Language of document : ECLI:EU:T:2015:819

Kawża T‑126/13

Direct Way

u

Directway Worldwide

vs

Il-Parlament Ewropew

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Trasport tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Deċiżjoni li tiddikjara bla riżultat u li tagħlaq il-proċedura ta’ sejħa għal offerti u li tibda proċedura nnegozjata – Għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor – Ugwaljanza fit-trattament – Tibdil sostanzjali fil-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tad-29 ta’ Ottubru 2015

1.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Att li mhux pubbliku u li lanqas ġie nnotifikat lir-rikorrent – Konoxxenza eżatta tal-kontenut u tal-motivi – Obbligu li jintalab it-test sħiħ tal-att f’terminu raġonevoli ladarba l-eżistenza tiegħu ssir magħrufa (is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni li tiġi organizzata sejħa għal offerti – Esklużjoni – Deċiżjoni tal-għoti ta’ kuntratt – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 91; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 127(1)(a))

3.      Proċedura ġudizzjarja – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Eżami ex officio mill-qorti

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 113)

4.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Data tal-pubblikazzjoni – Data li fiha l-att sar magħruf – Natura sussidjarja – Pubblikazzjoni ta’ avviż tal-għoti ta’ kuntratt li fih informazzjoni fil-qosor li ma tippermettix lil offerent mhux magħżul jeżerċita d-dritt tiegħu għal azzjoni legali – Assenza ta’ bidu ta’ dekorrenza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors minħabba din il-pubblikazzjoni

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

5.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Data tan-notifika tad-deċiżjoni – Data li fiha l-att sar magħruf – Att ikkomunikat permezz ta’ messaġġ elettroniku

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

6.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni eżegwita – Rikors ta’ offerent, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, kontra deċiżjoni ta’ għoti eżegwita favur offerent ieħor – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u l-Artikolu 266 TFUE)

7.      Rikors għal annullament – Motivi – Motiv ibbażat fuq irregolaritajiet li jivvizzjaw att preċedenti li ma ġiex ikkontestat fit-termini – Inammissibbiltà

(is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

8.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Obbligu li jiġi osservat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Neċessità li tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u li wieħed ikun konformi mal-prinċipju ta’ trasparenza – Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1))

9.      Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Użu ta’ proċedura nnegozjata wara tmiem proċedura miftuħa – Għoti tal-kuntratt lil offerent li ppreżenta offerta bi prezz ogħla minn dak offrut minn offerent mhux magħżul fil-kuntest tal-proċedura miftuħa – Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 127(1)(a))

10.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Għoti ta’ kuntratti – Użu ta’ proċedura nnegozjata wara tmiem proċedura miftuħa – Possibbiltà għall-awtorità kontraenti li temenda l-kundizzjonijiet tal-kuntratt – Limiti – Tibdil tal-kundizzjoni dwar il-prezz – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 127(1)(a) u 130)

11.    Kuntratti pubbliċi tal-Unjoni Ewropea – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Applikabbiltà ta’ regoli jew prinċipji stabbiliti jew żviluppati fil-kuntest ta’ direttivi li jikkonċernaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Kundizzjoni – Natura paragunabbli tal-imsemmija regoli jew prinċipji mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kuntratti pubbliċi tal-Unjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 127(1)(a); Direttiva tal-Kunsill 92/50]

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 22-24)

2.      Jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li aktarx ikunu suġġett ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE, biss il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti b’mod li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sinjifikanti s-sitwazzjoni legali tagħhom. F’dan ir-rigward, bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiġi organizzata sejħa għal offerti ma taffettwahomx b’mod negattiv, peress li tagħti biss lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jipparteċipaw fil-proċedura u jressqu offerta. Għaldaqstant, fil-każ li r-rikorrenti pparteċipaw fi proċedura nnegozjata, id-deċiżjoni li tinbeda din tal-aħħar ma jistgħux jilmentaw fuqha.

Barra minn hekk, għalkemm il-proċedura nnegozjata tista’ tinbeda biss fil-preżenza ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal offerti irregolari jew mhux aċċettabbli ppreżentati bi tweġiba għal proċedura miftuħa u magħluqa qabel, previsti fl-Artikolu 127(1)(a) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002, jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi proċedura awtonoma u distinta minn kull proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt u, b’mod partikolari, il-proċedura miftuħa skont it-tifsira tal-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punti 26-28)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 30)

4.      Mill-kliem stess tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-kriterju tad-data ta’ meta l-persuna kkonċernata saret taf bl-att bħala l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarja meta mqabbel mal-kriterji tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att.

Għal dak li jirrigwarda deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li ma ġiex ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew fuq l-internet, fil-każ li l-istituzzjoni kkonċernata sempliċement tippubblika avviż ta’ għoti tal-kuntratt li jkun fih informazzjoni fil-qosor li ma jippermettix lil offerent mhux magħżul li jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu għal azzjoni legali quddiem il-qorti tal-Unjoni, id-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż ma tistax tikkostitwixxi d-dies a quo tat-terminu sabiex jitressaq ir-rikors għal annullament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha ssir referenza għad-data li fiha r-rikorrent isir jaf bl-att ikkontestat, jiġifieri l-mument li fih dan tal-aħħar ikollu għarfien eżatt tal-kontenut u r-raġunijiet tal-att inkwistjoni sabiex ikun jista’ jeżerċita b’mod effettiv id-dritt tiegħu għal azzjoni legali.

