Language of document : ECLI:EU:C:2006:177

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta' Marzu 2006 (*)

"Politika Soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema – Direttiva 93/104/KE – dritt għal leave annwali mħallas– Inklużjoni tar-remunerazzjoni tal-leave annwali fis-salarju ta' kull siegħa jew ta' kull ġurnata (‘rolled-up holiday pay’)"

Fil-kawżi magħquda C-131/04 u C-257/04,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Employment Tribunal, Leeds (ir-Renju Unit) (C-131/04), u mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) (C‑257/04), permezz ta' deċiżjonijiet tad-9 ta' Marzu u tal-15 ta' Ġunju 2004 li waslu lill-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fil-11 ta' Marzu u fis-16 ta' Ġunju 2004, , fil-kawżi

C. D. Robinson-Steele (C-131/04)

vs

R. D. Retail Services Ltd,

Michael Jason Clarke (C-257/04)

vs

Frank Staddon Ltd

u

J. C. Caulfield,

C. F. Caulfield,

K. V. Barnes

vs

Hanson Clay Products Ltd, li qabel kienet Marshalls Clay Products Ltd,

IL-QORTI TAL-Ġustizzja (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric (Relatur), K. Lenaerts u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal R. D. Retail Services Ltd, minn J. Eady, solicitor,

–       għal M. Clarke, J. C. Caulfield, C. F. Caulfield u K. V. Barnes, minn A. Hogarth, QC,

–       għal Hanson Clay Products Ltd, li qabel kienet Marshalls Clay Products Ltd minn J. Eady, solicitor,

–       għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq minn R. Caudwell u C. White, bħala aġenti, assistiti minn T. Linden, barrister,

–       għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Hyland, de N. Travers, BL,

–       għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M.‑J. Jonczy u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta' Novembru 1993, dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18, iktar il-quddiem id-"direttiva").

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' rikors relatat mal-ħlas tal-leave annwali taħt il-forma ta' inklużjoni tar-remunerazzjoni ta' dan fis-salarju ta' kull siegħa jew ta' kull ġurnata, skema imsejħa "rolled-up holiday pay".

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3        Id-direttiva kienet ġiet adottata abbażi ta' l-Artikolu 118 A tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 136KE sa 143KE). Skond l-Artikolu 1(1) tagħha, id-direttiva tiffissa rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

4       It-Taqsima II tad-direttiva tipprevedi l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu ta' serħan fil-ġurnata, serħan ta' kull ġimgħa, kif ukoll leave annwali mħallas. Hija tirregola ukoll il-ħin tal-pawżi u l-ħin massimu ta' xogħol ta' kull ġimgħa.

5       F'dak li jikkonċerna l-leave annwali l-Artikolu 7 tad-direttiva jipprovdi li:

"1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal leave annwali mħallas għall-anqas għal erba' ġimgħat bi qbil mal-kundizzjonijiet tal-intitolament għal, u l-għotja ta', dan il-leave stipulat mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika.

2.      Il-perijodu minimu tal-leave annwali mħallas ma' jistax ikun mibdul b'benefiċċju in lieu, sakemm ir-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx terminata"

6       Skond l-Artikolu 15 tad-direttiva:

"Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrativi aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew li jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema."

7       L-Artikolu 17 tad-direttiva jipprovdi l-possibbiltà ta' deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn diversi dispożizzjonijiet tagħha mingħajr madankollu ma jsemmi l-Artikolu 7 ta' din l-istess direttiva.

8       L-Artikolu 18 (3) tad-direttiva jipprovdi:

"Bla ħsara għad-drittijiet tal-Istati Membri li jiżviluppaw, minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi, dispożizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, sakemm il-ħtiġijiet minimi li għalihom tipprovdi din id-Direttiva huma mħarsa, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandhiex tikkostitwixxi raġunijiet validi biex jitnaqqas il-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lil ħaddiema."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9       Ir-regolament ta' l-1998 dwar il-ħin tax-xogħol (Working Time Regulations 1998, S.I. 1998, Nru 1833, iktar 'il quddiem ir-"regolament ta' l-1998"), adottat sabiex tiġi trasposta d-direttiva fis-sistema ġuridika nazzjonali tar-Renju Unit daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru 1998.

10     L-Artikolu 13 tar-regolament ta' l-1998 intitolat "Dritt għal leave annwali" jipprovdi:

"1.      […] ħaddiem għandu d-dritt għall-erba' ġimgħat ta' leave annwali f' kull sena ta' leave.

[…]

9.      Il-leave anwali li għalih għandu dritt il-ħaddiem skond dan l-Artikolu jista' jiġi maqsum, iżda:

a)      jista' jittieħed biss matul is-sena li fiha huwa mogħti , u

b)      ma jistax jiġi mibdul b'benefiċċju in lieu, ħlief fil-każ li r-relazzjoni tax-xogħol tiġi tterminata.

