Language of document : ECLI:EU:C:2024:585

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Proċeduri kriminali – Detenzjoni preventiva tal-persuna akkużata – Effett ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fuq il-proċedura fil-kawża prinċipali – Rifjut tal-qorti tar-rinviju li tkompli l-proċedura fuq il-mertu qabel ma tirċievi r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja – Rekwiżit ta’ ħeffa fil-proċeduri kriminali u b’mod partikolari fil-kawżi ta’ detenzjoni – Talba għal rikuża tal-imħallef li jkun qiegħed jisma’ l-kawża minħabba suspett leġittimu ta’ parzjalità”

Fil-Kawża C‑288/24 [Stegmon] (i),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Berlin I (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ April 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ April 2022, fil-proċeduri kriminali kontra

M.R.,

fil-preżenza ta’:

Staatsanwaltschaft Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tat-Tmien Awla, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra M.R. u tikkonċerna l-legalità ta’ talba għal rikuża ta’ mħallef imressqa mill-iStaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, il-Ġermanja).

 Iddritt Ġermaniż

3        Il-rekwiżit ġenerali ta’ ħeffa f’materji kriminali jirriżulta mill-prinċipju tal-Istat tad-dritt stabbilit mill-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali).

4        Skont l-Artikolu 24 tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis‑7 ta’ April 1987 (BGBl. 1987 I, p. 1074, 1319), kif emendata l-aħħar bil-liġi tas‑27 ta’ Marzu 2024 (BGBl. 2024 I, Nru 109) (iktar ’il quddiem is-“StPO”), l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, il-parti ċivili jew il-persuna akkużata jistgħu jitolbu r-rikuża ta’ mħallef minħabba suspett leġittimu ta’ parzjalità, jiġifieri meta jkun hemm raġuni leġittima li tqajjem dubji dwar l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef.

5        Skont l-Artikolu 27(1) tas-StPO, il-kulleġġ ġudikanti, li jkun jagħmel parti minnu l-imħallef li tintalab ir-rikuża tiegħu, għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal rikuża mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

6        L-Artikolu 121(1) tas-StPO jipprevedi li, sakemm tingħata s-sentenza, id-detenzjoni provviżorja għall-istess reat tista’ biss tiġi estiża għall-istess fatti għal iktar minn sitt xhur jekk id-diffikultà jew il-portata partikolari tal-investigazzjoni jew xi raġuni importanti oħra ma jkunux jippermettu li tingħata sentenza u jkunu jiġġustifikaw li dak li jkun jinżamm taħt detenzjoni. Madankollu, skont l-Artikolu 121(3) tas-StPO, dan it-terminu jieqaf jiddekorri jekk is-seduta għall-għoti tas-sentenza tkun bdiet qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur.

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

7        Il-proċeduri fil-kawża prinċipali jirrigwardaw akkużi ta’ traffikar ta’ drogi narkotiċi miġjuba kontra M.R. Dawn l-akkużi huma bbażati fuq informazzjoni li tirriżulta mill-użu ta’ data minn telefons mobbli mgħammra b’software msejjaħ “EncroChat”, liema software kien jippermetti skambju ta’ komunikazzjoni ċċifrata minn tarf sa tarf (end‑to‑end encrypted communication).

8        Fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, inħareġ mandat ta’ arrest kontra M.R. Huwa tqiegħed taħt detenzjoni provviżorja għall-ewwel darba fl‑4 ta’ Mejju 2023.

9        Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), l-ewwel nett, laqgħet l-att tal-akkuża billi fetħet il-proċeduri prinċipali sabiex issir seduta għall-għoti ta’ sentenza. It-tieni nett, hija ssospendiet dawn il-proċeduri sabiex tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li jiġu sospiżi l-proċeduri”), liema talba ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bir-referenza Staatsanwaltschaft Berlin II (C‑675/23). Fl-aħħar nett, hija annullat il-mandat ta’ arrest fir-rigward ta’ M.R., fid-dawl tal-inċertezza dwar id-data li fiha kienet ser tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

10      Fit‑30 ta’ Ġunju 2023, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin appella minn din is-sentenza, inkwantu din annullat il-mandat ta’ arrest inkwistjoni. Fl‑10 ta’ Lulju 2023, il-Generalstaatsanwaltschaft Berlin (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin, il-Ġermanja) ingħaqad mal-appell.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2023, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja) annullat is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, inkwantu din annullat dan il-mandat ta’ arrest, u reġgħet eżegwixxiet dan tal-aħħar. Fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, hija indikat li din is-sentenza, inkwantu din issospendiet il-proċeduri, ma tostakolax l-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest. Hija qieset li, għall-kuntrarju, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) ser ikollha l-opportunità li tikkunsidra mill-ġdid l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward tas-sospensjoni tal-proċeduri fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ħeffa li hija għandha tissodisfa fil-kawżi ta’ detenzjoni u fakkret “għal kull bwon fini” li deċiżjoni ta’ sospensjoni tista’ tiġi kkontestata b’appell tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku.

