raba’ motiv jirrigwardaw rispettivament l-ewwel u t-tielet teorija tad-dannu żviluppati mill-Kummissjoni, dwar it-tneħħija tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 fis-suq tal-bejgħ bl-imnut (l-ewwel motiv) u fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa (ir-raba’ motiv). It-tieni motiv jirrigwarda l-evalwazzjoni tax-xenarju ta’ ksur imwettqa mill-Kummissjoni, li fuqha hija tibbaża l-evalwazzjoni tas-swieq tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa. It-tielet motiv jirrigwarda t-tieni teorija tad-dannu dwar is-suq tal-bejgħ bl-imnut, dwar il-qsim tan-network, u dwar l-impenji relatati mal-qsim tan-network. Il-ħames motiv huwa relatat mal-impenji l-oħra.

126    Image not foundIr-relazzjoni bejn l-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata u dik tar-rikors tidher fl-iskema iktar ’il quddiem, prodotta mir-rikorrenti.


127    Għalhekk, fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati suċċessivament l-ewwel, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikorrenti, dwar it-tliet teoriji tad-dannu żviluppati mill-Kummissjoni, u, fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati t-tieni u l-ħames motiv.

C.      Fuq l-ewwel teorija tad-dannu, dwar l-effetti mhux ikkoordinati fuq is-suq tal-bejgħ bl-imnut

1.      Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

128    Fil-kuntest tal-ewwel teorija tad-dannu, il-Kummissjoni tibbaża fuq ir-restrizzjoni kompetittiva qawwija eżerċitata minn Three u O2, in-natura stretta tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni tagħhom, tal-partijiet tas-suq tagħhom u tal-inċentivi fuq l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li żżid il-prezzijiet, kif ukoll il-kapaċità ta’ kompetizzjoni tal-kompetituri tagħha sabiex tikkonkludi, fil-premessa 1226 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni “tista’ tipproduċi effetti antikompetittivi mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut”.

129    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrileva li Three u O2 huma l-uniċi operaturi ta’ network mobbli fir-Renju Unit li l-partijiet tas-suq tagħhom baqgħu jikbru b’mod konsistenti matul l-aħħar snin (premessi 330 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata) u li jikkompetu mill-qrib ma’ xulxin u mal-operaturi l-oħra ta’ network mobbli (premessi 407 sa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

130    Fil-premessi 468 sa 681 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li Three kienet tikkostitwixxi, qabel il-konċentrazzjoni, “mutur importanti tal-kompetizzjoni” fis-sens tal-punt 37 tal-linji gwida jew kienet teżerċita, fi kwalunkwe każ, restrizzjoni kompetittiva qawwija. Fil-fatt, dan huwa l-iktar l-operatur aggressiv u innovattiv, li jipprattika l-iktar prezzijiet kompetittivi f’ċirkwit dirett u li ppropona l-4G mingħajr spejjeż addizzjonali, u dan obbliga lill-kompetituri tiegħu jabbandunaw l-istrateġiji ta’ bejgħ tagħhom tal-4G bi prezz ogħla.

131    Fil-premessi 682 sa 776 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li, fil-assenza ta’ tranżazzjoni, Three probabbilment tkompli teżerċita restrizzjoni kompetittiva qawwija, peress li hija finanzjarjament soda u ftit għandha possibbiltà li tkun taf il-limiti ta’ kapaċità, kif ġie spjegat fl-Anness C tad-deċiżjoni kkontestata, li jagħmel parti integrali mill-imsemmija deċiżjoni.

132    Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkunsidra li O2 kienet teżerċita restrizzjoni kompetittiva qawwija qabel il-konċentrazzjoni u li probabbilment tkompli tagħmel dan fl-assenza ta’ tranżazzjoni (premessi 778 sa 872 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Il-konċentrazzjoni telimina l-pressjonijiet kompetittivi bejn Three u O2, minn naħa, u bejn dawn iż-żewġ operaturi u l-operaturi l-oħra ta’ network mobbli, min-naħa l-oħra, u dan idgħajjef kunsiderevolment il-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut. B’mod partikolari, jidher probabbli li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni żżid il-prezzijiet (premessi 873 sa 906 tad-deċiżjoni kkontestata).

134    Il-Kummissjoni tislet l-istess konklużjoni mill-evalwazzjoni kwantitattiva tal-effetti probabbli fuq il-prezzijiet minħabba t-tneħħija tal-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut (premessi 1191 sa 1225 tad-deċiżjoni kkontestata), iddettaljata fl-Anness A tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel parti integrali mill-imsemmija deċiżjoni.

135    Il-Kummissjoni tqis li l-konċentrazzjoni jista’ jkollha effett negattiv fuq il-kapaċità ta’ kompetizzjoni tal-operaturi l-oħra ta’ network mobbli. Fil-fatt, il-konċentrazzjoni tfixkel il-funzjonament tajjeb tal-ftehimiet eżistenti ta’ qsim tan-network. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li, fid-dawl tal-istorja kif ukoll tal-istrateġija u tal-pożizzjonament attwali ta’ BT/EE u ta’ Vodafone, ikun hemm opportunitajiet kbar li dawn jallineaw ruħhom maż-żidiet fil-prezzijiet tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni (premessi 907 sa 960 tad-deċiżjoni kkontestata).

136    Fir-rigward tal-operaturi mhux ONM, il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw il-kompetizzjoni u li jagħmlu innovazzjonijiet tkun limitata (premessi 961 sa 1148 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Sunt tal-ewwel motiv u tal-provi prinċipali prodotti insostenn tal-ewwel teorija tad-dannu

137    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret ir-rekwiżiti formali essenzjali, l-ewwel nett, fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha għal Three tal-kriterju ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” (it-tieni parti), it-tieni nett, fir-rigward tan-natura stretta tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni (it-tielet parti), u, it-tielet nett, dwar l-eżami tal-partijiet tas-suq (ir-raba’ parti).

138    Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żnaturat il-provi fl-evalwazzjoni tagħha tal-effetti kwantitattivi tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet (il-ħames parti) u tal-motivazzjonijiet tal-entità l-ġdida wara l-konċentrazzjoni (is-sitt parti). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod globali dawn id-diversi fatturi (is-seba’ parti).

139    Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-ewwel teorija tad-dannu kienet ibbażata essenzjalment fuq it-tliet provi li ġejjin: il-fatt li Three tikkostitwixxi mutur importanti tal-kompetizzjoni, il-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2, u l-analiżi kwantitattiva tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet.

140    Għalhekk, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li fl-ewwel lok, qabel kollox, tiġi eżaminata r-raba’ parti, dwar l-analiżi tal-partijiet tas-suq, u t-tieni parti, dwar il-klassifikazzjoni ta’ Three bħala mutur importanti tal-kompetizzjoni, li jikkoinċidu parzjalment, u, sussegwentement, it-tielet parti, dwar l-evalwazzjoni tal-prossimità tal-kompetizzjoni, u l-ħames parti, dwar l-effetti kwantitattivi tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet. Fit-tieni lok, jekk ikun il-każ, għandhom jiġu eżaminati s-sitt u s-seba’ partijiet tal-imsemmi motiv.

a)      Fuq l-analiżi tal-partijiet tas-suq

141    Fil-kuntest tar-raba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta kkunsidrat, minn naħa, li l-entità l-ġdida jkollha, wara l-konċentrazzjoni, l-ikbar parti tas-suq u, min-naħa l-oħra, li din is-sitwazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala indikatur tat-tnaqqis ta’ restrizzjoni kompetittiva qawwija.

142    Ir-rikorrenti tafferma, l-ewwel nett, li l-parti tas-suq tal-entità l-ġdida kienet ħafna inqas minn 50 %, it-tieni nett, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-partijiet tas-suq, fatturi oħra, bħas-saħħa tal-kompetituri ta’ Three u O2, u, it-tielet nett, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effetti tat-trasferiment tas-sehem ta’ O2 f’Tesco Mobile, propost mir-rikorrenti skont l-impenji sottomessi lill-Kummissjoni.

143    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

144    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni adegwata tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għal kull evalwazzjoni magħmula fuq l-impatt kompetittiv ta’ konċentrazzjoni (sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 143, u tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Spar Österreichische Warenhandels vs Il‑Kummissjoni, T‑405/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:306, punt 116).

145    Fil-fatt, id-definizzjoni tas-swieq rilevanti tikkostitwixxi stadju essenzjali tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, sa fejn din tippermetti, fl-ewwel lok, li jiġi identifikat il-perimetru li fih tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni bejn impriżi u, fit-tieni lok, li tiġi evalwata s-setgħa tagħhom fis-suq.

146    Is-suq tal-prodotti kkonċernati mill-konċentrazzjoni għalhekk għandu jiġi ddefinit waqt li jiġi kkunsidrat il-kuntest ekonomiku kollu, b’mod li tkun tista’ tiġi evalwata l-qawwa ekonomika effettiva tal-impriża jew tal-impriżi inkwistjoni, u għal dan il-għan, għandhom jiġu ddefiniti minn qabel il-prodotti li, mingħajr ma huma sostitwibbli għal prodotti oħra, huma suffiċjentement interkambjabbli mal-prodotti li huma joffru, mhux biss skont il-karatteristiċi tagħhom stess, iżda wkoll skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-istruttura tad-domanda u l-provvista fis-suq (sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2002, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99, EU:T:2002:146, punt 20).

147    Fil-fatt, sa fejn it-tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva jirriżultaw ġeneralment mill-ħolqien jew mit-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, il-partijiet tas-suq jistgħu jintużaw biss bħala indizji ta’ problemi ta’ kompetizzjoni, sakemm is-suq li jirreferu għalih dawn il-partijiet ikun ġie ddefinit b’mod korrett minn qabel. L-istess japplika għall-indiċi ta’ Herfindahl-Hirschmann (użat sabiex jitkejjel il-grad ta’ konċentrazzjoni ta’ suq) (iktar ’il quddiem l-“IHH”), li l-Kummissjoni tirreferi għalih fil-premessi 398 sa 405 tad-deċiżjoni kkontestata.

148    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-konċentrazzjoni tirriżulta f’tisħiħ ta’ suq oligopolistiku f’suq diġà kkonċentrat ħafna. Fil-fatt, dan huwa suq li fih erba’ atturi, jew tlieta jekk issir il-konċentrazzjoni, li jaqsmu 90 % tas-suq. Il-konċentrazzjoni kienet tippermetti lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, li tgħaqqad lil Three u O2, li tirrappreżenta [bejn 30 % u 40 %] tas-suq tal-bejgħ bl-imnut u b’hekk issir l-attur prinċipali, quddiem BT/EE u Vodafone, li l-partijiet tas-suq tagħhom huma ta’ [bejn 30 % u 40 %] u ta’ [bejn 20 % u 30 %] rispettivament.

149    Issa, għalkemm tali analiżi, ibbażata fuq partijiet tas-suq ftit jew wisq komparabbli, li toħloq effetti ta’ simetrija propizji sabiex tiffaċilita l-kollużjoni taċita, tippermetti li jiġi konkluż li jkun hemm tisħiħ tal-konċentrazzjoni f’suq oligopolistiku, din madankollu ma tistax tippermetti li jiġi konkluż li tali konċentrazzjoni twassal għal dannu fit-tul għall-kompetizzjoni li, bħala tali, jista’ jikkostitwixxi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fil-kuntest ta’ teorija tad-dannu bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati.

150    Tali raġunament fil-prattika jwassal sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprojbixxi kull konċentrazzjoni orizzontali f’suq oligopolistiku, peress li, misluta minn applikazzjoni tal-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004, il-kriterji ta’ eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jeżerċitaw, minn naħa, fuq xulxin u, min-naħa l-oħra, fuq il-kompetituri l-oħra, ikunu, mid-definizzjoni tagħhom, issodisfatti.

151    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tindika, ġustament, li l-partijiet tas-suq, eżaminati fil-premessi 330 sa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, jipprovdu biss “l-ewwel indikazzjoni” tal-importanza tal-kompetizzjoni tal-partijiet fil-konċentrazzjoni (ara l-premessi 330 u 406 u nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 271 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-premessa 406 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tindika li “d-daqs u l-evoluzzjoni tal-partijiet tas-suq tal-partijiet fis-suq rilevanti u s-setturi li jikkomponuh jipprovdu l-ewwel indikazzjoni tar-restrizzjoni kompetittiva qawwija eżerċitata minn Three u O2”.

152    Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni għalhekk ma kkunsidratx il-fatt li l-entità l-ġdida jkollha l-ikbar parti tas-suq bħala indikatur tat-tnaqqis ta’ restrizzjoni kompetittiva qawwija, iżda qieset li d-daqs u l-evoluzzjoni tal-partijiet tas-suq ta’ Three u O2 kienu l-ewwel indikazzjoni tar-restrizzjoni kompetittiva qawwija eżerċitata minnhom, li tiġi eliminata mill-konċentrazzjoni.

153    Barra minn hekk, l-analiżi tal-partijiet tas-suq ma turix ħaġa oħra għajr il-fatt li l-konċentrazzjoni tikkonċentra iktar oligopolju ristrett tal-komunikazzjoni mobbli fir-Renju Unit, mingħajr madankollu ma toħloq effetti antikompetittivi komparabbli għal dawk li jistgħu jirriżultaw mill-ħolqien jew mit-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, individwali jew kollettiva.

154    Konsegwentement, għandha tiġi miċħuda r-raba’ parti tal-ewwel motiv.

b)      Fuq il-klassifikazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”

155    Skont il-kliem tad-deċiżjoni kkontestata, wieħed mill-fatturi użati mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni tagħti lok għal effetti mhux ikkoordinati huwa l-fatt li “Three tikkostitwixxi mutur importanti tal-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-imnut […], fis-sens tal-punt 37 tal-linji gwida, jew fi kwalunkwe każ restrizzjoni kompetittiva qawwija fuq dan is-suq, li hija probabbilment tkompli teżerċita jekk il-konċentrazzjoni ma sseħħx” (premessa 777 tad-deċiżjoni kkontestata).

156    Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, misluta minn żbalji fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ Three bħala mutur importanti tal-kompetizzjoni, ir-rikorrenti tressaq tliet ilmenti, relatati rispettivament mal-iżnaturament tal-kunċett ta’ mutur importanti tal-kompetizzjoni, mal-grad ta’ restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Three fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, u mal-iżnaturament tal-kunċett ta’ restrizzjoni kompetittiva qawwija, li kull wieħed minnhom, fil-fehma tagħha, huwa biżżejjed sabiex iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

1)      Fuq l-iżnaturament tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”

157    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li huwa biżżejjed, sabiex jiġi konkluż li impriża tikkostitwixxi mutur importanti tal-kompetizzjoni, li hija “tikkontribwixxi b’mod kostanti u sostnut fil-proċess kompetittiv”, sa fejn din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kontribut fil-proċess kompetittiv ta’ kull kompetitur f’suq oligopolistiku u r-rwol partikolari li għandu mutur importanti tal-kompetizzjoni fis-sens tal-punti 37 u 38 tal-linji gwida.

158    L-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fir-risposta, li skontha “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ma għandux bżonn jiddistingwixxi ruħu mill-kompetituri tiegħu f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni, tikkostitwixxi żball ta’ liġi, b’mod partikolari sa fejn din il-pożizzjoni tippermettilha tikklassifika lil kull impriża f’suq oligopolistiku bħala mutur importanti tal-kompetizzjoni, u dan iwassal għal projbizzjoni de facto tal-konċentrazzjonijiet orizzontali fi swieq oligopolistiċi u jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

159    Il-mod kif il-Kummissjoni tapplika l-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” huwa inkompatibbli wkoll mal-mod kif dan jiġi applikat mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, kif ukoll mal-mod kif dan il-kunċett ġie żviluppat fix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjonijiet preċedenti u l-linji gwida.

160    Il-Kummissjoni tirribatti li mill-punt 37 tal-linji gwida jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li impriża tiddistingwixxi ruħha mill-kompetituri tagħha mill-perspettiva tal-impatt tagħha fuq il-kompetizzjoni sabiex tikkostitwixxi mutur importanti tal-kompetizzjoni, iżda biss li hija jkollha rwol iktar sinjifikattiv fil-kompetizzjoni milli tħalli li jiġi preżunt mill-partijiet tas-suq tagħha.

161    L-affermazzjoni tar-rikorrenti li skontha l-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kontribut ta’ kull attur fil-proċess tal-kompetizzjoni f’suq oligopolistiku u r-rwol partikolari li għandu mutur importanti tal-kompetizzjoni hija manifestament infondata, peress li hija ma kklassifikatx lil O2 bħala mutur importanti tal-kompetizzjoni, kif jirriżulta mill-premessa 872 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, membru ta’ oligopolju jista’, minħabba approċċ pjuttost difensiv, ikollu influwenza limitata fuq il-kompetizzjoni.

162    Finalment, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li skontha l-approċċ tal-Kummissjoni huwa b’mod partikolari inkompatibbli ma’ dak tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti hija irrilevanti u infondata. Għalhekk, il-linji gwida, b’mod intenzjonat, huma differenti mill-ekwivalenti Amerikan tagħhom. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni u s-Swieq tar-Renju Unit kienet appoġġjat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-restrizzjoni kompetittiva eżerċitata minn Three, kif jirriżulta mill-premessa 483 tad-deċiżjoni kkontestata.

163    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, kif ġie mfakkar fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq, li, għalkemm il-linji gwida tal-Kummissjoni, l-istess bħall-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ma jistgħux jorbtu lill-qorti tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk ikun il-każ, tadotta l-gwidi u l-evalwazzjonijiet ekonomiċi jew ġuridiċi li jinsabu fil-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni jew f’dawn il-linji gwida.

164    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, f’ċertu numru ta’ każijiet (ara l-Każijiet COMP/M.6203 – Western Digital Irland/Viviti Technologies (2011), COMP/M.6497 – Hutchison 3G Austria/Orange Austria (2012), COMP/M.7018 – Telefónica Deutschland/E-Plus (2014) (iktar ’il quddiem il-“Każ Ġermaniż”), COMP/M.6992 – Hutchison 3G UK/Telefonica Ireland (2014) (iktar ’il quddiem il-“Każ Irlandiż”), COMP/M.7421 – Orange/Jazztel (2015), COMP/M.7637 – Liberty Global/BASE Belgium (2016), COMP/M.7758 – Hutchinson 3G Italy/Wind/JV (2016)), il-Kummissjoni kklassifikat lil parti waħda jew tnejn għall-konċentrazzjoni bħala “mutur(i) importanti tal-kompetizzjoni”, li l-eliminazzjoni tagħhom minħabba l-konċentrazzjoni, flimkien ma’ fatturi oħra (ostakoli għad-dħul, grad ta’ konċentrazzjoni tas-suq, żieda fil-prezzijiet, natura stretta tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, eċċ.), tista’ twassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, filwaqt li tawtorizza, b’mod ikkundizzjonat, il-konċentrazzjoni.

165    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-mod kif il-Kummissjoni applikat il-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” huwa inkompatibbli mad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li l-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija koerenti ma’ dik esposta fil-każijiet Ġermaniżi (premessi 120 sa 122; ara l-punt 164 iktar ’il fuq), COMP/M.7421 – Orange/Jazztel (2015) (premessa 245) u COMP/M.6497 – Hutchison 3G Austria/Orange Austria (2012) (premessi 265 u 283).

166    Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat b’mod partikolari, fil-Każ COMP/M.5650 – T‑Mobile/Orange (2010), il-kwistjoni dwar jekk parti waħda jew oħra għal din il-konċentrazzjoni setgħetx tiġi kkunsidrata bħala “kompetitur partikolarment importanti” fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit, li jeżerċita “restrizzjoni partikolarment importanti” fuq il-parteċipanti l-oħra f’dan is-suq. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat, abbażi ta’ analiżi taż-żieda grossa tal-abbonati, li 3UK setgħet tiġi kkunsidrata bħala “aġitatur fis-suq”, sa fejn hija “ġibdet” iktar klijenti ta’ Orange u ta’ T‑Mobile milli kienet tissuġġerixxi l-parti tas-suq tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat, f’din id-deċiżjoni, li 3UK kienet mexxejja fis-suq f’termini ta’ prezzijiet u ta’ innovazzjonijiet fis-servizzi.

