Language of document : ECLI:EU:C:2014:2363

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Novembru 2014 (*)

“Appell — Akkordji — Suq tal-ħġieġ ċatt fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) — Iffissar tal-prezzijiet — Kalkolu tal-ammont tal-multa — Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ intern tal-impriżi — Terminu raġonevoli — Ammissibbiltà ta’ dokumenti prodotti fid-dawl tas-seduta tal-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża C‑580/12 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2012,

Guardian Industries Corp., stabbilita f’Dover (l-Istati Uniti),

Guardian Europe Sàrl, stabbilita f’Dudelange (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn F. Louis, avukat, kif ukoll minn H.‑G. Kamann u S. Völcker, avukati, mogħtija mandat minn C. O’Daly, solicitor,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ April 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl (iktar ’il quddiem, flimkien, “Guardian”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39165 — Ħġieġ ċatt) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċernahom, u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom permezz ta’ din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi fl-Artikolu 23(2) u (3) tiegħu:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat; jew

(b)      jikkontravenju deċiżjoni li tordna miżuri intermedjarji taħt l-Artikolu 8; jew

(ċ)      jonqsu milli iħarsu rabta li ġiet vinkolanti b’deċiżjoni skond l-Artikolu 9.

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelta mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiż l-10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni.

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur”.

3        L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hi tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

 L-istruzzjonijiet lir-Reġistratur

4        L-istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-5 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 232, p. 1), kif emendati fis-17 ta’ Mejju 2010 (ĠU L 170, p. 53, iktar ’il quddiem “l-istruzzjonijiet lir-Reġistratur”), jipprovdu fl-Artikolu 11 tagħhom:

“1.      Ir-Reġistratur għandu jiffissa t-termini previsti fir-Regoli tal-Proċedura skond id-delegi li ġew mogħtija lilu mill-President.

2.      L-atti li jaslu fir-reġistru wara li jkun skada t-terminu ffissat għall-preżentata tagħhom jistgħu jiġu aċċettati biss bl-awtorizzazzjoni tal-President.

3.      Ir-Reġistratur jista’ jipproroga t-termini ffissati, skond id-delegi li ġew mogħtija lilu mill-President; jekk ikun il-każ, huwa jissottometti lill-President proposti dwar il-proroga tat-termini.

It-talbiet għall-proroga tat-termini għandhom jiġu debitament motivati u ppreżentati fiż-żmien stipulat qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat. Terminu ma jistax jiġi mġedded iktar minn darba ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5        Mill-punti 1 sa 10 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-impriżi Guardian, Asahi Glass, Pilkington u Saint-Gobain ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-ħġieġ ċatt fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fir-rigward tal-impriża Guardian, il-Kummissjoni kkonstatat dan il-ksur għall-perijodu ta’ bejn l-20 ta’ April 2004 u t-22 ta’ Frar 2005 u abbażi ta’ dan hija imponiet multa f’ammont ta’ EUR 148 miljun in solidum fuq il-kumpanniji Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Frar 2008, Guardian ippreżentat rikors intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u għat-tnaqqis tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

7        Insostenn tat-talbiet għal annullament tagħha, Guardian invokat motiv uniku bbażat fuq żbalji ta’ fatt relatati mat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u mad-dimensjoni ġeografika tiegħu

8        It-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-multa kienu bbażati fuq tliet motivi. L-ewwel motiv kien intiż sabiex jislet il-konsegwenzi tal-motiv intiż sabiex jinkiseb l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tieni motiv tagħha, Guardian invokat ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fir-rigward tat-tielet motiv, dan kien ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-irwol ta’ Guardian fl-akkordju inkwistjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

9        Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

10      Preliminarjament, permezz tal-motivi msemmija fil-punti 19 sa 22 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti invokati minn Guardian sabiex tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ ittra ppreżentata mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem l-“ittra tal-10 ta’ Frar 2012”).

11      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata permezz tal-motivi mogħtija fil-punti 28 sa 93 tas-sentenza appellata. It-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-multa ġew miċħuda permezz tal-motivi msemmija fil-punti 94 sa 124 tas-sentenza appellata.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Guardian titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ magħmul bejn il-kumpanniji tal-istess ġrupp (iktar ’il quddiem il-“bejgħ intern”) għall-kalkolu tal-multi imposti fuq id-destinatarji l-oħra ta’ din id-deċiżjoni;

–        tnaqqas b’37 % l-ammont tal-multa imposta fuqha;

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ittra tal-10 ta’ Frar 2012 kienet ammissibbli, tiddikjaraha inammissibbli u, għaldaqstant, tirtira din l-ittra mill-proċess;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha b’minn tal-inqas 25 % sabiex jiġi rrimedjat il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma rrispettatx id-dritt tagħha għal azzjoni ġudizzjarja effettiva f’terminu raġonevoli, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

13      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, tiċħad it-talba għat-tnaqqis tal-multa, u

–        tikkundanna lil Guardian għall-ispejjeż relatati kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll ma’ dawk tal-appell.

