Language of document : ECLI:EU:T:2015:819

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

29 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Trasport tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni li tiddikjara bla riżultat u li tagħlaq il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li tibda proċedura nnegozjata – Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Ugwaljanza fit-trattament – Tibdil sostanzjali fil-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt”

Fil-Kawża T‑126/13,

Direct Way, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Directway Worldwide, stabbilita f’Machelen (il-Belġju),

irrappreżentati minn E. van Nuffel d’Heynsbroeck, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L. Darie u P. Biström, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ tliet deċiżjonijiet tal-Parlament dwar l-għoti tal-kuntratt ta’ servizzi ta’ trasport tal-Membri Parlamentari fi Brussell,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, F. Dehousse u A. M. Collins (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M.  L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-8 ta’ Mejju 2012, il-Parlament Ewropew ippubblika avviż ta’ kuntratt dwar is-sejħa għal offerti INLO.AO-2012-008-LUX-UTP-02, intitolat “Trasport tal-Membri tal-Parlament Ewropew fi Brussell” (ĠU 2012/S 88-143608), fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa.

2        Skont l-avviż tal-kuntratt, l-ambitu tal-kuntratt kien ta’ madwar 3 050 siegħa għal kull vettura fil-ġimgħa għal madwar 26 ġimgħat fis-sena, u madwar 675 siegħa għal kull vettura fil-ġimgħa, għal madwar seba’ ġimgħat fis-sena. Il-valur totali tal-kuntratt (mingħajr VAT) ġie stmat għal bejn EUR 10 000 000 u EUR 12 000 000, għal perijodu massimu ta’ 4 snin.

3        Skont l-avviż tal-kuntratt, il-kuntratt kien ser jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, evalwata skont il-kriterji li ġejjin: il-prezz (60 punt), ir-rilevanza tal-organizzazzjoni proposta għall-ġestjoni tal-kuntratt (20 punt), il-miżuri ambjentali proposti (10 punti) u l-ġestjoni u l-iżvilupp tar-riżorsi umani (10 punti).

4        Żewġ offerti biss ġew sottomessi, jiġifieri dik ta’ Direct Way u Directway Worldwide, ir-rikorrenti, u dik ta’ TMS Limousine.

5        L-offerta ta’ TMS Limousine ġiet ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni, wara li kisbet total ta’ 83.43 punti. B’mod partikolari, din l-offerta pproponiet prezz ta’ EUR 38.90 kull siegħa. L-offerta tar-rikorrenti ġiet ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni, wara li kisbet total ta’ 80.25 punti. B’mod partikolari, il-prezz propost fl-offerta tagħhom kien ta’ EUR 34.34 kull siegħa għal total ta’ madwar 123 000 siegħa għal kull vettura fis-sena.

6        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2012, il-Parlament informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jtemm il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fil-forma miftuħa u bl-intenzjoni tiegħu li jibda proċedura nnegozjata minħabba li l-offerti sottomessi fil-kuntest ta’ din l-ewwel proċedura kienu “inaċċettabbli fid-dawl tal-kriterji tal-għoti, b’mod partikolari l-prezzijiet proposti li [kienu] għoljin wisq meta mqabbla mal-valur imħabbar fl-avviż tal-kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-deċiżjoni li tingħalaq l-ewwel proċedura kienet is-suġġett ta’ avviż ippubblikat fit‑2 ta’ Ottubru 2012 (ĠU 2012/S 189-310052).

7        Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Settembru 2012, il-Parlament stieden lir-rikorrenti u TMS Limousine biex jissottomettu offerta dwar is-sejħa għal offerti INLO.AO‑2012-018-LUX-UTP-05, intitolata “Trasport tal-Membri tal-Parlament Ewropew fi Brussell”, fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni. Il-karatteristiċi ta’ din is-sejħa għal offerti kienu sostanzjalment identiċi għal dawk tas-sejħa għal offerti preċedenti, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-valur stmat tal-kuntratt, l-ambitu u l-kriterji tal-għoti, jiġifieri l-prezz u t-tliet kriterji kwalitattivi msemmija fil-punt 3 hawn fuq.

8        Matul il-proċedura nnegozjata, iż-żewġ offerenti żammew fis-sustanza l-offerti li kienu bagħtu oriġinarjament. TMS Limousine, madankollu, ipproponiet prezz imnaqqas, iffissat għal EUR 36.15 kull siegħa, filwaqt li r-rikorrenti pproponew l-istess prezz bħal qabel ta’ EUR 34.34 kull siegħa.

9        Sussegwentement, saru żewġ laqgħat bejn il-Parlament u kull wieħed mill-offerenti, u bħala riżultat ir-rikorrenti żiedu bi ftit il-prezz propost, billi tellgħuh għal EUR 34.63 kull siegħa, filwaqt li TMS Limousine naqqset il-prezz propost, billi niżżlitu għal EUR 34.95 kull siegħa.

10      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-21 ta’ Diċembru 2012 u permezz ta’ ittra rreġistrata tat-3 ta’ Jannar 2013, il-Parlament innotifika lir-rikorrenti bid-deċiżjoni tiegħu li jiċħad l-offerta tagħhom fuq il-bażi li hija ma kinitx meqjusa bħala l-iktar vantaġġjuża ekonomikament (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda”). Fil-fatt, din l-offerta ġiet ikklassifikata fit-tieni post, wara li kisbet 85.39 punt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ġew informati bid-deċiżjoni tal-Parlament li jagħti l-kuntratt lil TMS Limousine, wara li kisbet 87.99 punt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”). Fl-aħħar nett, il-Parlament informa lir-rikorrenti li huma setgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom, fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula kif ukoll fuq l-isem tal-offerent rebbieħ tal-kuntratt. Ir-rikorrenti talbu din l-informazzjoni addizzjonali permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-26 ta’ Diċembru 2012.