167    Fil-punt 380 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonstatat li, sabiex impriża tikkostitwixxi mutur importanti tal-kompetizzjoni, ma kienx neċessarju li din tkun “imprevedibbli” fis-suq. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni qieset li tali impriża kellha tikkontribwixxi, b’mod sostanzjali u konsistenti, fil-proċess tal-kompetizzjoni fis-suq abbażi ta’ parametri bħall-prezz, il-kwalità, l-għażla u l-innovazzjoni. Konċentrazzjoni li tinkludi impriża li reċentement daħlet fis-suq, u li jista’ jiġi preżunt li hija teżerċita pressjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq is-suq, tkun biss, skont il-Kummissjoni, eżempju ta’ sitwazzjoni fejn ikunu jistgħu jseħħu effetti antikompetittivi mhux ikkoordinati sinjifikattivi.

168    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kienet diġà sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li, sabiex impriża tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, hija kellha tiddistingwixxi ruħha mill-kompetituri tagħha fir-rigward tal-impatt tagħha fuq il-kompetizzjoni, peress li hija kellha rwol uniku fis-suq li kien jippermettilha teżerċita restrizzjonijiet qawwija u sproporzjonati fuq l-atturi l-oħra, meta mqabbla mal-partijiet tas-suq tagħha, u dan huwa indispensabbli sabiex tinżamm kompetizzjoni effettiva.

169    Fil-premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għal dan l-argument billi kkunsidrat li “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ma kellux bżonn jiddistingwixxi ruħu mill-kompetituri tiegħu f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni. Skont il-Kummissjoni, il-fatt li hija, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, kienet qieset li ċerti impriżi kienu uniċi fl-“aggressività” tagħhom fis-suq u kienu żiedu l-preżenza tagħhom f’dan is-suq b’mod iktar mgħaġġel minn kwalunkwe kompetitur ieħor, bħala muturi importanti tal-kompetizzjoni, ma jimplikax li teżisti biss definizzjoni waħda tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”.

170    Min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni kkonċediet li “mutur importanti tal-kompetizzjoni” kellu jkollu rwol ikbar milli jħallu li jiġi preżunt il-partijiet tas-suq tiegħu, joffri kompetizzjoni partikolarment aggressiva u jġiegħel lill-atturi l-oħra jsegwu dan l-aġir.

171    Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward tal-eliminazzjoni ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sempliċi tnaqqis fil-pressjoni kompetittiva li jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tmiem ta’ impriża li għandha rwol ikbar milli jagħtu x’tifhem il-partijiet tas-suq tagħha huwa biżżejjed, fih innifsu, sabiex jagħti prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

172    Issa, tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, żviluppat fid-deċiżjoni kkontestata, tintroduċi, li kieku kellha tiġi kkunsidrata bħala kriterju legali awtonomu, kunċett supplimentari u alternattiv għall-kunċett ta’ “restrizzjoni kompetittiva qawwija” li jinsab fil-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004. Dan inaqqas il-limitu ta’ prova meħtieġ sabiex tingħata prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, skont jekk il-Kummissjoni tikklassifikax l-effetti prevedibbli ta’ konċentrazzjoni bħala “effetti mhux ikkoordinati” jew bħala “effetti kkoordinati”.

173    Fil-fatt, l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jwassal, fil-prattika, sabiex jitħalltu tliet kunċetti, jiġifieri l-kunċett ta’ “tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva”, li huwa l-kriterju ġuridiku msemmi fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, il-kunċett ta’ “eliminazzjoni ta’ restrizzjoni kompetittiva qawwija”, imsemmi fil-premessa 25 tal-istess regolament, kif ukoll il-kunċett ta’ eliminazzjoni ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, użat fid-deċiżjoni kkontestata u mislut mil-linji gwida. Billi amalgamat dawn il-kunċetti, il-Kummissjoni tipproċedi għal twessigħ kunsiderevoli tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, peress li kull eliminazzjoni ta’ mutur importanti tal-kompetizzjoni tkun ekwivalenti għall-eliminazzjoni ta’ restrizzjoni kompetittiva qawwija li, min-naħa tagħha, tiġġustifika l-konklużjoni tal-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

174    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ evalwazzjoni, fil-premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata, meta kkonstatat li “mutur importanti tal-kompetizzjoni” ma kellux bżonn jiddistingwixxi ruħu mill-kompetituri tiegħu f’termini ta’ impatt fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari sa fejn din il-pożizzjoni tippermettilha tikklassifika lil kull impriża f’suq oligopolistiku li teżerċita pressjoni kompetittiva bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”.

175    Dan iwassal, kif enfasizzat ġustament ir-rikorrenti, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprojbixxi minħabba dan il-fatt biss konċentrazzjonijiet orizzontali f’tali swieq u tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-Kummissjoni tista’ għalhekk tonqos milli tanalizza l-eliminazzjoni eventwali tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jeżerċitaw fuq xulxin, favur teorija tad-dannu bbażata biss fuq it-tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra.

176    L-ilment dwar l-iżnaturament tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” huwa għalhekk fondat.

2)      Fuq il-grad ta’ restrizzjoni kompetittiva ta’ Three fis-suq tal-bejgħ bl-imnut

177    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li skontha Three tikkostitwixxi “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, jew teżerċita, fi kwalunkwe każ, restrizzjoni kompetittiva qawwija f’dan is-suq, hija bbażata fuq l-elementi li ġejjin: l-ewwel nett, żieda grossa ta’ abbonati li hija ogħla mill-parti tas-suq tagħha (premessa 481), it-tieni nett, l-iżvilupp tal-parti tas-suq tagħha u tal-klijentela tagħha (premessi 475 sa 480), it-tielet nett, il-politika tagħha dwar il-prezzijiet (premessi 578 sa 633), ir-raba’ nett, il-kontributi tagħha fl-innovazzjoni u fil-kompetizzjoni (premessi 485 sa 577), u, il-ħames nett, il-kwalità tan-network tagħha, is-servizz tagħha għall-klijentela u l-lealtà tal-klijenti tagħha (premessi 653 sa 680).

178    Skont ir-rikorrenti, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-ewwel erba’ fatturi hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

i)      Fuq iż-żieda grossa ta’ abbonati

179    Sabiex tikkonkludi li Three tikkostitwixxi “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, jew teżerċita, fi kwalunkwe każ, restrizzjoni kompetittiva qawwija fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, il-Kummissjoni bbażat, b’mod partikolari, fuq il-fatt li ż-żieda gross tal-abbonati tagħha hija ogħla mill-parti tas-suq tagħha (premessi 481 sa 484 tad-deċiżjoni kkontestata).

180    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessa 397 tad-deċiżjoni kkontestata, li ż-żieda grossa ta’ abbonati (jiġifieri l-parti tal-klijenti l-ġodda miksuba) ta’ Three “hija l-ewwel sinjal li Three teżerċita fis-suq tal-bejgħ bl-imnut restrizzjoni kompetittiva iktar qawwija milli tħalli li jiġi preżunt il-parti tas-suq tagħha”, filwaqt li l-parti grossa ta’ abbonati ġodda ta’ Three, ta’ [bejn 10 % u 20 %] (skont jekk jintużawx il-kalkoli ta’ Three jew tal-Kummissjoni), hija, minn naħa, baxxa wisq fil-valur assolut u, min-naħa l-oħra, komparabbli jew saħansitra inqas mill-parti ta’ abbonati tagħha, ta’ [bejn 10 u 20 %].

181    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tindika, fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-kalkoli tagħha, il-parti grossa ta’ abbonati ġodda ta’ Three huwa ogħla mill-parti tas-suq tagħha.

182    Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi, fil-punti 65 u 74 tar-risposta, li, skont ir-rikostituzzjoni tagħha tal-partijiet tas-suq u tal-partijiet grossi ta’ klijenti ġodda, il-partijiet grossi ta’ klijenti ġodda ta’ Three għall‑2014 u l-ewwel semestru tal‑2015 huma biss ftit ogħla mill-partijiet tas-suq tagħha għall-istess perijodu. Fi kliem ieħor, ma hemmx differenza kbira bejn il-partijiet grossi ta’ klijenti ġodda ta’ Three u l-partijiet tas-suq tagħha.

183    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet grossi ta’ klijenti ġodda ta’ Three ma jindikawx li hija għandha, fil-kompetizzjoni, rwol iktar sinjifikattiv milli jħallu li jiġi preżunt il-partijiet tas-suq tagħha. Billi bbażat fuq l-argument l-iktar favorevoli għall-Kummissjoni, li skontu l-impriża kellha tkabbir sostnut, iż-żieda grossa ta’ abbonati li tikkaratterizza l-attività tagħha tammonta għal [bejn 10 u 20 %]. Issa, minn naħa, tali ammont huwa baxx wisq meta mqabbel mal-partijiet tas-suq deskritti fil-premessi 335 u 343 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, tali żieda għandha tiġi kkunsidrata bħala limitata ħafna jekk titqabbel maċ-ċifri dwar l-abbonati l-ġodda tal-impriżi li l-Kummissjoni kklassifikat bħala “muturi importanti tal-kompetizzjoni” fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, fil-Każijiet M.3916 – T‑Mobile Austria/Tele.ring (2006), COMP/M.6497 – Hutchison 3G Austria/Orange Austria (2012), Ġermaniż u Irlandiż (ara l-punt 164 iktar ’il fuq).

184    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali magħmula waqt is-seduta dwar l-importanza li għandha tingħata, bħala mezz ta’ prova tal-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, lil żieda grossa ta’ abbonati li tkun ogħla minn [bejn 0 u 5 %] mill-partijiet tas-suq, il-Kummissjoni sempliċement affermat li din iż-żieda kienet biss indizju fost oħrajn għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali tagħha ta’ diversi fatturi insostenn tal-konklużjonijiet tagħha fid-deċiżjoni kkontestata.

185    B’mod partikolari, il-Kummissjoni affermat li l-fatt li operatur bħal Three jkollu parti grossa ta’ klijenti ġodda anki limitata meta mqabbla mal-parti tas-suq tiegħu, jibqa’ suffiċjenti biex isir “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-istess operatur evolva b’mod permanenti fis-suq rilevanti. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-fatt li Three, matul is-snin ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kellha tkabbir sħiħ tal-parti grossa ta’ abbonati ġodda, huwa indikazzjoni suffiċjenti, li tippermetti li jiġi stabbilit li Three hija kompetitur li jeżerċita pressjoni kompetittiva fuq is-suq tal-bejgħ bl-imnut.

186    Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, meta mqabbla mal-partijiet tas-suq deskritti fil-premessi 335 u 343 tad-deċiżjoni kkontestata, żieda grossa ta’ abbonati li tista’ tiġi kkwantifikata, fl-iktar ipoteżi favorevoli għall-argument tal-Kummissjoni, bl-iktar tkabbir sostnut, ta’ madwar [bejn 10 u 20 %], tidher baxxa ħafna u ma hijiex komparabbli maċ-ċifri dwar l-abbonati l-ġodda tal-impriżi li l-Kummissjoni kklassifikat bħala “muturi importanti tal-kompetizzjoni” fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, fil-Każijiet M.3916 – T‑Mobile Austria/Tele.ring (2006), COMP/M.6497 – Hutchison 3G Austria/Orange Austria (2012), Ġermaniż u Irlandiż (ara l-punt 164 iktar ’il fuq).

187    Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostniet, matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura u matul is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta dwar dan il-punt mill-Kummissjoni, li l-parti grossa ta’ abbonati ġodda fir-rigward ta’ impriżi oħra li l-Kummissjoni kienet ikklassifikat ukoll bħala “muturi importanti tal-kompetizzjoni” fil-kuntest ta’ konċentrazzjonijiet fejn in-numru ta’ kompetituri jgħaddi minn erbgħa għal tlieta fis-settur tal-komunikazzjonijiet mobbli, kienet tinsab bejn 21 u 50 %, u dan ma huwiex manifestament il-każ fir-rigward ta’ Three.

188    Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, iż-żieda grossa ta’ abbonati ta’ Three ma kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tikkonkludi li dan l-operatur kien jikkostitwixxi “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, fil-kuntest ta’ teorija tad-dannu bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati.

189    Minn dan jirriżulta li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 397 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha ż-żieda grossa ta’ abbonati ta’ Three “hija l-ewwel sinjal li Three teżerċita fis-suq tal-bejgħ bl-imnut restrizzjoni kompetittiva iktar qawwija milli tħalli li jiġi preżunt il-parti tas-suq tagħha”, hija vvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni.

190    L-argument li jikkonċerna, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni dwar iż-żieda grossa ta’ abbonati ta’ Three huwa għalhekk fondat.

ii)    Fuq it-tkabbir tal-abbonati ta’ Three

191    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-evoluzzjoni tal-parti tas-suq ta’ Three kienet tindika li hija kienet “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. Fil-fatt, l-informazzjoni esposta fil-premessi 335, 343, 475 u 477 tad-deċiżjoni kkontestata tagħti prova li Three kellha tkabbir estremament bil-mod.

192    Il-Kummissjoni ssostni li l-parti tas-suq ta’ Three fil-qasam tal-abbonati u tad-dħul mill-bejgħ ma waqfitx tikber. It-tkabbir ta’ 1 % fis-sena ta’ Three bħala fornitur bejn l-2013 u l-2014 kellu jitqiegħed fil-kuntest ta’ suq fejn l-ebda attur ieħor, bl-eċċezzjoni ta’ O2, ma kien f’pożizzjoni li jasal għal tali rata ta’ tkabbir, kif muri fil-premessi 343 u 346 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-klijentela ta’ Three wriet b’mod kostanti [kunfidenzjali] (1) fis-suq bejn l-2010 u l-2014, peress li n-numru totali tal-abbonati ta’ Three, O2 u Vodafone żdied rispettivament b’[kunfidenzjali] u dak ta’ BT/EE naqas bi kważi [kunfidenzjali] (premessa 477 tad-deċiżjoni kkontestata).

193    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-informazzjoni esposta fil-premessi 335, 343, 346 u 477 tad-deċiżjoni kkontestata tidher li turi li Three kellha tkabbir ikbar minn dak tal-kompetituri tagħha. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑210/01, EU:T:2005:456), li t-tkabbir kostanti tal-partijiet tas-suq huwa fattur konvinċenti tal-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn operatur.

194    Hemm lok li jiġi rrilevat li t-tisħiħ ta’ partijiet tas-suq matul diversi snin konsekuttivi jikkostitwixxi, effettivament, indizju tas-saħħa kompetittiva. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn din il-kawża u l-konklużjonijiet misluta mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il‑Kummissjoni (T‑210/01, EU:T:2005:456), fejn ir-rikorrenti kienet bil-bosta l-ewwel fornitur tal-magni tal-ajruplani, kellha l-ogħla rata ta’ tkabbir fis-suq, u għalhekk kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti.

195    Fil-fatt, dan ir-raġunament ma japplikax għal dan il-każ, li ma jikkonċernax impriża f’pożizzjoni dominanti li rrinforzat is-saħħa tagħha fis-suq. Is-sempliċi tkabbir tal-parti grossa ta’ abbonati ġodda matul diversi snin konsekuttivi tal-iżgħar operatur ta’ network mobbli f’suq oligopolistiku, jiġifieri Three, li, fil-passat, ġie kklassifikat bħala “imprevedibbli” mill-Kummissjoni (Każ COMP/M.5650 – T‑Mobile/Orange) u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet f’din il-kawża, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, indizju suffiċjenti sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar is-saħħa ta’ dan l-operatur fis-suq jew sabiex jiġu eliminati r-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jeżerċitaw fuq xulxin.

196    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kif affermat ir-rikorrenti fir-rikors tagħha u waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, mill-grafiċi Nru 19 u Nru 20 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-partijiet tas-suq ta’ Three staġnaw jew stabbilizzaw ruħhom [bejn 5 u 10 %] bejn l-2012 u l-2014, kemm f’termini ta’ abbonati kif ukoll ta’ dħul. Skont dawn il-grafiċi, Three kellha tkabbir żgħir f’termini ta’ abbonati matul l-aħħar snin.

197    Għaldaqstant, il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 474 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-evoluzzjoni tal-parti tas-suq ta’ Three tindika li hija kienet “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni.

198    L-argument li jikkonċerna, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni dwar it-tkabbir tal-abbonati ta’ Three huwa għalhekk fondat.

iii) Fuq il-politika tal-prezzijiet ta’ Three

199    Ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet, fil-premessi 578 u 579 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi ta’ “analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tal-prezzijiet”, li “Three dejjem eżerċitat restrizzjoni kompetittiva qawwija fis-suq bit-tariffi tagħha”.

200    Fil-fatt, l-analiżi tar-rikorrenti juru li Three tapplika prezzijiet ftit inqas għoljin minn dawk applikati minn operaturi oħra ta’ network mobbli fuq iċ-ċirkwit ta’ bejgħ dirett, iżda nettament ogħla minn dawk applikati mill-operaturi l-oħra ta’ network mobbli fuq iċ-ċirkwit ta’ bejgħ indirett u mill-operaturi ta’ networks mobbli virtwali.

201    Fir-rigward tal-analiżi kwalitattiva tal-prezzijiet imwettqa mill-Kummissjoni, din tinjora l-kanali ta’ distribuzzjoni indiretta, u tinkludi evalwazzjoni limitata ħafna tal-bejgħ tal-operaturi ta’ networks mobbli virtwali.

202    Il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tal-analiżi kwalitattiva tagħha tal-prezzijiet, li hija ħadet espressament inkunsiderazzjoni, fil-premessi 1032 sa 1079 tad-deċiżjoni kkontestata, l-intestatura tariffarja tal-operaturi ta’ networks mobbli virtwali u tad-distributuri indiretti, kif ukoll il-kapaċità limitata tagħhom li jikkumpensaw l-effetti probabbli fuq il-prezzijiet li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni.

203    Barra minn hekk, l-analiżi kwantitattiva tar-rikorrenti, esposta fil-premessa 604 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkonferma li Three kienet l-operatur ta’ network mobbli l-inqas għolja fiċ-ċirkwit tal-bejgħ dirett bejn Ottubru 2014 u Frar 2016.

204    Fir-rigward tal-analiżi kwalitattiva tal-prezzijiet imwettqa mill-Kummissjoni, esposta fil-premessi 580 sa 602 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li Three toffri l-iktar prezzijiet kompetittivi tas-suq għal ċertu numru ta’ kuntratti, meta mqabbla mal-operaturi l-oħra ta’ network mobbli, u fost dawk li huma l-iktar kompetittivi fis-suq għal oħrajn.

205    Skont ir-rikorrenti, l-analiżi kwalitattivi u kwantitattivi li jinsabu fit-tweġiba tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-istess bħal fl-istudju mwettaq minn Hutchison, juru kull waħda li l-prezzijiet ta’ Three kienu medji, u jvarjaw bejn dawk applikati minn operaturi oħra ta’ network mobbli fuq iċ-ċirkwit tal-bejgħ dirett u dawk applikati mill-operaturi ta’ networks mobbli virtwali fuq iċ-ċirkwit ta’ bejgħ indirett.

206    B’mod iktar partikolari, analiżi kwantitattiva tal-partijiet ibbażata fuq 80 000 prezz, bejn l-2014 u l-2016, kienet tippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni li Three kienet kompetitur “medju”, jiġifieri kompetitur “ftit inqas għoli” minn operaturi oħra ta’ network mobbli fuq iċ-ċirkwit ta’ bejgħ dirett, iżda “nettament ogħla” mill-operaturi l-oħra ta’ network mobbli fuq iċ-ċirkwit ta’ bejgħ indirett u mill-operaturi ta’ networks mobbli virtwali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tassimila l-iffissar ta’ prezz baxx ma’ politika ta’ prezz aggressiv, filwaqt li din tista’ tirrifletti biss offerta ta’ kwalità inferjuri jew valur ta’ trade mark inferjuri u, għaldaqstant, ma jkollhiex effetti sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni.

