Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal do Trabalho de Lisboa (il-Portugall) fil-5 ta’ Novembru 2013 – Jorge Ítalo Assis dos Santos vs Banco de Portugal

(Kawża C-566/13)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal do Trabalho de Lisboa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Jorge Ítalo Assis dos Santos

Konvenut: Banco de Portugal

Domandi preliminari

L-Artikolu 130 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li timponi lill-bank [ċentrali] ta’ dan l-Istat Membru s-sospensjoni tal-ħlas tal-premji ta’ leave annwali u tal-Milied lill-ħaddiema rtirati ta’ dan il-bank, tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 130 inkwantu din tinvolvi indħil tal-Gvern (iktar preċiżament, tal-amministrazzjoni ċentrali) fis-setgħat deċiżjonali tal-bank [ċentrali], fir-rigward tal-politika tagħha dwar il-persunal, bi ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija u ta’ independenza tal-banek ċentrali?

L-Artikolu 123 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li timponi l-għoti lil organu għall-amministrazzjoni indiretta tal-Istat, dipendenti u taħt it-tmexxija tal-Ministeru tal-Finanzji u li d-dħul u l-ispejjeż tiegħu jinsabu fil-Baġit tal-Istat, tal-ammont tas-sussidji li l-ħlas tagħhom huwa sospiż, tmur kontra l-Artikolu 123 inkwantu din tikser il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-finanzjament tal-Istati mill-banek ċentrali?Ir-restrizzjoni tas-sospensjoni tal-ħlas tal-premji ta’ leave annwali u tal-Milied lill-ħaddiema rtirati u mhux lill-ħaddiema li għadhom jaħdmu, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilita fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea  ?