11      Fit-8 ta’ Jannar 2013, il-Parlament ippubblika avviż ta’ għoti ta’ kuntratt (ĠU 2013/S 5-4640).

12      Fl-10 ta’ Jannar 2013, il-Parlament bagħat lir-rikorrenti, permezz ta’ messaġġ elettroniku u permezz ta’ ittra rreġistrata, ir-risposta tiegħu għall-messaġġ elettroniku tagħhom tas-26 ta’ Diċembru 2012, li fiha pprovda dettalji dwar l-evalwazzjoni ta’ kull kriterju għall-għoti ta’ kull offerta, li jindika wkoll il-prezz finalment propost mill-offerent rebbieħ (jiġifieri EUR 34.95 kull siegħa).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

13      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Marzu 2013, ir-rikorrenti bdew din l-azzjoni, li fih talbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2012 tal-Parlament li tagħlaq il-proċedura tal-għoti tal-kuntratt fil-forma “miftuħa”;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2012 tal-Parlament li jibda proċedura tal-għoti tal-kuntratt fil-forma ta’ “innegozjata mingħajr pubblikazzjoni”;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-għoti;

–        tiddikjara bħala null il-kuntratt konkluż mal-offerent rebbieħ;

–        tagħtihom kumpens għad-danni;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

14      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad bħala inammissibbli r-rikors għall-annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2012 biex tagħlaq il-proċeduri miftuħa u kontra d-deċiżjoni tal-20 ta’ Settembru 2012 biex tibda l-proċedura nnegozjata;

–        tiċħad bħala infondat ir-rikors kontra d-deċiżjoni tal-għoti;

–        tiċħad it-talba ta’ nullità tal-kuntratt;

–        tiċħad it-talba għad-danni;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

15      Fuq il-proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ Mejju 1991, stiednet lill-partijiet biex jiċċaraw f’liema data r-rikorrenti kienu rċevew il-komunikazzjoni tal-Parlament tal-10 ta’ Jannnar 2013.

16      B’risposta għal din it-talba, ir-rikorrenti indikaw li din il-komunikazzjoni kienet ġiet riċevuta permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Jannar 2013, iżda dawn ma setgħux jispeċifikaw d-data li fiha huma kienu rċevew l-ittra rreġistrata.

17      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-23 ta’ April 2015. Matul dan, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti kkonfermaw li huma ma kinux qed jitolbu formalment l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li ċaħdet l-offerta tagħhom, ikkomunikata lilhom permezz ta’ messaġġ elettroniku tal‑21 ta’ Diċembru 2012 kif ukoll permezz ta’ ittra rreġistrata tat‑3 ta’ Jannar 2013.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Il-Parlament iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet li tingħalaq il-proċedura miftuħa u li tinbeda l-proċedura nnegozjata, filwaqt li jargumenta li l-perijodu għall-preżentata tar-rikors skada. Rigward l-ammissibbiltà tar-rikors intiż kontra d-deċiżjoni tal-għoti, il-Parlament sempliċement jiddikjara li huwa jirrimetti ruħu għall-ġudizzju tal-Qorti Ġenerali.

19      Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Essenzjalment, huma jsostnu li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku hija operazzjoni kumplessa fejn l-awtorità kontraenti tista’ tkun meħtieġa tieħu deċiżjonijiet intermedji sabiex twassal il-kuntratt għall-għoti tiegħu. F’dan il-proċess, l-irregolarità ta’ deċiżjoni tista’ ma tidhirx immedjatament, iżda tista’ tidher biss wara deċiżjonijiet segwenti. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, hija biss id-deċiżjoni tal-għoti, u b’mod iktar speċifiku l-komunikazzjoni, fl-10 ta’ Jannar 2013, tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-offerta tagħhom, li wriet l-irregolarità tad-deċiżjonijiet preċedenti. Minn din il-komunikazzjoni jirriżulta, fil-fatt, li l-prezz propost mill-offerent rebbieħ kien ogħla milli inizjalment propost mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura abbandunata. Ir-rikorrenti, li kienu offrew prezz ogħla mill-valur stmat imsemmi fl-avviż tal-kuntratt, jikkunsidraw li huma ma kellhom ebda raġuni sabiex jiddubitaw dan il-motiv qabel.

20      Fir-rigward tad-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura miftuħa, anki jekk ma kinitx indirizzata lir-rikorrenti, huwa ċar li l-Parlament informa lir-rikorrenti b’din id-deċiżjoni b’ittra rreġistrata tat-3 ta’ Settembru 2012. Barra minn hekk, il-Parlament ippubblika avviż ta’ abbandun tal-proċedura miftuħa f’Il-Ġurnal Uffiċjali tat-2 ta’ Ottubru 2012.