[…]"

11     L-artikolu 16 ta' l-imsemmi regolament intitolat "Ħlas fir-rigward tal-perjiodi ta' leave", jipprovdi:

"1.      Ħaddiem għandu d-dritt li jitħallas fir-rigward ta' kull perijodu ta' leave annwali li huwa għandu dritt għalih b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 13, bir-rata li tikkorrispondi għas-salarju ta' ġimgħa għal kull ġimgħa ta' leave.

[...]

4.      Dritt għal ħlas taħt il-paragrafu (1) bl-ebda mod ma jeffettwa d-dritt tal-ħaddiem għar-remunerazzjoni prevista fil-kuntratt tiegħu (‘remunerazzjoni kuntrattwali’).

5.      Kull remunerazzjoni kuntrattwali mħallsa lil ħaddiem fir-rigward ta' perijodu ta' leave teħles lil min iħaddem mill-obbligu li huwa għandu li jirremunera lill-ħaddiem għal dan il-perijodu b'applikazzjoni ta' dan l-Artikolu , u bil-maqlub, kull remunerazzjoni mħallsa b'applikazzjoni ta' dan l-Artikolu fir-rigward ta' perijodu ta' leave, teħles lil min iħaddem minn kull obbligu li huwa għandu li jħallas ir-remunerazzjoni kuntrattwali fir-rigward ta' dan il-perijodu."

12     L-Artikolu 30 tar-regolament ta' 1998 intitolat "Rimedji", jipprovdi li ħaddiem jista' jressaq ilment quddiem Employment Tribunal, meta min jimpjegah ikun irrifjuta, inter alia, li jippermettilu jeżerċita d-dritt tiegħu li jieħu l-leave skond l-Artikolu 13 [l-Artikolu 30(1) (a)] jew ma ħallsux l-ammont kollu dovut lilu jew parti minnu skond l-Artikolu 16(1) [l-Artikolu 30(1)(b)]. F'dan ir-rigward l-Artikolu 30 (3) sa (5) tar-regolament ta' l-1998 jipprovdi:

"3.      Jekk Employment Tribunal jiddeċiedi li lment taħt il-paragrafu (1)(a) huwa fondat,

a)      huwa għandu jagħmel dikjarazzjoni f'dak is-sens, u

b)      huwa jista' jordna li jingħata kumpens lill-impjegat minn min iħaddem.

4.      It-Tribunal għandu jiffissa l-ammont tal-kumpens fuq livell li huwa jikkunsidra ġust u ekwu fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha u b'mod partikulari:

a)      tan-nuqqas li min iħaddem ikun ikkommetta billi rrifjuta li jippermetti lill-ħaddiem jeżerċita d-dritt tiegħu, u

b)      ta' kull telf subit mill-impjegat, li huwa imputabbli għall-fatti li fir-rigward tagħhom sar l-ilment.

5.      Meta Employment Tribunal li quddiemu jkun tressaq l-ilment skond il-paragrafu (1)(b), jikkonstata li min iħaddem naqas milli jħallas lill-ħaddiem skond […] l-Artikolu 16(1), huwa għandu jordna lil min iħaddem iħallas lill-ħaddiem l-ammont li huwa jikkunsidra li huwa dovut."

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-kawża C-131/04

13     C. D. Robinson-Steele kien ħadem għal R. D. Retail Services Ltd (iktar 'il quddiem "Retail Services") bejn id-19 ta' April 2002 u d-19 ta' Diċembru 2003. Retail Services tipprovdi s-servizzi tal-persunal tagħha lil impriżi kbar fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut. Il-ħaddiema jwettqu servizzi ta' installazzjoni fil-ħwienet u mili ta' xkafef.

14     C. D. Robinson-Steele kien jaħdem jew f' xiftijiet ta' filgħodu ta' 12 –il siegħa kull wieħed għal perijodu ta' ħamest ijiem jew xiftijiet ta' bil-lejl ta' tnax -il siegħa wkoll għal erbat ijiem, b'mod kontinwu matul l-imsemmi perijodu ta' impjieg, bl-eċċezzjoni ta' ġimgħa leave fil-Milied ta' l-2002, li ma ġietx irremunerata separatament.

15     Il-klawżoli tal-kuntratt ta' xogħol tiegħu nbidlu waqt il-perijodu tiegħu ta' impjieg. Mid-29 ta' Ġunju 2003, l-impjieg tiegħu kien irregolat permezz ta' kuntratt intitolat "Kundizzjonijiet Applikabbli għar-Reklutaġġ ta' Ħaddiema Temporanji". Il-klawżola rilevanti ta' dan il-kuntratt tipprovdi li: Id-dritt għal ħlas tal-leave jinkiseb bi proporzjon ma' l-ammont ta' żmien maħdum b'mod kontinwu mill-Ħaddiem Temporanju fuq Xogħol Barra, matul is-sena tal-leave. Il-Ħaddiem Temporanju jaċċetta li l-ħlas li jikkorrispondi għad-dritt tal-leave mħallas għandu jsir fl-istess ħin ta' u flimkien mas-salarju tiegħu ta' kull siegħa, bir-rata ta' 8.33% tas-salarju ta' kull siegħa."