12      Fis‑26 ta’ Lulju 2023, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin appella mis-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, inkwantu din issospendiet il-proċeduri, minħabba li s-sospensjoni, kif ukoll l-assenza ta’ miżuri intiżi sabiex imexxu l-proċedura ’l quddiem, kienu jmorru kontra r-rekwiżit ta’ ħeffa. Fid‑9 ta’ Awwissu 2023, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin ingħaqad ukoll ma’ dan l-appell u spjega li l-istennija tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet tmur kontra dan ir-rekwiżit.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑13 ta’ Settembru 2023, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) annullat is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, inkwantu din issospendiet il-proċeduri. Hija indikat li proċedura ma setgħetx, bħala prinċipju, tiġi sospiża sabiex jiġu ċċarati kwistjonijiet ta’ liġi. Madankollu, is-sospensjoni ta’ proċedura sakemm tinstab soluzzjoni għal “proċedura pilota” li tkun wasslet għal rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tidher li hija “eċċezzjonalment difendibbli”. Madankollu, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ħeffa, tali possibbiltà tiddependi mill-fatt li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qafas tal-“proċedura pilota” tkun waħda imminenti u li d-dewmien ma jkunx jikkawża inkonvenjenzi irraġonevoli lill-imputat. Il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) iddeduċiet minn dan li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2023, inkwantu din issospendiet il-proċeduri, kienet “manifestament ivvizzjata bi żball ta’ evalwazzjoni”, billi ma kinitx magħrufa d-data li fiha kellha tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ma huwiex eskluż li talba għal deċiżjoni preliminari addizzjonali tkun neċessarja minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża.

14      Madankollu, permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2023, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) annullat mill-ġdid il-mandat ta’ arrest inkwistjoni u dan billi invokat ir-rekwiżit ta’ ħeffa. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin ippreżenta appell minn din is-sentenza. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ Berlin ingħaqad ma’ dan l-appell billi ppreċiża li jekk, kemm‑il darba kellu jerġa’ jiġi eżegwit dan il-mandat ta’ arrest, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) ma tiffissax minnufih data għas-seduta għall-għoti ta’ sentenza, ikollu għalhekk jiġi eżaminat jekk dan setax jiġġustifika li titressaq talba għal rikuża.

15      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2023, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) annullat is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2023 u reġgħet eżegwixxiet l-imsemmi mandat ta’ arrest. F’dik id-deċiżjoni, hija ppreċiżat li xejn ma kien iżomm li tiġi ppjanata s-seduta għall-għoti ta’ sentenza u li tiġi ffissata data għaliha minnufih. Wara l-imsemmija deċiżjoni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin stieden lil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) tiffissa data għas-seduta għall-għoti ta’ sentenza mill-iktar fis possibbli u malajr kemm jista’ jkun.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2024, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) annullat il-mandat ta’ arrest inkwistjoni u dan billi ddeċidiet li l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin), mill‑1 ta’ Jannar 2024 imsejħa Langericht Berlin I (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin I) ma kinitx ħadet biżżejjed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit ta’ ħeffa u dan billi ma ffissatx data għas-seduta għall-għoti ta’ sentenza. Peress li dan kien “ksur serju tar-rekwiżiti rigorużi tad-dritt kostituzzjonali”, li l-Landgericht Berlin I (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin I) hija kompletament responsabbli għalih, il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) qieset li r-rekwiżit ta’ ħeffa ma ġiex osservat, b’tali mod li ż-żamma tal-mandat ta’ arrest inkwistjoni kienet ta’ natura sproporzjonata.

17      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li M.R. qiegħed jiskonta piena ta’ priġunerija ta’ diversi snin għal fatti relatati ma’ kawża oħra. Bħala prinċipju, id-detenzjoni tiegħu tiġi fi tmiemha fit‑28 ta’ Mejju 2026, iżda huwa jkun jista’ jinħeles kmieni mis‑27 ta’ Lulju 2024 ’il quddiem, billi jkun skonta żewġ terzi tal-piena.