21      Minħabba l-kwalità tagħhom ta’ parteċipanti fil-proċedura miftuħa, id-deċiżjoni li tingħalaq l-imsemmija proċedura setgħet taffettwa s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u, għaldaqstant, tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huwa ċar, madankollu, li d-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa inkluża fl-ittra tat‑3 ta’ Settembru 2012 ma kinitx ikkontestata mir-rikorrenti sakemm huma ippreżentaw dan ir-rikors, fl-1 ta’ Marzu 2013.

22      Issa, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikors għal annullament għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahrejn, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, minn meta dan jiġi nnotifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta r-rikorrent jkun sar jaf bih. Peress li huwa ċar li r-rikors għal annullament sa fejn huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni li tinsab fl-ittra tat‑3 ta’ Settembru 2012 ġie ppreżentat tard, ir-rikors huwa manifestament inammissibbli.

23      L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni. B’mod partikolari, huma kellhom, fi żmien raġonevoli wara li saru jafu bl-eżistenza ta’ dik id-deċiżjoni, jitolbu lill-Parlament biex jikkomunikalhom it-test sħiħ, jew, fin-nuqqas ta’ dan, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa, sabiex jakkwistaw għarfien preċiż tal-kontenut tagħha u r-raġunijiet tagħha sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għal azzjoni legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2011, Evropaïki Dynamiki vs BEI, T‑461/08, Ġabra, EU:T:2011:494, punt 107).

24      Issa, ir-rikorrenti ma għamlu ebda talba bħal din lill-Parlament. Għalhekk, ir-rikors għal annullament huwa tardiv sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa.

25      Fir-rigward tad-deċiżjoni li tinbeda proċedura nnegozjata, ikkomunikata lir-rikorrenti permezz ta’ ittra rreġistrata tal-20 ta’ Settembru 2012, għandu jiġi eżaminat ex officio jekk huwa probabbli li tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fit-tifsira tal-Artikolu 263 TFUE, anki jekk il-Parlament ma jikkontestax l-ammissibbiltà tar-rikors fuq dik il-bażi, għal dak li jirrigwarda, fil-fatt, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku.

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sinjifikanti s-sitwazzjoni legali tagħhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Sogelma vs EAR, T‑411/06, Ġabra, EU:T:2008:419, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

27      Bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa għal offerti ma taffettwahomx b’mod negattiv, peress li tagħti biss lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jipparteċipaw fil-proċedura u jressqu offerta (sentenza Sogelma vs AER, punt 26 iktar ’il fuq EU:T:2008:419, punt 86). F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti pparteċipaw fil-proċedura nnegozjata, id-deċiżjoni li tinbeda din tal-aħħar ma jistgħux jilmentaw fuqha.

28      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-proċedura nnegozjata tista’ tinbeda biss fil-preżenza ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal offerti irregolari jew mhux aċċettabbli ppreżentati bi tweġiba għal proċedura miftuħa u magħluqa qabel, previsti fl-Artikolu 127(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Implementazzjoni”), jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi proċedura awtonoma u distinta minn kull proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt u, b’mod partikolari, il-proċedura miftuħa skont it-tifsira tal-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”.) (digriet tas-16 ta’ Diċembru 2009, Bull et vs Il‑Kummissjoni, T‑333/08, EU:T:2009:514, punt 14).

29      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma humiex intitolati li jikkontestaw id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura nnegozjata, li ġiet ikkomunikata lilhom permezz ta ittra rreġistrata tal-20 ta’ Settembru 2012.

30      Għalkemm il-Parlament ma jqajjimx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra r-rikors sa fejn dan huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-għoti għar-raġuni li huwa wkoll tardiv, peress li din hija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata ex officio l-ammissibbiltà tar-rikors, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra, EU:C:1993:239, punti 11 sa 13, u tal-15 ta’ Settembru 2011, CMB u Christof vs Il-Kummissjoni, T‑407/07, EU:T:2011:477, punt 74).

31      Mill-kliem stess tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-kriterju tad-data ta’ meta l-persuna kkonċernata saret taf bl-att bħala l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel mal-kriterji tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, Ġabra EU:T:2009:66, punt 33).

32      Minn naħa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni tal-għoti, anki jekk hija strettament marbuta mad-deċiżjoni ta’ ċaħda li, hija indirizzata lilhom. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-għoti ma ġietx innotifikata lir-rikorrenti.

33      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni tal-għoti ma hijiex att li, bħala tali, għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali (ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 90(1), tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 118 tar-Regoli ta’ Implementazzjoni).

34      Barra minn hekk, dan lanqas ma huwa att li, skont prattika stabbilita tal-istituzzjoni kkonċernata, huwa s-suġġett ta’ din il-pubblikazzjoni. B’differenza mis-sitwazzjonijiet koperti mill-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ notifika (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Qualcomm vs Il-Kummissjoni, T‑48/04, Ġabra, EU:T:2009:212, punti 43 sa 58), u l-prattika tal-pubblikazzjoni (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T‑17/02, Ġabra, EU:T:2005:218, punti 72 sa 87, u TF1 vs Il-Kummissjoni, punt 31 iktar ’il fuq, EU:T:2009:66, punti 34 sa 36), għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-għoti ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali jew fuq l-Internet. Il-Parlament illimita ruħu li jippubblika, fit-8 ta’ Jannar 2013, avviż ta’ għoti tal-kuntratt li kien fih informazzjoni fil-qosor li ma kienx jippermetti lir-rikorrenti li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għal azzjoni legali quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, dik id-data ma tistax tikkostitwixxi d-dies a quo tat-terminu sabiex jitressaq rikors għal annullament.