16     Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fuq il-livell matematiku, perċentwali tal-leave mħallsa bit-8.33 % tippermetti li jinkiseb l-ammont eżatt li jikkorrispondi għal ġimgħa ta' remunerazzjoni wara perijodu ta' xogħol kontinwu ta' tliet xhur, skond il-metodu li jalterna x-xiftijiet ta' filgħodu u dawk ta' bil-lejl in kwistjoni.

17     C. D. Robinson-Steele kien jirċievi s-salarju tiegħu kull ġimgħa. Ir-remunerazzjoni tiegħu kienet ġiet iffissata għal 6.25 GBP għal kull siegħa għax-xift ta' filgħodu u għal 7.75 GBP għal kull siegħa għax-xift ta' bil-lelj. Fid-dikjarazzjonijiet tas-salarju tiegħu hemm imsemmi kif ġej: "Ir-rata ta' remunerazzjoni tinkludi l-kumpens li jikkorrispondi għall-ġranet ta' btajjel u ta' mard."

18     Fl-14 ta' Jannar 2004, C. D. Robinson-Steele ressaq quddiem l-Employment Tribunal, Leeds, rikors li fih afferma li huwa kien ħadem għal perijodu ta' 20 xahar ma' Retail Services u li, f'dak li jikkonċerna l-leave annwali mħallas, din ħallsitu biss ir-"rolled-up holiday pay". Dan kien ifisser fil-maġġoranza tal-każijiet li ma kien ittieħed ebda leave, minħabba li dan ma tħallasx immedjatament qabel jew wara jew waqt il-leave.

19     L-Employment Tribunal jispjega li jekk C. D. Robinson-Steele huwa korrett meta jinvoka l-illegalità tal-klawżola "rolled-up holiday pay", il-kontenut tad-deċiżjoni tiegħu jiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk dan il-ksur jammontax għal rifjut minn naħa ta' min iħaddem li jawtorizza lil C. D. Robinson-Steele jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali jew, jekk dan ifissirx li min iħaddem ma ħallasx is-somma kollha jew parti minnha dovuta bħala remunerazzjoni għal-leave annwali.

20     Dan it-tribunal josserva li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati sabiex jiġu implementati l-obbligi li jirriżultaw mid-direttiva ġew interpretati b'mod differenti mill-qrati nazzjonali. L-Employment Appeal Tribunal kien iddeċieda li dispożizzjoni kuntrattwali ta' '"rolled-up leave pay" li tiffissa espressament ammont jew persentaġġ li għandu jiġi miżjud mar-remunerazzjoni ta' bażi mhijiex illegali fir-rigward tad-direttiva u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; deċiżjoni li huwa marbut biha. L-Inner House of the Court of Session (Scotland), fil-kawża MPS Structure LTD vs Munro [(2003), IRLR 350], kienet ta' opinjoni kuntrarja. Skond l-Employment Tribunal, huwa essenzjali li mhux biss jitħallas il-leave annwali imma wkoll li dan isir b'relazzjoni mal-leave li ttieħed. Is-sistema ta' "rolled-up holiday pay" jkollha t-tendenza, bi ksur għall-għanjiet tad-direttiva, li tiddisswadi lilll-ħaddiema milli jieħdu l-leave li kieku kienu jieħdu.

21     Huwa f''dawn iċ-ċirkustanzi li l-Employment Tribunal, Leeds, ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikolu 7 tad-direttiva [...] huwa kompatibbli ma' dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jippermettu li l-ħlas tal-leave annwali jiġi inkluż fis-salarju ta' ħaddiem ta' kull siegħa u jitħallas bħala parti mir-remunerazzjoni għall-ħin tax-xogħol imma ma jitħallasx fir-rigward ta' perijodu ta' leave effettivament meħud mill-ħaddiem?

2)      L-Artikolu 7(2) [...] jipprekludi li qorti nazzjonali tagħti kreditu lil min iħaddem għal dawn il-ħlasijiet meta tipprova tagħti lil min jagħmel it-talba rimedju effettiv, skond is-setgħat mogħtija lilha mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?"

 Il-kawża C-257/04

22     Il-kumpannija Frank Staddon Ltd (iktar 'il quddiem "Frank Staddon") teżerċita l-attività tagħha fl-industrija tal-bini. M. J. Clarke ħadem, għal din l-impriża bħala bennej/ naġġar.