 Fuq l-appell

14      Insostenn tat-talbiet tagħha, Guardian tinvoka tliet aggravji li għandhom jiġu eżaminati f’ordni differenti minn dik li fiha dawn ġew ippreżentati.

 Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli

 L-argumenti tal-partijiet

15      Guardian issostni li t-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali jikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq f’terminu raġonevoli, imsemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), liema ksur jiġġustifika tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Waqt is-seduta, Guardian ippreċiżat li hija riedet temenda t-talbiet tagħha fid-dawl tas-sentenzi Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), Kendrion vs Il‑Kummissjoni (C‑50/12 P, EU:C:2013:771) u Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni (C‑58/12 P, EU:C:2013:770). Għaldaqstant Guardian titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li t-terminu li fih il-Qorti Ġenerali ddeċidiet il-kawża fl-ewwel istanza kien eċċessiv.

16      Wara li indikat, waqt is-seduta, li hija kienet qiegħda tirtira l-oġġezzjonijiet tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tqis, fuq il-mertu, li tnaqqis tal-ammont tal-multa ma jkunx adatt u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, tippreċiża l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

17      Għandu jitfakkar li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv (sentenza Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:768, punt 89).

18      Minn dan isegwi li talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess (sentenza Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2013:768, punt 90).

19      Għaldaqstant hija l-Qorti Ġenerali, li għandha ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 256(1) TFUE, li għandha tiddeċiedi, jekk ikun neċessarju, dwar tali talbiet għad-danni u dan permezz ta’ kulleġġ ġudikanti differenti minn dak li jkun ittratta l-kawża li tkun wasslet għall-proċedura li t-tul tagħha jkun qiegħed jiġi kkritikat u billi tapplika l-kriterji ddefiniti fil-punti 91 sa 95 tas-sentenza Gascogne Sack Deutschland vs Il‑Kummissjoni (EU:C:2013:768).

20      Minkejja dan, peress li f’dan il-każ huwa ċar, mingħajr ma huwa neċessarju li l-partijiet jipproduċu elementi f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod suffiċjentement ikkaratterizzat l-obbligu tagħha li tiddeċiedi l-kawża f’terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonstata dan il-ksur. F’dan il-każ, it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri kważi erba’ snin u seba’ xhur, li jammonta, b’mod partikolari, għal perijodu ta’ itwal minn tliet snin u ħames xhur li għadda bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub, li seħħ wara l-preżentazzjoni tar-risposta tal-Kummissjoni u l-ftuħ tal-proċedura orali, ma jista’ jiġi ġġustifikat b’ebda waħda miċ-ċirkustanzi relatati mal-kawża li wasslet għal din it-tilwima.

21      Madankollu mill-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 17 sa 19 iktar ’il fuq jirriżulta li l-aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt li tingħata deċiżjoni f’terminu raġonevoli għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet

 L-argumenti tal-partijiet

22      Dan l-aggravju huwa intiż kontra l-punti 21 u 22 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-ittra tal-10 ta’ Frar 2012 indirizzata lilha mill-Kummissjoni kienet ammissibbli.

23      Guardian tgħid li din l-ittra, li ġiet mibgħuta fl-aħħar jum ta’ xogħol qabel dak tas-seduta, tindika għall-ewwel darba l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Din l-ittra tinkludi elementi ġodda u ġiet ippreżentata mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Qorti Ġenerali u mingħajr ġustifikazzjoni.

24      Guardian tenfasizza li, għalkemm din l-ittra ġiet ippreżentata tard, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 22 tas-sentenza appellata, iddikjaratha ammissibbli fid-dawl, minn naħa, tal-“kontenut” tagħha u, min-naħa l-oħra, “tal-fatt li hija ntbagħtet [lil Guardian], li għaldaqstant [setgħet] [tippreżenta] l-osservazzjonijiet tagħh[a] dwar is-suġġett waqt is-seduta”. Guardian tqis li din l-evalwazzjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 11(3) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur.