35      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, għandha ssir referenza għad-data li fiha r-rikorrenti saru jafu bl-att ikkontestat. Kif jirriżulta mid-dikjarazzjoni tal-fatti hawn fuq ir-rikorrenti saru jafu bl-eżistenza tad-deċiżjoni tal-għoti bejn il-21 u s‑26 ta’ Diċembru 2012, l-aħħar data tkun dik meta huma talbu informazzjoni addizzjonali lill-Parlament dwar l-imsemmija deċiżjoni. Iżda f’dan il-punt, ir-rikorrenti ma kellhomx tagħrif eżatt tal-kontenut u r-raġunijiet tal-att inkwistjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għal azzjoni legali (ara, f’dan is-sens, Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 23 iktar ’il fuq, EU:T:2011:494, punt 107).

36      Ir-rikorrenti kienu f’pożizzjoni li jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tagħhom għal azzjoni legali biss mill-mument meta huma kienu rċevew il-komunikazzjoni tal-Parlament, mibgħuta permezz ta’ messaġġ elettroniku u ittra rreġistrata fl-10 ta’ Jannar 2013.

37      Fir-rigward tar-regolarità tan-notifika tal-atti tal-Unjoni, il-ġurisprudenza kellha l-opportunità li tippreċiża li deċiżjoni hija nnotifikata kif dovut ladarba din tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tagħha (digriet tat-2 ta’ Ottubru 2014, Page Protective Services vs SEAE C‑501/13 P, EU:C:2014:2259, punt 30), li tippermetti notifika valida permezz ta’ messaġġ elettroniku (digriet Page Protective Services vs SEAE, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2014:2259, punti 31 sa 33). Dan l-istess raġunament jista’ jiġi applikat għall-każ preżenti dwar il-komunikazzjoni tal-Parlament tal-10 ta’ Jannar 2013 li ppermettiet li r-rikorrenti jkunu jafu l-kontenut u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-għoti.

38      Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-fatt li wieħed jibgħat messaġġ elettroniku ma jiggarantixxix irċevuta attwali lid-destinatarju. Messaġġ elettroniku jista’ ma jasallux minħabba raġunijiet tekniċi. Barra minn hekk, anki fil-każijiet fejn messaġġ elettroniku effettivament jilħaq lid-destinazzjoni tiegħu, huwa possibbli li d-data tan-notifika ma ssirx fid-data meta tintbagħat (sentenza Sogelma vs AER, punt 26 iktar ’il fuq EU:T:2008:419, punt 77).

39      F’dan il-każ, il-Parlament bagħat il-komunikazzjoni tiegħu permezz ta’ messaġġ elettroniku u permezz ta’ ittra rreġistrata fl-10 ta’ Jannar 2013. Kif issemma fil-punt 16 hawn fuq, ir-rikorrenti indikaw, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, li ma setgħux jispeċifikaw d-data meta huma kienu rċevew id-dokument permezz ta’ ittra rreġistrata. Madankollu, huma kkonfermaw li kienu rċevew il-messaġġ elettroniku fl-10 ta’ Jannar 2013 fl-istess data u pprovdew kopja ta’ dan.

40      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikors kontra d-deċiżjoni tal-għoti, ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2013, huwa ammissibbli, peress li ġie ppreżentat qabel l-iskadenza ta’ xahrejn, miżjuda b’perjodu wieħed ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

41      Matul is-seduta, minħabba l-fatt li r-rikorrenti ma talbux formalment l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament li tiċħad l-offerta tagħhom, il-Parlament esprima riżervi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors sa fejn dan huwa intiż kontra d-deċiżjoni tal-għoti, filwaqt li jiċċita l-eventwali nuqqas ta’ interess ġuridiku.

42      Peress li n-nuqqas ta’ interess ġuridiku jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni tista’ teżamina ex-officio, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din il-persuna ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tat-23 ta’ Mejju 2014, European Dynamics Luxembourg vs BCE, T‑553/11, EU:T:2014:275, punt 94).

43      Meta l-offerta ta’ offerent tiġi miċħuda minħabba l-fatt li l-kuntratt ingħata lill-uniku offerent ieħor, wara t-tqabbil tal-offerti, l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-offerent ikkonċernat sabiex jaġixxi kontra d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt ma hijiex suġġetta għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta tiegħu.

44      Fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-għoti, ikun il-kompitu tal-Parlament biex jieħu l-miżuri li jinvolvu l-eżekuzzjoni ta’ tali sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs BEI, punt 23 iktar ’il fuq, EU:T:2011:494, punt 66). F’dan il-każ, ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jiksbu, skont l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 266 TFUE, li jerġgħu jitqiegħdu fl-istat oriġinali tagħhom mill-Parlament u dan, jekk ikun il-każ, jista’ jieħu l-forma ta’ kumpens monetarju li jikkorrispondi għad-danni li sofrew, kif huma qed jitolbu f’dan il-każ.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandhom interess ġuridiku li jaġixxu kontra d-deċiżjoni tal-għoti, b’tali mod li t-talba tagħhom għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

46      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jressqu żewġ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti u, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, li jipprojbixxi l-modifika sostanzjali tal-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

–       L-argumenti tal-partijiet

47      Permezz tal-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, jekk wieħed jassumi li l-prezz tal-offerent rebbieħ huwa kkunsidrat bħala aċċettabbli bħala parti mill-proċedura nnegozjata, il-Parlament kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti minħabba li huma kienu offrew prezz ftit iktar baxx li ġie meqjus bħala mhux aċċettabbli mill-Parlament matul il-proċedura miftuħa. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni li jagħlaq il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt fil-forma miftuħa, id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt fil-forma “nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni” u d-deċiżjoni li jagħti l-istess kuntratt għandhom jiġu annullati.