(ara l-punti 31, 34, 35)

5.      Deċiżjoni hija nnotifikata kif dovut, fis-sens tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, meta hija tiġi kkomunikata lid-destinatarju tagħha u huwa jkun f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni tagħha, u dan jippermetti notifika valida permezz ta’ messaġġ elettroniku. Dan l-istess raġunament jista’ jiġi applikat għal dak li jikkonċerna komunikazzjoni ta’ istituzzjoni mibgħuta permezz ta’ messaġġ elettroniku jew ta’ ittra rreġistrata.

Madankollu, il-fatt li wieħed jibgħat messaġġ elettroniku ma jiggarantixxix irċevuta attwali lid-destinatarju. Messaġġ elettroniku jista’ ma jasallux minħabba raġunijiet tekniċi. Barra minn hekk, anki fil-każijiet fejn messaġġ elettroniku effettivament jilħaq lid-destinazzjoni tiegħu, huwa possibbli li d-data tan-notifika ma ssirx fid-data meta tintbagħat.

(ara l-punti 37, 38)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 42, 44)

7.      It-terminu għall-preżentata ta’ rikors stabbilit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa ta’ ordni pubbliku peress li l-implementazzjoni stretta tar-regolamenti tal-Unjoni dwar it-termini ta’ proċedura tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u l-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk jiġi aċċettat li rikorrent jista’, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni, jinvoka irregolaritajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ att preċedenti li tiegħu huwa seta’ talab l-annullament, dan jippermettilu li jikkontesta indirettament deċiżjonijiet preċedenti mhux ikkontestati fit-terminu għall-preżentata tar-rikors previst fl-Artikolu 263 TFUE u għalhekk jevadi dan it-terminu.

(ara l-punti 57, 58)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 62-65)

9.      Ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti għal kuntratt pubbliku, il-fatt li l-awtorità kontraenti tkun għażlet offerta fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata għal prezz ftit ogħla minn dak li jkun ippropona qabel offerent li ma jkunx intgħażel matul il-proċedura miftuħa. Fil-fatt, fl-ewwel lok, għalkemm il-proċedura nnegozjata ma tistax tinbeda mill-awtorità kontraenti ħlief fil-preżenza ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi, bħal offerti irregolari jew inaċċettabbli ppreżentati bi tweġiba għal proċedura miftuħa u magħluqa qabel, skont l-Artikolu 127(1)(a), tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002, xorta jibqa’ l-fatt li din tikkostitwixxi proċedura awtonoma u distinta minn kull proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt u, b’mod partikolari, il-proċedura miftuħa. F’dan ir-rigward, ma huwiex possibbli li jitqabblu l-offerta tal-prezz tal-offerent mhux magħżul waqt il-proċedura miftuħa mal-offerta tal-prezz tal-offerent rebbieħ waqt il-proċedura nnegozjata, peress li huma żewġ proċeduri distinti.

Fit-tieni lok, jekk jiġi preżunt li s-sitwazzjoni tal-offerent mhux magħżul matul il-proċedura miftuħa tista’ titqies bħala paragunabbli mas-sitwazzjoni tal-offerent rebbieħ waqt il-proċedura nnegozjata, quod non, fil-kuntest ta’ għotja skont l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, il-prezz huwa wieħed biss minn erba’ kriterji tal-għoti. Għalhekk, l-awtorità kontraenti hija libera li tagħti l-kuntratt lill-offerent li joffri prezz ogħla, iżda li l-offerta tiegħu għandha kwalità ogħla, fid-dawl ta’ kriterji oħra ta’ għoti stabbiliti.

(ara l-punti 67, 69, 72)

10.    La l-Artikolu 127(1)(a), tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002, u lanqas l-Artikolu 130 tal-imsemmi regolament ma jissuġġerixxu li l-prezz offrut minn wieħed mill-offerenti fil-proċedura miftuħa għandu jitqiesu bħala kundizzjoni inizjali tal-kuntratt li ma għandhiex tinbidel b’mod sostanzjali. Għall-kuntrarju, l-imsemmi Artikolu 130 jippermetti li jitqies li l-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt jinkludu, fost oħrajn, il-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni, il-kriterji tal-għoti u l-importanza li tingħatalhom kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, ikun illoġiku li jiġi kkunsidrat li l-prezz offrut minn offerent matul il-proċedura miftuħa għandu jiġi kkunsidrat bħala limitu massimu insormontabbli taħt proċedura distinta, b’mod partikolari meta l-kuntratt jingħata lill-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, jiġifieri wara evalwazzjoni li għandha x’taqsam ukoll ma’ kriterji ta’ kwalità u għalhekk mhux limitata għall-prezz offrut.

(ara l-punti 88, 89)

11.    Għalkemm il-linji gwida għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi ma japplikawx għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, ir-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati fil-kuntest ta’ dawn il-linji gwida jistgħu jiġu invokati kontra l-imsemmija amministrazzjoni meta jidhru biss bħala espressjoni speċifika tar-regoli fundamentali tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jorbtu direttament lill-amministrazzjoni tal-Unjoni.

Dan ma huwiex il-każ għal dak li jirrigwarda dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] dwar it-tibdil ta’ kuntratt pubbliku fil-proċess li jiġi vvalidat mill-awtorità kontraenti, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex paragunabbli mal-Artikolu 127(1)(a), tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002. Għaldaqstant, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-Direttiva 92/50 ma hijiex rilevanti.

(ara l-punti 91, 92)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 103, 104)