207    Skont ir-rikorrenti, din l-analiżi eżawrjenti tal-prezzijiet kollha fis-suq f’dak iż-żmien turi li l-politika ta’ tariffikazzjoni ta’ Three kienet tinsab b’mod koerenti fir-rigward tal-prezzijiet tas-suq. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tinvoka prezzijiet selettivi, jew saħansitra aneddotiċi, meta mqabbla ma’ ċerti rati f’ċerti mumenti, mingħajr madankollu ma tispjega r-raġuni wara din l-għażla.

208    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tafferma li l-analiżi tagħha kienet tirrigwarda t-telefons ċellulari l-iktar rappreżentattivi fir-Renju Unit. Fil-fehma tagħha, anki jekk it-tariffi proposti mill-operaturi jippreżentaw differenzi (fir-rigward tal-volum tad-data, tal-minuti tal-konverżazzjoni, eċċ.) u mhux dejjem joffru kundizzjonijiet identiċi, dawn xorta jibqgħu komparabbli.

209    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, li fil-premessi 584, 589, 590, 592 sa 595 u 601 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tariffi tal-operaturi mhux ONM u tad-distributuri indiretti. Għalhekk, għalkemm il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni t-tariffi tal-operaturi ta’ networks mobbli virtwali fid-deċiżjoni kkontestata, hija, fl-istess ħin, ippreċiżat li ċertu numru ta’ tariffi, b’mod partikolari dawk ta’ Tesco Mobile u ta’ Virgin Mobile, kienu inqas għoljin minn dawk ta’ Three.

210    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, fil-Każ COMP/M.5650 – T‑Mobile/Orange, il-Kummissjoni kkunsidrat li, “fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tar-Renju Unit, l-operaturi ta’ networks mobbli ‘virtwali’ għandhom rwol sinjifikattiv. […] L-operaturi ta’ networks mobbli ‘virtwali’ ma jikkompetux biss mal-operaturi ospitanti tagħhom fuq il-prezzijiet u s-servizzi lill-klijenti, iżda jistimulaw ukoll il-kompetizzjoni billi jintroduċu mudelli kummerċjali innovattivi”.

211    Issa, fil-premessi 969 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operaturi ta’ networks mobbli virtwali ma setgħux, sal-lum, jirrestrinġu b’mod utli l-aġir kompetittiv tal-operaturi ta’ network mobbli fis-suq tal-bejgħ bl-imnut.

212    Madankollu, minn dan ma jirriżultax li Three kienet teżerċita pressjoni kompetittiva qawwija permezz tal-politika tariffarja tagħha.

213    Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li l-Qorti Ġenerali tieħu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li s-sempliċi fatt li t-tariffi ta’ Three jinkludu s-servizzi 4G mingħajr spejjeż supplimentari ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti prova li Three segwiet politika ta’ prezzijiet partikolarment aggressiva.

214    Bl-istess mod, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, is-sempliċi fatt li l-offerta ta’ Three hija irħas għal xi wħud u mhux għas-setturi kollha tas-suq ma huwiex biżżejjed, fi kwalunkwe każ, sabiex juri li hija tikkostitwixxi “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, peress li l-politika tagħha tal-prezzijiet għandha tkun tista’ tibdel id-dinamika kompetittiva b’mod sinjifikattiv.

215    Issa, id-deċiżjoni kkontestata tillimita ruħha, fil-premessi 588 sa 590, li tiddeskrivi l-prezzijiet ta’ Three bħala li huma “fost l-iktar [prezzijiet] baxxi fis-suq” u “fost l-inqas għoljin għas-segment ta’ data baxxa”. Din id-deskrizzjoni ta’ Three hija ’l bogħod milli tagħti prova li l-politika tagħha tal-prezzijiet tista’ tibdel, b’mod sinjifikattiv, id-dinamika kompetittiva fis-suq.

216    L-argument li jikkonċerna, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni tal-politika tal-prezzijiet ta’ Three huwa għalhekk fondat, peress li l-Kummissjoni ma wrietx, f’dan il-każ, b’suffiċjenza fid-dritt u bi provi konvinċenti, li Three kienet tikkompeti b’mod partikolarment aggressiv f’termini ta’ prezzijiet u li hija sforzat lill-atturi l-oħra fis-suq jallineaw ruħhom mal-prezzijiet tagħha jew li l-politika tagħha tal-prezzijiet setgħet tibdel, b’mod sinjifikattiv, id-dinamika kompetittiva fis-suq konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni” mfakkar fil-punt 170 iktar ’il fuq u li l-Kummissjoni nnifisha, barra minn hekk, tat fid-dettall fir-risposta tagħha.

iv)    Fuq ir-rwol storiku li kellha Three fis-suq

217    Skont ir-rikorrenti, il-fatti esposti fil-premessi 497 sa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar ir-rwol storiku li kellha Three fis-suq, huma aneddotiċi u ma jippermettux li tiġi adottata l-klassifikazzjoni ta’ “mutur importanti tal-kompetizzjoni”. Il-provi prodotti mir-rikorrenti juru l-impatt limitat fuq il-kompetizzjoni tal-inizjattivi ta’ Three invokati fid-deċiżjoni kkontestata.

218    Il-Kummissjoni tirribatti li r-rwol storiku li kellha Three fis-suq huwa rilevanti, peress li juri l-kapaċità tagħha li taffaċċja l-isfidi tal-kompetizzjoni u jippermetti li jiġi previst l-aġir tagħha fil-futur (premessa 486 tad-deċiżjoni kkontestata). L-inizjattivi tagħha kkontribwixxew b’mod konsegwenti għat-tkabbir annwali tagħha. Il-provi li jinsabu fil-fajl juru li Three kellha rwol essenzjali fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-4G.

219    Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet il-mod kif Three, l-aħħar li waslet fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, bidlet l-użanzi tas-settur fil-qasam tal-limitazzjoni tal-użu tad-data u taż-żieda fil-prezz tad-data billi nediet il-“One Plan” tagħha (ara l-premessi 497 sa 522, u, b’mod partikolari, il-premessi 515 u 522), billi nediet ir-roaming internazzjonali b’xejn (premessi 523 sa 538) u billi offriet il-4G mingħajr spejjeż supplimentari, u dan obbliga lill-kompetituri tagħha jabbandunaw l-istrateġiji ta’ bejgħ tagħhom tal-4G bi prezz ogħla (premessi 539 sa 572, u, b’mod partikolari, il-premessi 565 u 572).

220    Madankollu, kif tenfasizza r-rikorrenti, l-inizjattivi kummerċjali meħuda minn Three, eżaminati mill-Kummissjoni fil-premessi 497 sa 575 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex turi l-aġir kompetittiv ħafna ta’ din il-kumpannija, huma issa ta’ natura storika, peress li dawn kienu essenzjalment ġestiti qabel il-bidla prinċipali tagħha fl-istrateġija ta’ tmiem l-2013, meta Three għaddiet minn kompetizzjoni fil-prezzijiet għal kompetizzjoni ta’ trade mark.

221    Issa, il-Kummissjoni tidher, fl-ewwel lok, li kkonfermat, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, il-klassifikazzjoni preċedenti tagħha ta’ Three bħala “imprevedibbli” fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit.

222    Fil-fatt, fil-punti 1258 u 1357 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet li, wara t-tranżazzjoni, Three ssir mexxejja fis-suq bi ftit, jew saħansitra l-ebda inċentiv sabiex tiġi mfixkla kwalunkwe koordinazzjoni potenzjali. Wara t-tranżazzjoni, fis-suq għalhekk ikun hemm tliet impriżi li ma jfixklux, u dan jista’ jipproduċi effetti ikkoordinati fuq is-suq, filwaqt li tentattivi ta’ koordinazzjoni ma rnexxewx qabel minħabba l-aġir ta’ tfixkil ta’ Three.

223    Peress li t-teorija tad-dannu bbażata fuq l-effetti kkoordinati, sussegwentement, ġiet abbandunata mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, l-argument tal-Kummissjoni dwar ir-rwol storiku ta’ Three fis-suq jaqa’ taħt valur probatorju aneddotiku fl-analiżi globali tas-sensiela ta’ provi insostenn tal-ewwel teorija tad-dannu.

224    Issa, minkejja li l-argument tal-Kummissjoni dwar ir-rwol storiku ta’ Three huwa bħala tali korrett, fatt li r-rikorrenti ma tidhirx li tikkontesta fih innifsu, il-Kummissjoni baqgħet ma stabbilixxietx fid-deċiżjoni kkontestata li dan ir-rwol storiku ta’ Three kien rappreżentattiv tal-politika tagħha tal-prezz fil-mument tan-notifika tal-konċentrazzjoni. Ir-raġunament tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward jidher li jimplika li impriża li storikament kellha rwol ta’ tfixkil neċessarjament ser ikollha l-istess rwol fil-futur u ma tistax terġa’ tqiegħed lilha nnifisha fis-suq bl-adozzjoni ta’ politika differenti tal-prezzijiet.

225    L-argument li jikkonċerna, essenzjalment, żball ta’ evalwazzjoni tar-rwol storiku li kellha Three fis-suq, u b’mod partikolari tal-valur tagħha bħala prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, huwa għalhekk fondat.

226    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jintlaqa’ l-ilment dwar il-grad ta’ restrizzjoni kompetittiva ta’ Three fis-suq tal-bejgħ bl-imnut.

c)      Fuq l-evalwazzjoni tal-prossimità tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni

227    Fattur ieħor użat mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-konċentrazzjoni tagħti lok għal effetti mhux ikkoordinati huwa l-fatt li Three u O2 “huma kompetituri mill-qrib fis-suq tal-bejgħ bl-imnut kollu” (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konklużjoni tibbaża fuq evalwazzjoni kwalitattiva tal-proporzjonijiet ta’ diverżjoni bbażati fuq data ta’ portabbiltà tan-numri mobbli (iktar ’il quddiem il-“PNM”) u tal-proporzjonijiet ta’ diverżjoni bbażati fuq studju mwettaq mill-Kummissjoni.

228    Permezz tat-tielet parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tafferma, essenzjalment, li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonstatat li l-erba’ operaturi ta’ network mobbli huma kollha qrib fis-suq tal-bejgħ bl-imnut (premessi 438 u 439 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-grad għoli ta’ sostitwibbiltà mal-offerti ta’ terzi, u li hija kkonkludiet b’mod żbaljat li Three u O2 kienu kompetituri mill-qrib, sa fejn dawn ma humiex l-eqreb kompetituri. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura stretta tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn hija ma wettqitx evalwazzjoni tal-grad ta’ prossimità bejn il-partijiet.

229    Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tafferma li hija wettqet evalwazzjoni dwar il-prossimità bejn il-partijiet (konformement mal-prinċipji mfakkra fil-premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata), u kkonstatat li, għal numru kbir ta’ parteċipanti fl-investigazzjoni fis-suq, Three u O2 huma l-eqreb kompetituri ta’ xulxin (premessa 417 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-dokumenti interni tal-partijiet (premessi 418, 430 u 438 tad-deċiżjoni kkontestata), il-proporzjonijiet ta’ diverżjoni (premessi 455 u 460 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-istudju kkummissjonat mill-Kummissjoni (premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata) juru li Three u O2 kellhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni mill-qrib.

230    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, mill-provi li jinsabu fil-fajl, hija ddeduċiet li l-erba’ operaturi ta’ network mobbli huma f’kompetizzjoni mill-qrib fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, u dan, madankollu, mhux neċessarjament japplika, għal kull suq kompost minn erba’ atturi jew minn kull suq oligopolistiku.

231    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tafferma li, għalkemm il-grad ta’ sostitwibbiltà mal-impriżi terzi għandu effett fuq ir-reazzjoni ta’ dawn tal-aħħar għaż-żidiet fil-prezzijiet applikati mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, dan ma jippreġudikax l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jeżerċitaw fuq xulxin, li huwa l-iktar effett dirett ta’ konċentrazzjoni fuq suq oligopolistiku, li jippermetti l-kejl tiegħu.

232    Barra minn hekk, peress li ma huwiex neċessarju li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jkunu l-eqreb kompetituri (premessa 324 tad-deċiżjoni kkontestata), il-fatt li kompetituri oħra huma wkoll qrib, jew saħansitra eqreb minn dawn, ma jistax jippermetti li tiġi kkonfutata l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Il-provi li jikkonċernaw is-sostitwibbiltà mal-prodotti ta’ impriżi terzi huma għalhekk sekondarji meta mqabbla ma’ dawk li jikkonċernaw is-sostitwibbiltà bejn il-prodotti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni.

233    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li, skont il-proporzjonijiet ta’ diverżjoni bbażati fuq d-data ta’ PNM, [kunfidenzjali]. Madankollu, sabiex żieda unilaterali fil-prezzijiet tkun profittabbli għall-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, l-importanti ma huwiex li l-prodotti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni jkunu l-eqreb sostituti (premessi 324 u 1193 tad-deċiżjoni kkontestata), iżda li dawn tal-aħħar ikunu kompetituri mill-qrib u li r-rivalità tagħhom kienet sors ta’ kompetizzjoni importanti fis-suq (premessa 463 tad-deċiżjoni kkontestata).

234    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kunċett ta’ “kompetitur mill-qrib” ma jinsabx fir-Regolament Nru 139/2004, iżda biss fil-linji gwida, li jinkludu taqsima intitolata “[d]itti maqgħuda [il-partijiet fil-konċentrazzjoni] huma Kompetituri fil-qrib jew viċini”.

235    Barra minn hekk, l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 25 tal-imsemmi regolament, teħtieġ l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin, u dan jikkostitwixxi l-effett unilaterali l-iktar dirett ta’ konċentrazzjoni f’suq oligopolistiku, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

236    F’dan ir-rigward, il-“prossimità tal-kompetizzjoni” diġà ġiet aċċettata bħala prova ekonomika mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑282/06, EU:T:2007:203), u tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑342/07, EU:T:2010:280, punti 63 et seq.).

237    Is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑342/07, EU:T:2010:280), semmiet l-użu tal-kunċett ta’ “l-eqreb kompetituri” u l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tiddeduċi awtomatikament l-eżistenza, u sussegwentement l-eliminazzjoni, tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin. Għall-kuntrarju, fis-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑282/06, EU:T:2007:203), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma jistax jiġi kkontestat li l-Kummissjoni ma kkunsidratx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-prossimità tar-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni.

238    Skont il-punt 28 tal-linji gwida, din il-prossimità hija evalwata skont il-grad ta’ sostitwibbiltà bejn il-prodotti tal-partijiet. Dan il-punt jippreċiża għalhekk li, “[p]rodotti jistgħu jiġu differenzati f’suq rilevanti b’mod li ċertu Prodotti huma sostituti eqreb minn oħra. Aktar mal-grad [ma l-grad] ta’ sostituzzjoni bejn il-prodotti tad-ditti magħquda [tal-partijiet għal konċentrazzjoni] jkun għoli, aktar id-ditti magħquda jżidu il-Prezzijiet b’mod sinjifikattiv. […] L-inċentiv tad-ditta’ magħquda li tgħolli l-Prezzijiet x’aktarx hija aktar ristretta [huwa aktar ristrett] meta ditti rivali jipproduċu sostituti li huma qrib għall-Prodotti tad-ditti magħquda milli meta huma joffru sostituti li huma inqas fil-qrib. Għalhekk x’aktarx għaqda [konċentrazzjoni] ma timpedixxix b’mod sinjifikanti l-Kompetizzjoni effettiva […] meta hemm grad għoli ta’ sostituzzjoni bejn il-Prodotti tad-ditti magħquda u dawk forniti mill-produtturi rivali”.

239    Fil-fatt, skont iċ-ċirkustanzi, suq ta’ prodotti rilevanti jista’ jinkludi sostituti ftit jew wisq qrib, b’tali mod li r-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn il-prodotti li jappartjenu għal dan is-suq jistgħu jvarjaw fl-intensità, indipendentement mill-partijiet tas-suq. Konsegwentement, l-effetti mhux ikkoordinati ta’ konċentrazzjoni jistgħu jiddependu iktar mill-prossimità tal-prodotti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni milli mill-partijiet tas-suq rispettivi tagħhom.

240    F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punt 1366 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, is-suq ta’ referenza huwa kkaratterizzat, b’mod ġenerali, minn grad baxx ta’ differenzjazzjoni tal-prodotti. F’dan is-suq, l-operaturi jipprovaw jegħlbu dan l-aspett billi jsegwu strateġiji ta’ differenzjazzjoni li madankollu kellhom biss suċċess limitat.

241    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-kunċett ta’ “kompetitur mill-qrib”, li jinsab fil-linji gwida, jippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rivalità bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni hija sors ta’ kompetizzjoni importanti fis-suq, u għalhekk tista’ tikkostitwixxi fattur ewlieni fl-analiżi, kif jirriżulta mill-punt 28 tal-linji gwida. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-applikabbiltà tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 25 tal-imsemmi regolament, teħtieġ l-eliminazzjoni ta’ “restrizzjonijiet kompetittivi qawwija” li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin”, u dan jikkostitwixxi l-effett unilaterali l-iktar dirett ta’ konċentrazzjoni f’suq oligopolistiku, kif enfasizzat ġustament il-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

242    Madankollu, il-parti l-kbira tal-eżempji msemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex intiżi sabiex jidentifikaw il-grad ta’ prossimità bejn il-partijiet, jew sabiex juru li huma kienu jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi qawwija fuq xulxin, iżda jipprovaw fuq kollox juru li Three u O2 huma “kompetituri mill-qrib” iktar milli “kompetituri partikolarment mill-qrib”. Għalhekk, il-Kummissjoni tidher li tanalizza iktar il-prossimità tal-kompetizzjoni bejn Three u O2, minn naħa, u ż-żewġ operaturi l-oħra ta’ network mobbli, min-naħa l-oħra. Fil-fatt, hija tikkonkludi, fil-premessa 1183 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-erba’ operaturi ta’ network mobbli, u mhux biss Three u O2, huma “kompetituri mill-qrib”.

243    It-tielet nett, id-data użata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-proporzjonijiet ta’ diverżjoni, użata sabiex jiġi analizzat il-grad ta’ prossimità tal-operaturi differenti, tirriżulta minn stħarriġ li hija wettqet fuq kampjun relattivament limitat ta’ madwar mitt utent. Barra minn hekk, ir-riżultati ta’ din l-analiżi ma jaqblux ma’ dawk tal-analiżi kwantitattiva mressqa fl-Anness A tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-proporzjonijiet ikkalkolati mir-rikorrenti huma bbażati fuq data ta’ PNM u jikkonċernaw 200 000 osservazzjoni.

244    Ir-raba’ nett, skont iċ-ċifri prodotti mir-rikorrenti, fir-rigward tal-posponiment tal-klijenti privati ta’ O2, [kunfidenzjali] bi proporzjon ta’ diverżjoni ta’ [kunfidenzjali] biss, filwaqt li dak ta’ BT/EE huwa ta’ [kunfidenzjali] u dak ta’ Vodafone ta’ [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, l-eqreb kompetituri ta’ O2 [kunfidenzjali] huma globalment [kunfidenzjali], li jirrappreżentaw [kunfidenzjali] tal-posponimenti ta’ O2. Dan ifisser li [kunfidenzjali].

245    Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ssostanzjat dawn iċ-ċifri b’mod konvinċenti, mingħajr ma ġiet kontradetta f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, u dan jikkonferma l-fatt li Three ma kinitx kompetitur partikolarment mill-qrib ta’ O2, li [kunfidenzjali] hija l-eqreb kompetitur ta’ Three, u [kunfidenzjali] l-eqreb kompetitur ta’ Three, u dan b’distanza sinjifikattiva.

246    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonfermat, waqt is-seduta, li Three ma kinitx attiva fis-settur tal-konsumaturi professjonali tat-telefonija mobbli, u li għalhekk Three u O2 ma kinux kompetituri f’dan is-settur. L-assenza ta’ prossimità tal-kompetizzjoni f’dan is-settur tas-suq huwa kkorroborat mit-Tabella Nru 35 tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod partikolari min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 313 dwar il-grad ta’ konċentrazzjoni u l-IHH, li ma ġewx ipprovduti fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-Kummissjoni ma ltaqgħetx ma’ problemi strutturali li jikkonċernaw dan is-settur tas-suq.