18      F’dan il-kuntest, permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Marzu 2024, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin ressaq talba għal rikuża tal-Presidenta tal-kulleġġ ġudikanti tal-Landgericht Berlin I (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin I) li tat is-sentenzi inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“Presidenta”), minħabba suspett ta’ parzjalità. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa jindika b’mod partikolari li l-Presidenta għadha ma ffissatx data għas-seduta għall-għoti ta’ sentenza, minkejja li l-imputat għadu taħt detenzjoni u l-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin) insistiet fuq l-urġenza li tiġi ffissata tali data.

19      Skont l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Berlin, il-fatt li l-Presidenta deliberatament injorat din it-twissija u għalhekk hija responsabbli għall-annullament tal-mandat ta’ arrest inkwistjoni jippermetti li jitqies li issa hija qiegħda tieħu d-deċiżjonijiet tagħha mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-linji gwida mogħtija mill-qrati superjuri u qiegħda tħares biss l-interessi tagħha. Dawn l-interessi huma marbuta mal-kwistjoni, li hija qajmet u li hija tqis determinanti għall-eżitu tal-proċedura, dwar jekk huwiex possibbli li jintużaw ċerti provi. Hija qiegħda tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni d-dmir ta’ diliġenza tagħha u r-rekwiżit ta’ ħeffa li hija għandha tissodisfa, peress li l-mod li bih hija qiegħda torganizza din il-proċedura huwa ddeterminat biss mir-rifjut tagħha li tikkunsidra li tiffissa data għal seduta għall-għoti ta’ sentenza qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet dwar it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Staatsanwaltschaft Berlin II (C‑675/23).

20      Skont l-Artikolu 27(1) tas-StPO, l-Awla tal-Landgericht Berlin I (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin I), li minnha tagħmel parti l-Presidenta, għandha tiddeċiedi dwar it-talba msemmija fil-punt 18 ta’ dan id-digriet. Il-Presidenta ġiet issostitwita mis-supplenti tagħha.

21      F’dan il-kuntest, il-Landgericht Berlin I (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin I), li hija l-qorti tar-rinviju, fil-kompożizzjoni indikata fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet, tirrileva li l-Presidenta bbażat is-sentenzi mogħtija fil-kuntest tal-kawża prinċipali fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li mħallef li jkun ressaq talba għal deċiżjoni preliminari ma jistax, qabel ma jingħalqu l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ikun marbut, fuq struzzjoni tal-qorti tal-appell, jew imġiegħel, minħabba t-theddida ta’ “sanzjonijiet dixxiplinari”, ikompli l-proċedura fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, dan l-imħallef kellu jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u, huwa u jistenna, jista’ biss iwettaq atti proċedurali li ma jkollhomx x’jaqsmu mad-domandi preliminari. Dan jgħodd ukoll għall-kawżi ta’ detenzjoni.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tapplika wkoll f’materji kriminali, u dan meta wieħed iqis il-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura preliminari urġenti jew ta’ proċedura preliminari mħaffa.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Berlin I (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza, jew saħansitra jobbliga, lill-qorti tar-rinviju li, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti d-deċiżjoni tagħha, ma twettaq ebda att proċedurali, li jkun jikkonċerna l-kawża prinċipali u li jkollu rabta mad-domandi preliminari?

2.      L-Artikolu 267 TFUE jipprekludi l-possibbiltà li jiġi invokat suspett ta’ parzjalità fir-rigward ta’ mħallef għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar ikun qiegħed jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar talba għal deċiżjoni preliminari li huwa jkun ressaq quddiemha?

3.      Dan japplika wkoll fil-kuntest ta’ kawża kriminali ta’ detenzjoni suġġetta għal rekwiżit speċifiku ta’ ħeffa?”

 Ilproċedura quddiem ilQorti talĠustizzja

24      Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din il-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew, sussidjarjament, sabiex tinqata’ bi prijorità abbażi tal-Artikolu 53(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

25      Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li jingħata digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx iktar bżonn li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ din it-talba.

 Fuq iddomandi preliminari

26      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat meta r-risposta għal domanda preliminari li tkun saritilha tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza.

27      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tar-rinviju qiegħda titlob permezz tat-tliet domandi preliminari tagħha tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li għalhekk hemm lok li, f’din il-kawża, jiġi applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura.

28      Barra minn hekk, inkwantu l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, permezz tat-tielet domanda tagħha, jekk ir-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda japplikawx ukoll fil-kuntest ta’ kawża kriminali ta’ detenzjoni, li hija suġġetta għal rekwiżit speċifiku ta’ ħeffa , hemm lok li dan l-aspett jittieħed inkunsiderazzjoni fit-trattament tal-ewwel u tat-tieni domanda u li dan ma jiġix eżaminat b’mod separat.