25      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet u l-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju jeħtieġu li s-smigħ ikun limitat għall-elementi tal-proċess li setgħu jiġu diskussi bil-miktub. Is-sempliċi possibbiltà ta’ smigħ matul is-seduta fir-rigward tad-dokumenti prodotti tard ma tippermettix li jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża. B’mod konformi mal-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam, il-Qorti Ġenerali kellha tiddikjara l-ittra tal-10 ta’ Frar 2012 inammissibbli (sentenzi Solvay vs Il‑Kummissjoni, T‑30/91, EU:T:1995:115, punti 83 u 101; BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑175/95, EU:T:1999:99, punt 46 u AstraZeneca vs Il‑Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 27).

26      Guardian issostni li l-punt 22 tas-sentenza appellata ma jinkludi ebda motivazzjoni li tippermetti li jkunu magħrufa r-raġunijiet li għalihom din l-ittra ġiet irrikonoxxuta bħala ammissibbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tagħha.

27      Għaldaqstant, Guardian tqis li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt 22, li tinkludi l-ittra tal-10 ta’ Frar 2012 fil-proċess għandha tiġi annullata u tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li din l-ittra hija inammissibbli.

28      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa ineffettiv. Fil-fatt, sakemm Guardian ma turix li, fl-assenza tal-ittra tal-10 ta’ Frar 2012, il-Qorti Ġenerali kienet tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq din l-impriża, dan l-aggravju huwa irrilevanti.

29      F’kull każ, skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju ma huwiex fondat. Hija ssostni li, minħabba l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali prodotti tard, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju. Issa, f’dan il-każ dan ġie osservat, peress li Guardian setgħet tesprimi ruħha fir-rigward tal-kontenut ta’ din l-ittra waqt is-seduta, iżda hija għażlet li ma tagħmilx dan. Il-Kummissjoni tosserva li Guardian kellha terminu ta’ tlett ijiem qabel is-seduta sabiex tikkummenta fuq din l-ittra jew sabiex titlob lill-Qorti Ġenerali tippermettilha tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub jew tiddiferixxi s-seduta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

30      Għandu jitfakkar li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Ikun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju jekk deċiżjoni ġudizzjarja tkun ibbażata fuq fatti u fuq dokumenti li l-partijiet innifishom, jew wieħed mill-partijiet, ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (sentenza Snupat vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, 156).

31      Il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, li huwa korollarju tal-kunċett stess ta’ smigħ xieraq u li huwa intiż sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn il-partijiet fil-proċeduri, billi jiġi ggarantit li kull dokument ippreżentat lill-qorti jkun jista’ jiġi evalwat u kkontestat minn kull parti fil-proċeduri, jimplika l-obbligu li kull parti tiġi offruta possibbiltà raġonevoli li tippreżenta l-kawża tagħha, inkluż li tipproduċi l-provi tagħha, f’kundizzjonijiet li ma jpoġġuhiex f’sitwazzjoni ta’ żvantaġġ ċar meta mqabbla mal-avversarju tagħha (sentenza Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punti 71 u 72).

32      Fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni xtaqet tirrispondi għal ittra indirizzata, għall-finijiet tal-preparazzjoni tas-seduta, minn Guardian lill-Qorti Ġenerali dwar il-kalkolu tal-multa u tibgħat lil din tal-aħħar ċerti indikazzjonijiet iċċifrati li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex tikkalkola d-dħul mill-bejgħ fis-suq rilevanti tal-erba’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni ppreċiżat, abbażi ta’ dawn l-elementi, li, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tagħti tnaqqis fl-ammont tal-multa, dan it-tnaqqis ma għandux ikun ta’ iktar minn 30 %.

33      Huwa paċifiku li Guardian irċeviet kopja ta’ din l-ittra fl-10 ta’ Frar 2012. Hija għaldaqstant kellha tlett ijiem sabiex tiffamiljarizza ruħha mal-kontenut tagħha qabel is-seduta. Minħabba n-natura u l-kontenut ta’ din l-ittra, dan it-terminu ma jistax jitqies bħala eċċessivament qasir, u dan irrispettivament mill-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli tosserva d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur. Barra minn hekk, huwa paċifiku li Guardian la talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tkun tista’ tikkumenta bil-miktub fuq din l-ittra u lanqas talbet differiment tas-seduta. Fl-aħħar nett, matul is-seduta, Guardian setgħet tippreżenta l-argumenti tagħha kemm dwar l-ammissibbiltà ta’ din l-ittra kif ukoll dwar il-kontenut tagħha.