23     Skond il-qorti tar-rinviju, jidher li M. J. Clarke kien ħadem għal Frank Staddon mit-2 ta' April sat-23 ta' Ġunju 2001. Huwa ħareġ fuq leave sa l-24 ta' Lulju 2001 u wara reġa' beda jaħdem ma' l-imsemmija kumpannija. Bejn it-23 ta' Ġunju 2001 u l-24 ta' Lulju 2001 huwa ma ġiex irremunerat.

24     Il-kuntratt ta' M. J. Clarke jipprovdi: "L-ammonti kollha dovuti għal-leave mħallas u għall-ġranet ta' festa mħallsa huma inklużi fis-salarju ta' kull ġurnata". L-istess dokument għandu annotazzjoni bil-miktub li tgħid "Remunerazzjoni" "Bażi 8.689 Leave 0.756 = 85 GBP għal kull ġurnata". Dikjarazzjoni tas-salarju ddatata Awwissu 2001 tindika l-istess kalkolu.

25     Ir-rata ta' 85 GBP għal kull ġurnata tikkonċerna biss il-perijodu li jibda' fl-24 ta' Lulju 2001. Is-salarju ta' kull ġurnata fis-seħħ mit-2 ta' April 2001 kien ta' 80 GBP u għola għal 82.50 GBP f'Ġunju. Jidher li Frank Staddon ma ppreżentatx analiżi statistika ta' l-ammont tar-remunerazzjoni tal-leave inkluż fis-salarju ta' kull ġurnata qabel ix-xahar ta' Awwissu 2001.

26     Permezz ta' rikors ippreżentat quddiem l-Employment Tribunal fl-20 ta' Novembru 2001, M. J. Clarke talab li, Frank Staddon tiġi kkundannata tħallsu l-leave annwali akkumulat matul il-perijodu tat-2 ta' April sas-16 ta' Novembru 2001.

27     Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' April 2002 l-Employment Tribunal ċaħad dan ir-rikors. M. J. Clarke appella minn din id-deċiżjoni quddiem l-Employment Appeal Tribunal li, fil-25 ta' Lulju 2003, essenzjalment ċaħad dan l-appell. Huwa appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).

28     Skond il-Court of Appeal, l-Employment Tribunal osserva li ma kienx hemm kontinwità fil-kuntratt ta' l-appellant minħabba l-perijodu li matulu huwa kien fuq leave, jiġifieri mit-23 ta' Ġunju sa l-24 ta' Lulju 2001. Il-partijiet iffirmaw kuntratt ġdid fl-24 ta' Lulju ta' l-istess sena. Dawn iċ-ċirkustanzi jeffettwaw l-ammont tal-ħlas lura kollu li M. J. Clarke seta' jikseb kieku stabbilixxa li kien hemm ksur tad-direttiva u tar-regolament ta' l-1998, imma ma jeffetwawx il-kwistjoni prinċipali dwar ir-"rolled-up holiday pay".

29     Skond il-Court of Appeal, l-Employment Appeal Tribunal kien ordna r-rinviju tal-kawża quddiem l-Employment Tribunal sabiex jiġi ddeterminat jekk, qabel ix-xahar ta' Awwissu 2001, kienx hemm attribuzzjoni kuntrattwali ta' perċentwali jew ta' parti mis-salarju ta' kull ġurnata għar-remunerazzjoni tal-leave u jekk kienx hemm interruzzjoni fil-perijodu ta' impjieg ta' M. J. Clarke.

30     Il-kumpannija Marshalls Clay Products Ltd (iktar 'il quddiem "Marshalls Clay") kienet teżerċita l-attività tagħha fil-qasam tal-fabbrikazzjoni ta' materjal tat-terrakotta għall-industrija tal-bini. J. C. Caulfield, C. F. Caulfield u K. V. Barnes (iktar 'il quddiem "J. C. Caulfield et") kienu impjegati minn din l-impriża bħala operaturi ġenerali.

31     Fl-1984, Marshalls Clay adottat sistema ta' xogħol b'xift magħruf bħala "continental", li kien iffisser li kull impjegat kien jaħdem erba ġranet umbgħad ikollu erba' ġranet ta' mistrieħ. Matul il-perijodu kkunsidrat il-fabbrika li kienu assenjati lilha J. C. Caulfield et, li kienet tinsab f'Accrington, kienet topera sebat ijiem fil-ġimgħa bl-eċċezzjoni ta' jum il-Milied u l-ġurnata ta' wara.

32     L-impjegati kienu rremunerati biss matul l-erbat ijiem li fihom huma kienu jaħdmu u għaldaqstant ma kienux irremunerati matul l-erbat ijiem li fihom huma ma kienux jaħdmu.