48      Ir-rikorrenti jirrilevaw li, fl-ittra tiegħu tat-3 ta’ Settembru 2012, il-Parlament indika b’mod ċar li kienu biss il-prezzijiet proposti li ġġustifikaw id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa. Barra minn hekk, sussegwentement, in-negozjati fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata ffukaw biss fuq il-prezz tal-offerti. Il-Parlament qatt ma talab lir-rikorrenti sabiex itejbu l-proposti tekniċi tagħhom.

49      Ir-rikorrenti jikkritikaw l-imġiba tal-Parlament, li finalment aċċetta l-offerta ta’ offerent bi prezz ogħla milli kienu pproponew qabel, filwaqt li r-rekwiżiti kwalitattivi tnaqqsu. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li l-Parlament naqqas il-volum ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti, wara li għadda minn 400 000 siegħa għal kull vettura għal madwar 300 000 siegħa għal kull vettura għall-perjodu kollu tal-kuntratt.

50      Fid-dawl ta’ dan kollu, ir-rikorrenti jqisu li l-Parlament kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament bejn l-offerenti u l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni.

51      Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti kkontestaw l-argument tal-Parlament skont liema huma kienu fehmu ħażin il-volum tas-servizzi previst mis-sejħa għal offerti. Fir-realtà, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jindikaw volum ta’ servizzi sinjifikament ogħla minn dak indikat fl-avviż tal-kuntratt. Fil-każ ta’ diverġenza, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprevalu fuq l-avviż tal-kuntratt. Għalhekk, ir-rikorrenti stmaw b’mod korrett il-volum ta’ servizzi.

52      Madankollu, matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ammettew li huma kienu inizjalment issopravvalutaw il-volum ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti, li wassalhom biex iżidu bi ftit il-prezz propost matul il-proċedura nnegozjata.

53      Ir-rikorrenti jammettu li l-kundizzjonijiet tekniċi inizjali tal-kuntratt ma ġewx mibdula sostanzjalment. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, il-Parlament ma setax jagħti l-kuntratt bi prezz ogħla minn dak li kien meqjus inaċċettabbli fil-kuntest tal-proċedura miftuħa.

54      Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti jżidu, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju, li huma ma jikkritikawx lill-Parlament fuq nuqqas ta’ motivazzjoni iżda fuq motivazzjoni irregolari, minħabba li l-offerta li kienu għamlu fil-kuntest tal-proċedura miftuħa ma kinitx inaċċettabbli.

55      Il-Parlament jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

56      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-ilmenti tar-rikorrenti għandhom jiġu eżaminati biss sa fejn huma maħsuba biex jappoġġjaw ir-rikors għal annullament li huwa dirett kontra d-deċiżjoni tal-għoti, peress li r-rikors għall-annullament ġie ddikjarat inammissibbli sa fejn huwa intiż kontra d-deċiżjonijiet l-oħra (ara l-punti 20 sa 45 hawn fuq).

57      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa ta’ ordni pubbliku u l-implementazzjoni stretta tar-regolamenti tal-Unjoni dwar it-termini ta’ proċedura tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (digrieti Page Protective Services vs SEAE, punt 37 iktar ’il fuq, EU:C:2014:2259, punti 21 u 37, tal-5 ta’ Frar 2010, Pro humanum vs Il‑Kummissjoni, T‑319/09, EU:T:2010:29, punt 7).

58      Issa, jekk jiġi aċċettat li rikorrent jista’, f’kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni, jinvoka irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ att preċedenti li tiegħu huwa seta’ talab l-annullament, dan jippermettilu li jikkontesta indirettament deċiżjonijiet preċedenti mhux ikkontestati fit-terminu għall-preżentata tar-rikors previst fl-Artikolu 263 TFUE u għalhekk jevadi dan it-terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑135/93, Ġabra, EU:C:1995:201, punt 17).

59      F’dan il-każ, huwa ċar li l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-aċċettabbiltà fid-dawl tal-kriterji tal-għoti, tal-offerti mressqa fil-kuntest ta’ proċedura miftuħa magħluqa qabel, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-għoti mogħtija fl-aħħar ta’ proċedura nnegozjata li tikkostitwixxi proċedura awtonoma u distinta minn kull proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt (digriet Bull et vs Il-Kummissjoni punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2009:514, punt 14). Kif kien innotat hawn fuq, kwalunkwe konklużjoni oħra tkun dik li tħalli lir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni li għalqet il-proċedura miftuħa li peress li ma ġietx ikkontestata fit-termini previsti, saret definittiva fir-rigward ta’ dawk li setgħu jikkontestawha (sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, Ġabra, EU:C:2001:101, punt 37).