34      Minn dawn l-elementi jirriżulta li Guardian ma stabbilixxietx li l-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha jew kisret il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet billi naqset milli tiżgura li hija kellha terminu suffiċjenti sabiex tiffamiljarizza ruħha mal-ittra tal-10 ta’ Frar 2012 u sabiex tesprimi l-pożizzjoni tagħha bil-miktub dwar din l-ittra (ara, b’analoġija, is-sentenza Corus UK vs Il‑Kummissjoni, C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 25).

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 22 tas-sentenza appellata li, “[f]id-dawl tal-kontenut ta’ din l-ittra u tal-fatt li hija ntbagħtet [lil Guardian], li għaldaqstant setgħ[et] [tippreżenta] l-osservazzjonijiet tagħh[a] dwar is-suġġett waqt is-seduta, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-dokument inkwistjoni huwa ammissibbli”.

36      Minn dan jirriżulta li peress li dan l-aggravju ma huwiex fondat, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

37      Guardian issostni li, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Hija rrifjutat li taċċetta li, fil-kalkolu tal-multa, il-bejgħ intern għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fuq l-istess bażi bħall-bejgħ lil terzi.

38      Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva ġurisprudenza stabbilita u prassi deċiżjonali stabbilita, li r-ratio tagħhom huwa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn l-impriżi li huma integrati vertikalment u dawk li ma humiex. Tali ugwaljanza fit-trattament hija imposta fuq il-Kummissjoni kemm mil-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171) kif ukoll mil-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)( a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”).

39      Guardian tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma tatx ir-raġunijiet li għalihom hija tbiegħdet minn din il-ġurisprudenza stabbilita. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha biex tafferma, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li “l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv ma ġietx stabbilita [ħlief] għall-bejgħ lil klijenti indipendenti”.

40      Barra l-fatt li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kliem tal-premessa 377 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-affermazzjoni hija irrilevanti. Ma huwiex ta’ importanza jekk l-akkordju kienx ikopri wkoll il-bejgħ intern. Fil-fatt, skont Guardian, il-punt kruċjali huwa li impriża integrata vertikalment tista’ tikseb vantaġġ kompetittiv kemm mill-bejgħ tal-prodotti msemmija fl-akkordju kif ukoll mill-bejgħ tal-prodotti li jifformaw parti minnhom (input). Skont Guardian, fil-passat il-Kummissjoni qatt ma tat prova tal-eżistenza ta’ tali vantaġġ u l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-fatt li jiġi eskluż il-bejgħ intern iwassal “neċessarjament” sabiex jiġu vvantaġġati l-produtturi integrati vertikalment (sentenza KNP BT vs Il‑Kummissjoni, C‑248/98 P, EU:C:2000:625, punt 62). Madankollu, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma ġiex stabbilit li l-impriżi integrati vertikalment kisbu tali vantaġġ kompetittiv mill-ksur.

41      Peress li Guardian kienet l-unika impriża li pparteċipat fil-ksur li ma kinitx integrata vertikalment, hija tqis li l-uniku mezz li tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament jikkonsisti fit-tnaqqis b’37 % tal-ammont tal-multa imposta fuqha, peress li din il-perċentwali tikkorrispondi għall-proporzjon tal-bejgħ intern fir-rigward tal-volum kollu ta’ dak magħmul fis-suq rilevanti.

42      Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju ma huwiex fondat.

43      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat id-deċiżjoni kkontestata u lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-ksur huwa relatat biss mal-bejgħ lil terzi indipendenti. Hija għaldaqstant tqis li dan il-bejgħ biss jista’ jservi ta’ bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-multa.

44      It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjoni li tgħid li l-ġurisprudenza timponilha tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ intern meta tikkalkola l-multi. Din l-allegazzjoni hija bbażata fuq l-idea li l-produtturi integrati vertikalment jiksbu neċessarjament vantaġġ kompetittiv fis-swieq downstream minn dak tal-akkordju. Din l-idea hija żbaljata, għaliex l-eżistenza ta’ vantaġġ kompetittiv miksub mill‑eżerċizzju ta’ akkordju upstream tiddependi minn numru ta’ fatturi u għandha tiġi evalwata każ b’każ.

45      F’kull każ, il-ġurisprudenza ma tipprojbixxix u lanqas ma teħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ intern (sentenzi KNP BT vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2000:625, punt 62; Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punti 102 u 103; Europa Carton vs Il‑Kummissjoni, T‑304/94, EU:T:1998:89, punt 123; KNP BT vs Il‑Kummissjoni, T‑309/94, EU:T:1998:91, punt 112; Lögstör Rör vs Il‑Kummissjoni, T‑16/99, EU:T:2002:72, punt 358; Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T-87/03 u T‑91/03, EU:T:2005:220, punt 260; Daiichi Pharmaceutical vs Il‑Kummissjoni, T‑26/02, EU:T:2006:75, punti 57, 63 u 64, kif ukoll BST vs Il‑Kummissjoni, T‑452/05, EU:T:2010:167, punt 82).