33     Ftehim kollettiv lokali ffirmat fid-9 ta' Lulju 1984, wara laqgħa bejn Marshalls Clay u l-Union GMB, u inkluż fil-kuntratt ta' kull wieħed mill-impjegati jipprovdi:

"3.      LEAVE

Il-benefiċċji ta' leave mħallas huma inkorporati fis-salarju ta' kull siegħa u għaldaqstant ma jakkumulawx ruħhom. Il-leave jittieħed matul il-perijodi ta' mistrieħ previsti mis-sistema ta' rotazzjoni. Sabiex ikun jistgħu jiġu rranġati perijodi ta' leave mtawwla, kull impjegat għandu d-dritt għal:

żewġ perijodi ta' leave ta' tmien ġranet konsekuttivi

u perijodu ta' leave ta' sittax -il ġurnata konsekuttiva.

Dawn il-perijodi huma s-suġġett ta' ftehim lokali (Dan ifisser li, meta grupp ikun fuq leave għall-perijodu ta' tmint ijiem jew ta' sittax -il ġurnata konsekuttiva, il-grupp l-ieħor ikun qed jaħdem.)"

34     Barra minn hekk dan il-ftehim kollettiv jistipola :

"Attwalment il-ħaddiema ta' Accrington jibbenefikaw minn 31 ġurnata ta' leave mħallsa fis- sena (għal 29 ġurnata ta' leave). Dan jirrapreżenta 13.36 % mill-ġranet l-oħra tax-xogħol (232). Is-salarju ta' kull siegħa jinkludi, sa 13.36 %, ir-remunerazzjoni tal-leave."

35     Is-salarju ta' kull siegħa japplika wkoll għas-siegħat supplementari b'mod li meta l-impjegati jaħdmu siegħat supplementari huma jirċievu, abbażi ta' dawn is-siegħat li huma wkoll is-suġġett ta' l-imsemmi ftehim kollettiv, żieda ta' 30% ta' 50% jew ta' 100 % tas-salarju bażiku u tar-remunerazzjoni tal-leave.

36     Skond l-Employment Appeal Tribunal, taħt din is-sistema kuntrattwali l-impjegati jistgħu jieħdu, mingħajr mhuma obbligati jagħmlu dan, żewġ perijodi ta' leave ta' tmien ġranet konsekuttivi jew perijodu ta' sittax il-ġurnata konsekuttiva, imma dan biss billi jiġbru flimkien il-ġranet ta' leave tagħhom u, fil-kuntest ta' serje ta' skambji li fir-rigward tagħhom jintlaħaq fehim bejn il-persuni kkonċernati, billi jaħdmu sabiex jissostitwixxu lill-ħaddiema l-oħra.

37     Kull wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali Caulfield et ħa xi vaganzi f'Ġunju 2001. It-tul ta' dan il-leave kien ivarja, sa sittax il-ġurnata. Dawn ir-rikorrenti ħadu wkoll ġranet ta' mistrieħ. Skond il-ftehim tax-xogħol bix-xift fis-seħħ f' Marshalls Clay, J. C. Caulfield et kienu miktuba fuq l-skeda tax-xogħol sabiex jaħdmu 182 ġurnata fis-sena. Skond id-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv dwar ir-remunerazzjoni tal-leave, 13.36 % tas-salarju ta' l-applellanti jikkorrispondi għal-leave mħallas. Fi kliem ieħor għal 182 ġurnata ta' xogħol fis-sena, kull appellant kien jirċevi remunerazzjoni għal 24.32 ġurnata leave: mis-7.515 GBP imħallsa għal kull siegħa xogħol, 6.629 GBP kienu jikkorrispondu għall-ħin effettivament maħdum u 88.6 pence għaż-żieda bħala ħlas tal-leave.

38     Permezz ta' rikorsi ddatati t-3 ta' Settembru 2001 J. C. Caulfield et ressqu proċedimenti quddiem l-Employment Tribunal, Manchester, sabiex Marshalls Clay tiġi kkundannata tħallashom individwalment il-leave annwali relatat mal-perijodu ta' bejn l-1 ta' Ottubru 1998 u t-3 ta' Settembru 2001.

39     Permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Diċembru 2002 dan it-Tribunal laqgħa t-talbiet ta' J. C. Caulfield et u ordna li l-ammont tal-kumpens li għandu jingħatalhom jiġi ddeterminat f'data ulterjuri.

40     Marshalls Clay ressqet appell quddiem l-Employment Appeal Tribunal. Dan laqgħa l-appel. Għaldaqstant, J. C. Caulfield et ressqu appell quddiem il-Court of Appeal.

41     Quddiem din il-qorti, J.C. Caulfield et invokaw li l-ftehim kuntrattwali konklużi f'din il-kawża jikkostitwixxu ksur manifestat tad-direttiva, minħabba li ma jippermettux li jittieħed ebda leave annwali. Ħaddiem li matul is-sena, jagħmel użu mid-dispożizzjoni tal-kuntratt li tipprovdi għal perijodu ta' leave mtawwal ta' tmint ijiem jew ta' sittax -il ġurnata, jaħdem daqs - u mhux ġurnata anqas minn - kollega tiegħu li ma jieħux tali leave u li jsegwi, tul is-sena kollha, is-sistema ta' erbat ijiem xogħol u erbat ijiem mistrieħ. Ġurnata tista' tiġi kkunsidrata bħala ġurnata leave biss jekk din tkun ġurnata li matluha l-persuna kkonċernata tkun normalment qed taħdem.