 Fuq lewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali suġġetti għal rekwiżit ta’ ħeffa minħabba l-inkarċerazzjoni tal-persuna akkużata, qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari tkompli l-proċedura fil-kawża prinċipali billi, hija u tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba, twettaq atti proċedurali li jkollhom rabta mad-domandi preliminari magħmula.

30      Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 267 TFUE, li l-bażi tas-sistema ġudizzjarja mwaqqfa mit-Trattati permezz tal-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista f’din id-dispożizzjoni li, billi tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha l-għan li tiżgura interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tippermetti b’hekk li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu, kif ukoll, fl-aħħar mill-aħħar, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176, kif ukoll is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 71, u tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali), C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 26).

31      Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli ta’ din il-proċedura, id-digriet jew is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari li tkun saritilha minn qorti nazzjonali jorbtu lil din il-qorti tal-aħħar fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 1977, Benedetti, 52/76, EU:C:1977:16, punt 26, kif ukoll tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali), C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 27).

32      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-effett diffiċli jitqiegħed f’perikolu meta l-imsemmija qorti tadotta atti proċedurali, bejn id-data li fiha tiġi indirizzata talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja u dik li fiha din tal-aħħar tirrispondi għal din it-talba, li jkunu neċessarji u li jkunu jirrigwardaw aspetti li ma jkollhom ebda rabta mad-domandi preliminari magħmula, jiġifieri atti proċedurali li ma jkunux ta’ natura li jipprekludu lill-istess qorti milli tikkonforma ruħha, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, mad-deċiżjoni sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2023, BK u ZhP (Sospensjoni parzjali tal-proċedura fil-kawża prinċipali), C‑176/22, EU:C:2023:416, punt 28 u 30).

33      Mill-banda l-oħra, tali atti proċedurali ma jistgħux jiġu adottati meta, fid-dawl tat-tilwima pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, ikunu jistgħu jiżvojtjaw id-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-iskop tagħhom u mir-rilevanza tagħhom. Fil-fatt, tali atti jistgħu jipprekludu lil dik il-qorti nazzjonali milli tikkonforma ruħha mad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi. F’tali każ, l-effett utli tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 267 TFUE jitqiegħed f’perikolu, peress li, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fi proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposti konsultattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2024, AVVA et (Proċess permezz ta’ vidjokonferenza fl-assenza ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea), C‑255/23 u C‑285/23, EU:C:2024:462, punti 38 sa 40).

34      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-dritt tal-persuni akkużati li l-kawża tagħhom tinstema’ fi żmien raġonevoli, stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, kif ukoll fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja, għandu, fil-kamp kriminali, jiġi osservat mhux biss matul din il-proċedura, iżda wkoll matul il-fażi preliminari, mill-mument li fih il-persuna kkonċernata tiġi akkużata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 71, kif ukoll id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 32).

35      Billi r-rispett ta’ dan id-dritt huwa iktar u iktar neċessarju fil-każ ta’ inkarċerazzjoni, huwa previst b’mod espliċitu fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE li, meta titqajjem domanda preliminari f’kawża quddiem qorti nazzjonali li tirrigwarda persuna taħt detenzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi mill-iktar fis possibbli.

36      Barra minn hekk, huwa preċiżament sabiex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni tal-imsemmi dritt li l-proċeduri mħaffa u ta’ urġenza, stabbiliti mill-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jistgħu jiġu attivati meta t-talba għal deċiżjoni preliminari, li tkun tikkonċerna persuna miżmuma taħt detenzjoni, ikun jista’ jkollha effett fuq il-ħelsien mill-ħabs ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punti 33 sa 35, kif ukoll is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, JR (Mandat ta’ arrest – Kundanna fi Stat terz, membru taż-ŻEE), C‑488/19, EU:C:2021:206, punti 36 sa 40).

37      Madankollu, is-sempliċi fatt li persuna tkun skontat piena ta’ priġunerija minħabba kundanna li ma jkollha ebda rabta mal-kawża li fiha tkun saret talba għal deċiżjoni preliminari ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jeħtieġ li din il-kawża tiġi ttrattata b’urġenza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2018, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny w Płocku, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2018:923, punt 23).

38      Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li hija primarjament il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq tilwima ta’ natura urġenti, li hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa il-kwistjonijiet speċifiċi li jqajmu l-partijiet u li tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li għandha tadotta, hija u tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri provviżorji adegwati kollha sabiex tiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni li hija stess tintalab tagħti u wkoll l-effettività tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 66, u d-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ April 2018, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2018:253, punt 15, kif ukoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 33).

39      Dan ifisser li, għalkemm il-qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari hija obbligata tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, xejn ma jżommha milli tadotta kwalunkwe miżura, bħala alternattiva għad-detenzjoni, li tista’ tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 41).