46      Il-Kummissjoni tindika li, bħala prinċipju, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ intern jekk hija jkollha biżżejjed indizji sabiex tiġġustifika l-konklużjoni li nkiseb vantaġġ kompetittiv jew meta l-akkordju jirrigwarda espressament il-bejgħ intern [Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 8761 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2010, fil-Każ COMP/39.309 — LCD]

47      Madankollu, hemm każijiet li fihom hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-bejgħ intern [ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2009) 7601 finali, tas-7 ta’ Ottubru 2009, fil-Każ COMP/39.129 — Suq tat-transformers tal-elettriku, u C(2011) 7436 finali, tad-19 ta’ Ottubru 2011, fil-Każ COMP/39.605 — Ħġieġ għat-Tubi tar-Raġġi Katodiċi].

48      Min-naħa l-oħra, meta, bħal f’din it-tilwima, xejn ma jindika b’ċertezza li l-akkordju kien jirrigwarda wkoll il-bejgħ intern jew li l-parteċipanti attivi downstream kisbu vantaġġ indirett, il-Kummissjoni tqis li hija ma tistax tkun legalment marbuta tieħu l-bejgħ intern inkunsiderazzjoni. Il-fatt li dan l-obbligu jiġi impost fuq din l-istituzzjoni jillimita s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha fil-qasam tal-multi u jista’ jwassal għal żieda sostanzjali fl-ammont tal-multi mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li l-akkordju effettivament jeżerċita influwenza fuq il-bejgħ intern jew downstream. Tali obbligu jista’ jwassal għal diskriminazzjoni bejn id-diversi parteċipanti fi ksur sempliċement minħabba l-forma ta’ struttura ta’ impriża tagħhom.

49      Skont il-Kummissjoni, ma hemmx lok li jitqies li hija għandha dejjem teżamina jekk il-bejgħ intern huwiex marbut ma’ ksur, sakemm hija tadotta approċċ koerenti fir-rigward tal-impriżi kollha implikati fl-istess ksur.

50      It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li Guardian bl-ebda mod ma kienet is-suġġett ta’ diskriminazzjoni. Għaldaqstant, hija tqis li din l-impriża ma għandha ebda dritt għal tnaqqis fl-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Il-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ intern seta’ wassal għal multi ogħla għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju ma jistax jiġġustifika tnaqqis tal‑multa imposta fuq Guardian. L-ammont ta’ din il-multa huwa adegwat, proporzjonat u konformi mal-Linji gwida tal-2006. Dan jirrifletti l-piż ekonomiku ta’ din l-impriża fil-ksur. Sabiex jiġi żgurat effett dissważiv tal-multa, il-Kummissjoni tfakkar li hija żiedet l-ammont tal-multa imposta fuq Saint-Gobain bi 30 % sabiex jiġi rifless aħjar il-fatt li din kienet produttriċi integrata vertikalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit mill-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara b’mod partikolari s-sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi li, għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li qiegħda tipparteċipa fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tagħha magħmul matul is-sena kummerċjali preċedenti”.

53      Il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ speċifiku u fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha waqt il-perijodu li fih twettaq il-ksur (sentenza Britannia Alloys & Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑76/06 P, EU:C:2007:326, point 25).

54      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa possibbli, bil-għan li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs tagħha u tas-setgħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti ta’ dan id-dħul mill-bejgħ li toriġina mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant hija tali li tagħti indikazzjoni tad-daqs tiegħu (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il‑Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, EU:C:1983:158, punt 121; Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 243, kif ukoll Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2006:328, punt 100).

55      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni, dan madankollu jillimita l-eżerċizzju tagħha billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li għandhom jiġu segwiti minnha. Għalhekk, minn naħa, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat ukoll permezz tar-regoli ta’ etika li l-Kummissjoni imponiet fuqha nnifisha, b’mod partikolari fil-Linji gwida tal-2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 58).

