Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2015 – Cofely Solelec et vs Il-Parlament

(Kawża T-419/15)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Cofely Solelec (Esch-sur-Alzette, il-Lussemburgu), Mannelli & Associés SA (Bertrange, il-Lussemburgu) u Cofely Fabricom (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: S. Marx, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla:

–    d-Deċiżjoni Nru D(2015)24297, bid-data tad-29 ta’ Mejju 2015, tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika tal-Parlament Ewropew li permezz tagħha s-sejħa għal offerti ta’ kuntratt bir-referenza INLO-D-UPIL-T-14-AO4 - lott Nru 75 “elettriku – kurrenti qawwija” dwar il-proġett ta’ estensjoni u ta’ mmodernizzar tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu ġiet annullata;

–    d-Deċiżjoni Nru D(2015)28116, bid-data tal-11 ta’ Ġunju 2015, tad-Direttorat Ġenerali għall-Infrastruttura u l-Loġistika tal-Parlament Ewropew li permezz tagħha s-sejħa għal offerti ta’ kuntratt bir-referenza INLO-D-UPIL- T-14-AO4 - lott Nru 75 “elettriku – kurrenti qawwija” dwar il-proġett ta’ estensjoni u ta’ mmodernizzar tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu ġiet annullata;

–    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ motivazzjoni, sa fejn il-konvenut sempliċement iġġustifika d-deċiżjonijiet ta’ annullament tad-29 ta’ Mejju 2015 u tal-11 ta’ Ġunju 2015 bir-raġuni li l-offerti l-oħra riċevuti, fosthom dik tar-rikorrenti, qabżu sostanzjalment l-istima tal-valur tas-suq li fuqha kienet ibbażat ruħha qabel l-awtorità kontraenti, mingħajr ma speċifika din l-istima fl-imsemmija deċiżjonijiet. Fil-fatt, il-konvenuut indika l-imsemmi ammont stmat biss f’ittra posterjuri tat-18 ta’ Ġunju 2015It-tieni motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-istima tal-valur tas-suq tal-konvenut ma tikkorrispondix mar-realtà tas-suq u hija vvizzjata b’sotto-evalwazzjoni manifesta.

____________