247    Minn dan jirriżulta li, fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit, Three u O2 ma kinux operaturi ta’ network mobbli partikolarment qrib, anki jekk, f’tali suq, l-operaturi kollha huma, mid-definizzjoni tagħhom, ftit jew wisq qrib.

248    Dejjem skont iċ-ċifri prodotti mir-rikorrenti waqt is-seduta, u li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-posponiment tal-klijenti ta’ Three, [kunfidenzjali] tal-klijenti li telqu minn ma’ Three, jiġifieri kważi [kunfidenzjali] minn O2. B’kollox, [kunfidenzjali] tal-klijenti li jitilqu minn ma’ Three jagħżlu operatur differenti minn O2.

249    Għalkemm jista’, ċertament, jiġi stabbilit li Three u O2 huma kompetituri relattivament qrib f’parti mis-setturi ta’ suq ikkonċentrat b’erba’ operaturi ta’ network mobbli, dan l-element waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti prova, f’dan il-każ, tal-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin u ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, sakemm ma tiġix ipprojbita, bħala prinċipju, kull konċentrazzjoni li tirriżulta minn bidla minn erba’ operaturi għal tlieta.

250    Għalhekk, f’dan il-każ għandha tintlaqa’ t-tielet parti tal-ewwel motiv dwar is-saħħa probatorja dgħajfa tal-analiżi tal-prossimità tar-relazzjoni tal-kompetizzjoni bejn Three u O2.

d)      Fuq l-evalwazzjoni tal-effetti kwantitattivi tal-konċentrazzjoni fuq il-prezzijiet

251    Abbażi tal-analiżi kwantitattiva tagħha dwar il-pressjoni għaż-żieda mistennija fil-prezzijiet (upward pricing pressure) (iktar ’il quddiem l-“analiżi UPP”), il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 1225 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-konċentrazzjoni tista’ tinkoraġġixxi lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni żżid b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet”.

252    Permezz tal-ħames parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tressaq żewġ ilmenti dwar l-analiżi UPP. Qabel kollox, hija tafferma li din l-analiżi ma għandhiex is-saħħa probatorja li tirrikonoxxilha l-Kummissjoni. Sussegwentement, hija ssostni li tali analiżi ma għandha l-ebda saħħa probatorja f’dan il-każ.

1)      Fuq is-saħħa probatorja tal-analiżi UPP bħala l-ewwel “skrutinju”

253    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-saħħa probatorja tal-analiżi UPP meta użatha, fil-premessa 1191 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala prova konkordanti ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, filwaqt li l-analiżi UPP għandha l-għan li tipprovdi l-ewwel “skrutinju” sabiex tiddetermina jekk konċentrazzjoni jistħoqqilhiex investigazzjoni fil-fond, u barra minn hekk hija kkontestata.

254    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

255    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, b’mod preliminari, li l-indikaturi ta’ pressjoni għaż-żieda fil-prezzijiet, ibbażati fuq il-proporzjonijiet ta’ diverżjoni u l-marġni tal-partijiet għal konċentrazzjoni, jirriflettu l-inċentivi ta’ dawn tal-aħħar li jżidu l-prezzijiet bħala riżultat tal-konċentrazzjoni. Dawn jintużaw sabiex jiġu evalwati l-effetti mhux ikkoordinati tal-amalgamazzjonijiet, li jiġu kkonstatati abitwalment fil-każ ta’ prodotti omoġenji.

256    Huwa ġeneralment aċċettat li, għalkemm l-indikaturi ta’ pressjoni għaż-żieda fil-prezzijiet jistgħu jirriżultaw utli għall-finijiet ta’ filtrazzjoni, billi jippermettu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jiddeċiedu dwar in-neċessità ta’ investigazzjoni iktar fil-fond, min-naħa l-oħra ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala previżjonijiet kredibbli ta’ żidiet fil-prezzijiet jew ta’ simulazzjonijiet ta’ amalgamazzjoni.

257    Għaldaqstant, ir-rikorrenti tafferma, ġustament, li l-analiżi UPP, b’mod partikolari, ġiet inizjalment enfasizzata sabiex jiġi pprovdut l-ewwel “skrutinju” sabiex jiġi ddeterminat jekk konċentrazzjoni jistħoqqilhiex investigazzjoni fil-fond.

258    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-analiżi kwantitattiva tagħha, ibbażata fuq analiżi GUPPI (gross upward pricing pressure index, jiġifieri, bil-Malti, il-pressjoni grossa għaż-żieda fil-prezzijiet), hija iktar elaborata minn sempliċi analiżi UPP, sa fejn din tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-reazzjoni probabbli tal-kompetituri għal żieda unilaterali fil-prezzijiet mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, kif indikat fil-premessi 253 u 254 tal-Anness A tad-deċiżjoni kkontestata.

259    Għalhekk, dan l-ilment huwa infondat.

2)      Fuq l-analiżi UPP f’dan il-każ

260    Fit-tieni lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet ukoll żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-konklużjonijiet misluta mill-analiżi UPP, sa fejn din tal-aħħar tipprevedi żieda fil-prezzijiet fil-konċentrazzjonijiet orizzontali kollha, u tista’ twassal għal riżultati utli biss jekk jiġi ddefinit limitu li lil hinn minnu ż-żieda fil-prezzijiet prevista wara l-konċentrazzjoni tiġi kkunsidrata bħala suffiċjentement sinjifikattiva. Il-Kummissjoni allegatament ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ebda wieħed minn dawn l-elementi fid-deċiżjoni kkontestata.

261    Minkejja l-imperfezzjonijiet tal-analiżi UPP, ir-riżultat tagħha juri li l-konċentrazzjoni tqajjem biss ftit tħassib ta’ kompetizzjoni, meta mqabbla b’mod partikolari mar-riżultati miksuba f’kawżi preċedenti.

262    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li skontu l-effetti fuq il-prezzijiet previsti mill-analiżi kwantitattiva huma inqas sinjifikattivi milli f’kawżi preċedenti, il-Kummissjoni tindika li wieġbet għall-premessi 3056 sa 3058 tad-deċiżjoni kkontestata billi wriet li l-effetti fuq il-prezzijiet medji f’dan il-każ partikolari jinsabu bejn dawk li kienu previsti fil-Każ Irlandiż u dak Ġermaniż (ara l-punt 164 iktar ’il fuq).

263    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-fatt li, fl-assenza ta’ żieda fl-effikaċja jew ta’ fatturi kwalitattivi kumpensatorji oħra, l-analiżi kwantitattiva dejjem tipprevedi żieda fil-prezzijiet, xi kultant anki żgħira ħafna, ma jipprekludix l-użu tagħha fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tas-sensiela ta’ provi relatati mal-probabbiltà li t-tranżazzjoni twassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

264    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-analiżi kwantitattiva tagħha hija bbażata fuq numru limitat ta’ data prinċipali, u b’mod partikolari tal-proporzjonijiet ta’ diverżjoni u tal-marġni, iżda tafferma li dawn huma indikaturi tas-suq essenzjali, kif spjegat fil-premessa 1195 tad-deċiżjoni kkontestata u fil-premessa 246 tal-Anness A ta’ din id-deċiżjoni.

265    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni stess tidher li wriet ċerta prudenza fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-saħħa probatorja tal-analiżi kwantitattiva tagħha.

266    Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni tikkonkludi, wara l-evalwazzjoni kwalitattiva esposta fil-premessi 1175 sa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni twassal għall-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, li jirriżulta “probabbilment” f’żieda fil-prezzijiet. Din l-evalwazzjoni kwalitattiva hija kkompletata minn analiżi kwantitattiva, miġbura fil-qosor fil-premessi 1191 sa 1225 tad-deċiżjoni kkontestata u mogħtija fid-dettall fl-Anness A tal-imsemmija deċiżjoni, li minnha l-Kummissjoni tislet l-istess konklużjoni.

267    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tippreċiża, essenzjalment, fil-premessa 250 tal-Anness A tad-deċiżjoni kkontestata, li r-riżultat miksub ma għandux jitqies bħala kwantifikazzjoni eżatta u preċiża taż-żieda fil-prezzijiet li tista’ tirriżulta mill-konċentrazzjoni, iżda pjuttost bħala “indikatur ta’ probabbiltà” li din tal-aħħar isseħħ.

268    Minn dan isegwi li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata stess, l-analiżi kwantitattiva ma hijiex ikkunsidrata bħala prova determinanti. Għaldaqstant, din l-analiżi ma hijiex biżżejjed sabiex turi, konformement mar-rekwiżiti ta’ prova mfakkra fil-punt 118 iktar ’il fuq, li l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet kienu jeżerċitaw fuq xulxin tirriżulta f’żieda sinjifikattiva fil-prezzijiet u, għaldaqstant, fi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

269    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li huwa neċessarju li jiġi ddefinit limitu li lil hinn minnu ż-żieda fil-prezzijiet prevista wara l-konċentrazzjoni tiġi kkunsidrata bħala suffiċjentement sinjifikattiva.

270    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 252 tal-Anness A tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li analiżi UPP dejjem ser tipprevedi, fl-assenza ta’ żieda fl-effikaċja, ċerta żieda fil-prezzijiet wara konċentrazzjoni orizzontali li telimina l-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni.

271    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni, fil-premessa 252 tal-Anness A tad-deċiżjoni kkontestata, li l-analiżi kwantitattiva dwar iż-żidiet fil-prezzijiet kif ukoll is-saħħa probatorja li tista’ tingħata lil tali analiżi, ivarjaw minn każ għal ieħor.

272    Barra minn hekk, il-portata taż-żieda fil-prezzijiet hija biss wieħed mill-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni globali magħmula mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fil-każijiet, bħal dan, li fihom dannu sinjifikattiv jiġi identifikat fil-kuntest tat-teoriji tad-dannu distinti, li jirriżultaw mill-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni orizzontali bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. Il-Kummissjoni tispjega li, għal din ir-raġuni, hija ma qisitx li kien neċessarju li jiġi ddefinit limitu li lil hinn minnu żieda fil-prezzijiet, indikata minn prova partikolari, tkun sinjifikattiva.

273    Madankollu, dan l-argument ma jikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali, peress li, f’din il-kawża, iż-żieda fil-prezzijiet prevista ma hijiex, skont ir-rikorrenti, kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, ta’ [kunfidenzjali], filwaqt li żieda fil-prezzijiet prevista ta’ 6.6 % fil-Każ Irlandiż u ta’ 9.5 % fil-Każ Ġermaniż ma pprekludietx lill-Kummissjoni milli tawtorizza dawn il-konċentrazzjonijiet bil-kundizzjoni li jiġu osservati ċerti kundizzjonijiet.

274    It-tielet nett, anki kieku kellu jitqies li l-Kummissjoni, b’suffiċjenza fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet tat prova li l-konċentrazzjoni tista’ tinkoraġġixxi lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni żżid il-prezzijiet u kienet ikkwantifikat l-imsemmija żieda fil-prezzijiet fid-deċiżjoni kkontestata, hija, fi kwalunkwe każ, ma wrietx, f’dan il-każ, li ż-żieda fil-prezzijiet ikkwantifikata hija sinjifikattiva.

275    Fil-fatt, mingħajr ma hemm lok li l-Kummissjoni tiġi obbligata tadotta regola “de minimis” jew “żona ta’ sigurtà” (safe harbour) fil-qasam taż-żieda fil-prezzijiet fil-kuntest tad-dimostrazzjoni tal-effetti antikompetittivi eventwali ta’ konċentrazzjoni, hija għandha, fi kwalunkwe każ, tistabbilixxi din iż-żieda bi grad ta’ probabbiltà suffiċjentement għoli. Meta tiddeċiedi li tuża għal dan il-għan analiżi kwantitattivi, bħal dawk magħmula fl-Anness A tad-deċiżjoni kkontestata, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha li jistgħu jinfluwenzaw il-livell tal-prezz.

276    Hemm lok li jiġi kkonstatat li, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni eżistenti f’tali suq, il-konċentrazzjonijiet li jseħħu f’suq oligopolistiku għandhom tendenza li jiġġeneraw b’mod kważi mekkaniku żieda fil-prezzijiet fi żmien qasir, minħabba t-tmiem tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni. Huwa biss fuq medda ta’ żmien medju li l-kompetizzjoni esterna, li ġejja mill-atturi diġà preżenti fis-suq jew, skont l-importanza tal-ostakoli għad-dħul, eżerċitata minn atturi ġodda, iġġiegħel lill-entità l-ġdida tbaxxi l-prezzijiet tagħha.

277    Bl-istess mod, kull konċentrazzjoni twassal għal żieda fl-effikaċja li l-portata tagħha tiddependi wkoll mill-pressjoni kompetittiva esterna. Dawn iż-żidiet jirriżultaw b’mod partikolari mir-razzjonalizzazzjoni u mill-integrazzjoni tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni mill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Fil-fatt, din ġeneralment tipproċedi għall-eliminazzjoni tal-istrutturi doppji jew superfluwi fil-katini ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni kif ukoll għar-riallokazzjoni jew it-tkeċċija ta’ persunal. Skont iċ-ċirkustanzi, dawn l-isforzi ta’ razzjonalizzazzjoni jistgħu jwasslu lill-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tnaqqas il-prezzijiet tagħha.

278    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma inkludietx dawn l-istandards ta’ żidiet fl-effikaċja fl-analiżi kwantitattiva tagħha, billi qieset, fil-premessi 1197 u 1223 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija l-parti li qiegħda tinnotifika li għandha turi l-eżistenza tagħhom u billi rreferiet għal dan il-għan għat-Taqsima 8.5 tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effiċjenzi.

279    Il-Kummissjoni għalhekk tħallat żewġ tipi ta’ effiċjenzi, jiġifieri dawk imsemmija fit-Taqsima VII tal-linji gwida u dawk proprji għal kull konċentrazzjoni. Fil-fatt, l-effiċjenzi fis-sens tal-linji gwida għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni kompetittiva globali tal-konċentrazzjoni, sabiex jiġi vverifikat jekk dawn jistgħux jikkontrobilanċjaw l-effetti restrittivi tal-konċentrazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-kategorija ta’ effiċjenzi inkwistjoni f’dan il-każ hija biss komponent ta’ mudell kwantitattiv intiż li jistabbilixxi jekk konċentrazzjoni tistax tipproduċi tali effetti restrittivi. Għalhekk, din hija kwistjoni ta’ prova dwar l-eżistenza ta’ effetti restrittivi li tqum qabel l-evalwazzjoni kompetittiva globali fis-sens tal-punt 76 tal-linji gwida.

280    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mill-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li, għalkemm tista’ tiġi stabbilita korrelazzjoni pożittiva bejn il-konċentrazzjonijiet li jagħmlu bidla minn erba’ operaturi għal tlieta fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet mobbli u żieda fil-prezzijiet, korrelazzjoni tista’ tiġi stabbilita wkoll bejn l-imsemmija konċentrazzjonijiet u żieda fl-investimenti fin-networks għal kull operatur ta’ network mobbli (ara, b’mod partikolari, l-istudju taċ-Centre on Regulation in Europe (CERRE) ta’ Genakos C., Valletti T., Verboven F., CERRE, Brussell, 2015, intitolat “Evaluating Market Consolidation in Mobile Communications”, li jissemma b’mod partikolari fil-punti 1, 64 sa 68, 71, 72, 76 sa 80 u 108 tal-Anness B tad-deċiżjoni kkontestata).

281    Għalkemm żieda fl-investimenti għal kull operatur ma tfissirx neċessarjament kwalità aħjar ta’ network, kif tenfasizza l-Kummissjoni fil-punt 79 tal-Anness B tad-deċiżjoni kkontestata, tali korrelazzjoni hija iktar probabbli mill-ipoteżi opposta, li tikkonsisti f’degradazzjoni tal-kwalità tan-network. Il-Kummissjoni, li għandha l-oneru tal-prova, f’dan ir-rigward, ma tatx prova fid-deċiżjoni kkontestata, konformement mar-rekwiżiti ta’ provi applikabbli, tal-argument tagħha ta’ degradazzjoni tal-kwalità tan-network, li fuqha hija bbażata parzjalment it-tieni teorija tagħha tad-dannu intiża sabiex turi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

282    Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-analiżi kwantitattiva magħmula f’dan il-każ ma għandhiex saħħa probatorja, peress li l-Kummissjoni ma wrietx bi probabbiltà suffiċjenti li l-prezzijiet kienu ser isofru żieda “sinjifikattiva” wara l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin.

283    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-ħames parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’.

e)      Fuq l-evalwazzjoni globali tal-effetti mhux ikkoordinati

284    Permezz tas-seba’ parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni ma wettqitx evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati, u dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni. Bl-istess mod, hija ma tippreċiżax fuq liema bażi hija kkonkludiet, fil-premessi 1226 u 1227 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegati restrizzjonijiet li tneħħew mill-konċentrazzjoni huma sinjifikattivi fis-sens tal-punt 25 tal-linji gwida u li l-allegat tfixkil għall-kompetizzjoni li jirriżulta mill-konċentrazzjoni huwa sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004, filwaqt li ħalltet it-tnaqqis tal-kompetizzjoni bejn Three u O2 mal-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija.

285    Il-Kummissjoni twieġeb li hija għamlet evalwazzjoni globali tal-effetti mhux ikkoordinati probabbli tal-konċentrazzjoni, filwaqt li ppreżentat, fl-ewwel lok, l-evalwazzjoni kwalitattiva tagħha, fil-premessi 1175 sa 1190 tad-deċiżjoni kkontestata, fit-tieni lok, l-evalwazzjoni globali tal-evalwazzjoni kwantitattiva, fil-premessi 1191 sa 1225 tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tielet lok, il-konklużjoni ġenerali, fil-premessi 1226 u 1227 tad-deċiżjoni kkontestata.

286    F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkonkretizzatx jew ippreċiżatx fid-deċiżjoni kkontestata sa fejn l-effetti mhux ikkoordinati f’dan il-punt ikunu tant sinjifikattivi li jiġġustifikaw il-konklużjoni li l-konċentrazzjoni tfixkel b’mod “sinjifikattiv” kompetizzjoni effettiva, kif jeżiġi l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 139/2004.

287    Issa, sabiex turi l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fuq is-suq tal-bejgħ bl-imnut, il-Kummissjoni eżaminat suċċessivament fatturi differenti fil-premessi 330 sa 1174 tad-deċiżjoni kkontestata u ġabret fil-qosor l-evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva tagħha fil-premessi 1175 sa 1225 tal-imsemmija deċiżjoni. Sussegwentement hija wettqet evalwazzjoni globali fil-premessi 1226 u 1227 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tikkonkludi li kien hemm tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Għalhekk id-deċiżjoni kkontestata effettivament fiha evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ tali effetti mhux ikkoordinati, għall-kuntrarju ta’ dak li tafferma r-rikorrenti.

288    Madankollu, din l-evalwazzjoni globali hija limitata għal riferiment sommarju għas-sensiela ta’ provi u ta’ ċirkustanzi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-eliminazzjoni ta’ mutur importanti tal-kompetizzjoni permezz tal-konċentrazzjoni, in-natura stretta tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni u l-parti kbira tas-suq tal-entità l-ġdida, u li għalhekk hija intiża sabiex turi l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati.

289    Indipendentement mill-valur probatorju ta’ din is-sensiela ta’ provi u ta’ ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni fl-ebda mument ma ppreċiżat, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk l-effetti mhux ikkoordinati identifikati humiex “sinjifikattivi” jew iwasslux f’dan il-każ għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, kif hija tafferma fil-premessa 1227 tad-deċiżjoni kkontestata.

290    Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni ma ppreċiżatx fuq liema bażi hija kkonkludiet li l-allegat tfixkil għall-kompetizzjoni li jirriżulta mill-konċentrazzjoni huwa sinjifikattiv.

291    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li l-ewwel motiv jintlaqa’ mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati s-sitt u s-seba’ partijiet tiegħu.

D.      Fuq it-tieni teorija tad-dannu dwar l-effetti mhux ikkoordinati prodotti mit-taqlib tal-ftehimiet ta’ qsim tan-network

1.      Sunt tad-deċiżjoni kkontestata

292    Matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ressqet b’mod partikolari żewġ pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-networks: il-“pjan [A]” u l-“pjan [B]”. Dawn il-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni kienu bbażati fuq l-eżistenza ta’ żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network, minn naħa, bejn BT/EE u Three, jiġifieri MBNL, u, min-naħa l-oħra, bejn Vodafone u O2, jiġifieri Beacon.