42     Il-Court of Appeal tqis li d-dispożizzjonijet ta' "rolled-up holiday pay" huma minn naħa l-bogħod milli jkollhom l-effet ta' regola li tiskoraggixxi totalment il-ħaddiema milli jieħdu l-leave. Min-naħa l-oħra, mhemm l-ebda raġuni għalfejn il-ħaddiema m'għandhomx jirrnexxilhom, bħala regola ġenerali, jimmaniġġaw b'mod għaqli r-remunerazzjoni, bħala leave anwali, inkluża fis-salarju tagħhom . Wieħed ma jistax ġustamenet jissuponi jew jikkonkludi li l-ħaddiema ma jistgħux verament jippjanaw il-vaganzi tagħhom kif jixtiequ fil-kuntest ta' l-arranġamenti ta' ħlas bħal dawk ta' din il-kawża.

43     Barra min hekk din il-qorti tosserva li l-ftehim tar-"rolled-up holiday pay" in kwistjoni kienu s-suġġett ta' negozjati kompluti u korretti bejn l-impjegati u t-trade unions, li wasslu għal ftehim kollettiv. Dan il-fatt ixaqqleb il-bilanċ favur il-leġalità tagħhom.

44     Il-Court of Appeal hija tal-fehma li l-kuntratti in kwistjoni fil-kawżi pendenti quddiema (soġġetti għar-rinviju tal-kawża Clarke quddiem l-Employment Tribunal) mhumiex inkompatibbli la mad-direttiva u lanqas mar-regolament ta' l-1998.

45     F'dawn iċ-ċirkustanzi l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) ddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Ftehim li jorbot kuntrattwalment lil min iħaddem u lil ħaddiem, u li jipprovdi li parti speċifika mis-salarju mħallas lill-ħaddiem tirrappreżenta r-remunerazzjoni tal-leave tal-ħaddiem (ftehim magħruf bħala ‘rolled-up holiday pay’), jimplika ksur tad-dritt tal-ħaddiem li jiġi rremunerat għal-leave annwali tiegħu, kif ipprovdut fl-Artikolu 7 tad-direttiva [...] dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol?

2)      It-tweġiba għall-ewwel domanda tkun differenti jekk ir-remunerazzjoni tal-ħaddiem kienet l-istess qabel u wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim vincolanti in kwistjoni u jekk, konsegwentement, il-ftehim ma kellux bħala effett li jipprovdi remunerazzjoni supplementari, iżda iktar li jalloka parti mis-salarju dovut lill-ħaddiem għar-remunerazzjoni tal-leave?

3)      Fil-każ li t-tweġiba għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, hemm ksur tad-dritt għal leave annwali mħallas kif ipprovdut fl-Artikolu 7 [tad-direttiva] jekk dan il-ħlas jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex jitħallas mill-allokazzjoni mogħtija bi drit li jirriżulta mid-direttiva

4)      L-osservanza ta' l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-direttiva [...] li jiġi żgurat li kull ħaddiem jibbenefika minn leave annwali mħallas għall-inqas għal erba' ġimgħat, timplika li l-ħlas lill-ħaddiem isir fil-perijodu tas-salarju li matulu huwa jieħu l-leave annwali tiegħu, jew huwa biżżejjed, sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta' l-Artikolu 7, illi l-imsemmija ħlas isir matul is-sena kollha bħala ħlasijiet regolari?"

46     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Settembru 2004, il-preżenti kawżi ġew magħquda .

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda fil-kawża C-257/04

47     Permezz tat-tieni domanda, li jaqbel li tiġi eżaminata l-ewwel, il-Court of Appeal tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 jipprekludix li minn naħa parti mis-salarju mħallas lill-ħaddiem għax-xogħol imwettaq tiġi allokata għall-ħlas tal-leave annwali mingħar ma l-ħaddiem jirċievi, għal dan il-għan, ħlas ieħor barra dak imħallas għax-xogħol imwettaq.

48     F'dan ir-rigward hemm lok li jiġi mfakkar li d-dritt għal leave annwali mħallas ta' kull ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali komunitarju, ta' importanza partikulari, li ma tistax issir deroga minnu u li implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha issir biss fil-limiti espresament stipulati fid-direttiva stess (ara s-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, Ġabra.p. I‑4881, punt 43).

49     Il-ħlas tal-leave pprovdut fl-Artikolu 7(1) tad-direttiva huwa intiż sabiex jippermetti lill-ħaddiem jieħu effettivament il-leave li għalih huwa għandu d-dritt.