60      L-istess japplika għall-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-għoti, peress li huma bbażati esklużivament fuq l-allegata illegalità tad-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura miftuħa. F’dan ir-rigward, fil-punt 45 tar-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li din il-proċedura ma setgħetx validament tingħalaq fuq il-bażi li l-offerti ma humiex aċċettabbli. Issa, peress li l-fatt li l-offerti kienu inaċċettabbli kien diġà ġie stabbilit fid-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura miftuħa, dan ma jistax jiġi iktar kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tal-għoti.

61      Għalhekk, għall-finijiet ta’ dan ir-rikors, il-kwistjoni ta’ jekk il-Parlament kienx intitolat li jinvoka l-inaċċettabbiltà tal-offerti riċevuti sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq il-proċedura miftuħa ma tistax tiġi eżaminata. Għalhekk, mingħajr ma tiddeċiedi fuq il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Parlament fl-aħħar tal-proċedura miftuħa (jiġifieri l-inaċċettabbiltà tal-offerti rċevuti), il-Qorti Ġenerali ser tillimita ruħha li tivverifika jekk din il-konklużjoni jistax ikollha xi effett fil-kuntest tal-proċedura nnegozjata.

62      Skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit tal-Unjoni għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2014, Communicaid Group vs Il-Kummissjoni, T‑4/13, EU:T:2014:437, punt 50).

64      Fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, l-awtorità kontraenti hija meħtieġa tiżgura, f’kull stadju tal-proċedura, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, konsegwentement, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għall-offerenti kollha. Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ifisser li l-offerenti għandhom ikunu fuq livell ugwali kemm meta jifformulaw l-offerti tagħhom kif ukoll meta jkunu evalwati mill-awtorità kontraenti (sentenza Communicaid Group vs Il‑Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2014:437, punt 51).

65      Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-kriterji għall-għoti għandhom jiġu fformulati, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew fl-avviż tal-kuntratt, b’mod li jippermettu lill-offerenti kollha li huma raġonevolment informati tajjeb u normalment diliġenti li jinterpretawhom bl-istess mod u li matul l-evalwazzjoni tal-offerti, dawn il-kriterji għandhom jiġu applikati b’mod oġġettiv u uniformi lill-offerenti kollha (sentenza Communicaid Group vs Il-Kummissjoni, punt 63 iktar ’il fuq, EU:T:2014:437, punt 52).

66      Il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma stabbilixxewx fil-livell legali meħtieġ li dawk il-prinċipji ġew miksura mill-Parlament.

67      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-proċedura nnegozjata ma tistax tinbeda mill-awtorità kontraenti ħlief fil-preżenza ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal offerti irregolari jew inaċċettabbli ppreżentati bi tweġiba għal proċedura miftuħa u magħluqa qabel, skont l-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi proċedura awtonoma u distinta minn kull proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt u, b’mod partikolari, il-proċedura miftuħa (digriet Bull et vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, EU:T:2009:514, punt 14).

68      Il-ġurisprudenza speċifikat ukoll li wara l-annullament ta’ sejħa għal offerti, din il-proċedura tkun mitmuma u l-awtorità kontraenti hija kompletament libera li tiddeċiedi x’azzjoni tieħu (sentenza Sogelma vs AER, punt 26 iktar ’il fuq, EU:T:2008:419, punt 136).

69      Issa, ir-rikorrenti ma jressqu ebda argument għall-konstatazzjoni li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti kien miksur matul il-proċedura nnegozjata. Kif isostni ġustament il-Parlament, ma huwiex possibbli li jitqabblu l-offerta tal-prezzijiet tar-rikorrenti matul il-proċedura miftuħa mal-offerta tal-prezzijiet tal-offerent rebbieħ fil-proċedura nnegozjata, peress li huma żewġ proċeduri distinti.

70      Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri distinti, ikun illoġiku li jiġi meqjus li l-prezz propost mir-rikorrenti matul l-ewwel proċedura, li wasslu lill-awtorità kontraenti tikkonkludi li l-offerti kienu inaċċettabbli, għandhom jitqiesu bħala limitu massimu insormontabbli fil-kuntest tat-tieni proċedura li għandha karattru distint.

71      Diskriminazzjoni setgħet teżisti f’dan il-każ jekk, fil-kuntest tal-istess proċedura, jiġifieri l-proċedura nnegozjata, l-awtorità kontraenti kienet ittrattat b’mod differenti offerti simili tal-offerenti. Madankollu, ir-rikorrenti ma javvanzawx allegazzjoni bħal din.

72      Fit-tieni lok, jekk wieħed jassumi li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura miftuħa tista’ titqies bħala paragunabbli mas-sitwazzjoni tal-offerent rebbieħ waqt il-proċedura nnegozjata, quod non, fil-kuntest ta’ għotja skont l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, il-prezz huwa wieħed biss minn erba’ kriterji tal-għoti. Għalhekk, l-awtorità kontraenti hija libera li tagħti l-kuntratt lill-offerent li joffri prezz ogħla, iżda li l-offerta tiegħu għandha kwalità ogħla, fid-dawl ta’ kriterji oħra ta’ għoti stabbiliti, li kien il-każ f’ dan il-każ. Fil-fatt, wieħed għandu jinnota li r-rikorrenti ma jikkontestawx li l-offerta tal-offerent rebbieħ kienet ta’ kwalità superjuri għal tagħhom, b’kont meħud tal-kriterji tal-għoti.