293    MBNL jinkludi qsim “passiv”, li jkopri network ta’ madwar [kunfidenzjali] sit, u qsim attiv tat-teknoloġija 3G biss, [kunfidenzjali]. Għalhekk, MBNL huwa essenzjalment ftehim ta’ qsim passiv. MBNL jawtorizza l-iżviluppi unilaterali.

294    Fir-rigward ta’ Beacon, dan jinkludi qsim fi ħdan Cornestone Telecommunications Infrastructure Ltd, previst sabiex ikopri madwar [kunfidenzjali], u qsim attiv li permezz tiegħu kull parti tipprovdi network attiv f’nofs il-pajjiż (fejn Vodafone tkopri l-Punent tal-pajjiż u O2 il-Lvant tal-pajjiż), u huwa bbażat fuq in-network tal-parti l-oħra fin-nofs l-ieħor tal-pajjiż. Il-qsim attiv jirrigwarda t-teknoloġiji 2G, 3G u 4G [kunfidenzjali]. Beacon huwa għalhekk [kunfidenzjali]. Beacon fih ċerti dispożizzjonijiet ta’ esklużività.

295    Fil-premessi 1229 sa 1234 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi ż-żewġ subteoriji tagħha tad-dannu dwar il-ftehimiet ta’ qsim tan-network.

296    Skont il-Kummissjoni, is-sħab ta’ kull wieħed miż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network illum għandhom inċentiv li jiżviluppaw flimkien l-elementi kondiviżi tan-networks tagħhom bil-għan li jiksbu network kondiviż aħjar minn dak tal-operaturi l-oħra ta’ network mobbli, u b’mod partikolari tal-operaturi ta’ network mobbli li kkonkludew il-ftehim l-ieħor ta’ qsim tan-network. Wara l-konċentrazzjoni tintilef din id-dinamika kompetittiva, sa fejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun parti miż-żewġ ftehimiet u sa fejn Vodafone u BT/EE ma jibqax ikollhom sieħeb impenjat bis-sħiħ fi ħdan Beacon u MBNL, rispettivament.

297    Wieħed mid-danni jirrigwarda l-indeboliment tal-pożizzjoni kompetittiva taż-żewġ sħab rispettivi fil-ftehimiet ta’ qsim tan-network li jorbtu lill-partijiet fil-konċentrazzjoni. Fil-premessa 1231 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li n-networks mobbli huma infrastruttura kruċjali għall-operaturi ta’ network mobbli sabiex joffru servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli lill-klijenti tagħhom.

298    Issa, skont il-Kummissjoni, il-kwalità ta’ dawn in-networks hija fattur determinanti għall-kompetizzjoni. Huwa għalhekk li, waħda mis-subteoriji tad-dannu, miġbura fil-qosor fil-premessa 1232 tad-deċiżjoni kkontestata, tikkonċerna tnaqqis tal-kompetizzjoni eżerċitat minn operatur wieħed jew l-ieħor, jew minn żewġ operaturi oħra ta’ network mobbli li huma marbuta mal-partijiet fil-konċentrazzjoni permezz ta’ ftehimiet ta’ qsim tan-network, u dan jista’ jwassal għal tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva f’suq oligopolistiku, b’numru limitat ta’ atturi u ostakoli sinjifikattivi għad-dħul.

299    Id-dannu potenzjali l-ieħor huwa, skont il-Kummissjoni, ikkawżat mill-fatt li s-sitwazzjoni ta’ qsim tan-network li tirriżulta mit-tranżazzjoni twassal għal tnaqqis fl-investimenti fil-livell tas-settur tal-infrastruttura tan-networks. Fil-fatt, fil-premessa 1233 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li t-tranżazzjoni tista’ twassal għal tnaqqis fis-sinerġiji li jaffettwaw lis-sħab tal-ftehimiet ta’ qsim tan-network u tippermetti aġir ta’ investiment opportunist tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, u dan inaqqas l-investimenti fil-livell tas-settur, u, konsegwentement, il-grad ta’ kompetizzjoni effettiva li kien jipprevali fl-assenza ta’ tranżazzjoni. Għal din ir-raġuni wkoll, it-tranżazzjoni tista’ twassal għal tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva f’suq oligopolistiku, b’numru limitat ta’ atturi u ostakoli sinjifikattivi għad-dħul.

300    Huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ subteoriji tad-dannu li l-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 1244 sa 1784 tad-deċiżjoni kkontestata, il-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-networks tar-rikorrenti, wara li spjegat fid-dettall, fil-premessi 1235 sa 1243 tal-imsemmija deċiżjoni, l-importanza ta’ allineament tal-interessi bejn il-partijiet għal ftehim ta’ qsim tan-network.

301    Fil-kuntest tal-pjan [A], l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni taqbel [kunfidenzjali] (premessi 1373 sa 1381 tad-deċiżjoni kkontestata).

302    Fil-kuntest tal-pjan [B], l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni [kunfidenzjali] (premessi 1382 sa 1385 tad-deċiżjoni kkontestata).

303    Iż-żewġ pjanijiet [kunfidenzjali].

304    Fil-premessa 1246 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-argument ċentrali li fuqu hija bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-iżviluppi possibbli tas-suq wara l-konċentrazzjoni, jiġifieri li taqlib fit-tul tal-funzjonament tajjeb ta’ ftehim ta’ qsim tan-network jista’ jikkostitwixxi tfixkil għall-kompetizzjoni eżerċitata min-naħa tas-sieħeb għal tali ftehim.

305    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fil-premessa 1229 tad-deċiżjoni kkontestata, li, b’mod ġenerali, il-qsim tan-network jista’ jkollu effetti prokompetittivi, billi jikseb sinerġiji dwar l-ispejjeż fl-iżvilupp u l-operat ta’ networks mobbli, li, min-naħa tagħhom, jistgħu jippermettu lill-operaturi ta’ network mobbli jiksbu kopertura aħjar u kwalità aħjar tan-network, sabiex b’hekk jippromwovu kompetizzjoni effettiva għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tas-soċjetà inġenerali.

306    Fil-premessa 1230 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li, sa fejn dawn l-għanijiet intlaħqu permezz ta’ ftehimiet ta’ qsim tan-network konklużi bejn il-partijiet għal konċentrazzjoni ma’ operatur ieħor, hija ser teżamina sa fejn it-tranżazzjoni tista’ tinfluwenza t-tfittxija tal-għan ta’ kompetizzjoni effettiva għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

307    Fir-rigward tal-pjan [A], fil-premessi 1567 u 1778 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li dan il-pjan ippreżentat mill-partijiet fil-konċentrazzjoni jkollu impatt negattiv qawwi fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE billi jżid l-ispejjeż tagħha biex iżżomm in-network MBNL u ttejbu, u billi jiddegrada l-kwalità tan-network MBNL, b’mod partikolari billi jittardja jew jostakola l-investimenti ta’ BT/EE. Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 1778 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan [A] jista’ jirriżulta f’dannu sinjifikattiv li jikkonċerna l-kapaċità ta’ BT/EE li tikkompeti fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit.

308    Tali tnaqqis fil-pressjoni kompetittiva probabbilment ikollu, skont il-Kummissjoni, l-effett li jwassal għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva f’suq oligopolistiku, b’numru limitat ta’ atturi u ostakoli sinjifikattivi għad-dħul.

309    Din il-konklużjoni hija kkorroborata, b’mod partikolari, mill-premessa 1247 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika li l-fatt li jiżdiedu l-ispejjeż ta’ żamma u ta’ espansjoni tan-network attwali jew tat-twettiq ta’ standard ta’ network futur, jista’ jfixkel b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Vodafone u ta’ BT/EE. Iż-żieda fl-ispejjeż differenzjali (incremental costs) tista’ twassal għal żieda fil-prezzijiet u dannu għall-konsumaturi. Iż-żieda fl-ispejjeż fissi probabbilment twassal, skont il-Kummissjoni, għal tnaqqis fl-investimenti, peress li spejjeż fissi ogħla jrendu mhux profittabbli investimenti li jkunu profittabbli jekk l-ispejjeż fissi jkunu iktar baxxi. Tnaqqis ta’ investimenti fil-kwalità tan-network jista’ għalhekk inaqqas il-kwalità tan-network meta mqabbel mas-sitwazzjoni fl-assenza tat-tranżazzjoni.

310    Fil-premessa 1679 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tammetti li ż-żieda fl-ispejjeż għal operatur kompetitur ma twassalx neċessarjament għal tfixkil għall-kompetizzjoni. Madankollu, jekk żieda fl-ispejjeż twassal għal inqas investimenti, jew għal deterjorament fil-kwalità tas-servizzi offruti fis-suq, jew jekk din tgħaddi fuq il-konsumaturi permezz ta’ żieda fil-prezzijiet, din tnaqqas, skont il-Kummissjoni, il-pressjoni kompetittiva ta’ tali operatur fis-suq.

311    Issa, spejjeż differenzjali ogħla probabbilment jirriżultaw fi prezzijiet ogħla, filwaqt li spejjeż fissi ogħla probabbilment jirriżultaw fi tnaqqis fil-kwalità tan-network. Fil-kuntest ta’ swieq oligopolistiċi b’numru limitat ta’ atturi, huwa probabbli ħafna li telf tal-pressjoni kompetittiva ta’ operatur jirriżulta f’telf globali tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

312    Fir-rigward tal-pjan [B], il-Kummissjoni kkonkludiet li dan jirriskja li jippreġudika serjament il-kapaċità ta’ Vodafone u, fuq skala iżgħar, ta’ BT/EE, li jikkompetu fis-swieq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit (premessi 1568 sa 1749 u 1779 tad-deċiżjoni kkontestata).

313    B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkunsidra [kunfidenzjali] (premessi 1605 sa 1652 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hemm riskju ta’ degradazzjoni tal-kwalità tan-network ta’ Vodafone wara konġestjoni temporanja possibbli tan-network [kunfidenzjali] (premessi 1660 sa 1667 tad-deċiżjoni kkontestata). Finalment, il-Kummissjoni teżamina ż-żieda potenzjali fl-ispejjeż u l-impatt tagħhom fuq [kunfidenzjali] (premessi 1668 sa 1724 tad-deċiżjoni kkontestata).

314    Skont il-Kummissjoni, il-pjan [B] jista’ jżid ukoll it-trasparenza fir-rigward tal-investimenti mwettqa fin-network, u dan jirriskja li jnaqqas il-livell globali tal-investimenti fl-infrastruttura tan-network fir-Renju Unit (premessi 1725 sa 1742 tad-deċiżjoni kkontestata).

315    Il-Kummissjoni tipprevedi wkoll ħames xenarji oħra ta’ integrazzjoni u tikkonkludi li, fil-każijiet kollha previsti, il-konċentrazzjoni tippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva ta’ sieħeb wieħed jew taż-żewġ sħab tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-ftehimiet ta’ qsim tan-network (premessi 1386 sa 1389 u 1750 sa 1776 tad-deċiżjoni kkontestata).

316    Konsegwentement, fil-premessi 1777 sa 1784 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-konċentrazzjoni tista’ tnaqqas il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn wieħed mill-operaturi ta’ network mobbli, jew mit-tnejn, li huma sħab tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-ftehimiet ta’ qsim tan-network.

317    Fil-premessa 1777 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-networks kif ġew ippreżentati lilha mill-partijiet li qegħdin jinnotifikaw, wara t-tnaqqis tal-operaturi ta’ network mobbli, tippreġudika b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni kompetittiva ta’ wieħed jew l-ieħor, jew taż-żewġ sħab fil-ftehimiet ta’ qsim tan-network, jiġifieri BT/EE jew Vodafone.

318    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-ebda wieħed minn dawn il-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni ma jinkludi impenn ta’ implimentazzjoni, kif ġie ppreżentat lilha. Filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-ħames xenarji l-oħra ta’ integrazzjoni possibbli, imsemmija fil-punt 315 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 1780 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fix-xenarji kollha, it-tranżazzjoni tippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva ta’ wieħed jew l-ieħor jew taż-żewġ operaturi ta’ network mobbli, sħab tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-ftehimiet ta’ qsim tan-network.

319    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tqis, fil-premessa 1781 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tranżazzjoni tista’ tnaqqas il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn BT/EE, jew minn Vodafone, jew miż-żewġ operaturi ta’ network mobbli li huma sħab tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-ftehimiet ta’ qsim tan-network.

320    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra, fir-rigward tat-tieni subteorija tagħha tad-dannu espost fil-punt 299 iktar ’il fuq u fil-premessa 1233 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sitwazzjoni ta’ qsim tan-network li tirriżulta mit-tranżazzjoni konformement mal-pjan [B] probabbilment twassal għal tnaqqis fl-investimenti fil-livell tas-settur tal-infrastruttura tan-networks, u dan inaqqas il-grad ta’ kompetizzjoni effettiva li kien jipprevali fl-assenza ta’ tranżazzjoni.

321    Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 1783 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba l-pressjoni kompetittiva mnaqqsa eżerċitata minn operatur wieħed jew miż-żewġ operaturi l-oħra ta’ network mobbli u minħabba l-livell iktar baxx ta’ investimenti fil-livell tal-industrija fl-infrastruttura ta’ network li jirriżulta minn ċerti pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-network li hija eżaminat, il-konċentrazzjoni tista’ twassal għal effetti antikompetittivi mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tas-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit.

322    Fil-premessa 1784 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi, essenzjalment, li, peress li tali effetti ma jistgħux jiġu kkumpensati mill-kapaċità ta’ akkwist, mid-dħul fis-suq jew mill-effikaċja li tirriżulta minn dan, it-tranżazzjoni tippreġudika b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni f’suq oligopolistiku b’numru limitat ta’ kompetituri u ostakoli għoljin għad-dħul.

2.      Fuq it-tielet motiv, mislut minn żbalji fid-dawl tal-effetti orizzontali mhux ikkoordinati prodotti mill-qsim tan-network

323    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, wettqet żbalji ta’ fatt u ta’ liġi kif ukoll żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret ir-rekwiżiti formali essenzjali fid-dawl tal-effetti mhux ikkoordinati li huma prodotti mill-qsim tan-network, b’mod partikolari fir-rigward tan-neċessità u l-portata tal-konverġenza bejn il-partijiet għall-ftehimiet ta’ qsim tan-network (l-ewwel parti), l-evoluzzjoni taż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network eżistenti fix-xenarju kontrafattwali (it-tieni parti), il-kapaċità ta’ Three li tostakola l-implimentazzjonijiet unilaterali ta’ BT/EE jew li tittardjahom (it-tielet parti), l-effett negattiv eventwali tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetituri u mhux fuq il-kompetizzjoni (ir-raba’ parti), id-dannu għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE u ta’ Vodafone (il-ħames parti), l-effett ta’ trasparenza msaħħa fuq l-investiment globali fin-networks (is-sitt parti) u l-evalwazzjoni tal-impenji relatati mal-qsim tan-network (is-seba’ parti).

324    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit u BT/EE, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

a)      Fuq il-konverġenza bejn il-partijiet għall-ftehimiet ta’ qsim tan-network

325    Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tafferma li t-teorija tal-konverġenza hija kemm ġdida, billi qatt ma ġiet invokata fil-konċentrazzjonijiet preċedenti fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, kif ukoll paradossali, sa fejn din timplika li l-konverġenza bejn il-partijiet għall-ftehimiet ta’ qsim tan-network hija ppreferuta mill-kompetizzjoni li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, u dan imur kontra l-kunċett ta’ kompetizzjoni u huwa kontradett mill-konstatazzjonijiet proprji tal-Kummissjoni dwar il-miżuri korrettivi proposti mir-rikorrenti.

326    Il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tal-allegata natura ġdida tat-teorija tal-konverġenza, li l-fatt li hija ma qajmitx tħassib simili f’kawżi preċedenti huwa spjegat mill-ispeċifiċità tal-ftehimiet ta’ qsim tan-network inkwistjoni f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, BT/EE żżid li t-teorija tal-konverġenza kienet diġà ġiet identifikata fil-Każ COMP/M.5650 – T‑Mobile/Orange, li fih il-Kummissjoni kkonkludiet li T‑Mobile tista’, wara l-konċentrazzjoni, tipprova tiddeterjora l-kwalità tar-radio access network (RAN, jiġifieri, bil-Malti, “network ta’ aċċess bir-radju”) ta’ Three fil-kuntest ta’ MBNL.

327    Fir-rigward tal-allegata natura paradossali tat-teorija tal-konverġenza, il-Kummissjoni, sostnuta dwar dan il-punt mir-Renju Unit, tafferma li l-evalwazzjoni tagħha tal-konverġenza tal-interessi bl-ebda mod ma hija paradossali. Għalkemm l-eżistenza ta’ ftehimiet ta’ qsim tan-network għandha l-effett li toħloq punti komuni bejn il-partijiet għall-imsemmija ftehimiet, li jistgħu jkunu favorevoli għall-kompetizzjoni meta l-ftehimiet jissarrfu, b’mod partikolari, f’sinerġiji tal-ispejjeż jew it-titjib tan-network, il-partijiet għall-imsemmija ftehimiet ġeneralment iżommu l-kapaċità tagħhom li jikkompetu ma’ xulxin fuq parametri sinjifikattivi, inklużi l-prezzijiet. Id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għal allineament jew għal koordinazzjoni ta’ aġir, iżda għal allineament ta’ interessi, fir-rigward tal-fatt li jkun hemm network li jippermetti li tiġi eżerċitata kompetizzjoni effettiva.

1)      Fuq in-natura ġdida tat-teorija tad-dannu fuq il-ftehimiet ta’ qsim tan-network

328    Fuq in-natura innovattiva tat-teorija tad-dannu fuq il-ftehimiet ta’ qsim tan-network, żviluppata bħala introduzzjoni fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li mill-premessi 1242 u 1243 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li n-neċessità u l-importanza ta’ allineament tal-interessi bejn il-partijiet għal ftehim ta’ qsim tan-network kienu tqajmu minn 3UK quddiem il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konċentrazzjoni nnotifikata fil-Każ M.5650 – T‑Mobile/Orange.

329    Madankollu, it-teorija tad-dannu tal-Kummissjoni fil-Każ M.5650 – T‑Mobile/Orange ma kinitx ibbażata fuq l-allineament jew il-ksur tal-interessi bejn il-partijiet għall-ftehim ta’ qsim tan-network, iżda fuq in-neċessità li jiġi ggarantit l-aċċess ta’ impriża partikolari għan-network li hija kienet taqsam ma’ impriża oħra, meta din tal-aħħar kienet ikkonkludiet ma’ impriża terza tranżazzjoni li tista’ tikkomprometti l-aċċess tal-ewwel waħda għall-imsemmi network. Għal din ir-raġuni, sabiex jitneħħew id-dubji serji identifikati mill-Kummissjoni, il-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 139/2004, ħadu impenji fil-konfront ta’ 3UK relatati mat-tul tal-ftehim ta’ qsim tan-network MBNL, li kien ġie estiż [kunfidenzjali], u mal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni rapida tat-tilwim.

330    Minn dan isegwi li t-teorija tad-dannu tal-Kummissjoni f’din il-kawża, ibbażata fuq in-neċessità li jiġi evitat taqlib fl-allineament tal-interessi tal-partijiet għal kull ftehim ta’ qsim tan-network u ż-żamma tal-istabbiltà tal-imsemmija ftehimiet, hija ġdida fir-rigward tal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha.

331    Madankollu, is-sempliċi fatt li teorija tad-dannu fformulata mill-Kummissjoni f’deċiżjoni tkun innovattiva ma jwassalx, fih innifsu, għall-konklużjoni li hija, bħala tali, improbabbli jew infondata. Kif tenfasizza ġustament BT/EE, il-Kummissjoni ma għandhiex tillimita l-analiżi tagħha għat-teoriji tad-dannu żviluppati f’deċiżjonijiet preċedenti.