50     Il-frażi "leave annwali mħallas" li tinsab f'din id-dispożizzjoni tfisser li, tul il-perijodu ta' leave annwali skond id-direttiva, ir-remunerazzjoni għandha tibqa' titħallas. Fi kliem ieħor il-ħaddiem jgħandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta' mistrieħ.

51     F'dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li ftehim li bih l-ammont imħallas lill-ħaddiem bħala, minn naħa, remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, u min-naħa l-oħra, ħlas parzjali tal-leave minimu annwali, ikun identiku għall-ammont imħallas, qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim, bħala l-unika remunerazzjoni mħallsa għax-xogħol imwettaq, jrendi bla effett, permezz ta' tnaqqis mill-ammont ta' din ir-remunerazzjoni, id-dritt tal-ħaddiem għal leave annwali mħallas kif ipprovdut fl-Artikolu 7 tad-direttiva. Tali riżultat imur kontra dak li hemm stipulat fl-Artikolu 18(3) tad-direttiva.

52     Konsegwentement jaqbel li t-tweġiba għat-tieni domanda magħmula fil-kawża C-257/04 tkun li l-Artikolu 7(1) tad-direttiva jipprekludi li parti mis-salarju mħallas lill-ħaddiem għax-xogħol imwettaq tiġi allokata għall-ħlas tal-leave annwali, mingħajr ma l-ħaddiem jirċievi, għal dan il-għan, ħlas ieħor barra dak imħallas għax-xogħol imwettaq. Ma tistax, permezz ta' kuntratt, issir deroga minn dan id-dritt.

 Fuq l-ewwel domanda f'kull waħda mill-kawżi C-131/04 u C‑257/04 kif ukoll fuq ir-raba domanda fil-kawża C-257/04

53     Permezz ta' dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu, jekk l-Artikolu 7 tad-direttiva jipprekludix li l-ħlas tal-leave minimu annwali skond din id-dispożizzjoni jkun is-suġġett ta' ħlasijiet parzjali mifruxa fuq il-perijodu annwali ta' xogħol korrispondenti u mħallsa mar-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, u mhux ta' ħlas għal perijodu speċifiku li matulu l-ħaddiem effettivament jieħu l-leave.

54     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tad-direttiva ma tiffissa espressament il-mument li fih il-ħlas tal-leave annwali għandu jsir.

55     Skond l-Artikolu 7(1) tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal leave annwali mħallas għall-anqas għal erba' ġimgħat bi qbil mal-kundizzjonijiet tal-intitolament għal, u l-għotja ta', dan il-leave stipulat mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika.

56     L-iffissar tal-mument li fih għandu jsir il-ħlas tal-leave annwali jaqa' taħt dawn il-kundizzjonijiet.

57     F'dan ir-rigward l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni nazzjonali jieħdu in konsiderazzjoni l-limiti li jirriżultaw mill-istess direttiva.

58     Id-direttiva titratta d-dritt għal leave annwali u d-dritt li jinkiseb ħlas f'dan ir-rigward bħala li jikkostitwixxu ż-żewġ naħat ta' dritt wieħed. L-għan tan-neċessità li dan il-leave jiġi mħallas huwa li, jpoġġi lill-ħaddiem, matul dan il-leave, f'sitwazzjoni li hija, f'dak li jikkonċerna s-salarju, paragunabbli mal-perijodi ta' xogħol.

59     Konsegwentement bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli taħt l-Artikolu 15 tad-direttiva, il-mument li fih isir il-ħlas tal-leave annwali għandu jiġi ffisat b'mod li, matul dan il-leave, il-ħaddiem huwa, fir-rigward tas-salarju, mqiegħed f'sitwazzjoni paragunabbli mal-perijodi ta' xogħol.

60     Barra minn hekk għandu jiġi kkunsidrat li, skond l-Artikolu 7(2) tad-direttiva, il-perijodu minimu tal-leave annwali mħallas ma' jistax ikun mibdul b'benefiċċju in lieu, sakemm ir-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx terminata. Din il-projbizzjoni hija intiża sabiex tiżgura li l-ħaddiem ikun jista' normalment jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bil-għan li titħares b'mod effettiv is-sigurtà u s-saħħa tiegħu (ara f'dan ir-rigward, is-sentenzi BECTU, iċċitata iktar 'il fuq, punt 44, u tat-18 ta' Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01, Ġabra. p. I-2605, punt 30).

61     Issa, sistema bħal dik koperta mid-domandi in kwistjoni tqiegħed f'riskju li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn, mingħajr ma l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 7(2) tad-direttiva jkunu sodisfatti, il-perijodu minimu ta' leave annwali mħallas, ikun sostitwit b'benefiċċju in lieu.

62     Jaqbel li jingħad ukoll li l-Artikolu 7 tad-direttiva ma jidhirx fost dawk id-dispożizzjonijiet li minnhom hija espressament tippermetti li ssir deroga (ara s-sentenza BECTU, iċċitata iktar il-fuq, punt 41). Għaldaqstant mhuwiex rilevanti jekk tali sistema ta' ħlas tal-leave annwali hijiex ibbażata jew le fuq ftheim kuntrattwali.