56      Skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, “[b]i l-għan li jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, magħmul mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn l-istess Linji gwida jippreċiżaw, fil-punt 6 tagħhom, li “[t]-teħid inkunsiderazzjoni flimkien tal-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur u tat-tul [tiegħu] huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

57      Minn dan jirriżulta li l-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 huwa intiż sabiex jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih. Għaldaqstant, għalkemm il-kunċett ta’ valur tal-bejgħ imsemmi f’dan il-punt 13 ma jistax, ċertament, jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkontestat, ikun madankollu kuntrarju għall-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni jekk dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala li jkopri biss id-dħul mill-bejgħ magħmul bil-bejgħ biss li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li dan kien ġie realment affettwat minn dan l-akkordju (sentenza Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76).

58      Tali limitazzjoni jkollha, barra minn hekk, l-effett li tnaqqas b’mod artifiċjali l-importanza ekonomika tal-ksur imwettaq minn impriża partikolari, peress li l-fatt waħdu li nstab numru limitat ta’ provi diretti ta’ bejgħ li effettivament sar permezz tal-akkordju jwassal għall-impożizzjoni ta’ multa mingħajr relazzjoni reali mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju inkwistjoni. Tali premju għas-sigriet jippreġudika wkoll l-għan ta’ investigazzjoni u ta’ sanzjoni effikaċja tal-ksur tal-Artikolu 81 KE u, għaldaqstant, ma jistax jiġi ammess (sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni, EU:C:2013:464, punt 77).

59      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li l-parti tad-dħul mill-bejgħ globali li ġej mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur. Għalhekk ma hemmx lok li ssir distinzjoni minn fost dan il-bejgħ skont jekk dan sarx ma’ terzi indipendenti jew ma’ entitajiet li jappartjenu lill-istess impriża. Il-fatt li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ li jaqa’ taħt din l-aħħar kategorija jwassal inevitabbilment għal vantaġġ, mingħajr ġustifikazzjoni, għall-kumpanniji integrati vertikalment peress li jippermettilhom li jaħarbu minn sanzjoni proporzjonata għall-importanza tagħhom fuq is-suq tal-prodotti li jagħmel parti mill-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni, EU:C:2000:625, punt 62).

60      Fil-fatt, minbarra l-benefiċċju li jista’ jinkiseb minn ftehim ta’ ffissar orizzontali tal-prezzijiet meta jsir bejgħ lil terzi indipendenti, l-impriżi integrati vertikalment jistgħu wkoll jibbenefikaw minn tali ftehim fuq is-suq downstream ta’ prodotti pproċessati li huma magħmula, inter alia, mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur, u dan jiġri abbażi ta’ żewġ raġunijiet differenti. Jew dawn l-impriżi jgħaddu ż-żidiet fil-prezz tal-input li jirriżultaw minħabba l-ksur fuq il-prezz tal-prodotti pproċessati, jew inkella dawn ma jgħadduhomx, fatt li jagħtihom vantaġġ fl-ispiża meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom li jiksbu dan l-istess input fuq is-suq tal-prodotti li huwa s-suġġett tal-ksur.

61      Din hija r-raġuni għalfejn, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punti 28 sa 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qrati tal-Unjoni minn dejjem ċaħdu t-talbiet li permezz tagħhom il-produtturi integrati vertikalment fittxew li jiksbu l-esklużjoni tal-bejgħ intern tagħhom mid-dħul mill-bejgħ użat bħala bażi għall-kalkolu tal-multa tagħhom (sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni, EU:C:2000:625, punt 62; ara wkoll is-sentenzi Europa Carton vs Il-Kummissjoni, EU:T:1998:89, punt 128; KNP BT vs Il-Kummissjoni, EU:T:1998:91, punt 112; Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, EU:T:2002:72, punti 360 sa 363, kif ukoll Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, EU:T:2005:220, punt 260).

62      Finalment, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-istess ksur tal-Artikolu 81 KE (ara s-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58).

63      Kif tfakkar fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-parti tad-dħul mill-bejgħ globali li ġej mill-bejgħ ta’ prodotti li huma s-suġġett tal-ksur, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn il-bejgħ intern u dak li jsir ma’ terzi indipendenti. Minn dan isegwi li, għall-istabbiliment ta’ dan id-dħul mill-bejgħ, l-impriżi integrati vertikalment huma f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-produtturi li ma humiex integrati vertikalment. Dawn iż-żewġ tipi ta’ impriżi għandhom għaldaqstant jiġu trattati b’mod ugwali. L-esklużjoni tal-bejgħ intern mid-dħul mill-bejgħ rilevanti jibbenefika lill-ewwel tip ta’ impriża billi tnaqqas il-piż rilevanti tiegħu fil-ksur bi ħsara lill-oħrajn, u dan abbażi ta’ kriterju li ma għandux relazzjoni mal-għan imfittex fl-istabbiliment ta’ dan id-dħul mill-bejgħ jiġifieri dak li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż rilevanti ta’ kull waħda mill-impriżi li kienu ħadu sehem fih.