73      Għaldaqstant, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi miċħud.

74      L-ebda argument imressaq mir-rikorrenti ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

75      L-argument li n-negozjati ffukaw biss fuq il-prezzijiet tal-offerti huwa infondat. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-minuti tal-laqgħat tat‑13 u t‑28 ta’ Novembru 2012 li n-negozjati ffukaw ukoll b’mod partikolari fuq il-karatteristiċi tal-vetturi kkonċernati (jiġifieri vetturi ibridi).

76      L-istess japplika għall-argument li l-Parlament kien naqqas ir-rekwiżiti kwalitattivi u l-volum ta’ servizzi li għandhom jiġu pprovduti billi għadda minn 400 000 għal 300 000 siegħa għal kull vettura. Dan l-argument huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata min-naħa tar-rikorrenti kif jirriżulta b’mod partikolari mill-minuti tal-laqgħa ta’ negozjati tat-28 ta’ Novembru 2012 u kif dawn tal-aħħar ammettew matul is-seduta (ara l-punt 52 hawn fuq). Għalhekk, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk, kif jallegaw ir-rikorrenti, fil-każ ta’ diverġenzi, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandhom jipprevalu fuq l-avviż tal-kuntratt. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li, fir-replika, ir-rikorrenti jammettu li l-kundizzjonijiet tekniċi (minbarra l-volum ta’ servizzi) ma kinux immodifikati.

77      Il-Qorti Ġenerali tqis, barra minn hekk, li l-argumenti dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 101 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regolamenti ta’ Implementazzjoni ma jistgħux jiġu aċċettati.

78      Sa fejn ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Parlament li kiser dawn id-dispożizzjonijiet billi mmotiva b’mod ħażin id-deċiżjonijiet li jagħlaq il-proċedura miftuħa u li tinbeda l-proċedura nnegozjata, dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu minħabba r-raġunijiet esposti fil-punti 20 sa 29 hawn fuq. Sa fejn dawn l-argumenti huma intiżi kontra d-deċiżjoni tal-għoti u jerġgħu jidħlu fis-sustanza tal-argumenti eżaminati fil-punti 63 sa 76 hawn fuq, dawn għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet indikati f’dawk il-punti.

79      Minn dak kollu li ntqal hawn fuq, jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt

–       L-argumenti tal-partijiet

80      Permezz tat-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li, billi ta l-kuntratt bi prezz ogħla milli kien qies inaċċettabbli qabel (jiġifieri EUR 34.95 kull siegħa offruti mill-offerent rebbieħ minflok EUR 34.45 inizjalment proposti mir-rikorrenti), il-Parlament għamel bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt bi ksur tal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni.

81      Skont ir-rikorrenti, skont il-ġurisprudenza, l-użu tal-proċedura nnegozjata ma jistax jagħti l-opportunità li jinbidlu sostanzjalment il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt.

82      Il-Parlament isostni li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala kompletament infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

83      Skont l-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jużaw proċedura nnegozjata wara li jkunu ppubblikaw avviż tal-kuntratt, ikun x’ikun l-ammont stmat, fil-preżenza ta’ offerti irregolari jew mhux aċċettabbli b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ għażla jew ta’ għoti, sottomessi bħala tweġiba għal proċedura miftuħa jew ristretta jew għal djalogu kompetittiv, magħluqa qabel, sakemm il-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt kif speċifikat fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti msemmija fl-Artikolu 130 tar-Regoli ta’ Implementazzjoni ma jkunux mibdula sostanzjalment, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 tiegħu.

84      Għall-finijiet ta’ dan il-motiv, l-uniku allegat tibdil sostanzjali fil-kundizzjonijiet, li għandu jiġi kkunsidrat huwa relatat mal-prezz. Fil-fatt, fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti rtiraw it-tieni parti ta’ dan il-motiv, dwar il-volum ta’ servizzi, u indikaw ukoll li huma ma kinux jappoġġjaw li l-Parlament kien emenda il-kundizzjonijiet tekniċi tal-kuntratt. Barra minn hekk, kif ġie rrilevat fil-punti 52 u 76 hawn fuq, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata bidla fil-volum tas-servizzi huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata min-naħa tagħhom.

85      Skont ir-rikorrenti, il-bidla sostanzjali tal-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt tirriżulta mill-fatt li l-Parlament ta l-kuntratt bi prezz ogħla milli kien oriġinarjament propost, u li kien iddeċieda li kien inaċċettabbli.

86      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

87      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-valur totali stmat tal-kuntratt ma nbidilx, jiġifieri bejn EUR 10 000 000 u EUR 12 000 000, għal perijodu massimu ta’ erba’ snin.

88      It-tieni nett, la l-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni, u lanqas l-Artikolu 130 tar-Regoli ta’ Implementazzjoni (li jirreferi għad-dispożizzjoni preċedenti) ma jissuġġerixxu li l-prezz offrut minn wieħed mill-offerenti fil-proċedura miftuħa għandu jitqiesu bħala kundizzjoni inizjali tal-kuntratt li ma għandhiex tinbidel b’mod sostanzjali. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 130 tar-Regoli ta’ Implementazzjoni jippermetti li jitqies li l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni, il-kriterji tal-għoti u l-importanza li tingħatalhom kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Madankollu, ir-rikorrenti ma jinvokawx tibdil sostanzjali ta’ dawn l-elementi.