63     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu li t-tweġiba għall-ewwel domanda magħmula f'kull waħda mill-kawżi C‑131/04 u C-257/04 kif ukoll għar-raba' domanda magħmula fil-kawża C-257/04 għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-direttiva jipprekludi li l-ħlas tal-leave minimu annwali skond din id-dispożizzjoni jkun is-suġġett ta' ħlasijiet parzjali mifruxa fuq il-perijodu annwali ta' xogħol korrispondenti u mħallsa mar-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, u mħux ta' ħlas għal perijodu speċifiku li matulu l-ħaddiem effettivament jieħu l-leave.

 Fuq it-tieni domanda fil-kawża C-131/04 u fuq it-tielet domanda fil-kawża C-257/04

64     Permezz ta' dawn id-domandi, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk, l-Artikolu 7 tad-direttiva jipprekludix li ammonti mħallsa lill-ħaddiem għal leave taħt sistema bħal dik deskritta fil-punt preċedenti ta' din is–sentenza jistgħux jitħallsu mill-allokazzjoni tad-dritt għal leave annwali pprovdut f'dan l-Artikolu.

65     B'hekk din id-domanda hija intiża sabiex isir magħruf jekk ħlasijiet għal-leave annwali minimu skond din id-dispożizzjoni diġa mwettqa fil-kuntest ta' tali sistema kuntrarja għad-direttiva jistħgux jitħallsu mill-allokazzjoni tad-dritt għal ħlas ta' perijodu speċifiku li matulu l-ħaddiem effettivament jieħu l-leave.

66     F'din l-ipoteżi, l-Artikolu 7 tad-direttiva ma jipprekludix, bħala prinċipju, li ammonti li jiżdiedu mas-salarju mħallas għax-xogħol imwettaq li ġew imħallsa, b'mod trasparenti u komprensibbli, għall-ħlas tal-leave jitħallsu mill-allokazzjoni tal-ħlas ta' leave speċifiku.

67     Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati jieħdu miżuri adatti sabiex jiżguraw li prattiċi li huma inkompatibbli ma' l-Artikolu 7 tad-direttiva ma jitkomplewx.

68     F'kull każ, fid-dawl tan-natura imperattiva tad-dritt għal leave annwali u sabiex jiġi żgurat l-effett utli ta' l-Artikolu 7 tad-direttiva, tali ħlas mill-allokazzjoni huwa eskluż fil-każ ta' nuqqas ta' trasparenza jew ta' komprensibbiltà. L-oneru tal-prova f'dan ir-rigward jaqa' fuq min iħaddem.

69     Għaldaqstant it-tweġiba għat-tieni domanda magħmula fil-kawża C-131/04 u għat-tielet domanda magħmula fil-kawża C‑257/04 għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-direttiva ma jipprekludix, bħala prinċipju, li ammonti li tħallsu, b'mod trasparenti u komprensibbli, għall-leave minimu annwali skond din id-dispożizzjoni, taħt il- forma ta' ħlasijiet parzjali mifruxa fuq il-perijodu annwali ta' xogħol korrispondenti u mħallsa mar-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq jitħallsu mill-allokazzjoni ta' leave speċifiku effettivament meħud mill-ħaddiem.

 Dwar l-ispejjeż

70     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. .

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikou 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta' Novembru 1993, dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol jipprekludi li parti mis-salarju mħallas lill-ħaddiem għax-xogħol imwettaq tiġi allokata għall-ħlas tal-leave annwali, mingħajr ma l-ħaddiem jirċievi, għal dan il-għan, ħlas ieħor barra dak imħallas għax-xogħol imwettaq. Ma tistax, permezz ta' kuntratt, issir deroga minn dan id-dritt.

2)      L-Artikou 7(1) tad-Direttiva 93/104 jipprekludi li l-ħlas tal-leave minimu annwali skond din id-dispożizzjoni jkun is-suġġett ta' ħlasijiet parzjali mifruxa fuq il-perijodu annwali ta' xogħol korrispondenti u mħallsa mar-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq, u mħux ta' ħlas għal perijodu speċifiku li matulu l-ħaddiem effettivament jieħu l-leave

3)      L-Artikou 7(1) tad-Direttiva 93/104 ma jipprekludix, bħala prinċipju, li ammonti li tħallsu, b'mod trasparenti u komprensibbli, għal-leave minimu annwali skond din id-dispożizzjoni, taħt il- forma ta' ħlasijiet parzjali mifruxa fuq il-perijodu annwali ta' xogħol korrispondenti u mħallsa mar-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq jitħallsu mill-allokazzjoni ta' leave speċifiku effettivament meħud mill-ħaddiem.

Firem



** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.