332    Barra minn hekk, u kif jirriżulta mill-punt 111 iktar ’il fuq, iktar ma l-analiżi tkun prospettiva u s-sekwenzi ta’ kawża u effett ikunu inċerti u diffiċli biex jiġu stabbiliti jew identifikati, iktar il-qorti tal-Unjoni għandha tkun eżiġenti fir-rigward tal-eżami konkret tal-provi prodotti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni.

2)      Fuq in-natura allegatament paradossali u żbaljata tat-teorija ta’ konverġenza tal-interessi u fuq it-taqlib tal-ftehimiet ta’ qsim tan-network

333    Ir-rikorrenti tafferma li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 1238 u 1239 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha MBNL u Beacon huma “bbażati fuq ċertu grad ta’ konverġenza tal-interessi” li l-konċentrazzjoni tirriskja li taqleb, hija vvizzjata bi żbalji.

334    Ir-rikorrenti tallega b’mod partikolari li flessibbiltà fir-rabtiet f’MBNL u Beacon wara l-konċentrazzjoni tista’ tiffavorixxi kompetizzjoni ikbar bejn il-partijiet għal dawn il-ftehimiet, u ssaħħaħ il-kompetizzjoni bejn in-networks.

335    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti, billi tafferma, essenzjalment, li l-ftehimiet ta’ qsim tan-network għandhom rwol sinjifikattiv fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet mobbli, b’mod partikolari fir-Renju Unit, fejn evalwazzjoni tal-konverġenza tal-interessi bl-ebda mod ma hija paradossali. Id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għal allineament jew għal koordinazzjoni ta’ aġir, iżda għal allineament ta’ interessi, fir-rigward tal-fatt li jkun hemm network li jippermetti li tiġi eżerċitata kompetizzjoni effettiva.

336    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, b’mod preliminari, li hija tista’ qabel kollox taqbel ma’ parti mit-teorija tad-dannu tal-Kummissjoni, miġbura fil-qosor fil-premessa 1232 tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn it-tnaqqis tal-kompetizzjoni eżerċitata minn operatur ta’ network mobbli, li huwa marbut mal-partijiet fil-konċentrazzjoni permezz ta’ ftehimiet ta’ qsim tan-network, jista’, f’ċerti każijiet, iwassal għal tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni. Dan ikun, pereżempju, il-każ ta’ impriża li toħloq tfixkil, li tkun dipendenti minn ftehim ta’ qsim tan-network biex tkun tista’ tistabbilixxi d-dħul tagħha fis-suq sabiex tkun tista’ toffri s-servizzi tagħha, u li tirriskja li tiġi prekluża mis-suq wara l-konċentrazzjoni.

337    Kif diġà tfakkar fil-punt 296 iktar ’il fuq, skont il-Kummissjoni, is-sħab ta’ kull wieħed miż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network eżistenti minn qabel fir-Renju Unit, jiġifieri BT/EE u Vodafone, illum għandhom inċentiv li jiżviluppaw flimkien l-elementi kondiviżi tan-networks tagħhom bil-għan li jiksbu network kondiviż aħjar minn dak tal-operaturi l-oħra ta’ network mobbli, u b’mod partikolari tal-operaturi ta’ network mobbli li kkonkludew il-ftehim l-ieħor ta’ qsim tan-network. Skont il-Kummissjoni, wara l-konċentrazzjoni tintilef din id-dinamika kompetittiva, sa fejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun parti, fi kwalunkwe każ, għal żmien qasir jew medju, miż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network u sa fejn Vodafone u BT/EE ma jibqax ikollhom sieħeb impenjat bis-sħiħ fi ħdan Beacon u MBNL, rispettivament.

338    Fil-qosor, l-ewwel subteorija tad-dannu żviluppata mill-Kummissjoni tippreżupponi, kif hija stess tiddikjara fil-premessi 1777 sa 1783 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tranżazzjoni tippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva ta’ wieħed jew l-ieħor jew taż-żewġ operaturi ta’ network mobbli, u għalhekk tista’ tnaqqas il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn BT/EE, jew minn Vodafone, jew miż-żewġ operaturi ta’ network mobbli li huma sħab tal-partijiet fil-konċentrazzjoni fil-ftehimiet ta’ qsim tan-network. Il-Qorti Ġenerali tfakkar f’dan ir-rigward li l-kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastrutturi tista’ tkun element sinjifikattiv sabiex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli.

339    Skont il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 101(1) u (3) TFUE, il-ftehimiet ta’ qsim tan-network, li jinkludu l-kondiviżjoni ta’ ċerti infrastrutturi, jippreżentaw, minn din il-perspettiva, riskji kompetittivi varjabbli skont il-kuntest u t-tip ta’ qsim attiv jew passiv. Skont il-modalità magħżula ta’ kooperazzjoni, l-awtonomija tal-operaturi u r-riskju ta’ kollużjoni huma ftit jew wisq serji u r-riskji ta’ effett ħażin fuq il-kompetizzjoni huma ftit jew wisq sinjifikattivi. Fl-istess ħin, il-ftehimiet ta’ qsim tan-network jistgħu jipproduċu vantaġġi ekonomiċi sostanzjali f’termini ta’ ekonomija tal-ispejjeż, kopertura aħjar u implimentazzjoni tan-network iktar mgħaġġla (ara, b’mod partikolari, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2003/570/KE tat‑30 ta’ April 2003 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Każ COMP/38.370 – O2 UK Limited/T‑Mobile UK Limited (“UK Network Sharing Agreement”) (ĠU 2003, L 200, p. 59), u tal-Kummissjoni 2004/207/KE tas‑16 ta’ Lulju 2003 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.369 – T‑Mobile Deutschland u O2 Germany: ftehim qafas dwar il-qsim tan-network) (ĠU 2004, L 75, p. 32)).

340    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-fatt li ftehim ta’ qsim tan-network jista’, meta jiġi konkluż, iwassal għal effetti favur il-kompetizzjoni, sabiex b’hekk jikkontrobilanċja r-restrizzjonijiet li dan jinvolvi, ma jimplikax neċessarjament li x-xoljiment, in-negozjar mill-ġdid, jew li kull bidla ulterjuri fil-bilanċ tiegħu, fi tmiem konċentrazzjoni, jistgħu neċessarjament jiġu kklassifikati bħala tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

341    Fil-fatt, tali evalwazzjoni tal-bilanċ kompetittiv ġdid fis-suq, minħabba b’mod partikolari l-eżistenza ta’ tali ftehimiet ta’ qsim tan-network, tiddependi mill-effetti possibbli favur il-kompetizzjoni jew antikompetittivi tas-sitwazzjoni l-ġdida, li tista’ tiġi evalwata b’mod separat u individwali mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, fid-dawl b’mod partikolari tal-iżvilupp tas-suq, kif enfasizzat, barra minn hekk, mill-Ofcom f’diversi drabi matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-annessi tan-noti ta’ intervent tar-Renju Unit, ippreżentati lill-Qorti Ġenerali.

342    Issa, kif tenfasizza r-rikorrenti bi tweġiba għan-nota ta’ intervent tar-Renju Unit dwar dan il-punt, il-kapaċità kompetittiva u l-inċentivi għal investiment ta’ BT/EE u ta’ Vodafone ma jiddependux b’mod deċiżiv mid-deċiżjonijiet ta’ investiment ta’ Three jew minn żieda fl-ispejjeż, iżda b’mod partikolari mil-livell ta’ kompetizzjoni li huma jaffaċċjaw, mir-riżorsi finanzjarji tagħhom u mill-istrateġiji tagħhom. Tnaqqis fl-inċentivi ta’ Three biex tinvesti f’network wieħed jew ieħor ma jistax jirriżulta biss, u dan b’mod sinjifikattiv, billi tiddgħajjef il-kapaċità kompetittiva tal-parti l-oħra għall-ftehim ta’ qsim tan-network.

343    Skont il-Kummissjoni, dan ikun madankollu l-każ b’mod partikolari jekk l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tiddeċiedi li tirtira minn wieħed miż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network sabiex tikkonċentra b’mod esklużiv fuq l-ieħor, kif ikkunsidrat il-Kummissjoni f’żewġ ipoteżijiet supplimentari ta’ konsolidazzjoni tan-networks esposti fil-premessi 1752 sa 1756 tad-deċiżjoni kkontestata għall-ewwel waħda, fejn huwa previst li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun tiddependi biss minn MBNL, u fil-premessi 1757 sa 1759 tad-deċiżjoni kkontestata għat-tieni waħda, fejn huwa previst li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tiddependi biss minn Beacon. F’dawn iż-żewġ każijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessi 1755 u 1759 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tnaqqis fl-investimenti fil-livell tas-settur huwa improbabbli.

344    Issa, anki jekk jiġi aċċettat li tali xenarji jistgħu effettivament jippreġudikaw il-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE, jew ta’ Vodafone, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-effetti antikompetittivi ma jistgħux jiġu kklassifikati, f’dan il-każ, u bħala tali, bħala tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit.

345    Fil-fatt, il-konklużjoni kuntrarja twassal sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tipprojbixxi, bħala prinċipju u fuq din il-bażi biss, kull konċentrazzjoni li timplika l-bidla minn erba’ operaturi għal tlieta, minbarra dawk li jsiru, jekk ikun il-każ, bejn is-sħab ta’ ftehimiet ta’ qsim tan-network.

346    F’dan ir-rigward, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, flessibbiltà fir-rabtiet f’MBNL u Beacon wara l-konċentrazzjoni tista’, bl-istess mod, tiffavorixxi kompetizzjoni ikbar fuq l-infrastrutturi bejn il-partijiet għal dawn il-ftehimiet u ssaħħaħ il-kompetizzjoni bejn in-networks.

347    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li nuqqas ta’ allineament possibbli tal-interessi bejn is-sħab għal ftehim ta’ qsim tan-network, taqlib tal-ftehimiet ta’ tqassim tan-network eżistenti minn qabel li t-tul tiegħu ġie estiż għall-benefiċċju ta’ Three, jew saħansitra x-xoljiment tagħhom, ma jikkostitwixxux, f’dan il-każ, u bħala tali, tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fil-kuntest ta’ teorija tad-dannu bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati.

348    F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li tintlaqa’ l-ewwel parti tat-tielet motiv, sa fejn il-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, li taqlib fit-tul ta’ ftehim ta’ qsim tan-network jista’ jikkostitwixxi tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni eżerċitata min-naħa tas-sieħeb għal tali ftehim.

b)      Fuq l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetituri

349    Fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, ifformulata fil-premessa 1522 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tista’ tippreġudika lil BT/EE b’mod sinjifikattiv billi tostakola l-investimenti tagħha fin-networks jew billi tittardjahom, hija vvizzjata bi żbalji.

350    Il-Kummissjoni għalhekk iddikjarat b’mod żbaljat, fil-premessa 1512 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali].

351    Fil-kuntest tar-raba’ parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eżaminat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetituri, pjuttost milli fuq il-kompetizzjoni (premessa 1231 tad-deċiżjoni kkontestata), sabiex tistabbilixxi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

352    Fil-kuntest tal-ħames parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti targumenta li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-konklużjoni li l-konċentrazzjoni tippreġudika l-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE u ta’ Vodafone, ma humiex ibbażati fuq provi, iżda fuq sempliċi suppożizzjonijiet. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw mill-assenza ta’ prova ta’ dannu għall-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE u ta’ Vodafone.

353    Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti iżolat mill-kuntest tagħhom ċerti premessi tad-deċiżjoni kkontestata, bħal dawk dwar l-interruzzjoni ta’ ftehim ta’ qsim tan-network (premessa 1246 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, għalkemm huwa veru li hija kienet bdiet billi esponiet il-kategoriji ta’ dannu rrilevati minn BT/EE u Vodafone (premessi 1249 sa 1285 tad-deċiżjoni kkontestata), hija sussegwentement analizzathom, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-pjan [A] (premessi 1391 sa 1567 tad-deċiżjoni kkontestata) u tal-pjan [B] (premessi 1568 sa 1748 tad-deċiżjoni kkontestata).

354    F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jallega li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-interruzzjoni ta’ ftehim ta’ qsim tan-network (premessa 1246 tad-deċiżjoni kkontestata) hija inerenti għan-natura u għall-funzjonament tal-ftehimiet ta’ qsim tan-network. Huwa jafferma wkoll li kien iġġustifikat li l-Kummissjoni, filwaqt li tagħmel evalwazzjoni fil-fond tal-impatt potenzjali tal-konċentrazzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-Ofcom dwar il-ftehimiet eżistenti ta’ qsim tan-network (premessa 1722 tad-deċiżjoni kkontestata).

355    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li, peress li s-suq tal-bejgħ bl-imnut huwa kkonċentrat ħafna u l-kompetizzjoni bejn Three u O2 kellha tieqaf wara l-konċentrazzjoni, kull tnaqqis fil-livelli tal-kompetizzjoni effettiva li jista’ jiġi eżerċitat minn BT/EE jew Vodafone jirriskja li jkollu effett negattiv fuq il-kompetizzjoni b’mod ġenerali, kif ikkonstatat fil-premessa 1679 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari jekk id-dannu probabbli jimmanifesta ruħu permezz ta’ tnaqqis fil-kwalità tan-network tagħhom. BT/EE ssostni f’dan ir-rigward li mill-premessi 1230 u 1529 sa 1546 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet imħassba bil-fatt li Three tista’ ddgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE minħabba li BT/EE tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv għall-kompetizzjoni.

356    Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li t-tielet, ir-raba’ u l-ħames parti tat-tielet motiv huma interdipendenti u jistgħu jiġu eżaminati b’mod utli flimkien. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata wkoll, b’mod preliminari, li r-rikorrenti ġabret fl-istess ħames parti diversi lmenti relatati mal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq BT/EE u Vodafone, mingħajr ma għamlet distinzjoni ċara bejn il-pjan [A] u l-pjan [B].

357    Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali ser teżamina suċċessivament l-effetti fuq BT/EE u fuq Vodafone, peress li l-effetti fuq BT/EE li jirriżultaw mill-pjan [A], ikkonstatati fil-punti 362 sa 379 iktar ’il quddiem, jidhru wkoll, iżda fi grad inqas, għal BT/EE fil-kuntest tal-pjan [B].

358    B’mod preliminari, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-effetti mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni meta mqabbla ma’ eżerċizzju possibbli tas-setgħa fis-suq, fil-forma ta’ degradazzjoni tas-servizzi offruti jew tal-kwalità tan-network tagħha stess mill-entità fuża, ma ġewx analizzati fid-deċiżjoni kkontestata.

359    Issa, skont il-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004, l-evalwazzjoni ta’ eliminazzjoni possibbli tar-restrizzjonijiet kompetittivi qawwija li l-partijiet fil-konċentrazzjoni kienu jeżerċitaw fuq xulxin, kif ukoll tnaqqis possibbli tal-pressjonijiet kompetittivi fuq il-kompetituri l-oħra, tinsab fil-qalba tal-evalwazzjoni tal-effetti mhux ikkoordinati li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 96 u 97 iktar ’il fuq.

360    Fil-fatt, it-tfixkil għall-kompetizzjoni u b’hekk id-dannu għall-konsumaturi jirriżulta mit-tmiem tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni eżistenti bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni u mill-fatt li l-ebda kompetitur potenzjali li jibqa’ jew li jkun dieħel ma jkun f’pożizzjoni li jikkompeti b’mod effettiv mal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni. Barra mill-effetti fuq il-prezzijiet, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni li ma hijiex ikkonfrontata iktar bil-pressjonijiet li kienu jeżistu preċedentement bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni, il-konċentrazzjoni jkollha wkoll riperkussjonijiet fuq il-kwalità tal-offerta u tal-għażla offruta lill-klijenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2010, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑342/07, EU:T:2010:280, punt 224).

361    L-assenza ta’ eżami fil-fond ta’ din il-problema tikkostitwixxi dgħufija tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li teħtieġ, sabiex tirnexxi, raġunament partikolarment solidu u konvinċenti fir-rigward tal-effetti fuq il-kompetituri.

1)      Fuq l-effetti fuq BT/EE

362    L-ewwel nett, ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma prinċipalment intiżi sabiex jipproteġu l-proċess kompetittiv bħala tali, u mhux lill-kompetituri. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret, ġustament, fil-linji gwida tagħha dwar l-evalwazzjoni ta’ konċentrazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU 2008, C 265, p. 6), li l-fatt li konċentrazzjoni taffettwa lill-kompetituri ma huwiex fih innifsu problema. B’mod partikolari, il-fatt li l-kompetituri jistgħu jiġu ppreġudikati mill-fatt li konċentrazzjoni tiġġenera żieda fl-effiċjenza ma jistax, fih innifsu, jagħti lok għal problemi ta’ kompetizzjoni.

363    Dan ir-raġunament huwa applikabbli b’analoġija fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni orizzontali, jew saħansitra fil-kuntest ta’ oligopolju ristrett, kif inhu l-każ f’din il-kawża.

364    F’dan il-każ, fil-premessa 1265 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi li wieħed mill-modi kif tiddgħajjef il-pożizzjoni kompetittiva ta’ wieħed mis-sħab għall-ftehimiet ta’ qsim tan-network huwa li tiġi ddegradata l-kwalità ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ ftehimiet. Dan jidher, għall-Kummissjoni, partikolarment rilevanti għas-sieħeb għall-ftehim ta’ qsim tan-network li ma huwiex ser jikkostitwixxi il-bażi tan-network ikkonsolidat tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni.

365    Bħala eżempju, mill-premessi 1430 u 1431 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, taħt il-pjan [A], l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet tipprevedi li ma tużax [kunfidenzjali] ta’ siti MBNL. Madankollu, hija tibqa’ obbligata taqsam l-ispejjeż ta’ dawn is-siti minħabba l-impenji meħuda fil-konfront ta’ Three fl‑2009, fil-kuntest tal-konċentrazzjoni T‑Mobile/Orange (Każ COMP/M.5650), li kienu intiżi sabiex itaffu l-biżgħat espressi minn Three, [kunfidenzjali].

366    Issa, iż-żamma tal-obbligu ta’ tqassim tal-ispejjeż relatati mas-siti li jsiru superfluwi fil-kuntest ta’ din il-konċentrazzjoni tiffavorixxi l-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE, anki jekk il-Kummissjoni ikkonkludiet ġustament li dan iżid l-inċentivi tal-partijiet fil-konċentrazzjoni biex inaqqsu tali spejjeż. Madankollu, id-deterjorament eventwali tal-inċentiv tal-partijiet fil-konċentrazzjoni li jkomplu jinvestu f’dawn is-siti superfluwi ma jistax jaffettwa b’mod sproporzjonat il-pożizzjoni kompetittiva ta’ BT/EE jew jikkostitwixxi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

367    F’dan ir-rigward, għalkemm iż-żieda fl-ispejjeż għal operatur kompetitur ma twassalx neċessarjament għal tfixkil għall-kompetizzjoni, kif ikkonstatat ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 1679 tad-deċiżjoni kkontestata, hija, fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni li għandha turi li t-teorija tagħha tad-dannu hija bbażata fuq rabta kawżali bejn iż-żieda allegata fl-ispejjeż fissi u dik fl-ispejjeż differenzjali, li twassal għal inqas investimenti, għal deterjorament fil-kwalità tas-servizzi offruti fis-suq jew, jekk dawn kienu jgħaddu fuq il-konsumaturi permezz ta’ żieda fil-prezzijiet, għat-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva ta’ BT/EE u ta’ Vodafone fis-suq.

368    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova ta’ tali rabta kawżali fid-deċiżjoni kkontestata, konformement mar-rekwiżiti ta’ provi applikabbli f’dan il-każ, imsemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq.

369    F’dan ir-rigward, ma hemm xejn fid-deċiżjoni kkontestata li jagħti lil wieħed x’jifhem li, fil-kuntest ta’ suq oligopolistiku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, li jinkludi numru limitat ta’ atturi, telf tal-pressjoni kompetittiva ta’ operatur wieħed jirriżulta b’mod “probabbli ħafna” f’telf globali tal-kompetizzjoni f’dan is-suq, kif tafferma l-Kummissjoni fil-premessa 1679 tad-deċiżjoni kkontestata.