40      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali suġġetti għal rekwiżit ta’ ħeffa minħabba l-inkarċerazzjoni tal-persuna akkużata, qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari tkompli l-proċedura fil-kawża prinċipali billi, hija u tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba, twettaq atti proċedurali li jkollhom rabta mad-domandi preliminari magħmula.

 Fuq ittieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-possibbiltà li tinkiseb rikuża fir-rigward ta’ mħallef għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar ikun qiegħed jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li jkun ressaq quddiemha f’sitwazzjoni fejn il-proċedura fil-kawża prinċipali tkun tikkonċerna persuna taħt detenzjoni.

42      L-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lilha jekk iqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom (sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen‑Düsseldorf, 166/73, EU:C:1974:3, punt 3, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema –Rikors) (C‑124/18, EU:C:2021:153, punt 91).

43      B’hekk, regola tad-dritt nazzjonali jew prassi nazzjonali ma jistgħux iżommu qorti nazzjonali milli tagħmel użu mill-imsemmija diskrezzjoni, liema diskrezzjoni hija, fil-fatt, inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, u għall-funzjonijiet ta’ mħallef inkarigat bl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 1974, Rheinmühlen‑Düsseldorf, 166/73, EU:C:1974:3, punt 4 u tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 32 u 33, kif ukoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑124/18, EU:C:2021:153, punt 93). Bl-istess mod, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ din id-diskrezzjoni, qorti nazzjonali għandha tkun tista’ żżomm rinviju għal deċiżjoni preliminari wara l-mument li fih ikun sar (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑124/18, EU:C:2021:153, punt 93).

44      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li regola jew prassi nazzjonali li joħolqu r-riskju, b’mod partikolari, li qorti nazzjonali tagħżel li ma tagħmilx domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevita li tittiħdilha l-ġurisdizzjoni tagħha, iqiegħdu f’perikolu l-prerogattivi mogħtija lill-qrati nazzjonali mill-Artikolu 267 TFUE u, konsegwentement, l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 25, kif ukoll tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑124/18, EU:C:2021:153, punt 94).

45      Issa, id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni hija preċiżament il-konsegwenza ta’ rikuża. Għaldaqstant, li kieku kien possibbli li mħallef nazzjonali jkun jista’ jiġu rrikużat għas-sempliċi raġuni li huwa jkun irrifjuta li jiffissa data għal seduta sabiex jiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża li jkollu quddiemu qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun irrispondiet għat-talba għal deċiżjoni preliminari li huwa jkun għamlilha f’din it-tilwima, din il-possibbiltà tista’ twassal sabiex ċerti mħallfin nazzjonali jastjenu milli jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

46      Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali sabiex jagħmlu rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titqiegħed f’dubju bl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali li jippermettu lill-qorti nazzjonali adita bl-appell tvarja d-deċiżjoni għal rinviju preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, twarrab dan ir-rinviju u tordna lill-qorti li tkun tat l-imsemmija deċiżjoni tkompli bil-proċedura interna li tkun ġiet sospiża (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio, C‑210/19, EU:C:2008:273, punt 98 u d-digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH, C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 40).

47      Il-fatt li l-persuna li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tkun il-ħabs lanqas ma huwa ta’ natura li jbiddel il-portata tal-prerogattivi mogħtija lill-imħallef nazzjonali fl-Artikolu 267 TFUE, u dan għar-raġunijiet imfakkra fil-punti 35, 36, 38 u 39 ta’ dan id-digriet.

48      Fid-dawl tar-raġunijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-possibbiltà li tinkiseb rikuża fir-rigward ta’ mħallef għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar ikun qiegħed jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li huwa jkun ressaq quddiemha f’sitwazzjoni fejn il-proċedura fil-kawża prinċipali tkun tikkonċerna persuna taħt detenzjoni.

 Fuq lispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna:

1)      L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali suġġetti għal rekwiżit ta’ ħeffa minħabba l-inkarċerazzjoni tal-persuna akkużata, qorti nazzjonali li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari tkompli l-proċedura fil-kawża prinċipali billi, hija u tistenna r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din it-talba, twettaq atti proċedurali li jkollhom rabta mad-domandi preliminari magħmula.

2)      L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-possibbiltà li tinkiseb rikuża fir-rigward ta’ mħallef għas-sempliċi raġuni li dan tal-aħħar ikun qiegħed jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari li huwa jkun ressaq quddiemha f’sitwazzjoni fejn il-proċedura fil-kawża prinċipali tkun tikkonċerna persuna taħt detenzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.


i      L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.