64      F’dan il-każ, fil-punti 104 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet hekk:

“104      F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim antikompetittivi jirrigwardaw il-bejgħ ta’ ħġieġ ċatt lil klijenti indipendenti (premessa 377 tad-deċiżjoni [kkontestata]) u għaldaqstant dan il-bejgħ sabiex jiġi kkalkulat l-ammont bażiku tal-multi (premessa 41, tabella Nru 1, u premessa 470 tad-deċiżjoni [kkontestata]). Il-Kummissjoni, għaldaqstant, eskludiet mill-kalkolu tal-multa l-bejgħ ta’ ħġieġ ċatt iddestinat li jiġi ttrasformat minn qsim tal-impriża jew minn kumpannija tal-istess grupp. Peress li l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv ma ġietx stabbilita għall-bejgħ lil klijenti indipendenti, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eskludiet mill-kalkolu tal-multa l-bejgħ intern tal-membri tal-akkordju vertikalment integrati. Barra minn hekk, ma jistax isir ilment lill-Kummissjoni ma mmotivatx l-esklużjoni tal-imsemmi bejgħ mill-kalkolu tal-multa.

105      Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni, ma ġiex stabbilit li l-membri tal-akkordju vertikalment integrati li jipprovdu l-prodotti kkonċernati lid-diviżjonijiet tal-istess impriża jew lil kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ impriżi jkunu bbenefikaw indirettament miż-żieda fil-prezz miftiehma lanqas li ż-żieda tal-prezzijiet fis-suq upstream tiġi tradotta f’vantaġġ kompetittiv fis-suq downstream għall-ipproċessar ta’ ħġieġ ċatt.

106      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument li skontu l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni billi teskludi l-bejgħ intern mill-kalkolu tal-multa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenza [...] BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, [EU:T:1998:93], punt 309 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’din il-kawża, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-arranġamenti antikompetittivi koprew biss il-prezz ta’ ħġieġ ċatt mitlub lill-klijenti indipendenti, l-esklużjoni tal-bejgħ intern mill-kalkolu tal-ammont tal-multa fil-każ ta’ membri tal-akkordju vertikalment integrati wassalha biss sabiex tittratta sitwazzjonijiet oġġettivament differenti b’mod differenti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”.

65      Meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipji ġurisprudenzjali mfakkra fil-punti 52 sa 62 ta’ din is-sentenza.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv invokat minn Guardian insostenn tal-appell tagħha, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandu jintlaqa’, u dan mingħajr il-ħtieġa li tittieħed deċiżjoni fuq dan l-istess motiv sa fejn jirrigwarda l-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Konsegwentement, għandu jintlaqa’ l-appell u għandha tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa u sa fejn tikkundanna lil Guardian għall-ispejjeż.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

67      B’konformità mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba din hija fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi fuq l-appell.

68      Huwa xieraq madankollu li jiġi ppreċiżat l-iskop tal-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti Ġenerali, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 28 sa 93 tas-sentenza appellata, ċaħdet it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Minħabba l-fatt li Guardian ma kkontestatx dawn l-evalwazzjonijiet fil-kuntest tal-appell tagħha, dawn saru definittivi. Hija għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-kawża sa fejn din tirrigwarda biss l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa invokat insostenn tat-talbiet intiżi għat-tnaqqis tagħha.

69      It-tieni motiv imqajjem minn Guardian fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa huwa intiż li jagħmel tajjeb għall-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mill-esklużjoni mill-bejgħ intern mill-kalkolu ta’ din il-multa. Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 51 sa 65 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, meta eskludiet dan il-bejgħ, kissret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li mill-punt 41 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li, fost l-erba’ impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, Guardian kellha l-iċken sehem mis-suq rilevanti, stmat bejn 10 % u 20 %. Dak ta’ Saint-Gobain, li kien bejn 20 u 30 %, kien l-ikbar sehem. Min-naħa l-oħra, fl-istadju tad-deċiżjoni kkontestata, dan l-ordni ġie maqlub, fejn Saint-Gobain kellha l-iżgħar sehem mis-suq, jiġifieri bejn 10 % u 20 % u Guardian l-ikbar sehem, jiġifieri 25 %, mingħajr madankollu ma ngħatat spjegazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar ir-raġunijiet għal emenda daqstant importanti tal-bażi tal-kalkolu tal-multa. L-esklużjoni tal-bejgħ intern għaldaqstant waslet għat-tnaqqis fil-piż ta’ Saint-Gobain u għaż-żieda korrispettiva ta’ Guardian fir-rigward tal-ksur.