370    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, sa fejn diġà ġie stabbilit fil-punt 96 iktar ’il fuq li, fil-kuntest ta’ teorija tad-dannu bbażata fuq effetti mhux ikkoordinati, il-konċentrazzjoni kellha timplika “t-tneħħija ta’ kontrolli kompetittivi importanti [restrizzjonijiet kompetittivi qawwija] li l-partijiet li jingħaqdu [il-partijiet fil-konċentrazzjoni] kienu jeżerċitaw fuq xulxin”, l-uniku effett ta’ tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li jeżerċitaw il-kompetituri l-oħra fis-suq, f’termini ta’ kwalità, ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex juri tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

371    Issa, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni jillimitaw ruħhom li jikkonstataw li, bħala konsegwenza tat-tnaqqis tal-impenn ta’ Three, BT/EE probabbilment ġarrbet, jew mill-inqas tistenna, spejjeż ogħla fir-rigward tal-manutenzjoni tan-network eżistenti (premessi 1445 sa 1455 tad-deċiżjoni kkontestata) u t-titjib tan-network (premessa 1530 tad-deċiżjoni kkontestata).

372    Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni ma tatx prova b’suffiċjenza fid-dritt, fid-deċiżjoni kkontestata, li żieda possibbli fl-ispejjeż tnaqqas il-kapaċità ta’ BT/EE li tinvesti. Hija lanqas ma indikat liema huma t-tipi ta’ investimenti li jiġu affettwati jew li jistgħu jinqasmu meta mqabbla ma’ dawk li ma jistgħux. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tidher li hija bbażata fuq ipoteżijiet ftit jew wisq improbabbli dwar l-assenza ta’ kwalunkwe reazzjoni ta’ BT/EE, li sempliċement tieqaf tinvesti, wara żieda fl-ispejjeż tagħha.

373    Barra minn hekk, kif il-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat fil-punt 280 iktar ’il fuq, mill-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva jirriżulta li, għalkemm tista’ tiġi stabbilita korrelazzjoni pożittiva bejn il-konċentrazzjonijiet li jagħmlu bidla minn erba’ operaturi għal tlieta fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet mobbli u żieda fil-prezzijiet, tista’ tiġi stabbilita wkoll korrelazzjoni bejn l-imsemmija konċentrazzjonijiet u żieda fl-investimenti għal kull operatur ta’ network mobbli fin-networks.

374    It-tielet nett, fir-rigward tal-possibbiltà li Three tista’ tostakola l-implimentazzjonijiet unilaterali ta’ BT/EE, li hija żviluppata fil-premessi 1473 sa 1522 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-raġunament, mislut b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet ta’ BT/EE u minn interpretazzjoni kkontestata ta’ MBNL, ma huwiex, bħala tali, suffiċjenti sabiex juri l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva f’dan il-każ fir-rigward tal-pjan [A].

375    Fil-fatt, minn naħa, tali dannu eventwali għall-kompetizzjoni ma għandux ikun ibbażat fuq il-possibbiltà li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jiddeċiedu b’mod unilaterali li jnaqqsu l-kwalità tan-network proprju tagħhom, iżda fuq l-effetti possibbli tal-konċentrazzjoni fuq is-sieħeb l-ieħor għall-ftehim ta’ qsim tan-network.

376    Min-naħa l-oħra, ix-xejra ta’ kawża u effett hija, f’din l-ipoteżi, partikolarment dgħajfa. B’mod partikolari, l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-affermazzjoni li skontha, sabiex il-mekkaniżmu ta’ tfixkil għall-investimenti ta’ BT/EE jkun jista’ jseħħ fuq l-inizjattiva ta’ Three, [kunfidenzjali].

377    [kunfidenzjali].

378    Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni jippreżupponi li l-mekkaniżmu previst mill-partijiet fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ kollaborazzjoni kummerċjali jista’ faċilment iwassal għal abbużi, li jippermettu li wieħed miż-żewġ sħab jiġi ppreġudikat b’mod serju. Finalment, hija tippreżupponi li ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ ritaljazzjoni effettiva min-naħa ta’ BT/EE fil-konfront ta’ Three, billi xxolji jew tinnegozja mill-ġdid il-ftehim MBNL, jew billi titlob ir-reviżjoni mingħand il-Kummissjoni tal-impenji meħuda fil-konfront ta’ Three mfakkra fil-punt 329 iktar ’il fuq.

379    Il-fatt li tali evoluzzjoni tista’ tiġi prevista minn perspettiva teoretika ma jimplikax li tali katina ta’ avvenimenti sseħħ b’mod suffiċjentement realistiku u plawżibbli u tirriżulta fl-impossibbiltà għal BT/EE li toffri livell ta’ servizz li jippermettilha tikkompeti b’mod utli mal-entità fuża.

2)      Fuq l-effetti fuq Vodafone

380    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, b’mod preliminari, li l-ilment dwar l-effetti fuq Vodafone jkun effettiv biss jekk il-pjan ta’ konsolidazzjoni tan-network alternattiv kien l-iktar probabbli f’dan il-każ, u dan huwa kkontestat mir-rikorrenti.

381    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tirrileva, kif diġà ġie kkonstatat fir-rigward ta’ BT/EE, li s-sempliċi fatt li Vodafone teżerċita inqas pressjoni kompetittiva wara l-konċentrazzjoni ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva f’dan il-każ.

382    It-tieni nett, fir-rigward tal-effetti fuq in-network ta’ Vodafone, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma turix, fid-deċiżjoni kkontestata, li żieda fl-ispejjeż ikollha effetti fuq l-inċentivi ta’ Vodafone biex tinvesti fin-network tagħha.

383    Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-premessi 1680 u 1681 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa veru li [kunfidenzjali].

384    Madankollu, tali effetti tal-konċentrazzjoni, li jwasslu għal [kunfidenzjali], li a priori huwa inqas suxxettibbli li jiffavorixxi l-kollużjoni, ma jimplikawx neċessarjament tnaqqis fl-investimenti min-naħa ta’ Vodafone. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tammetti, fil-premessa 1643 tad-deċiżjoni kkontestata, li Vodafone għandha l-kapaċità li tassorbi żieda fl-ispejjeż li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni.

385    F’dan ir-rigward, kif tikkonstata l-Kummissjoni fil-premessa 1683 tad-deċiżjoni kkontestata, id-degradazzjoni tal-kwalità tan-network ma hijiex konsegwenza ta’ inkapaċità potenzjali jew allegata min-naħa ta’ Vodafone li tagħmel l-investimenti neċessarji [kunfidenzjali] min-naħa tagħha, iżda tirriżulta minn deċiżjoni ekonomika li Vodafone tkun mitluba tieħu [kunfidenzjali], skont mudell ta’ simulazzjoni ppreżentat minn Vodafone matul il-proċedura amministrattiva.

386    Issa, it-teorija tad-dannu tal-Kummissjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq l-inċentivi ta’ Vodafone li tirrestrinġi l-investimenti fin-network proprju tagħha fuq il-bażi tal-immudellar ta’ Vodafone, u dan jagħti lil wieħed x’jifhem li [kunfidenzjali] ikun iġġustifikat fil-livell ekonomiku (premessa 1643 tad-deċiżjoni kkontestata).

387    F’dan il-każ, il-Kummissjoni tafferma, essenzjalment, fil-premessa 1645 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[kunfidenzjali] ta’ kopertura f’suq fejn l-operaturi kollha jiżguraw [kunfidenzjali] ser inaqqas b’mod sinjifikattiv il-kompetittività tat-tariffi offruti minn Vodafone”.

388    Għalkemm jista’ jiġi ddubitat li tali effett, li ma jirriżultax minn deċiżjonijiet futuri tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, iżda minn wieħed mill-kompetituri tagħha, jista’ jiġi kkunsidrat bħala konsegwenza diretta u immedjata tal-konċentrazzjoni, il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma tatx prova, fid-deċiżjoni kkontestata, b’suffiċjenza fid-dritt u konformement mar-rekwiżit ta’ prova applikabbli, li tali deċiżjoni min-naħa ta’ Vodafone tirriżulta b’mod suffiċjentement realistiku u plawżibbli mill-konċentrazzjoni, tibdel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni fis-swieq affettwati u tfixkel, f’dan il-każ, b’mod “sinjifikattiv”, il-kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat.

389    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tagħti prova fid-deċiżjoni kkontestata fuq liema bażi, filwaqt li l-kapaċità ta’ Vodafone li tkopri ż-żieda fl-ispejjeż ma hijiex ikkontestata, hija tagħżel volontarjament li tiddegrada l-kwalità tan-network proprju tagħha jew li ma tinvestix fih.

390    Issa, anki kieku kellu jitqies li dan huwa l-każ, l-evalwazzjoni tal-kwalità bħala waħda mill-vetturi tal-kompetizzjoni hija spiss eżerċizzju kumpless u impreċiż, li jeħtieġ, f’kull każ inkwistjoni, ibbilanċjar tal-mezzi ta’ perċezzjoni ta’ konsumaturi differenti, u dan b’mod partikolari fl-industriji ta’ teknoloġija għolja.

391    Anki kieku kellu jitqies li Vodafone tiddeċiedi għalhekk volontarjament, u fuq il-bażi tal-profittabbiltà tas-siti tagħha, li tnaqqas għal [kunfidenzjali] ir-rata tagħha ta’ kopertura tan-network f’suq fejn l-operaturi l-oħra kollha jkunu obbligati jiżguraw rata ta’ kopertura tan-network ta’ [kunfidenzjali], ikun jidher, f’dan il-każ, iktar probabbli li Vodafone tirtira u tiddegrada n-network tagħha biss fir-reġjuni l-inqas popolati, u għalhekk l-inqas profittabbli.

392    Issa, anki kieku kellu jiġi kkunsidrat li degradazzjoni tal-kwalità tan-network allegata mill-Kummissjoni għandha sseħħ wara deċiżjoni kummerċjali ta’ Vodafone li ma tinvestix f’siti bi profittabbiltà baxxa [kunfidenzjali], u dan b’mod partikolari f’żoni b’densità baxxa ta’ popolazzjoni, dan jista’ jiġi rrimedjat b’mod utli għal tali effett tal-konċentrazzjoni mill-awtoritajiet regolatorji tar-Renju Unit.

393    It-tielet nett, fatturi oħra jippermettu wkoll li tiġi ddubitata l-probabbiltà tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Minn naħa, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1736 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tinvesti fl-infrastruttura proprja tagħha [kunfidenzjali], jidher probabbli li investimenti simili jistgħu jsiru wkoll [kunfidenzjali] minn Vodafone.

394    Min-naħa l-oħra, [kunfidenzjali], il-partijiet għal dan il-ftehim diġà pprevedew il-possibbiltà li l-ispejjeż sostnuti mill-partijiet jiżdiedu wara [kunfidenzjali].

395    Sa fejn tali possibbiltà ta’ evoluzzjoni tal-ftehim ta’ qsim tan-network kienet diġà prevista, huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi li l-implimentazzjoni ta’ tali għażla kuntrattwali effettivament tippreġudika b’mod sinjifikattiv lil Vodafone.

396    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx b’suffiċjenza fid-dritt fid-deċiżjoni kkontestata l-inkapaċità ta’ Vodafone li tikkompeti b’mod effikaċi, u lanqas li kull żieda fl-ispejjeż ta’ Vodafone tingħadda fuq il-konsumaturi fil-forma ta’ żieda fil-prezz.

397    Minn dan isegwi li hemm lok li jintlaqgħu t-tielet, ir-raba’ u l-ħames parti tat-tielet motiv, meħuda flimkien.

c)      Fuq l-effett ta’ trasparenza msaħħa fuq l-investiment globali fin-networks

398    Fil-kuntest tas-sitt parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta analizzat l-effetti tal-konċentrazzjoni fuq l-investimenti fin-networks rispettivament fil-kuntest tal-pjan [B] u tal-pjan [A].

399    Ir-rikorrenti ssostni b’mod partikolari li l-mekkaniżmu li permezz tiegħu, fil-kuntest tal-pjan [B], it-trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ network mobbli tista’ tnaqqas l-inċentiv tagħhom li jinvestu fin-networks (premessi 1732 sa 1742 tad-deċiżjoni kkontestata) jaqa’, bl-applikazzjoni tal-punt 22 tal-linji gwida, taħt l-effetti kkoordinati, u mhux l-effetti mhux ikkoordinati.

400    Skont il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju Unit, hija ma affermatx li BT/EE u Vodafone jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom, jiġifieri jiftiehmu taċitament sabiex ma jinvestux jew jieħdu miżuri ta’ ritaljazzjoni fil-każ fejn waħda minnhom tinvesti, iżda li fin-nuqqas ta’ inizjattiva ta’ investiment min-naħa tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni, l-ebda wieħed mill-operaturi l-oħra ta’ network mobbli ma jkun inċentivat unilateralment sabiex jinvesti f’teknoloġiji ġodda. Il-Kummissjoni għalhekk ibbażat fuq tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva u tal-inċentivi unilaterali għal investiment fin-network, li fil-fatt jikkostitwixxi effett unilaterali, jew mhux ikkoordinat, tal-konċentrazzjoni bl-applikazzjoni tal-punt 24 tal-linji gwida.

401    BT/EE tafferma li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi tal-effetti kkoordinati, iżda sempliċement irrikonoxxiet li s-suq tal-bejgħ bl-imnut huwa suq oligopolistiku. Issa, f’tali suq, il-fornituri kollha ġeneralment ikunu attenti għall-azzjonijiet tal-kompetituri tagħhom u jirreaġixxu b’mod analitiku.

402    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, b’mod preliminari, li, fil-premessa 1562 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-trasparenza ikbar tal-investimenti bejn l-operaturi ta’ network mobbli ftit jista’ jkollha effett negattiv sinjifikattiv fuq l-investimenti fil-kuntest tal-pjan [A] (premessa 1564 tad-deċiżjoni kkontestata).

403    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 1735 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan [B] jista’ jkollu effett negattiv sinjifikattiv fuq l-investimenti fin-networks fil-livell tas-settur, sa fejn l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun tista’ tiġi informata bl-investimenti ta’ BT/EE.

404    Iktar minn hekk, u kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti stess fl-analiżi proprja tagħha tax-xenarji ta’ konsolidazzjoni, l-għażla ta’ [kunfidenzjali] esposta fil-premessi 1388 sa 1389 tad-deċiżjoni kkontestata, ġiet abbandunata fid-dawl tar-riżervi prevedibbli tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-probabbiltà żgħira li tali xenarju jiġi approvat.

405    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 1389 tad-deċiżjoni kkontestata, li, immedjatament, il-konċentrazzjoni toħloq madankollu sitwazzjoni ta’ inċertezza, peress li l-entità l-ġdida la tista’ timplimenta immedjatament il-pjan [B] u lanqas il-pjan [A]. Matul perijodu intermedju u għal żmien qasir, [kunfidenzjali].

406    L-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tkun, jekk ikun il-każ, inċentivata tagħmel l-istess investimenti, kemm fil-Lvant kif ukoll fil-Punent tal-pajjiż, u dan finalment jippermetti lil BT/EE u lil Vodafone jieħdu konjizzjoni tal-investimenti rispettivi tagħhom (premessi 1735 sa 1736 tad-deċiżjoni kkontestata). Din it-trasparenza ikbar għalhekk twassal għar-riskju li BT/EE u Vodafone jistennew li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni twettaq ċerti investimenti, prinċipalment relatati mal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, qabel ma jinvestu min-naħa tagħhom (premessi 1737, 1739 u 1740 tad-deċiżjoni kkontestata).

407    Fi kliem ieħor, skont il-Kummissjoni, it-tħassib tagħha fil-kuntest tat-tieni teorija tad-dannu huwa bbażat fuq tnaqqis tal-inċentivi ta’ kull operatur ta’ network mobbli sabiex jinvesti u jtejjeb in-network tiegħu b’mod proattiv, kif ukoll fuq it-tnaqqis tal-pressjoni kompetittiva li għandha tirriżulta minn dan. Dan it-tnaqqis huwa dovut għall-istruttura tas-suq li tipprevali fil-kuntest tal-pjan [B], [kunfidenzjali] kif ukoll tat-trasparenza ikbar li din l-istruttura tagħti fuq l-istrateġiji ta’ investiment ta’ kull operatur ta’ network mobbli.

408    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, f’dan ir-rigward, diffikultà partikolari f’dan il-każ, dwar l-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali għandha teżerċita fuq id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-kuntest temporali xieraq li fih hija biħsiebha li tistabbilixxi tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva. Fil-fatt, il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, analizzat l-effetti immedjati tal-konċentrazzjoni kemm għal żmien qasir kif ukoll medju permezz tal-effett ta’ sovrappożizzjoni temporanja taż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-networks, kif ukoll l-effetti għal żmien medju u fit-tul fir-rigward tal-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-network, mingħajr madankollu ma stabbilixxiet b’mod ċar liema mid-diversi xenarji preżenti huwa l-iktar probabbli jew fid-dawl ta’ liema xenarju/i l-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni għandhom qabel kollox jiġu eżaminati.

409    Huwa għalhekk li l-Qorti Ġenerali talbet lill-partijiet, bi tħejjija għas-seduta, jiżviluppaw il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-kuntest temporali xieraq sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

410    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li huwa stabbilit, b’mod partikolari fil-premessi 1239 u 1244 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’dan il-każ, irrispettivament mill-pjan ta’ konsolidazzjoni tan-network li jiġi finalment adottat mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, dawn tal-aħħar ma jżommux żewġ networks separati għal żmien twil u ma jidhirx li ż-żmien twil ġie kkunsidrat bħala l-kuntest temporali xieraq sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-konċentrazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

411    F’dan ir-rigward, mill-premessa 1244 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-pjanijiet tar-rikorrenti, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni ma hijiex ser tkompli żżomm żewġ networks separati għal żmien twil. L-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni għandha tikkonċentra għal żmien twil fuq wieħed miż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network.

412    Barra minn hekk, fil-premessa 1239 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, wara t-tranżazzjoni, l-allineament tal-interessi u d-dipendenza reċiproka probabbilment jinkisru fiż-żewġ ftehimiet ta’ qsim tan-network eżistenti fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni kkonstatat li, filwaqt li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni tibbaża fuq iż-żewġ networks sabiex tkompli tipprovdi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli lill-klijenti ta’ Three u O2, hija tkun inċentivata li ma żżommx iktar żewġ networks għal żmien twil. Skont il-Kummissjoni, dan inevitabbilment ifixkel l-allineament tal-interessi ma’ mill-inqas wieħed miż-żewġ sħab għall-ftehimiet ta’ qsim tan-network.

413    Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1012 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tinnota li l-operat ta’ żewġ networks separati, ta’ kopertura nazzjonali, jidher bħala improbabbli ħafna għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, iż-żewġ pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tan-network imressqa mir-rikorrenti bħala l-uniċi xenarji realistiċi jipprevedu l-ħolqien ta’ network ikkonsolidat. It-tieni nett, jidher li huwa ekonomikament imprudenti li jiġu operati żewġ networks distinti wara t-tranżazzjoni bl-istess mod bħal fuq bażi awtonoma, b’mod partikolari fir-rigward tal-investimenti futuri. Il-Kummissjoni tindika li l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni jkollha għalhekk tirdoppja l-investimenti sabiex toffrihom lill-klijenti kollha tagħha.

414    BT/EE ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali għall-fatt li hemm ċertu numru ta’ każijiet ta’ konċentrazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni ħadet bħala bażi analiżi tal-effetti fit-tul, u ċċitat il-Każ COMP M.2375, Shell/Enterprise Oil (2002), fejn il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni perijodu ta’ iktar minn għaxar snin għall-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni.

415    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-analiżi tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq suq oligopolistiku fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, li jeħtieġ investimenti fit-tul u fejn il-konsumaturi huma ta’ spiss marbuta b’kuntratti għal diversi snin, hija analiżi prospettiva dinamika li teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ effetti kkoordinati jew unilaterali eventwali fuq perijodu ta’ żmien relattivament estiż fil-futur.

