Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Ġunju 2010 - Fondation de l'Institut de Recherche Idiap vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-286/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Fondation de l'Institut de Recherche idiap (rappreżentant: G. Chapus-Rapin, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

l-ewwel nett, tagħti effett sospensiv lil dan ir-rikors;

prinċipalment,

-    tiddikjara r-rikors ammissibbli;

-    tilqa' ir-rikors;

konsegwentement,

-    tannulla d-deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2010 mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea;

-    tiddikjara eliġibbli sabiex jibbenifikaw mill-fondi esterni tal-Unjoni Ewropea, l-ispejjeż tar-riċerkaturi ta' IDIAP għall-benefiċċju ta' kuntratt ta' perijodu indeterminat li jaħdmu fuq il-programmi AMIDA, BACS u DIRAC;

-    tordna li l-IDIAP ma għandhiex tħallas lura EUR 98 042,45 lil DIRAC u EUR 251 505,76 lil AMIDA ;

-    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura;

-    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż u d-drittijiet tal-avukat tal-IDIAP;

sussidjarjament,

-    tiddikjara r-rikors ammissibbli;

-    tilqa' ir-rikors;

konsegwentement,

-    tannulla d-deċiżjoni tal-11 ta' Mejju 2010 mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea;

-    tordna verifika ġdida tal-IDIAP mill-Kummissjoni Ewropea u tordnaha sabiex tafdaha lil istituzzjoni oħra barra Treureva ;

-    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha tal-proċedura;

-    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż u d-drittijiet tal-avukat tal-IDIAP.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ibbażat fuq klawżola ta' arbitraġġ, ir-rikorrenti titlob essenzjalment lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonstata l-eġibbiltà tal-ispejjeż imħallsa mir-riċerkaturi li jibbenifikaw minn kuntratti ta' xogħol għal perijodu indeterminat fil-kuntest tal-kuntratti AMIDA, BACS u DIRAC li jaqgħu taħt il-kuntest ta' programmi speċifiċi ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni intitolati "L-Integrazzjoni u t-tisħiħ tal-Qasam Ewropew tar-Riċerka (2002-2006)" u "Teknoloġiji tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (2000-2006)".

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:

l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-kuntratti AMIDA, BACS u DIRAC, li tipprovdi li l-ispejjeż għall-kuntratti ta' xogħol għal perijodu indeterminat tar-riċerkaturi huma spejjeż ta' funzjonament ordinarju mhux eliġibbli u ma humiex spejjeż addizzjonali marbuta mal-proġetti, hija arbitrarja jew tal-inqas mhux fondata, sa fejn:

-    il-mudell tal-kuntratt bażiku tal-kuntratti AMIDA, BACS u DIRAC ma jeskludix mill-ispejjeż eliġibbli l-kuntratti ta' xogħol għal perijodu indeterminat;

-    ir-rabta bejn il-kuntratti ta' xogħol tar-riċerkaturi u l-proġetti AMIDA, BACS u DIRAC hija msemmija espressament fil-kuntratti ta' xogħol;

-    il-kuntratti ta' xogħol tar-riċerkaturi jeżistu biss għall-proġetti, peress li r-rikorrenti ma għandhiex fondi proprji sabiex tħallas riċerkaturi ħlief għall-proġetti;

-    l-aħjar mezz sabiex jiġi żgurat li r-riċerkaturi jistgħu jiġu rrilaxxati fit-tmiem ta' proġett huwa l-kuntratt ta' perijodu indeterminat, peress li dan jista' taħt id-dritt Svizzeru (post tal-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrenti) jitħassar f'kwalunkwe mument mingħajr ġustifikazzjoni permezz perijodu qasir ta' avviż formali ta' tmiem ta' impjieg;

l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija kuntrarja għall-prinċipji ta' bona fide u tal-aspettativi leġittimi, peress li din l-interpretazzjoni ġiet emendata progressivament;

sussidjarjament, il-proċedura ta' verifika li hija s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn difetti rriperabbli li għandhom iwasslu għall-annullament tagħha.

____________