71      F’dan ir-rigward, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-ammont tal-multa imposta fuq Saint-Gobain kienet żdiedet bi 30 % sabiex jirrifletti aħjar il-fatt li kienet produttur integrat vertikalment ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, skont il-premessa 519 tad-deċiżjoni kkontestata, iż-żieda inkwistjoni kienet imposta fuq Saint-Gobain sabiex tattribwixxi lill-multa natura suffiċjentement dissważiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-“preżenza ikbar tagħha fis-settur tal-ħġieġ” u [ta]d-“dħul mill-bejgħ tagħha” [li], f’termini assoluti, huwa ħafna ikbar minn dawk tal-oħrajn”.

72      It-tieni motiv imqajjem minn Guardian quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha mill-Kummissjoni għandu għalhekk jiġi ddikjarat fondat.

73      Għaldaqstant, għandha tingħata deċiżjoni, b’applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni sħiħa rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, dwar l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq Guardian (sentenzi Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 79, u Alliance One International vs Il-Kummissjoni, C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punt 104).

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi li, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul ta’ żmien ta’ dan il-ksur. Barra minn hekk, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) jirriżulta li, għal kull impriża parteċipanti fil-ksur, il-multa ma għandhiex teċċedi 10 % mid-dħul mill-bejgħ totali magħmul matul is-sena kummerċjali preċedenti.

75      Għalkemm hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-kwistjoni, li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-kawża u t-tip ta’ ksur inkwistjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ma jistax iwassal, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti, għal diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew prattika miftiehma li tmur kontra l-Artikolu 81(1) KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, EU:C:2012:778, punt 80).

76      Fir-rigward tat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, il-partijiet jikkontestaw kemm il-prinċipju tat-tnaqqis kif ukoll il-kwantifikazzjoni eventwali tiegħu.

77      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ intern kien iwassal għal multi iktar għolja għall-parteċipanti l-oħra fl-akkordju ma kienx jippermetti t-tnaqqis tal-multa imposta fuq Guardian, fatt li din tal-aħħar tikkontesta.

78      F’dan ir-rigward, biżżejjed li jiġi nnotat li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, hija tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tnaqqas jew iżżid il-multa (ara s-sentenzi Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 61, kif ukoll Otis et, EU:C:2012:684, punt 62). Din il-ġurisdizzjoni hija eżerċitata b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni msemmi iktar ʼil fuq għandu jiġi miċħud.

79      Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux fir-rigward tar-rata tat-tnaqqis li għandha tiġi applikata għall-multa sabiex tikkumpensa l-inugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mill-esklużjoni tal-bejgħ intern mill-kalkolu tal-ammont tal-multa. Guardian tqis, meta tqabbel id-data li tissemma fid-deċiżjoni kkontestata ma’ dik fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li huwa xieraq li dan l-ammont jitnaqqas b’37 %. Il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Frar 2012, tqis li t-tnaqqis ma jistax ikun ta’ iktar minn 30 %. Hija tosserva li d-data li fuqha Guardian tibbaża l-kalkolu tagħha tinkludi l-bejgħ ta’ ċerti tipi ta’ ħġieġ li huma inklużi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iżda mhux fid-deċiżjoni kkontestata.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt inkwistjoni, l-ammont tal-multa imposta fuq Guardian fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jitnaqqas bi 30 % u jiġi ffissat għall-EUR 103 600 000.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

82      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

83      Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu kap wieħed jew iktar rispettivament, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

84      Peress li l-appell ta’ Guardian intlaqa’ parzjalment, huwa xieraq li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, in-nofs tal-ispejjeż ta’ Guardian fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri. Guardian għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ dawn il-proċeduri.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (T‑82/08, EU:T:2012:494), hija annullata sa fejn din ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni sa fejn jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl in solidum u sa fejn tikkundanna lil dawn tal-aħħar għall-ispejjeż.

2)      L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5791 finali, tat-28 ta’ Novembru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [81 KE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39165 — Ħġieġ ċatt), huwa annullat sa fejn dan jiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl in solidum għal EUR 148 000 000.

3)      L-ammont tal-multa imposta fuq Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl in solidum minħabba l-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni huwa ffissat għal EUR 103 600 000.

4)      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, nofs l-ispejjeż ta’ Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri.

6)      Guardian Industries Corp. u Guardian Europe Sàrl għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-imsemmija proċeduri.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.