416    Issa, irrispettivament mill-pjan ta’ konsolidazzjoni tan-network finalment adottat mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, dawn ma humiex ser iżommu żewġ networks separati għal żmien twil. Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni, dwar l-effett ta’ trasparenza msaħħa fuq l-investiment globali fin-networks, għandu jiġi miċħud, sa fejn dan huwa bbażat fuq l-ipoteżi tal-eżistenza ta’ żewġ networks separati.

417    Għaldaqstant, hemm lok li tintlaqa’ s-sitt parti tat-tielet motiv, sa fejn il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat l-effett ta’ trasparenza msaħħa fuq l-investiment globali fin-networks bħala effetti mhux ikkoordinati.

418    Konsegwentement, fir-rigward tat-tieni teorija tad-dannu, għandu jintlaqa’ t-tielet motiv, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra ta’ dan il-motiv.

E.      Fuq it-tielet teorija tad-dannu, dwar l-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fuq is-suq tal-bejgħ bl-ingrossa

419    It-tielet teorija tad-dannu, żviluppata fil-premessi 1815 sa 2314 tad-deċiżjoni kkontestata, hija relatata mal-eżistenza ta’ effetti mhux ikkoordinati fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa marbuta mal-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet kompetittivi qawwija. F’dan is-suq, l-erba’ operaturi ta’ network mobbli jipprovdu servizzi ta’ hosting lill-operaturi mhux ONM, li, min-naħa tagħhom, joffru servizzi ta’ bejgħ bl-imnut lill-abbonati. Skont il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni naqset in-numru ta’ operaturi ta’ network mobbli li jixtiequ jipprovdu servizzi ta’ hosting lill-operaturi mhux ONM.

420    F’iktar dettall, il-Kummissjoni tqis li Three tikkostitwixxi, qabel il-konċentrazzjoni, “mutur importanti tal-kompetizzjoni” fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata b’mod partikolari li Three, minkejja l-parti tas-suq storika żgħira tagħha, li telgħet għal [bejn 0 u 5 %] fl-2014 u fl-2015 (premessi 1856 sa 1867 tad-deċiżjoni kkontestata), għandha żieda grossa ta’ klijenti ogħla mill-parti tagħha tas-suq (premessi 1868 sa 1920 tad-deċiżjoni kkontestata).

421    Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni kkalkolat il-valur tal-kuntratti magħmula ma’ klijenti bejn l-2012 u l-2015. Skont il-kalkolu tagħha, il-parti miksuba minn Three kienet bejn [kunfidenzjali] wara ponderazzjoni skont il-valur ippjanat ta’ dawn il-klijenti fl-2018. Il-Kummissjoni tikkonstata wkoll li Three tejbet kunsiderevolment il-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, ipparteċipat f’diversi proċeduri ta’ sejħa għal offerti, b’mod partikolari għall-ikbar operaturi mhux ONM, u kkonkludiet swieq ma’ operaturi mhux ONM li għandhom potenzjal ta’ tkabbir. Hija tirrileva li l-preżenza tagħha għandha impatt kompetittiv fin-negozjati tal-bejgħ bl-ingrossa anki meta hija ma tiksibx is-suq, li hija toffri tariffi bl-ingrossa kompetittivi għat-teknoloġiji l-ġodda bħall-4G, u li hija kkunsidrata bħala kompetitur ta’ piż (premessi 1921 sa 2125 tad-deċiżjoni kkontestata).

422    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 2210 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni, minn naħa, tnaqqas l-inċentivi tal-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni biex issostni l-kompetizzjoni, minħabba l-fatt li din l-entità jkollha klijentela ikbar fis-suq tal-bejgħ bl-imnut, u dan iżid ir-riskji ta’ “kannibalizzazzjoni” (premessa 2209 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, ikollha effetti negattivi fuq il-kapaċità u l-inċentivi ta’ BT/EE u ta’ Vodafone sabiex isostnu l-kompetizzjoni (premessa 2291 tad-deċiżjoni kkontestata).

423    Il-Kummissjoni tikkonkludi, fil-premessa 2313 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konċentrazzjoni tirriskja li jkollha effetti mhux ikkoordinati sinjifikattivi fuq is-suq tal-bejgħ bl-ingrossa li jirriżultaw minn tnaqqis fin-numru ta’ operaturi ta’ network mobbli minn erbgħa għal tlieta, l-eliminazzjoni ta’ Three bħala mutur importanti tal-kompetizzjoni, konformement mal-punt 37 tal-linji gwida, it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet kompetittivi sinjifikattivi li fil-passat il-partijiet kienu jimponu fuq xulxin u tnaqqis tal-pressjonijiet kompetittivi fuq l-atturi li jifdal. Barra minn hekk, l-operaturi ta’ network mobbli f’kompetizzjoni la għandhom il-kapaċità u lanqas l-inċentivi neċessarji sabiex jiġġieldu l-effetti antikompetittivi mhux ikkoordinati tal-konċentrazzjoni.

424    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, wettqet żbalji ta’ liġi kif ukoll żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret ir-rekwiżiti formali essenzjali fid-dawl tal-effetti mhux ikkoordinati fuq is-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, u dan minħabba, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tagħha li skonthom, l-ewwel nett, il-konċentrazzjoni tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa (l-ewwel parti), it-tieni nett, Three kienet “mutur importanti tal-kompetizzjoni” fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa (it-tieni u t-tielet parti), it-tielet nett, l-entità li tirriżulta mill-konċentrazzjoni kienet inqas inċentivata biex taffaċċja l-kompetizzjoni (ir-raba’ parti) u, ir-raba’ nett, il-kompetituri tagħha la kellhom il-kapaċità u lanqas l-inċentivi neċessarji sabiex jidħlu f’kompetizzjoni magħha (il-ħames parti), kif ukoll minħabba t-teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-affermazzjonijiet ta’ terzi (is-sitt parti). Skont ir-rikorrenti, kull wieħed minn dawn l-iżbalji għandu jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

425    Għandhom jiġu eżaminati, qabel kollox u flimkien, l-ewwel tliet partijiet tar-raba’ motiv, misluta minn żbalji dwar il-konstatazzjoni li l-konċentrazzjoni tfixkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa u minn żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-konstatazzjoni li skontha Three hija “mutur importanti tal-kompetizzjoni”.

426    Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li, peress li l-parti tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa miżmuma minn Three kienet [bejn 0 u 5 %] fl-2014 u qatt ma qabżet dan il-limitu, fatt li l-Kummissjoni ma tikkontestax (premessa 1856 tad-deċiżjoni kkontestata), il-konċentrazzjoni ma għandhiex effett sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata tibbaża biss fuq konstatazzjonijiet dwar l-eliminazzjoni ta’ Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”.

427    Permezz tat-tieni u t-tielet parti tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn il-kompetizzjoni eżerċitata minn Three fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa kienet partikolarment effiċjenti meta mqabbla ma’ dik eżerċitata mill-operaturi l-oħra, li l-parti prevedibbli tas-suq tagħhom ma ġietx eżaminata. Mhux talli l-atturi l-oħra kollha tas-suq kienu nettament iktar solidi minn Three, talli din is-sitwazzjoni damet matul iż-żmien, u ż-żieda żgħira fil-partijiet tas-suq reċentement irreġistrata minn Three baqgħet marġinali u mingħajr effett fuq l-istruttura kompetittiva jew id-dinamika tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, meta kklassifikat lil Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, wettqet żbalji kemm fl-analiżi tagħha tal-partijiet tas-suq kif ukoll fl-analiżi tagħha tal-parti grossa ta’ klijenti ġodda ta’ Three u fl-evalwazzjoni kwalitattiva tagħha tal-importanza ta’ Three fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

428    B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, ir-rikorrenti ssostni li l-grafika Nru 125 tad-deċiżjoni kkontestata, li turi l-partijiet tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa miżmuma mill-erba’ operaturi ta’ network mobbli, kif stmati mill-Kummissjoni, turi b’mod ċar id-dgħufija tal-pożizzjoni ta’ Three meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. [kunfidenzjali].

429    Il-Kummissjoni affermat ukoll b’mod żbaljat, fil-premessa 1920 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parti tas-suq ta’ Three ma tirriflettix is-saħħa kompetittiva attwali tagħha, u lanqas l-importanza tagħha fil-proċess kompetittiv futur, abbażi ta’ projezzjoni tal-parti grossa tagħha ta’ klijenti ġodda ikbar mid-data tas-suq attwali.

430    Finalment, skont ir-rikorrenti, il-fatt li Three ma pparteċipatx fi [kunfidenzjali] mis-seba’ sejħiet għal offerti kbar indirizzati lill-pubbliku ġenerali mnedija matul it-tliet snin preċedenti, kif ukoll [kunfidenzjali], imur kontra l-idea li Three tista’ tikkompeti b’mod kredibbli u tkun “mutur importanti tal-kompetizzjoni” fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

431    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

432    Il-Kummissjoni tafferma b’mod partikolari li l-partijiet tas-suq u l-progress tagħhom jikkostitwixxu biss l-ewwel indikazzjonijiet ta’ setgħa fis-suq (punt 27 tal-linji gwida) u li l-linji gwida jipproponu diversi eżempji ta’ sitwazzjonijiet li fihom partijiet tas-suq żgħar ma jipprevjenux li konċentrazzjoni toħloq problemi ta’ kompetizzjoni, pereżempju meta l-impriża inkwistjoni jkollha rwol iktar sinjifikattiv milli jħallu li jiġi preżunt il-partijiet tas-suq tagħha (ara l-punt 37 tal-linji gwida). Għaldaqstant, il-fatt li Three għandha biss partijiet tas-suq żgħar fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ma jistax iwassal awtomatikament għall-konklużjoni li l-konċentrazzjoni ma tistax tagħti lok għal tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

433    Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-partijiet tas-suq, il-progress tagħhom u t-tkabbir tal-grad ta’ konċentrazzjoni, anki jekk dawn jikkostitwixxu biss l-ewwel indikazzjoni tas-setgħa fis-suq, huma elementi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fis-swieq oligopolistiċi, fejn il-fatt li impriża tkun “mutur importanti tal-kompetizzjoni” għandu rwol sinjifikattiv.

434    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li t-tnaqqis minn erba’ operaturi għal tlieta, fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jistabbilixxi tfixkil sinjifikattiv għall-kompetizzjoni fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa f’dan il-każ. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 25 tar-Regolament Nru 139/2004, numru kbir ta’ swieq oligopolistiċi juru grad ta’ kompetizzjoni li jista’ jiġi kklassifikat bħala b’saħħtu.

435    Fir-rigward tal-partijiet tas-suq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ma huwiex ikkontestat li l-parti tas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa ta’ Three kienet żgħira ħafna, jiġifieri [bejn 0 u 5 %] fl-2014 u fl-2015.

436    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni inċidentalment ikkonċediet, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-partijiet tas-suq u l-progress tagħhom kienu jikkostitwixxu biss l-ewwel indikazzjonijiet ta’ setgħa fis-suq, skont il-punt 27 tal-linji gwida, peress li huwa ġeneralment aċċettat, inkluż fil-prassi deċiżjonali tagħha, li partijiet tas-suq żgħar huma, b’mod ġenerali, indikatur tajjeb tal-assenza ta’ setgħa qawwija fis-suq.

437    Fil-fatt, bl-istess mod kif l-eżistenza ta’ partijiet tas-suq ta’ portata kbira hija sinjifikattiva ħafna u r-relazzjoni bejn l-partijiet tas-suq miżmuma mill-partijiet fil-konċentrazzjoni u dawk tal-kompetituri tagħhom tikkostitwixxi indizju validu tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti jew ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, sa fejn tippermetti li tiġi evalwata l-kapaċità kompetittiva tal-kompetituri tal-impriża inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il‑Kummissjoni, T‑282/02, EU:T:2006:64, punt 201), parti tas-suq partikolarment żgħira miżmuma minn waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni għandha t-tendenza li tissuġġerixxi, prima facie, l-assenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, fuq kollox meta l-operaturi l-oħra jkollhom partijiet tas-suq ferm iktar sinjifikattivi.

438    Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li, minkejja l-parti tas-suq relattivament żgħira ta’ waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, il-konċentrazzjoni taffettwa b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi provi konvinċenti.

439    L-ewwel nett, parti tas-suq akkumulata tal-partijiet fil-konċentrazzjoni ta’ [bejn 30 u 40 %] ma tindikax il-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, f’dan il-każ, jew saħansitra, bħala tali, tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

440    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni tafferma, fil-premessa 1865 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-IHH prodott mill-konċentrazzjoni jaqbeż il-limitu previst fil-linji gwida.

441    Fir-rigward tal-kalkolu tal-IHH, il-punt 14 tal-linji gwida jipprevedi li l-partijiet tas-suq jew il-grad ta’ konċentrazzjoni ta’ spiss jagħtu l-ewwel indikazzjoni utli dwar l-istruttura tas-suq u dwar l-importanza tal-partijiet fil-konċentrazzjoni. Mill-punt 16 tal-linji gwida jirriżulta wkoll li l-grad ta’ konċentrazzjoni globali ta’ suq jista’ jikkostitwixxi data prezzjuża dwar il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

442    Il-punti 19 sa 21 tal-linji gwida jiddefinixxu l-limiti tal-IHH li taħthom konċentrazzjoni ma toħloqx, skont il-probabbiltà kollha, problemi kompetittivi. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ftit li xejn huwa probabbli li konċentrazzjoni tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni orizzontali f’suq fejn l-IHH, wara l-konċentrazzjoni, ikun ta’ bejn 1 000 u 2 000 u l-limitu l-iktar baxx ikun inqas minn 250, jew fejn l-IHH, wara l-konċentrazzjoni, ikun ogħla minn 2 000 u l-limitu l-iktar baxx ikun inqas minn 150, ħlief f’każijiet eċċezzjonali.

443    Issa, ir-rikorrenti sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni, li l-limitu l-iktar baxx wara l-konċentrazzjoni huwa biss, f’dan il-każ, ta’ [kunfidenzjali]. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li dan il-valur jaqbeż, ċertament, il-limitu li taħtu, bħala prinċipju, huwa eskluż li l-konċentrazzjoni toħloq problemi kompetittivi. Madankollu, it-tieni frażi tal-punt 21 tal-linji gwida tippreċiża li qbiż ta’ dawn il-limiti ma jagħtix lok għal preżunzjoni ta’ eżistenza ta’ problemi kompetittivi.

444    Madankollu għandu jiġi kkunsidrat li iktar ma l-qbiż ta’ dawn il-limiti jkun kbir, iktar il-valuri juru problemi kompetittivi (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il‑Kummissjoni, T‑282/06, EU:T:2007:203, punt 138) u li, f’din il-kawża, il-limitu l-iktar baxx huwa biss ta’ [kunfidenzjali] iktar mil-livell previst mil-linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet orizzontali.

445    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Kummissjoni ma bbażatx fuq il-partijiet tas-suq storiċi ta’ Three u l-grad ta’ konċentrazzjoni sabiex tikkonkludi li din hija “mutur importanti tal-kompetizzjoni” fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, iżda fuq il-partijiet grossi ta’ klijenti ġodda (premessa 1857 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-analiżi kwalitattiva tagħha tal-importanza ta’ Three fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

446    Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ddeterminat li Three kellha rwol iktar sinjifikattiv fil-kompetizzjoni milli jħallu li jiġi preżunt il-partijiet tas-suq tagħha ma huwiex, fih innifsu, prova suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva f’dan il-każ.

447    Fil-fatt, għalkemm ma huwiex eskluż li l-applikazzjoni ta’ wieħed biss mill-fatturi msemmija fil-linji gwida tista’, f’ċerti każijiet, tkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, il-Kummissjoni ma spjegatx, b’mod kredibbli, fid-deċiżjoni kkontestata, għalfejn il-partijiet grossi ta’ klijenti ġodda kienu tant determinanti f’dan il-każ. Għalkemm huwa veru li ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni teżamina, fil-każijiet kollha, il-kriterji kollha li hija stess iffissat fil-linji gwida, lanqas ma huwa stabbilit li wieħed biss minn dawn il-kriterji huwa suffiċjenti sabiex tingħata prova ta’ tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, fl-assenza ta’ eżami ddettaljat tal-fatti.

448    It-tielet nett, fir-rigward tal-partijiet grossi ta’ klijenti ġodda, il-Kummissjoni tindika li Three rebħet, approssimattivament, bejn [kunfidenzjali] tal-valur totali ta’ kuntratti li jistgħu jiġu kkontestati relatati mal-klijenti tal-bejgħ bl-ingrossa. Skont il-Kummissjoni, li kieku l-aġġustamenti kollha ssuġġeriti mir-rikorrenti kellhom jiġu aċċettati, il-parti li jifdal tal-akkwisti grossi ta’ klijenti tal-bejgħ bl-ingrossa tkun ħafna ogħla mill-parti tas-suq storika ta’ Three (premessi 1896 u 1917 tad-deċiżjoni kkontestata).

449    Madankollu, is-sempliċi fatt li l-parti grossa ta’ klijenti ġodda ta’ Three hija ogħla mill-parti tas-suq tagħha ma huwiex suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit tfixkil sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva, f’kuntest fejn il-parti tas-suq ta’ Three hija, fir-realtà, żgħira ħafna u fejn anki l-parti grossa tagħha ta’ klijenti ġodda, f’suq li fih biss erba’ operaturi, hija limitata.

450    Għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dawn l-elementi jippermettu li jiġi kkunsidrat li Three għandha l-kapaċità li tikkompeti mal-atturi l-oħra fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, li hija kompetitriċi kredibbli u li għandha influwenza fuq il-kompetizzjoni, anki meta hija ma tirbaħx l-offerti, u li hija saħħet il-pożizzjoni tagħha fis-suq, dawn ma humiex suffiċjenti, fi kwalunkwe każ, sabiex jikklassifikaw lil Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”.

451    Ir-raba’ nett, fir-rigward, finalment, tal-evalwazzjoni kwalitattiva tagħha tal-importanza ta’ Three fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa, il-Kummissjoni kkonstatat li Three hija kkunsidrata bħala theddida kredibbli fis-suq u pparteċipat f’numru sinjifikattiv ta’ sejħiet għal offerti (premessi 1936 sa 1987 tad-deċiżjoni kkontestata).

452    Issa, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-kriterji li hija stess iffissat fil-punti 37 u 38 tal-linji gwida kienu japplikaw għal Three. Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parti tas-suq futura ta’ Three, il-kredibbiltà tagħha, il-kundizzjonijiet kompetittivi tal-offerti tagħha jew l-effetti tal-parteċipazzjoni tagħha fis-sejħiet għal offerti (premessi 2294 u 2295 tad-deċiżjoni kkontestata) ma jurux, anki jekk huma fondati, li Three tiddistingwixxi ruħha mill-parteċipanti l-oħra fis-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

453    Barra minn hekk, anki jekk l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni setgħu jikkaratterizzaw lil Three bħala “mutur importanti tal-kompetizzjoni”, dawn ma jippermettux li jintwera li Three u O2 kienu jeżerċitaw restrizzjonijiet kompetittivi qawwija fuq xulxin li jiġu eliminati wara l-konċentrazzjoni.

454    Konsegwentement, għandhom jintlaqgħu l-ewwel tliet partijiet tar-raba’ motiv mingħajr il-bżonn, għall-Qorti Ġenerali, li teżamina r-raba’, il-ħames u s-sitt partijiet tar-raba’ motiv.

455    Għaldaqstant, hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr ma jkun neċessarju għall-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar in-natura indipendenti jew interdipendenti tat-tliet teoriji tad-dannu jew li tiddeċiedi dwar l-argumenti u l-motivi l-oħra tar-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

456    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar. Ir-Renju Unit u EE Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 138 tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni C(2016) 2796 final tal-Kummissjoni tal11 ta’ Mejju 2016 li tiddikjara bħala inkompatibbli mas-suq intern konċentrazzjoni relatata mal-akkwist ta’ Telefónica Europe plc minn Hutchison 3G UK Investments Ltd (il-Każ COMP/M.7612 – Hutchison 3G UK/Telefónica UK) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti minn CK Telecoms UK Investments Ltd.

3)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u EE Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Van der Woude

Buttigieg

Nihoul

Svenningsen

 

      Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Mejju 2020.

Firem


Werrej


Fuq l-ispejjeż



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Data kunfidenzjali mħollija barra.