89      Fit-tielet lok, għar-raġunijiet mogħtija fil-punti 67 sa 72 hawn fuq, iktar ikun illoġiku li jiġi kkunsidrat li l-prezz propost mir-rikorrenti matul il-proċedura miftuħa għandu jiġi kkunsidrat bħala limitu massimu insormontabbli taħt proċedura distinta, b’mod partikolari meta l-kuntratt jingħata lill-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament (jiġifieri wara evalwazzjoni li għandha x’taqsam ukoll ma’ kriterji ta’ kwalità u għalhekk mhux limitata għall-prezz offrut).

90      Il ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti ma ssostnix it-tieni motiv tagħhom, għax tirrigwarda ċirkustanzi fattwali u legali li ma humiex paragunabbli ma’ dawk tal-każ.

91      Is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, pressetext Nachrichtenagentur (C‑454/06, Ġabra, EU:C:2008:351), iffukat fuq il-modifika ta’ kuntratt pubbliku li kien fil-proċess li jiġi vvalidat mill-awtoritajiet nazzjonali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/50, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322). Skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-linji gwida għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ma japplikawx għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, ir-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati fil-kuntest ta’ dawn il-linji gwida jistgħu jiġu invokati kontra l-imsemmija amministrazzjoni meta jidhru biss bħala espressjoni speċifika tar-regoli fundamentali tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jorbtu direttament lill-amministrazzjoni tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Evropaïki Dynamiki vs EFSA, T‑457/07, EU:T:2012:671).

92      Madankollu, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/50 ma kinux paragunabbli mal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni. Għalhekk, is-sentenza pressetext Nachrichtenagentur, punt 91 hawn fuq (EU:C:2008:351), ma hijiex rilevanti għall-finijiet ta’ din it-tilwima. Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li l-bidliet għall-kuntratt eżistenti kienu ta’ natura differenti mill-bidla invokata mir-rikorrenti fil-kawża preżenti.

93      L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑250/07, Ġabra, EU:C:2009:338), li hija dwar allegata bidla ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi bejn żewġ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratt u ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/38/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 194), li lanqas ma jistgħux jitqabblu mal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni.

94      Għalhekk, dawn is-sentenzi ma jsostnux il-konklużjoni li l-għoti ta’ kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata għal offerent li joffri prezz ogħla minn offerent ieħor fi proċedura miftuħa inevitabbilment jirriżulta minn bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt bi ksur tal-Artikolu 127(1)(a) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni.

95      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq in-nullità tal-kuntratt

–       L-argumenti tal-partijiet

96      Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddikjara n-nullità tal-kuntratt konkluż mal-offerent rebbieħ minħabba l-allegati difetti fundamentali.

97      Insostenn ta’ din it-talba, ir-rikorrenti jinvokaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 116(1), tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU L 298, p. 1), l-Artikolu 166(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 966/2012 (ĠU L 362, p. 1), id-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246), u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

98      Il-Parlament isostni li huwa ma wettaq ebda irregolarità fl-għoti tal-kuntratt, b’tali mod li t-talba għad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt hija manifestament infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

99      Minħabba l-fatt li l-ewwel u t-tieni motivi ġew miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati, it-talba għad-dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kuntratt konkluż mal-offerent magħżul għandha wkoll tiġi miċħuda.

 Dwar it-talba għal kumpens

–       L-argumenti tal-partijiet

100    Rigward il-kumpens għad-dannu subit, ir-rikorrenti jikkunsidraw li, fl-assenza ta’ aġir allegatament illegali tal-Parlament, l-offerta tagħhom kienet l-iktar vantaġġjuża ekonomikament. Għalhekk, huma kellhom possibbiltà realistika li jiksbu l-kuntratt, minkejja l-fakultà tal-awtorità kontraenti li tirrinunzja milli tagħti kuntratt. Minħabba l-marġni ta’ profitt stmat (jiġifieri EUR 1.90 fis-siegħa) u l-volum ta’ servizzi stmati (105 000 siegħa fis-sena), ir-rikorrenti jsostnu li d-dannu subit kien jammonta għal EUR 199 500 fis-sena. Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti jiddikjaraw li t-telf ta’ profitti tagħhom jammonta għal EUR 217 161.70 kull sena, jiġifieri EUR 868 646.80 matul il-perjodu sħiħ tal-kuntratt.

101    Il-Parlament isostni li r-rikors għal kumpens għandu jiġi miċħud bħala infondat.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

102    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom.”

103    Skont il-ġurisprudenza, l-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha hija suġġetta għal numru ta’ rekwiżiti li għandhom ikunu ssodisfatti, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li bih l-istituzzjoni tkun akkużata, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il-Kummissjoni, T‑267/94, Ġabra EU:T:1997:113, punt 20, u tad-9 ta’ Settembru 2008, MyTravel vs Il-Kummissjoni, T‑212/03, Ġabra EU:T:2008:315, punt 35). Il-kundizzjoni tal-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teħtieġ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenza MyTravel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2008:315, punt 29).

104    Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, fid-dawl tal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-assenza ta’ imġieba illegali min-naħa tal-Parlament, hemm lok li tiċħad it-talba għad-danni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu analizzati l-kundizzjonijiet l-oħra.

105    Kif jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

106    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu intalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Direct Way u Directway Worldwide huma kkundannati għall-ispejjeż.

Frimodt Nielsen

Dehousse

Collins

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Ottubru 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.